|
16.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1362
tat-30 ta’ Ġunju 2021
li tawtorizza lill-Irlanda tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 4736)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 2021/267 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewqan, li, f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-punt 3 (d) tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva, kieku skadew jew kienu waslu biex jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(2) |
B’ittra tas-27 ta’ Mejju 2021, l-Irlanda ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ perjodu speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267. L-Irlanda pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha fl-4 ta’ Ġunju 2021. |
|
(3) |
Permezz tat-talba motivata tagħha, l-Irlanda tixtieq tikseb awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur tal-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267. |
|
(4) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan fl-Irlanda x’aktarx se jibqa’ imprattikabbli lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħadet biex jiġi evitat u jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19. |
|
(5) |
Fost dawn il-miżuri, li skont l-Irlanda wasslu għal akkumulazzjoni ta’ liċenzji għat-tiġdid, l-Irlanda għalqet iċ-ċentri tagħha tas-Servizz Nazzjonali tal-Liċenzji tas-Sewqan (NDLS) mis-27 ta’ Marzu 2020 sat-8 ta’ Ġunju 2020. Sussegwentement kien hemm ftuħ mill-ġdid gradwali, kif ġej: fit-8 ta’ Ġunju 2020 infetħu mill-ġdid 20 ċentru, sitt (6) ċentri oħra nfetħu mill-ġdid fit-22 ta’ Ġunju 2020, filwaqt li t-tmien ċentri li kien jifdal infetħu mill-ġdid fid-29 ta’ Ġunju 2020. Madankollu, wara l-ftuħ mill-ġdid, ir-rekwiżit tat-tbegħid soċjali b’żewġ metri naqqas il-kapaċità taċ-ċentri tal-NDLS kważi b’terz. |
|
(6) |
Barra minn hekk, is-servizz tal-ittestjar tas-sewwieqa ġie ristrett ulterjorment mill-1 ta’ Jannar 2021 sas-17 ta’ Mejju 2021, meta l-ħaddiema essenzjali biss ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw personalment applikazzjonijiet għat-tiġdid jew għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan jew ta’ permess għal min qed jitgħallem isuq fiċ-ċentri tal-NDLS. Dan ifisser li matul dak il-perjodu, koorti ta’ persuni li ma kinux jappartjenu għal dik il-kategorija ma setgħux japplikaw għal liċenzja tas-sewqan jew għal permess għal min qed jitgħallem isuq. |
|
(7) |
Fit-18 ta’ Mejju 2021, iċ-ċentri tal-NDLS reġgħu fetħu għas-sewwieqa kollha. Madankollu, it-talba għal tbegħid soċjali b’żewġ metri tnaqqas b’madwar terz il-kapaċità għat-tiġdid jew għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan jew ta’ permess għal min qed jitgħallem isuq. |
|
(8) |
F’Novembru 2020 l-Awtorità għas-Sikurezza fit-Toroq (RSA), li tipprovdi l-NDLS, introduċiet servizz online imtejjeb biex tippermetti lill-klijenti japplikaw għal liċenzja tas-sewqan online. Għalkemm l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tas-sewqan jistgħu jsiru online, parti kbira mid-detenturi tal-liċenzji tas-sewqan ma għamlux użu mis-sistema online minħabba r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni. Dan jinkludi l-pussess ta’ Karta tas-Servizzi Pubbliċi (PSC), li hija kard maħruġa mill-Gvern għall-awtentikazzjoni tal-identità meta wieħed jaċċessa s-servizzi pubbliċi. Minn Marzu sa Lulju 2020 u minn Jannar sa Mejju 2021, is-servizz tal-ħruġ tal-PSC kien qed jopera b’kapaċità mnaqqsa ħafna, u l-klijenti ma setgħux jiksbu kard. Bħalissa hemm domanda għolja għall-PSCs għall-aċċess għal servizzi oħra tal-Gvern, kif ukoll għal applikazzjonijiet għal-liċenzji tas-sewqan online. Dan se jdewwem il-possibbiltà għal xi klijenti biex japplikaw għal liċenzja tas-sewqan online, u se jkollhom imorru f’ċentru tal-NDLS biex japplikaw personalment. |
|
(9) |
Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, l-ittestjar teoretiku u l-ittestjar għas-sewwieqa, li kienu tnaqqsu, issa qed jerġgħu jsiru disponibbli għall-applikanti kollha. Madankollu, issa hemm akkumulazzjoni sinifikanti ta’ liċenzji b’lura biex jiġu mġedda, wara l-estensjoni prevista fir-Regolament (UE) 2021/267. |
|
(10) |
