|
14.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 286/12 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1711
tat-13 ta' Novembru 2018
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 rigward id-data tal-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mogħtija lill-produtturi esportaturi Indjani
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3), 13(4) u 14(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,
Billi:
1. MIŻURI FIS-SEĦĦ
|
(1) |
Fid-9 ta' Awwissu 2011, wara investigazzjoni antidumping, il-Kunsill impona permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 (2), dazju antidumping definittiv ta' 62,9 % fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”). |
|
(2) |
Fl-24 ta' Lulju 2012, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (3) (“ir-Regolament bażiku”), il-Kunsill estenda permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 672/2012 (4), il-miżuri għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Jannar 2013, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill estenda, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 21/2013 (5), il-miżuri għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja u kemm jekk le. |
|
(4) |
Fl-20 ta' Diċembru 2013, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013 (6), estenda l-miżuri għall-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u l-Indoneżja u kemm jekk le u ta eżenzjoni mid-dazju lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd. Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013, id-dazji saru dovuti fuq l-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat (bl-eċċezzjoni ta' dawk prodotti minn Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd) li preċedentement kienu suġġetti għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 322/2013 (7) li fetaħ l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. |
|
(5) |
Fil-21 ta' Jannar 2014, Pyrotek Incorporated, kumpanija mill-Amerika ta' Fuq b'fabbriki jew uffiċċji tal-bejgħ f'diversi pajjiżi, inklużi Stati Membri tal-Unjoni, talbet eżenzjoni mill-miżuri estiżi skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta' Pyrotek India Pvt. Ltd, produttur esportatur mill-Indja. |
|
(6) |
Bi tweġiba għal kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni, Pyrotek India Pvt. Ltd indikat li kienet esportat il-prodott konċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, ħaġa li wasslet għall-estensjoni tal-miżuri lill-Indja jiġifieri mill-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013. Għaldaqstant, Pyrotek India Pvt. Ltd ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri kif estiżi lill-Indja skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(7) |
Fit-23 ta' Settembru 2014, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku. Matul dan ir-rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li Pyrotek India Pvt. Ltd kienet produttur ġenwin ta-prodott konċernat billi kienet bdiet il-produzzjoni tagħha f'Awwissu 2011 u ma kinitx involviet ruħha fil-prattiki ta' ċirkomvenzjoni. |
|
(8) |
Fl-10 ta' Settembru 2015, wara investigazzjoni skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżentat permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1507 (8), lil ċerti produtturi Indjani, inkluża Pyrotek India Pvt. Ltd mill-estensjoni tad-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott konċernat ikkunsinjat mill-Indja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indja kif ukoll jekk le. Konsegwentement, Pyrotek India Pvt. Ltd ingħatat eżenzjoni mill-miżuri estiżi għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn dik id-data. |
|
(9) |
Fis-6 ta' Novembru 2017, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni imponiet permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 (9), dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ kif estiż għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi jew le. |
2. FTUĦ MILL-ĠDID TAL-INVESTIGAZZJONI TA' EŻENZJONI
|
(10) |
Kif stipulat fil-premessa(6) ta' hawn fuq, il-Kummissjoni stabbilixxiet li Pyrotek India Pvt. Ltd kienet produttur ġenwin tal-prodott konċernat billi kienet bdiet il-produzzjoni tagħha f'Awwissu 2011 u ma kinitx involviet ruħha fil-prattiki ta' ċirkomvenzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa' tiftaħ parzjalment l-investigazzjoni ta' eżenzjoni. |
|
(11) |
Fit-18 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni bdiet il-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni ta' eżenzjoni rigward l-importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, mingħajr id-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-RPĊ jew ikkonsenjati mill-Indja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indja kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00. Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10) (“in-Notifika ta' Bidu”). |
|
(12) |
Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li l-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-valutazzjoni ta' jekk ikunx xieraq li jiġi estiż l-ambitu temporali tal-eżenzjoni għall-perjodu bejn il-21 ta' Diċembru 2013 u l-10 ta' Settembru 2015. |
|
(13) |
Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Hija speċifikament informat lil Pyrotek India Pvt. Ltd, lill-industrija tal-Unjoni u lil partijiet interessati oħrajn li kien magħruf li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta' eżenzjoni, u stednithom jipparteċipaw. |
|
(14) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali skont iż-żmien stipulat fin-Notifika ta' Bidu. |
3. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
|
(15) |
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, mingħajr id-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-RPĊ jew ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019510014, 7019590014). |
4. INVESTIGAZZJONI
(a) Kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni
|
(16) |
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni huwa limitat għall-valutazzjoni ta' jekk ikunx xieraq li jiġi estiż l-ambitu temporali tal-eżenzjoni għall-perjodu bejn il-21 ta' Diċembru 2013 u l-10 ta' Settembru 2015. |
(b) Pyrotek India Pvt. Ltd
|
(17) |
Pyrotek India Pvt. Ltd hija sussidjarja Indjana tal-grupp multinazzjonali Pyrotek ibbażat fl-Istati Uniti tal-Amerika. Il-grupp Pyrotek huwa fornitur ta' diversi tipi ta' oġġetti ta' konsum u għodod għall-industrija tal-metall u l-aluminju. |
|
(18) |
L-applikant jipproduċi l-prodott taħt rieżami fl-impjant Indjan tiegħu f'Chennai u jbigħu lill-kumpaniji relatati tiegħu fl-Unjoni. Il-kumpaniji relatati fl-Unjoni fil-maġġoranza tal-każijiet komplew jipproċessaw il-prodott taħt rieżami u jbigħu l-prodott li jirriżulta lill-konsumaturi aħħarin. |
