|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/141 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1553 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0057/2021), |
|
A. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u li jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani; |
1.
Jilqa' l-fatt li, abbażi tax-xogħol ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") ikkonkludiet li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019, magħmula mill-infiq amministrattiv u nfiq ieħor tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-"Kumitat"), kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;
2.
Ifakkar li l-baġit tal-Kumitat huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu amministrattiv, b'ammont kbir użat għall-infiq li jikkonċerna persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;
3.
Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 9, "Amministrazzjoni", tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2019 ("ir-rapport tal-Qorti") għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5 "Amministrazzjoni" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li hija ta' riskju baxx; jitlob li x-xogħol ta' awditjar għal dak il-kapitolu jkun aktar ikkonċentrat fuq il-kwistjonijiet ta' rilevanza għolja jew saħansitra ta' importanza kritika għall-Kumitat;
4.
Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport tal-Qorti, il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat;
5.
Jinnota li fl-2019, il-baġit tal-Kumitat kien jammonta għal EUR 138 502 768 (meta mqabbel ma' EUR 135 630 905 fl-2018 u EUR 133 807 338 fl-2017) b'rata ta' implimentazzjoni ta' 98,1 % (meta mqabbel ma' 98,7 % fl-2018 u 96,5 % fl-2017);
6.
Jinnota li l-Kumitat kien moderat fl-estimi baġitarji tiegħu u segwa fil-biċċa l-kbira l-linji gwida tal-Kummissjoni li jindikaw iffriżar nominali għall-ispejjeż kollha mhux relatati mas-salarji; jinnota li mill-2016 sal-2020 iż-żieda nominali fil-baġit tal-Kumitat kienet ta' 9,2 %, żieda f'termini reali ta' 1,9 %;
7.
Itenni li l-approprjazzjonijiet finali għall-"allowances tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza għall-membri" ammontaw għal EUR 20 383 977 (meta mqabbla ma' EUR 20 247 625 fl-2018 u EUR 19 819 612 fl-2017) li huma stabbli meta mqabbla mas-snin preċedenti u ma jqajmu l-ebda tħassib partikolari; jitlob, madankollu, li l-Kumitat iżid l-użu ta' teknoloġiji u metodi ta' ħidma ġodda u japplika kemm jista' jkun l-użu tal-vidjokonferenzi;
8.
Jinsab imħasseb ħafna dwar il-każ ittrattat mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) rigward dikjarazzjonijiet tal-ivvjaġġar inkonsistenti minn membru tal-Kumitat li jammontaw għal madwar EUR 91 000; jinnota li l-ammonti mħallsa indebitament ġew irkuprati; jiddispjaċih li l-kodiċi ta' kondotta preċedenti ma pprevediex kundanna b'saħħitha jew is-sospensjoni ta' membri frodulenti; iħeġġeġ lill-Kumitat japplika l-mezzi kollha disponibbli skont il-kodiċi ta' kondotta rivedut biex jieħu miżuri estensivi kontra dan it-tip ta' frodi; jinnota li ġie propost titjib fil-qafas attwali għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-membri bħal skadenza ġenerali ta' sitt ġimgħat għas-sottomissjoni tat-talbiet għal rimborż sabiex jitnaqqas iż-żmien ta' rimborż, u b'hekk titnaqqas ukoll il-ħtieġa ta' riporti fuq dawn il-linji baġitarji; jitlob, madankollu, approċċ diliġenti u kawt aktar milli trattament rapidu ta' każijiet ta' dikjarazzjonijiet tal-ivvjaġġar; jinnota li mhuwiex magħruf kemm każijiet ta' frodi għadhom taħt ir-radar; jissottolinja li l-pressjoni tal-ħin m'għandhiex iddgħajjef valutazzjoni diċenti u bir-reqqa tat-talbiet għar-rimborż; jitlob li jiżdied l-ammont ta' kampjuni tad-dikjarazzjonijiet tal-ivvjaġġar eżaminati bħala parti mill-proċedura tal-awditjar intern tal-Kumitat biex tinkiseb rata ogħla ta' kxif ta' frodi fid-dikjarazzjoni tal-ivvjaġġar;
9.
Ifakkar fil-kumment fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018 dwar l-evitar ta' stimi żejda tal-baġit; jinnota, madankollu, li r-riporti prinċipalment jirrigwardaw il-linji baġitarji "bini" u "ipproċessar tad-data" u li dan huwa dovut għax-xogħol b'lura li seħħ fil-passat għal dawn il-linji baġitarji; jinnota li l-ammont riportat għal-linji baġitarji "membri tal-istituzzjoni u delegati / allowances għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza għall-membri" kien meħtieġ sabiex jiġu ttrattati t-talbiet għal rimborż imdewma tal-membri;
10.
