|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2156 |
27.10.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2156
tal-24 ta’ Ottubru 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-elenkar tal-portijiet f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/897 (2) approva l-elenku inizjali tal-portijiet li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga mill-marġini ta’ tolleranza fl-istima tal-qabdiet għall-ħatt l-art mhux magħżul jew għat-trażbordi ta’ sajd pelaġiku żgħir, sajd industrijali u sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 (3), Spanja ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tinkludi żewġ portijiet li jinsabu fit-territorju tagħha, jiġifieri l-portijiet ta’ Santa Eugenia de Ribeira u La Puebla del Caramiñal fl-elenku tal-portijiet approvati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897. |
|
(3) |
Abbażi tal-informazzjoni u tal-evidenza mressqa minn Spanja fl-applikazzjoni tagħha u wara valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474, il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għal kull port propost li għandu jiġi elenkat ġew issodisfati. |
|
(4) |
Skont l-informazzjoni mressqa minn Spanja il-portijiet ta’ Santa Eugenia de Ribeira u La Puebla del Caramiñal jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 għall-elenkar tal-portijiet fl-Unjoni. B’mod partikolari, il-portijiet huma mgħammra b’imwieżen tat-tagħbija, u hemm stabbiliti sistemi b’tagħmir biex jiġi żgurat l-użin akkurat tal-qabdiet kollha koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474. |
|
(5) |
B’mod speċifiku, għalkemm il-portijiet mhumiex mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM) b’televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV) kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474, hemm fis-seħħ proċeduri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-akkuratezza tal-proċess tal-użin għal kull ħatt l-art u trażbord tal-qabdiet koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li jipprovdu livell ta’ akkuratezza u affidabbiltà ekwivalenti għal dak ta’ sistema REM. |
|
(6) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata, jenħtieġ li l-portijiet proposti minn Spanja biex jiġu elenkati, jiġu approvati u jiddaħħlu fil-lista tal-portijiet imsemmija fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/897 tal-15 ta’ Mejju 2025 li japprova l-elenkar tal-portijiet f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 (ĠU L, 2025/897, 16.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/897/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 tal-24 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fl-estimi tal-qabdiet għall-kwantitajiet mhux magħżula, żbarkati u trażbordati mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża (ĠU L, 2024/1474, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1474/oj).
ANNESS
Fl-Anness, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ portijiet approvati skont il-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474:
|
“Isem tal-port elenkat |
Post |
L-Unjoni / Pajjiż terz |
Stat Membru applikant |
|
Santa Eugenia de Ribeira (ESSNI) |
Spanja |
Unjoni |
Spanja |
|
La Puebla del Caramiñal (ESLPC) |
Spanja |
Unjoni |
Spanja” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2156/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)