26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1217

tal-25 ta’ Awwissu 2020

dwar deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 li tikkonċerna l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun, u li jirrevoka d-Deċiżjoni 2002/887/KE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 30(1), 40(1) u 41(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (2), filwaqt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3) issostitwixxa l-Annessi I sa V ta’ dik id-Direttiva.

(2)

L-Artikolu 7 flimkien mal-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jipprojbixxi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., għajr frott u żrieragħ. Preċedentement, il-projbizzjoni rispettiva kienet stabbilita fl-Artikolu 4(1) flimkien mal-punt 1 tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/887/KE (4) awtorizzat lill-Istati Membri jipprevedu derogi mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fir-rigward tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva, għall-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ta’ ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw mill-Ġappun, għajr frott u żrieragħ.

(4)

Fit-3 ta’ Awwissu 2017, il-Ġappun ressaq talba għall-estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni anki għall-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali tal-bonsaj tal-arżnu iswed (Pinus thunbergii Parl.) u pprovda informazzjoni teknika li tappoġġa dik it-talba.

(5)

F’Mejju 2019, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni xjentifika li tevalwa r-riskji għas-saħħa tal-pjanti mill-bonsaj tal-arżnu iswed importat mill-Ġappun (5). Dik l-opinjoni xjentifika kienet ibbażata fuq l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli pprovduta mill-Ġappun, u kkonkludiet dwar il-probabbiltà tal-ħelsien mill-pesti fir-rigward tal-pesti li jistgħu jiġu assoċjati ma’ dik il-komodità, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Uħud mill-pesti kkonċernati għadhom mhumiex elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni iżda jaf jissodisfaw il-kriterji biex jiġu elenkati bħala tali, għalhekk jenħtieġ ikunu soġġetti għall-miżuri provviżorji stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA, il-kundizzjonijiet għall-importazzjoni tal-pjanti tal-bonsaj Pinus thunbergii Parl. mill-Ġappun li jiżguraw ċertu livell ta’ ħelsien mill-pesti, jitqiesu aċċettabbli u jenħtieġ tingħata deroga għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, għal perjodu inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2023, biex tkun tista’ ssir rieżami ta’ dawk il-miżuri.

(7)

F’Ottubru 2019, il-Ġappun ressaq talba wkoll għall-estensjoni tad-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2002/887/KE għal Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L. Iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ din id-deroga skont id-Deċiżjoni 2002/887/KE għadhom japplikaw u r-riskji fitosanitarji mill-introduzzjoni ta’ dawn il-prodotti jibqgħu baxxi. Ma hemm l-ebda informazzjoni ġdida li tagħti lok għal reviżjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi fiha, u għalhekk jenħtieġ tingħata din l-estensjoni tad-deroga. Iżda jenħtieġ tiġi aġġornata l-lista tal-pesti ta’ tħassib għal Pinus sp. biex tkun tkopri l-bidliet riċenti fit-tassonomija u l-informazzjoni xjentifika ġdida fl-opinjoni xjentifika tal-EFSA.

(8)

Dik id-deroga jenħtieġ tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/887/KE. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ japplikaw mingħajr preġudizzju għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u speċjalment għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 30 tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil, għajr żrieragħ.

(9)

Id-Direttiva 2000/29/KE tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/2031, u għalhekk jenħtieġ titħassar id-Deċiżjoni 2002/887/KE u tiġi sostitwita b’dan ir-Regolament għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza legali.

(10)

Id-deroga prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 biex ikun jista’ jsir ir-rieżami tagħha.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “pjanti speċifikati” għandha tfisser pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil tal-ispeċijiet li ġejjin:

—

Chamaecyparis sp. Spach,

—

Juniperus sp. L.,

—

Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr),

—

Pinus thunbergii Parl.,

—

Pinus parviflora Sieb. & Zucc., imlaqqma fuq ir-riżoma ta’ speċijiet oħra ta’ Pinus, li joriġinaw mill-Ġappun, u

—

Pinus thunbergii Parl. imlaqqma fuq ir-riżoma ta’ speċijiet oħra ta’ Pinus, li joriġinaw mill-Ġappun.