Jilqa' l-fatt li r-rata ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet riportati mill-2018 għall-2019 kienet ta' 82,1 % meta mqabbla ma' 77,5 % għall-approprjazzjonijiet riportati mill-2017 għall-2018;
11.
Jissottolinja l-fatt li l-Kumitat qed jinkoraġġixxi soluzzjonijiet ta' trasport komuni u qed jiffaċilita l-użu ta' titjiriet bi prezz baxx; jilqa' l-fatt li l-Kumitat jirrikjedi lill-aġenzija tal-ivvjaġġar tiegħu, l-istess bħal dik li tipprovdi servizzi lill-Parlament, mhux biss li tinnegozja rati speċjali mal-linji tal-ajru, iżda wkoll li b'mod sistematiku tipproponi lill-benefiċjarji tal-Kumitat alternattivi kosteffettivi xierqa għall-ivvjaġġar tagħhom;
12.
Jinnota li l-Kumitat nieda sejħa għall-offerti f'Ottubru 2018 sabiex janalizza u jipproponi titjib fis-sistema attwali rigward ir-rimborż tal-ispejjeż għall-membri, id-delegati u l-esperti tal-Kumitat; jitlob lill-Kumitat jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati ta' dik l-analiżi, b'mod partikolari dwar titjib possibbli fis-sistema attwali tal-ivvjaġġar u r-rimborżi, inklużi diversi xenarji possibbli; jinnota d-dewmien fl-implimentazzjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19;
13.
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Bureau tal-Kumitat adotta, fl-2020, deċiżjoni li tippermetti r-rimborż ta' spejjeż għall-parteċipazzjoni remota f'każijiet fejn membru ma jkunx tħalla jivvjaġġa lejn Brussell minħabba kwistjonijiet relatati mal-COVID-19; jistieden lill-Kumitat jirtira din id-deċiżjoni, li mhijiex proporzjonata mal-ispiża reali tal-parteċipazzjoni, tirrappreżenta telf konsiderevoli għall-baġit tal-Unjoni u ħsara lir-reputazzjoni tal-Kumitat; jitlob lill-Kumitat jippreżenta rapport dwar l-impatt finanzjarju ta' din id-deċiżjoni, inkluża informazzjoni speċifika u dettaljata dwar id-deċiżjoni u r-raġunijiet għal tali rimborż; jitlob lill-Kumitat jeżamina prattiki ġodda ta' remunerazzjoni biex tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta u proporzjonata għall-membri li ma tkunx ibbażata l-aktar fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ma tkunx tiddependi biss mill-preżenza fiżika tal-membri fi Brussell;
14.
Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-Kumitat iżda jesprimi tħassib fir-rigward tal-impatt tal-ħidma tiegħu;
15.
Jinnota l-importanza tad-djalogu politiku bejn il-Kumitat u l-Parlament biex jiġi żgurat li jkun jista' jsir kontribut validu mill-Kumitat fil-ħidma tal-Parlament u, fid-dawl ta' dan, itenni t-talba tiegħu li jitkomplew l-isforzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika bejn il-Kumitat u l-Parlament;
Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u sigurtà
|
16. |
Jilqa' l-fatt li l-Kumitat segwa r-rakkomandazzjoni tal-Parlament li saret f'riżoluzzjonijiet reċenti li titlob żieda fis-sehem tal-baġit għall-ispejjeż tal-IT (sa 4,5 % tal-baġit totali meta mqabbel ma' 3 % fl-2018); jinnota li fuq medda twila ta' żmien, iċ-ċifra ta' 4,5 % għandha idealment titla' għal 6 %, li b'hekk tippermetti implimentazzjoni bla xkiel tal-istrateġija diġitali fil-perjodu ta' żmien previst u tippermetti wkoll lill-Kumitat ilaħħaq mad-distakk fil-konfront tal-korpi l-oħra tal-Unjoni u jagħlqu; jilqa' l-fatt li l-approprjazzjonijiet totali impenjati għal proġetti, servizzi u tagħmir tal-IT jirrappreżentaw żieda ta' 13,2 % meta mqabbla mal-2018 u li din it-tendenza pożittiva kompliet fl-2020; |
|
17. |