(c) Riżultati tal-investigazzjoni
|
(19) |
Wieħed ifakkar li fir-rieżami interim parzjali aktar kmieni (11), il-Kummissjoni kienet stabbiliet li Pyrotek India Pvt. Ltd hija produttur ġenwin tal-prodott ikkonċernat u li ma kinitx involviet ruħha fil-prattiki ta' ċirkomvenzjoni. |
|
(20) |
Kif stabbilit fil-premessa (6), Pyrotek India Pvt. Ltd kienet esportat il-prodott ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni li wassal biex il-miżuri jiġu estiżi għall-Indja, jiġifieri mill-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013, u kienet ħallset id-dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013. |
|
(21) |
Kif stabbilit fil-premessa (11), fl-10 ta' Settembru 2015, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1507, Pyrotek India Pvt. Ltd kisbet eżenzjoni mill-miżuri estiżi għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni b'seħħ mill-11 ta' Settembru 2015. Madankollu, id-data tal-bidu ta' din l-eżenzjoni ma kinitx tkopri l-perjodu qabel dik id-data, li fih kellhom jitħallsu d-dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta' Pyrotek India Pvt. Ltd lill-Unjoni Ewropea. |
|
(22) |
Il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni mill-ġdid u kkonkludiet li l-esportazzjonijiet ta' Pyrotek India Pvt. Ltd lill-Unjoni matul il-perjodu mill-21 ta' Diċembru 2013 sal-10 ta' Settembru 2015 jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ħlas tad-dazju kontra ċ-ċirkomvenzjoni. |
|
(23) |
L-ebda parti interessata ma ppreżentat ruħha sal-iskadenza stabbilita fin-Notifika ta' Bidu. Lanqas ma kien hemm xi parti interessata li għarrfet l-opinjonijiet tagħha bil-miktub jew talbet seduta mal-Kummissjoni jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li jkun xieraq jekk tingħata eżenzjoni lil Pyrotek India Pvt. Ltd. Din l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għall-perjodu mill-21 ta' Diċembru 2013 sal-10 ta' Settembru 2015 b'konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(25) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013 jiġi emendat biex jiġi ċċarat li l-eżenzjonijiet mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd u lil Pyrotek India Pvt. Ltd ikunu japplikaw it-tnejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013, jiġifieri mill-21 ta' Diċembru 2013, sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1507 fil-11 ta' Settembru 2015. Jenħtieġ li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013 jiġi emendat skont dan. |
|
(26) |
Barra minn hekk, wara l-kummenti ppreżentati minn Pyrotek India Pvt. Ltd wara l-iżvelar, il-Kummissjoni qieset li jkun xieraq li tiċċara li jenħtieġ li kull dazju antidumping imħallas għall-prodott ikkonċernat minn Pyrotek India Pvt. Ltd u importat fl-Unjoni waqt il-perjodu ta' reġistrazzjoni tal-oġġetti stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 322/2013 ikun eliġibbli wkoll għall-applikazzjoni għal remissjoni jew ripagament. |
|
(27) |
Għalhekk, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu msemmi fl-Artikolu 121(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) sal-1 ta' Settembru 2019 sabiex jiġi żgurat li t-taxxa mħallsa indebitament tkun tista' titħallas lura jew tiġi rimessa mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli f'każijiet fejn il-limiti ta' żmien previsti f'dak il-paragrafu ikunu skadew qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
5. PROĊEDURA
|
(28) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1371/2013 jiġi emendat kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 1(2) għandu jinbidel b'dan li ġej: “2. L-applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd u lil Pyrotek India Pvt. Ltd jenħtieġ li tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda fattura tali, għandu jiġi applikat id-dazju antidumping previst fil-paragrafu 1. L-eżenzjonijiet mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd u lil Pyrotek India Pvt. Ltd għandhom japplikaw b'seħħ mill-21 ta' Diċembru 2013.” |
|
(2) |
L-Artikolu 1(4) għandu jinbidel b'dan li ġej: “4. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali. Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 121(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandu jiġi estiż sal-1 ta' Settembru 2019 għall-applikazzjonijiet għal-remissjoni jew ħlas lura ppreżentati minn Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd u Pyrotek India Pvt. Ltd f'konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli sabiex ikopru l-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji antidumping għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu mill-21 ta' Diċembru 2013 sal-10 ta' Settembru 2015 jew matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni impost mill-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 322/2013. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) 2018/825 (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 tat-3 ta' Awwissu 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51), kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1), (sostitwit mir-Regolament (UE) 2016/1036 kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) 2018/825.
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 672/2012 tas-16 ta' Lulju 2012 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013 tal-10 ta' Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, (ĠU L 11, 16.1.2013, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kif ukoll jekk le, (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 20).
(7) Ir- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 322/2013 tad-9 ta' April 2013 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta' evażjoni ta' miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le, u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni (ĠU L 101, 10.4.2013, p. 1).
(8) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1507 tad-9 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet kunsinjati fost l-oħrajn mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kemm jekk le (ĠU L 236, 10.9.2015, p. 1).
(9) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1993 tas-6 ta' Novembru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 288, 7.11.2017, p. 4).
(10) In-Notifika ta' Bidu rigward il-miżuri tal-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għal importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kif ukoll jekk le (ĠU C 171, 18.5.2018, p. 10)
(11) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1507, il-premessi minn (12) sa 16).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).