Artikolu 2

Deroga mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni

B’deroga mill-Artikolu 7 u l-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni, jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Perjodi ta’ applikazzjoni tad-deroga

Id-deroga prevista fl-Artikolu 2 tapplika għall-pjanti speċifikati importati fl-Unjoni fil-perjodi li ġejjin:

(a)

Chamaecyparis: mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(b)

Juniperus: mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(c)

Pinus L.: mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 4

Tħassir tad-Deċiżjoni 2002/887/KE

Id-Deċiżjoni 2002/887/KE titħassar.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/887/KE tat-8 ta’ Novembru 2002 li tawtorizza derogi minn xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE rigward pjanti li huma mċekkna naturalment jew artifiċjalment ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun (ĠU L 309, 12.11.2002, p. 8).

(5)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2019. Opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità tal-bonsaj tal-arżnu iswed (Pinus thunbergii Parl.) mill-Ġappun. EFSA Journal 2019;17(5):5667, 184 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5667.


ANNESS

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati f’konformità mal-Artikolu 2

1.   

Jekk il-pjanti speċifikati jkunu Pinus parviflora Sieb. & Zucc. jew Pinus thunbergii Parl. imlaqqma fuq ir-riżoma ta’ speċi oħra ta’ Pinus, ir-riżoma ma jkollhiex rimjiet.

2.   

It-total tal-pjanti speċifikati importati ma għandux jaqbeż il-kwantitajiet determinati għal kull sena u notifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-Istat Membru importatur, filwaqt li jitqiesu l-faċilitajiet ta’ konfinament jew l-istazzjonijiet ta’ kwarantina disponibbli.

3.   

Qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni, il-pjanti speċifikati għandhom ikunu tkabbru, nżammu jew ġew ikkultivati għal mill-inqas sentejn konsekuttivi fi mxietel reġistrati uffiċjalment, li huma soġġetti għal reġim tal-kontroll mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“NPPO”) tal-Ġappun. Il-listi annwali tal-imxietel reġistrati uffiċjalment għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena. Dawk il-listi għandhom jinkludu l-għadd ta’ pjanti mkabbra f’kull mixtla, li jkunu tqiesu adattati għall-introduzzjoni fl-Unjoni skont dan ir-Regolament.

4.   

Dwar il-pjanti ta’Juniperus, il-pjanti tal-ġeneri Chaenomeles Lindl., Crataegus L., Cydonia Mill., Juniperus L., Malus Mill., Photinia Ldl. u Pyrus L., li jkunu tkabbru fl-aħħar sentejn qabel l-importazzjoni fl-imxietel tal-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali msemmija fil-punt 3 jew fil-qrib tagħhom, għandhom ikunu ġew spezzjonati uffiċjalment mill-inqas sitt darbiet fis-sena b’intervalli xierqa għall-preżenza tal-pesti ta’ tħassib. Fil-każ tal-pjanti Chamaecyparis u Pinus, il-pjanti tal-ġenuru Chamaecyparis Spach u tal-ġeneru Pinus L. li jkunu tkabbru f’dawn l-imxietel tal-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali jew fil-qrib tagħhom għandhom ikunu ġew spezzjonati uffiċjalment għall-inqas sitt darbiet fis-sena b’intervalli xierqa għall-preżenza tal-pesti ta’ tħassib.