Huwa konxju li f'Ġunju 2019, il-Bureau tal-Kumitat adotta l-istrateġija diġitali li tippreżenta viżjoni għall-ambjent tal-IT tal-Kumitat u li tidentifika l-isfidi ewlenin tal-IT; jilqa' r-riżultati bħall-modulu tal-portal tal-membri li jappoġġja laqgħat mingħajr karti, l-iżvilupp tal-applikazzjoni l-ġdida tal-back-office għall-ipproċessar ta' emendi u flussi ta' xogħol u proċeduri mingħajr karti, speċjalment għall-ġestjoni finanzjarja; jilqa' x-xogħol relatat mal-proġett diġitali dwar il-post tax-xogħol, li jkopri t-tfassil mill-ġdid tal-ambjent tal-utent aħħari u l-infrastruttura diġitali ta' bażi tiegħu; jinnota li l-għodod għall-awtomazzjoni tal-uffiċċji, il-posta u l-komunikazzjoni unifikata ġew aġġornati fl-2019; |
|
18. |
Jilqa' l-fatt li l-Kumitat juża software b'xejn u b'sors miftuħ kull meta jkun possibbli; jinnota li, għal 2019, 39 applikazzjoni ta' software b'sors miftuħ ġew inklużi fl-inventarju tal-pakketti tas-software; |
|
19. |
Jilqa' l-fatt li matul l-2019, l-uffiċjal tas-sigurtà tal-IT baqa' attiv biex iżid is-sensibilizzazzjoni tal-utent taċ-ċibersigurtà għall-persunal, inkluż briefing għall-kumitat ta' tmexxija tal-IT u briefings settorjali fil-livell ta' dipartimenti individwali; jinnota li fl-2019, ġew varati żewġ proġetti addizzjonali dwar iċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli l-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu ma' kumitati oħra, speċjalment mal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), biex jiġu żviluppati aktar is-sinerġiji; |
|
20. |
Jilqa' l-kooperazzjoni ċibernetika interistituzzjonali li fiha l-Kumitat irċieva assistenza mit-Tim ta' Rispons għal Emerġenza tal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE bħat-taħriġ dwar ix-xogħol għas-sigurtà tal-cloud u informazzjoni ta' intelligence dwar it-theddid ċibernetiku għal attakki mmirati kontra korpi tal-Unjoni; jinnota li ħafna mill-proġetti tad-diġitalizzazzjoni jikkonċernaw id-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi umani u l-proċessi finanzjarji, fejn il-Kumitat juża s-sistemi SYSPER u ABAC ipprovduti mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kumitat jikkunsidra l-possibbiltà li jinnegozja kundizzjonijiet aħjar mal-Kummissjoni biex itejjeb il-proċess tal-kondiviżjoni tal-applikazzjoni u jagħmlu finanzjarjament attraenti; |
|
21. |
Jinkoraġġixxi lill-Kumitat isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) biex jerġa' jinnegozja l-ftehim interistituzzjonali dwar il-liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tintlaħaq is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali; |
|
22. |
Jenfasizza l-inizjattivi kollha relatati mas-sigurtà bħal programm ta' taħriġ speċjali biex jiġi ffaċċjat theddid kriminali u terroristiku, il-kooperazzjoni mal-Parlament rigward korsijiet speċifiċi ta' taħriġ fis-sigurtà, l-investigazzjonijiet dwar inċidenti ta' sigurtà u t-tnedija mill-ġdid tal-iskrining tas-sigurtà tal-persunal tal-kuntratturi esterni flimkien mal-korpi l-oħra tal-Unjoni; jinnota x-xogħol kollu relatat mas-sigurtà (tal-bini) bil-għan ewlieni li jiżdied il-livell ta' sigurtà u s-servizz ipprovdut għall-membri, il-persunal u l-viżitaturi; |
|
23. |
Jilqa' l-fatt li ġiet implimentata sensiela ta' miżuri mill-Kumitat biex jiġu żgurati standards adegwati ta' sigurtà tal-bini bħall-installazzjoni ta' tagħmir ġdid għall-kontroll tal-aċċess; jinnota li l-istandards ta' sigurtà relatati laħqu l-istess livell bħall-istandards tal-Parlament u tal-Kummissjoni; |
Bini
|
24. |
Jinnota li għandhom jinstabu uffiċċji addizzjonali għal 200 membru tal-persunal ladarba l-binjiet B68 u TRE74 jinbidlu għall-bini VMA; jinnota li l-Bureaux tal-Kumitat u tal-KtR taw mandat lis-segretarji ġenerali tagħhom fi Frar 2020 biex jinnegozjaw mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna bil-għan li jikkonkludu ftehim li jippermetti lill-Kumitat u lill-KtR jieħdu f'idejhom il-kuntratt ta' kiri tal-bini Belliard100 sa mill-bidu tal-2021; jilqa' l-fatt li l-kumitat tal-persunal u l-persunal b'mod ġenerali ġew infurmati dwar dawn l-iżviluppi; |
