8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1066


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-4 ta' Awwissu 2006

dwar l-akkwist mill-Komunità ta' tilqim kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer sabiex jiżdiedu l-ħażniet tal-Komunità ta' dan it-tilqim

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3461)

(2006/553/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 8 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni klassiku tal-ħnieżer huwa theddida għal ħnieżer domestiċi u selvaġġi (iċ-ċingjal) fil-Komunità.

(2)

Tifqigħat ta' deni klassiku tal-ħnieżer f'intrapriżi tal-ħnieżer domestiċi jistgħu jwasslu għal telf ekonomiku u għal konsegwenzi serji ħafna fil-Komunità, b'mod partiklari jekk iseħħu f'żoni b'densità għolja ta' ħnieżer.

(3)

Ir-regoli sabiex japplikaw it-tilqim ta' emerġenza ta' ħnieżer domestiċi u slavaġġ u d-definizzjoni ta' tilqima huma stipulati fid-Direttiva 2001/89/KE.

(4)

Il-Komunità diġà għandha 1 000 000 doża maħżuna ta' tilqim ħaj imdgħajjef kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer u qiegħda fil-proċess li tikseb 1 550 000 doża ta' tilqim kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer.

(5)

Tilqima ta' emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer b'tilqima li tiskorri n-numru ta' dożi ta' tilqim li taħżen il-Komunità saret aktar probabbli fid-dawl tal-qagħda fil-Komunità u b'mod speċjali l-qagħda tal-marda fl-Istati li jinsabu fil-proċess li jissieħbu.

(6)

Bl-għan ta' tisħiħ tal-kapaċità tal-Komunità sabiex tirreaġixxi malajr għad-deni klassiku tal-ħnieżer, jeħtieġ li jinkiseb numru adattat ta' dożi ta' tilqim u jeħtieġ li jsiru arranġamenti sabiex jinżammu maħżuna u sabiex ikunu disponibbli malajr f'każ ta' emerġenza.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Komunità se tikseb malajr kemm jista' jkun 7 000 000 doża ta' tilqim kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer.

2.   Il-Komunità se tagħmel arranġamenti għall-ħażna u għad-distribuzzjoni tat-tilqima msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

L-ispiża massima tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 ma għandhiex taqbeż l-EUR 7 500 000.

Artikolu 3

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni bil-kooperazzjoni mal-fornituri li jinħatru permezz ta' sejħa għall-offerti.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-4 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/53/KE (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37).

(2)   ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Direttiva kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.