Il-pesti ta’ tħassib huma:

(a)

għall-pjanti ta’ Juniperus:

(i)

Aschistonyx eppoi Inouye,

(ii)

Gymnosporangium asiaticum Miyabe ex Yamada u G. yamadae Miyabe ex Yamada,

(iii)

Oligonychus perditus Pritchard et Baker,

(iv)

Popillia japonica Newman,

(v)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(b)

għall-pjanti ta’ Chamaecyparis:

(i)

Popillia japonica Newman,

(ii)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(c)

għall-pjanti ta’ Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr):

(i)

Bursaphelenchus xylophilus (Steiner u Bührer) Nickle et al.,

(ii)

Coleosporium paederiae Dietel ex Hirats. f.,

(iii)

Crisicoccus pini (Kuwana),

(iv)

Cronartium kurilense (Dietel) Y. Ono

(v)

Cronartium quercuum (Berk.) Miyabe ex Shirai,

(vi)

Dendrolimus sibiricus Chetverikov,

(vii)

Dendrolimus spectabilis (Butler),

(viii)

Dendrolimus superans Butler

(ix)

Monochamus spp. (popolazzjonijiet mhux Ewropej),

(x)

Pissodes nitidus Roelofs,

(xi)

Popillia japonica Newman,

(xii)

Pseudocercospora pini‐densiflorae (Hori & Nambu) Deighton,

(xiii)

Thecodiplosis japonensis Uchida & Inouye,

(xiv)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(d)

għall-pjanti ta’ Pinus thunbergii Parl.:

(i)

Bursaphelenchus xylophilus (Steiner u Bührer) Nickle et al.,

(ii)

Coleosporium asterum (Dietel) Sydow & P.Sydow,

(iii)

Coleosporium phellodendri Komarov,

(iv)

Crisicoccus pini (Kuwana),

(v)

Cronartium orientale Kaneko,

(vi)

Dendrolimus sibiricus Chetverikov,

(vii)

Dendrolimus spectabilis (Butler),

(viii)

Dendrolimus superans Butler

(ix)

Dothistroma septosporum (Dorogin) Morelet,

(x)

Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell,

(xi)

Monochamus spp. (popolazzjonijiet mhux Ewropej),

(xii)

Pissodes nitidus Roelofs,

(xiii)

Popillia japonica Newman,

(xiv)

Pseudocercospora pini‐densiflorae (Hori & Nambu) Deighton,

(xv)

Sirex nitobei Mats.,

(xvi)

Thecodiplosis japonensis Uchida & Inouye,

(xvii)

Urocerus japonicus (F. Sm.),

(xviii)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni.

5.   

F’dawk l-ispezzjonijiet, il-pjanti speċifikati għandhom ikunu nstabu ħielsa mill-pesti ta’ tħassib elenkati fil-punti (a) sa (d). Il-pjanti infestati għandhom jitneħħew mill-NPPO, jew mill-korpi nazzjonali kompetenti jew mill-operaturi professjonisti bis-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO tal-Ġappun. Il-pjanti speċifikati li jibqa’ għandhom jiġu ttrattati b’mod effettiv u jinżammu għal perjodu xieraq u jiġu spezzjonati biex ikun żgurat jkunu li ħielsa minn dawn il-pesti.

Kull sejba tal-pesti ta’ tħassib imsemmija fil-punt 4, waqt l-ispezzjonijiet magħmula skont il-punt 4, għandha tiġi rreġistrata uffiċjalment, u r-reġistru għandu jkun disponibbli għall-Kummissjoni, fuq talba tagħha. Kull sejba ta’ xi wieħed mill-pesti ta’ tħassib għandha tiskwalifika lill-mixtla mill-istatus ta’ mixtla rreġistrata uffiċjalment. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata b’dan minnufih. F’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni ma tistax tiġġedded qabel is-sena ta’ wara.

6.   

Il-pjanti speċifikati maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, għandhom, tul il-perjodu ta’ sentejn konsekuttivi msemmi fil-punt 3:

(a)

jitħawlu fi qsari li jitqiegħdu fuq xkafef għoljin mill-inqas 50 cm mill-art jew fuq paviment tal-konkrit impenettrabbli għan-nematodi, li jinżamm tajjeb u ħieles mit-trab; kif ukoll

(b)

jinstabu ħielsa mill-pesti ta’ tħassib, fl-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt 4; kif ukoll

(c)

jekk jappartienu għall-ġeneru Pinus L. u fil-każ ta’ tlaqqim fuq ir-riżoma ta’ speċi oħra ta’ Pinus, għajr ta’ Pinus parviflora Sieb. & Zucc. jew Pinus thunbergii Parl., għandu jkollhom ir-riżoma dderivata minn sorsi approvati uffiċjalment bħala materjal f’saħħtu; kif ukoll

(d)

jingħarfu b’marka jew kodiċi ta’ traċċabbiltà, esklussiva għal kull pjanta individwali u notifikata lill-NPPO tal-Ġappun, li tippermetti l-identifikazzjoni tal-mixtla reġistrata uffiċjalment u tas-sena tat-tħawwil fil-qsari.

