IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.6.2025
COM(2025) 351 final
2025/0189(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 12524/21 INIT; ST 12524/21 ADD 1) tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja
2025/0189 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 12524/21 INIT; ST 12524/21 ADD 1) tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u b’mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Wara li l-Finlandja ppreżentat il-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”, recovery and resilience plan) tagħha fis-27 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill jagħtih valutazzjoni pożittiva. Il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021. Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet emendata fl-14 ta’ Marzu 2023, fit-8 ta’ Diċembru 2023 u fis-16 ta’ Lulju 2024.
(2)Fit-30 ta’ April 2025, il-Finlandja għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex tiġi emendata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, il-Finlandja ppreżentat RRP emendat.
Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241
(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati mill-Finlandja minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw ħames miżuri.
(4)Il-Finlandja spjegat li l-mira 102 taħt il-miżura P3C3I1 (il-pakkett ta’ finanzjament tar-RŻI li jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika - Kumpaniji ewlenin) taħt il-komponent P3C3 (RŻI, infrastruttura tar-riċerka u pilotaġġ) parzjalment ma għadhiex tista’ tinkiseb minħabba dewmien fil-proċeduri tal-akkwist minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u r-rati tal-imgħax ogħla relatati. Abbażi ta’ dan, il-Finlandja talbet li testendi l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni tal-mira 102, kif ukoll li temenda d-deskrizzjoni tal-miżuri korrispondenti. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 tiġi emendata skont dan.
(5)Il-Finlandja spjegat li l-istadju importanti 15 taħt il-miżura P1C2R2 (Promozzjoni strateġika tal-ekonomija ċirkolari u r-riforma tal-Att dwar l-Iskart) taħt il-komponent P1C2 (Riformi industrijali u investimenti b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali) parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb, minħabba dewmien fl-ipproċessar tal-proposti ta’ impenn u n-natura volontarja tal-impenji. Abbażi ta’ dan, il-Finlandja talbet li testendi l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni tal-istadju importanti kif ukoll li tiġi emendata d-deskrizzjoni tal-miżura. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 tiġi emendata skont dan.
(6)Il-Finlandja spjegat li l-miżura P2C2I3 (L-aċċellerazzjoni tat-teknoloġiji ewlenin (il-mikroelettronika, il-6G, l-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku) taħt il-komponent P2C2 (L-aċċellerazzjoni tal-ekonomija tad-data u d-diġitalizzazzjoni) parzjalment ma għadhiex tista’ tinkiseb, minħabba domanda tas-suq aktar baxxa għall-proġetti tal-6G, tal-IA u tal-computing kwantistiku milli kien previst inizjalment, ikkumpensata minn domanda tas-suq ogħla milli mistenni għal proġetti tal-mikroelettronika. Abbażi ta’ dan, il-Finlandja talbet li tgħaqqad il-miri 65 u 67, filwaqt li ma tnaqqasx l-ambizzjoni tal-miżura. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 tiġi emendata skont dan.
(7)Il-Finlandja spjegat li żewġ miżuri ġew emendati biex tiġi implimentata alternattiva aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tal-miżura. Dan jikkonċerna l-mira 8 taħt il-miżura P1C1I2 (Investimenti f’teknoloġiji ġodda tal-enerġija) taħt il-komponent P1C1 (Trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija) u l-miżura P5C1I1 (Investimenti għal tranżizzjoni nadifa) taħt il-komponent P5C1 (REPowerEU). Fuq din il-bażi, il-Finlandja talbet biex jiġu emendati l-miżuri msemmija hawn fuq, inklużi l-istadji importanti u l-miri rilevanti. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 tiġi emendata skont dan.
(8)Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ippreżentati mill-Finlandja jiġġustifikaw l-emenda/i skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.
Distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri
(9)Id-distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri f’pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi modifikata biex tqis l-emendi għall-pjan u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mill-Finlandja.
Korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali
(10)Ġew identifikati erba’ żbalji klerikali fit-test tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, li jaffettwaw stadju importanti wieħed u erba’ miżuri taħt tliet komponenti. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tiġi emendata biex tikkoreġi dawn l-iżbalji klerikali li ma jirriflettux il-kontenut tal-RRP ippreżentat lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Mejju 2021, kif inqabel bejn il-Kummissjoni u l-Finlandja. Dawk l-iżbalji klerikali huma relatati mal-istadju importanti 33 tal-miżura P1C3I2 (Programm għal ambjent mibni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju) taħt il-komponent P1C3 (It-tnaqqis tal-impatti klimatiċi u ambjentali tal-istokk tal-bini) u d-deskrizzjoni tal-miżuri li ġejjin: P1C2I1 (L-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju) taħt il-komponent P1C2 (Riformi industrijali u investimenti b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali), P1C5R1 (Modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura) taħt il-komponent P1C5 (Sostenibbiltà ambjentali u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura), u P2C2R1 (Żvilupp tas-sistema ta’ informazzjoni dwar il-proprjetà residenzjali u kummerċjali) taħt il-komponent P2C2 (Aċċellerazzjoni tal-ekonomija tad-data u d-diġitalizzazzjoni). Dawk il-korrezzjonijiet ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-miżuri kkonċernati.
Valutazzjoni tal-Kummissjoni
(11)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(12)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa mill-Finlandja ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Finlandja rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (c), (d), (da), (db), (e), (f), (g), (h), (i), (j) u (k).
Valutazzjoni pożittiva
(13)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat meta nstab li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont li għandu jsir disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli.
Kontribuzzjoni finanzjarja
(14)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tal-Finlandja huma ta’ EUR 1 949 227 000. Peress li l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Finlandja, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikoli 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 allokata għall-RRP emendat tal-Finlandja jenħtieġ li tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għall-RRP emendat tal-Finlandja. Dan l-ammont huwa ta’ EUR 1 949 059 854. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Finlandja tibqa’ l-istess.
(15)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Finlandja tiġi emendata skont dan. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jiġi sostitwit kompletament,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja hija emendata kif ġej: (1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP
Il-valutazzjoni tal-RRP modifikat tal-Finlandja abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-indikaturi rilevanti relatati mat-twettiq tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tipprovdi aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”;
(2) L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President