|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/857 |
12.5.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
tal-1 ta’ April 2025
dwar ir-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti [2025/857]
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
Wara li kkunsidrat l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regoli tal-Proċedura, u b’mod partikolari l-Artikolu 80a tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-punti 66, 88 u 89 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Peress li d-dritt tal-Unjoni jkopri oqsma dejjem iktar differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi adita b’numru dejjem jikber ta’ kawżi u qed tintalab tadotta deċiżjonijiet li spiss ikollhom impatt konkret fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiġi promoss fehim aħjar tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-attività tagħha u li jiġi żgurat aċċess usa’ kemm għall-motivi, għall-argumenti u għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet waqt is-seduti għas-sottomissjonijiet orali kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali u s-sentenzi mogħtija mill-qorti. |
|
(2) |
Filwaqt li l-attendenza għas-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi, bla dubju, mezz ideali sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-parteċipazzjoni fiżika f’tali seduti mhux dejjem tkun possibbli, minħabba l-ivvjaġġar involut jew għal raġunijiet oħra marbuta, b’mod partikolari, mas-sitwazzjoni personali, ekonomika jew finanzjarja tal-persuni kkonċernati. Huwa għalhekk xieraq li jiġu sfruttati l-possibilitajiet offruti mit-teknoloġija u li jiġi previst ix-xandir ta’ ċerti seduti fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Minħabba n-natura partikolari tal-funzjoni ġudizzjarja u, b’mod partikolari, tal-ħtieġa li tiġi żgurata trattazzjoni kalma matul is-seduti għas-sottomissjonijiet orali, għandha ssir distinzjoni bejn dawn l-aħħar seduti u s-seduti għall-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jew għall-għoti tas-sentenzi. |
|
(4) |
Huwa xieraq ukoll li jiġu speċifikati, minn naħa, in-natura u l-modalitajiet tax-xandira mwettqa, filwaqt li jitqiesu debitament ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet għall-użu tar-reġistrazzjonijiet bil-video tas-seduti, marbuta mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 80a(5) sa (7) tar-Regoli tal-Proċedura, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Portata ta’ din id-deċiżjoni
1. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni jimplimentaw l-Artikolu 80a tar-Regoli tal-Proċedura.
2. Din id-deċiżjoni tapplika għax-xandir tas-seduti ta’ għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għal dawk tas-seduti ta’ preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali. Hija tapplika wkoll għax-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 80a tar-Regoli tal-Proċedura jkunu ssodisfatti.
Artikolu 2
Xandir tas-seduti ta’ għoti tas-sentenzi u ta’ preżentazzjoni tal-konklużjonijiet
1. Ix-xandir tal-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali isir b’mod dirett fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istituzzjoni”), fil-jum iffissat għal dan l-għoti jew għal din il-preżentazzjoni.
2. Din ix-xandira ssir bil-lingwa użata mill-kelliem għall-għoti tas-sentenza jew għall-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet u, skont il-każ, fil-lingwa jew fil-lingwi l-oħra disponibbli matul is-seduta kkonċernata.
3. Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix mod ieħor, ir-reġistrazzjoni tas-seduti għall-għoti tas-sentenzi jew għall-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tibqa’ disponibbli fis-sit Internet tal-Istituzzjoni.
4. Din ir-reġistrazzjoni tinżamm mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ arkivju u ta’ komunikazzjoni.
Artikolu 3
Xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali
1. Is-seduti għas-sottomissjonijiet orali li jkunu s-suġġett ta’ xandira jixxandru fis-sit Internet tal-Istituzzjoni f’ħin iddifferit.
2. Ix-xandira ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali ssir bil-lingwa tal-kawża kif ukoll bil-lingwi kollha li għalihom tkun prevista interpretazzjoni simultanja.
3. Bla ħsara għall-Artikolu 80a(6) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-reġistrazzjoni tal-video tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali li jkunu s-suġġett ta’ xandira tibqa’ disponibbli fis-sit Internet tal-Istituzzjoni għal perijodu ta’ xahar mill-għeluq tas-seduta. Wara dan it-terminu, din ir-reġistrazzjoni ma tibqax disponibbli fuq dan is-sit u tinżamm mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ arkivju.
4. Jekk parti jew persuna kkonċernata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut iqisu li r-reġistrazzjoni tal-video ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali li fiha jkunu pparteċipaw għandha titneħħa mis-sit Internet iċċitat iktar ’il fuq, huma għandhom jinformaw lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli filwaqt li jispjegaw iċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw din it-tneħħija. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din it-talba, ir-reġistrazzjoni kkonċernata titneħħa mis-sit fl-iqsar żmien. Fil-każ li ċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tipproċedi ex officio għal tali tneħħija.
Artikolu 4
Modalitajiet ta’ xandir tas-seduti
1. Ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ix-xandir tas-seduti kkonċernati minn din id-deċiżjoni jkun xandira sħiħa.
2. Il-partijiet, il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jew kwalunkwe persuna oħra li jieħdu sehem f’seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun is-suġġett ta’ xandira jiġu debitament informati b’din ix-xandira u bil-miżuri meħuda, fl-awla, sabiex jiġi mminimizzat il-ġbir ta’ immaġini u ta’ data personali. Ċerti siġġijiet, debitament identifikati, jiġu għalhekk esklużi mill-kamp viżiv tal-kameras.
Artikolu 5
Natura tax-xandira u kundizzjonijiet għall-użu tar-reġistrazzjoni tal-video tas-seduti
1. Ix-xandira ta’ seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sit Internet tal-Istituzzjoni ma tikkostitwixxi, fl-ebda każ, reġistrazzjoni awtentika, rapport uffiċjali jew proċess verbali tas-seduta.
2. L-interpretazzjoni simultanja tat-trattazzjoni matul seduta għas-sottomissjonijiet orali, disponibbli skont il-ħtiġijiet, hija intiża li tiffaċilita l-komunikazzjoni matul tali seduta u ma tikkostitwixxix rapport uffiċjali tat-trattazzjoni. Huwa biss dak li jintqal fl-awla li huwa awtentiku.
3. Id-drittijiet kollha ta’ riproduzzjoni ta’ reġistrazzjonijiet bil-video li jsiru disponibbli fis-sit tal-Istituzzjoni huma rriżervati. Għalhekk huwa pprojbit li tiġi rreġistrata, maħżuna jew imniżżla seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun is-suġġett ta’ xandira fis-sit tal-Istituzzjoni, fi kwalunkwe forma, kollha kemm hi jew parzjalment, kemm jekk immaġini jew awdjo, inkluż l-awdjo tad-diversi stazzjonijiet ta’ interpretazzjoni. Huwa pprojbit ukoll ix-xandir mill-ġdid ta’ seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe forma tkun xi tkun, kollha kemm hi, jew parzjalment.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta’ April 2025.
Ir-Reġistratur
A. CALOT ESCOBAR
Il-President
K. LENAERTS
ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2025/857/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)