|
25. |
Jinnota l-fatt li l-bini VMA huwa konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti regolatorji kollha dwar l-applikazzjonijiet tal-asbestos u li ċertifikat tas-sikurezza fir-rigward tal-asbestos ġie ppreżentat f'Settembru 2019; jesprimi tħassib dwar is-saħħa tal-ħaddiema u l-preżenza tal-asbestos fil-bini VMA, għalkemm iċ-ċertifikat tas-sikurezza fir-rigward tal-asbestos jgħid li dan ma jirrappreżenta l-ebda riskju għall-utenti tal-bini; jilqa' l-fatt li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-asbestos fil-bini tal-Kumitati, bħall-politika dwar l-asbestos, iċ-ċertifikati tas-sikurezza fir-rigward tal-asbestos u l-inventarji tal-asbestos, ġiet ippubblikata fuq l-intranet; jinnota li x-xogħol biex il-bini VMA jiġi rinnovat huwa ppjanat li jibda fl-2021; |
|
26. |
Jilqa' l-fatt li l-grupp ta' ħidma konġunt tal-VMA ddefinixxa l-prinċipji gwida għall-allokazzjoni futura tal-ispazju kif ukoll parametri oġġettivi li jippermettu trattament ugwali tas-servizzi u l-entitajiet kollha; jinnota li r-rappreżentanti tal-persunal kienu involuti u li l-persunal inżamm infurmat regolarment permezz ta' kanali differenti u se jiġi kkonsultat u involut fil-fażi li jmiss tad-disinn dettaljat għall-arranġamenti tal-art u l-assenjazzjoni ta' spazji tax-xogħol individwali għas-servizzi kkonċernati; |
Dimensjoni ambjentali
|
27. |
Jitlob lill-Kumitat jiżviluppa pjan globali ta' sostenibbiltà; jifraħ lill-Kumitat għall-isforzi li għaddejjin fil-qafas tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali fir-rigward tat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju u tal-iskart tal-plastik, tal-ikel u tal-karti; jaqbel li t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju huwa fost l-aktar objettivi importanti għas-snin li ġejjin; jistieden lill-Kumitat jagħti l-attenzjoni dovuta lit-taħlita enerġetika tas-sorsi tal-elettriku tiegħu u jinkoraġġixxi l-akkwist ta' elettriku ġġenerat mill-impjanti eoliċi, solari, tal-bijomassa u idroelettriċi; iħeġġeġ lill-Kumitat jipparteċipa fi proġetti f'oqsma li huma relatati mal-korpi l-oħra tal-Unjoni u jfassal pjan komprensiv għall-Kumitat biex jimplimenta l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-objettiv ġenerali li sal-2030 isir newtrali għall-klima; |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
|
28. |
Huwa konxju tal-ftehim il-ġdid dwar il-livell ta' servizz li tnieda fl-2019 bejn il-Parlament u l-Kumitat li jippermetti lill-Kumitat jibbenefika mis-servizzi tal-interpreti tal-Parlament (li għalihom se jsir il-ħlas) kull darba li l-Kumitat juża l-bini tal-Parlament għal-laqgħat tiegħu u kultant ukoll għal laqgħat fil-bini tal-Kumitat; jirrikonoxxi li l-ftehim jikkontribwixxi għall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-interpreti tal-Parlament; jirrikonoxxi l-ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KtR u; jistieden lill-Kumitat jidentifika potenzjal ulterjuri f'termini ta' sinerġiji u ffrankar u oqsma oħra li fihom jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet ta' back office; huwa konxju tat-talbiet espressi kemm mill-Kumitat kif ukoll mill-KtR fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza biex il-ftehim ta' kooperazzjoni li għaddej jiġi rispettat sabiex il-Kumitat u l-KtR jiġu kkumpensati għall-postijiet ittrasferiti lejn il-Parlament; |
|
29. |