Iċ-ċentri tal-ittestjar tat-teorija tas-sewwieqa ngħalqu mill-1 ta’ Jannar 2021 sas-7 ta’ Ġunju 2021, u għalhekk l-applikazzjonijiet għall-ewwel permess għal min qed jitgħallem isuq ġew differiti. Bħalissa hemm aktar minn 120 000 klijent li qed jistennew test tat-teorija tas-sewwieq, u madwar 20 000 minnhom se jiġu ttestjati f’Ġunju. L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom fis-seħħ pjanijiet addizzjonali biex iżidu l-kapaċità (meta jippermettu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19) sabiex ikunu jistgħu jitwettqu 50 000 test tat-teorija kull xahar għat-tliet xhur sussegwenti. Matul il-perjodu ta’ qabel il-COVID-19, kien hemm madwar 12 000 appuntament fix-xahar għat-testijiet tat-teorija. Madankollu, l-aspettattivi tal-awtoritajiet Irlandiżi huma li l-kapaċità żejda se twassal ukoll għal volumi addizzjonali sinifikanti ta’ klijenti li japplikaw għall-ewwel permess għal min qed jitgħallem isuq fix-xhur li ġejjin, li jirriżulta f’żieda fid-domanda fiċ-ċentri tal-NDLS. |
|
(11) |
Is-servizz tal-ittestjar għas-sewwieqa kien ristrett għall-ħaddiema essenzjali mill-1 ta’ Jannar 2021 sas-7 ta’ Ġunju 2021 u sa 30 000 klijent ma setgħux jagħmlu t-test tas-sewqan. Issa hemm disponibbli kapaċità tal-ittestjar addizzjonali sinifikanti, li mbagħad se tirriżulta f’domanda addizzjonali għall-NDLS mill-klijenti li jgħaddu mit-testijiet tas-sewqan tagħhom. |
|
(12) |
Minħabba l-miżuri adottati mill-Irlanda, huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin se jkun hemm volumi akbar ta’ applikazzjonijiet għall-ewwel permess minn persuni li jkunu qed jitgħallmu jsuqu. Iċ-ċifri mistennija huma ta’ madwar 42 000 għal kull xahar bejn Lulju 2021 u Settembru 2021, u ta’ 22 000 għal Ottubru 2021, li huma sinifikattivament ogħla meta mqabbel mal-22 600 permess f’Ġunju 2021, u mal-37 896 permessi inizjali għal persuni li jkunu qed jitgħallmu jsuqu li nħarġu, pereżempju, għall-perjodu kollu bejn l-1 ta’ Ġunju 2018 u l-31 ta’ Ottubru 2018. |
|
(13) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, huwa mistenni li meta dawn is-servizzi tal-liċenzji tas-sewqan jerġgħu jibdew, se jkun hemm, l-ewwel nett, żieda fl-għadd ta’ permessi għal min qed jitgħallem isuq li se jkunu jridu jiġu pproċessati, meta persuna tgħaddi minn test teoriku, u t-tieni, żieda fin-numru ta’ liċenzji tas-sewqan li se jkunu jridu jiġu pproċessati, meta persuna tgħaddi minn test tas-sewqan. Id-domanda għall-applikazzjoni hija mistennija tilħaq livelli ta’ 200 % taċ-ċifri normali tal-ipproċessar, u se tkompli tagħfas fuq il-kapaċità tas-servizz tal-liċenzjar. |
|
(14) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, il-previżjonijiet l-aktar reċenti jistmaw għadd ta’ 1,1 miljun applikazzjoni għat-12-il xahar minn Ġunju 2021 sa Mejju 2022. Dan joħloq kuntrast mal-volum normali ta’ applikazzjonijiet ta’ inqas minn 60 000 fix-xahar, jew ta’ ftit aktar minn 700 000 applikazzjoni f’perjodu ta’ tnax-il xahar. Iż-żieda fid-domanda totali fl-2021-2022 kompliet tikber b’mod partikolari fil-perjodu ta’ Ġunju-Ottubru 2021, b’domanda totali fix-xahar mistennija ta’ aktar minn 110 000 f’ħafna minn dawk ix-xhur. Minħabba l-kapaċità mnaqqsa fiċ-ċentri tal-NDLS kkawżata mir-regola tat-tbegħid soċjali ta’ żewġ metri, iċ-ċentri ma jistgħux ilaħħqu mal-volumi normali. |
|
(15) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, ir-raġuni biex tintalab estensjoni għal perjodu ta’ erba’ xhur hija ġġustifikata mill-akkumulazzjoni sinifikanti ħafna ta’ xogħol b’lura fil-kapaċità ta’ tiġdid u ħruġ taċ-ċentri tal-NDLS, kif deskritt hawn fuq. Iċ-ċifri jindikaw li aktar minn 40 % tal-permessi għal min qed jitgħallem isuq kellhom jiġġeddu lejn l-aħħar tal-2020 u fil-bidu tal-2021 ma ġġeddewx. L-aspettattivi tal-awtoritajiet Irlandiżi huma li l-estensjoni mitluba se tnaqqas il-piż fuq is-sistema tal-liċenzjar billi tnaqqas id-domanda b’massimu ta’ 100 000 applikazzjoni matul l-aħħar tliet xhur tal-2021. B’konsegwenza ta’ dan, il-kapaċità ta’ tiġdid u ta’ ħruġ taċ-ċentri tal-NDLS tista’ terġa’ lura għan-normal wara li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. |
|
(16) |
L-estensjoni qed tintalab għal dawk is-sewwieqa li l-liċenzja tagħhom tiskadi bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Ottubru 2021, perjodu li fih hemm domanda għolja fiċ-ċentri tal-NDLS. Il-perjodu limitat ta’ żmien jenħtieġ li ma jżidx riskju sproporzjonat għas-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport. |
|
(17) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Irlanda tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Irlanda hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Adina-Ioana VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).