7.   

Il-pjanti speċifikati ilhom traċċabbli mill-ħin tat-tneħħija tagħhom mill-mixtla sal-ħin tat-tagħbija għall-esportazzjoni, permezz tas-siġillar tal-vetturi tat-trasport jew b’alteranttivi xierqa.

8.   

Il-pjanti speċifikati u l-materjal għat-tkabbir aderenti jew assoċjat (“il-materjal”) għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat fitosanitarju, maħruġ mill-NPPO tal-Ġappun, li jiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti speċifikati fil-punti 1 sa 7 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u fil-punt 30 tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2019/2072.

Iċ-ċertifikat għandu jindika:

(a)

l-isem jew l-ismijiet tal-mixtla jew l-imxietel reġistrati uffiċjalment;

(b)

il-marki jew il-kodiċijiet tat-traċċabbiltà msemmija fil-punt 6(d), safejn dawn jgħinu fl-identifikazzjoni tal-mixtla rreġistrata u s-sena tat-tħawwil fil-qsari;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tal-aħħar trattament applikat, qabel it-tluq;

(d)

taħt “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni “Din il-konsenja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1217”.

9.   

L-operatur responsabbli mill-konsenja għandu jimla u jressaq il-parti rilevanti tad-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) fl-IMSOC, li tindika mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar kull konsenja ta’ pjanti speċifikati:

(a)

it-tip ta’ materjal,

(b)

il-kwantità ta’ materjal,

(c)

id-data dikjarata tal-importazzjoni,

(d)

is-sit approvat uffiċjalment fejn se jinżammu l-pjanti speċifikati, taħt id-detenzjoni wara d-dħul imsemmija fil-punt 10.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw uffiċjalment lill-importaturi, qabel l-introduzzjoni, bil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti minn 1 sa 12.

10.   

Qabel ir-rilaxx tal-materjal, għandu jkun soġġett għal detenzjoni uffiċjali wara d-dħul f’faċilità ta’ konfinament jew fi stazzjon ta’ kwarantina.

(a)

fil-każ tal-pjanti Pinus u Chamaecyparis, għal perjodu ta’ mhux anqas minn tliet xhur ta’ tkabbir attiv; kif ukoll

(b)

fil-każ tal-pjanti Juniperus, għal perjodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

Tul dan il-perjodu ta’ detenzjoni wara d-dħul, il-materjal għandu jinstab ukoll ħieles minn kull pest ta’ tħassib elenkat fil-punt 4. Għandha tingħata attenzjoni partikolari mill-awtorità kompetenti jew mill-operaturi professjonali li għal kull pjanta tiġi ppreservata l-marka jew il-kodiċi tat-traċċabbiltà imsemmija fil-punt 6(d).

11.   

Kull lott li jkun fih materjal li ma jinsabx ħieles mill-pesti ta’ tħassib, tul il-perjodu ta’ detenzjoni wara d-dħul, imsemmi fil-punt 10, għandu jinqered minnufih mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur professjonali bis-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti.

12.   

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull kontaminazzjoni ta’ pesti ta’ tħassib li tkun ġiet ikkonfermata tul il-perjodu ta’ detenzjoni wara d-dħul imsemmi fil-punt 10. F’dan il-każ, il-mixtla rilevanti fil-Ġappun għandha tiġi skwalifikata mill-istatus uffiċjali ta’ mixtla reġistrata. Il-Kummissjoni għandha tinforma b’dan lill-Ġappun minnufih.