Ifakkar li l-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat tal-5 ta' Frar 2014 jipprevedi kumpens għat-telf tal-kapaċità tat-traduzzjoni billi jipprovdi ammonti addizzjonali kemm għall-Kumitat kif ukoll għall-KtR; jinnota li ġie pprovdut ammont ta' EUR 2 miljun għall-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni bil-possibbiltà li surplus potenzjali jkun jista' jintuża għal aktar ħidma politika u ammont addizzjonali ta' EUR 1,1 miljun għal żieda fix-xogħol politiku; jinnota li t-trasferimenti saru fl-2015 u fl-2016 bi tnaqqis li diġà sar matul il-proċess ta' konċiljazzjoni fl-2017; jinnota li l-iffrankar annwali li jirriżulta mit-trasferiment ta' 36 post tax-xogħol jista' jiġi stmat għal EUR 3,42 miljun; jitlob lill-Parlament, lill-Kumitat u lill-KtR jirrapportaw flimkien lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar ir-reviżjoni li għaddejja tal-ftehim; jirrikonoxxi li l-ftehim jippermetti aktar flessibbiltà li tmur għall-vantaġġ tal-Parlament, il-Kumitat u l-Ktr; jinnota li r-riallokazzjoni ta' fondi li ma ntefqux għal oqsma oħra ta' politika hija parti minn din il-flessibbiltà; |
|
30. |
Jaqbel mal-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni politika fir-rigward tal-programmazzjoni annwali u pluriennali, id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi u l-monitoraġġ tal-programm ta' ħidma annwali; iħeġġeġ lill-Kumitat jaħdem fuq proposti konkreti għal komunikazzjoni aħjar fil-livell tar-rapporteurs tal-Kumitat u tal-Parlament, biex jiġi żviluppat approċċ aktar sistematiku għall-kooperazzjoni politika; |
|
31. |
Josserva li l-ispiża totali tat-traduzzjoni esternalizzata għall-Kumitat u l-KtR kienet ta' EUR 6 043 592 fl-2019 bil-porzjon tal-Kumitat li jammonta għal EUR 3 550 762 u li l-ispiża totali tat-traduzzjoni interna kienet tkun ta' EUR 8 781 075 bil-porzjon tal-Kumitat li jammonta għal EUR 5 159 101; |
|
32. |
Jinkoraġġixxi lill-Kumitat jingħaqad mar-Reġistru ta' Trasparenza tal-Unjoni fuq il-bażi ta' ftehim dwar il-livell ta' servizz sabiex tiżdied it-trasparenza tal-laqgħat tal-lobbjar; jirrikonoxxi l-kooperazzjoni interistituzzjonali permezz ta' ftehimiet fil-livell tas-servizzi bejn il-Kumitat u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni bħall-Kummissjoni biex jittejbu aktar il-proċessi fir-riżorsi umani, il-finanzi, l-IT u oqsma amministrattivi oħra; ikun interessat li jiġi infurmat jekk isseħħ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji qabel ma jidħol f'xi ftehim; |
|
33. |
Jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-Kumitat u l-KtR fil-qasam amministrattiv, li twassal għal sinerġiji u ekonomiji ta' skala konsiderevoli; jinnota li l-ftehim amministrattiv attwali ġie estiż sal-aħħar ta' Ġunju 2021; jinnota li s'issa żewġ punti għadhom ma ġewx implimentati, jiġifieri distribuzzjoni aktar ibbilanċjata tal-postijiet fis-servizzi konġunti li bħalissa jiffavorixxu lill-KtR, u distribuzzjoni ugwali tal-ispazji (is-sehem tal-ispazju għall-uffiċċji kien 53 % għall-Kumitat u 47 % għall-KtR); jilqa' l-fatt li n-negozjati għat-tiġdid tal-ftehim amministrattiv għandhom l-objettiv li jżidu aktar l-effiċjenza u jiġġeneraw aktar iffrankar potenzjali; |
|
34. |
Jitlob li l-Kumitat iżommu infurmat dwar kwalunkwe titjib li jkun sar fl-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi, li jidher li huwa meħtieġ minħabba ammont ta' xogħol dejjem akbar u dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; itenni l-ħtieġa ta' riformi kontinwi biex jiġi żgurat li l-Kumitat ikun mgħammar sew biex jirrispondi għall-isfidi futuri; |
Komunikazzjoni
|
35. |
