19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/669

tat-18 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE fir-rigward tal-inkarigar tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks bl-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi l-Fond għall-Innovazzjoni biex jappoġġa l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u l-proċessi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u biex jistimula l-kostruzzjoni/ħolqien u t-tħaddim ta’ proġetti li għandhom bħala għan il-ġbir u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, b’mod ambjentalment sikur, kif ukoll it-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin tal-enerġija.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 16(1) tal-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 (3), il-Fond għall-Innovazzjoni jrid jiġi implimentat b’ġestjoni diretta jew b’ġestjoni indiretta. L-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament jiddikjara li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taħtar korp ta’ implimentazzjoni biex iwettaq ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni, u fil-każ ta’ ġestjoni diretta, dawk il-kompiti jridu jiġu delegati lil aġenzija eżekuttiva.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE (4) stabbiliet l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (“l-Aġenzija”) u fdatha bil-ġestjoni ta’ ċerti partijiet tal-programmi tal-Unjoni, li jinkludu l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-programm Orizzont 2020 fil-qasam tal-enerġija.

(4)

L-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li d-delegar tal-ġestjoni ta’ partijiet mill-Fond għall-Innovazzjoni lill-Aġenzija jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi tal-Fond għall-Innovazzjoni b’mod aktar effiċjenti. L-inkarigar tal-Aġenzija bl-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-Fond għall-Innovazzjoni jirriżulta f’iffrankar tal-kostijiet ta’ madwar EUR 30,5 miljun matul il-perjodu 2020-2030 meta mqabbel mal-kost tal-ġestjoni interna, iżid l-effiċjenza u l-flessibbiltà fil-ġestjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, jipprovdi sinerġiji sinifikanti bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u programmi oħra tal-Unjoni ġestiti mill-Aġenzija u jżid il-prossimità għall-benefiċjarji kif ukoll il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni.

(5)

Huwa xieraq għalhekk li l-Aġenzija tiġi fdata bil-ġestjoni u bl-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-Fond ta’ Innovazzjoni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti b’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’dan, l-Aġenzija qed tiġi inkarigata l-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programmi tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

(b)

il-Parti III Sfidi Soċjetali tal-Programm Speċifiku Orizzont 2020;

(c)

il-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE tat-23 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 65).