Jirrikonoxxi li fl-2019 il-Kumitat għamel sforz partikolari biex jappoġġja lill-Parlament fil-promozzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej billi pparteċipa fil-kampanja interistituzzjonali, inkluża kampanja tal-midja soċjali fuq perjodu ta' diversi xhur (bi kważi 17 000 involviment bħal likes, kummenti u retweets u b'kopertura ġenerali ta' 18,4 miljun persuna); jaqbel li d-diffużjoni tal-ħidma politika tal-Kumitat tmur lil hinn mill-indikaturi kwantitattivi u li l-Kumitat jikseb dan mhux biss permezz tal-funzjoni konsultattiva tiegħu bbażata fuq it-trattat iżda wkoll permezz ta' attivitajiet ta' diffużjoni lokali li għandhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-ħidma tal-Kumitat u r-rwol tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni; |
|
36. |
Jirrimarka li, fi tmiem l-2019, il-kont ewlieni ta' Twitter tal-Kumitat kellu 43 300 segwaċ, filwaqt li l-kont ewlieni ta' Facebook kellu 32 600 segwaċ; jinnota li l-preżenza tal-Kumitat fil-midja soċjali li qed tikber l-aktar malajr hija fuq LinkedIn, li matul l-2019 rat żieda ta' 54 % fin-numru ta' segwaċi għal 14 500 segwaċ fl-aħħar tal-2019; jinnota li b'din it-taħlita ta' kanali, il-Kumitat jilħaq grupp ibbilanċjat sew ta' segwaċi; |
|
37. |
Jilqa' l-isforzi tal-Kumitat biex jibni ambjent tax-xogħol u kultura aktar diversifikati u inklużivi billi jieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabbiltà, bħal pereżempju li l-intranet u s-sit web isiru aċċessibbli b'mod diġitali għall-persuni b'vista batuta; jappella għal azzjoni ta' segwitu b’rispett tal-kisba taċ-ċertifikazzjoni rilevanti ta' aċċess ugwali għas-sit web tiegħu min-naħa tal-persuni b'diżabbiltà; |
|
38. |
Jinnota li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex is-siti web tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabbiltà, inkluż id-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet relatati mad-diżabbiltajiet jiġu involuti f'dan il-proċess; |
Ġestjoni interna, kontroll intern, finanzi
|
39. |
Jilqa' l-isforzi tal-Kumitat fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-kontinwità tan-negozju billi jistabbilixxi sit web bl-informazzjoni kollha meħtieġa għal operazzjonijiet ta' kontinwità tan-negozju inklużi dokumenti aġġornati għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u għall-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju u deskrizzjoni aġġornata tad-diversi timijiet ta' intervent, il-kompożizzjoni tagħhom u r-rwol tagħhom; jissottolinja li l-ewwel eżerċizzju fuq skala sħiħa mit-tim tar-ripatrijazzjoni tal-membri sar f'Settembru 2019, ibbażat fuq erba' xenarji u li l-konklużjonijiet tal-eżerċizzju huma soġġetti għal segwitu sistematiku; |
|
40. |
Jinnota bi tħassib li l-baġit annwali totali tal-Kumitat żdied minn EUR 108 000 000 fl-2006 għal aktar minn EUR 138 000 000 fl-2019 filwaqt li l-għadd totali ta' opinjonijiet u rapporti prodotti mill-Kumitat naqas b'mod sinifikanti (minn 215 fl-2018 għal 127 fl-2019); jifhem li t-tnaqqis fl-opinjonijiet mogħtija jista' jkun marbut maċ-ċiklu elettorali, iżda jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-ispiża għal kull opinjoni (EUR 1,1 miljun fl-2019 meta mqabbel ma' EUR 630 000 fl-2018), u jesprimi tħassib dwar l-esternalizzazzjoni tax-xogħol ta' rappurtar lill-kumpaniji esterni; jinnota bi tħassib li mill-127 opinjoni u rapport, 55 biss kienu opinjonijiet fuq inizjattiva proprja; |
|
41. |
Jinnota li għall-2019, l-opinjoni l-aktar ikkonsultata tal-Kumitat (dwar il-Blockchain u t-teknoloġija ta' reġistru distribwit) ma laħqitx aktar minn 2 500 żjara fil-paġna, filwaqt li l-ħames opinjonijiet ewlenin l-oħra laħqu biss bejn 1 000 u 2 000 żjara; jinkoraġġixxi lill-Kumitat iżid l-isforzi tiegħu biex jikseb tixrid usa' tal-opinjonijiet tiegħu; |
|
42. |
Jinnota li r-rapport annwali tal-attività għall-2019 jagħti biss ħarsa ġenerali tal-attivitajiet tal-Kumitat u ma joffrix evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva aktar dettaljata tal-ħidma tiegħu; jistieden lill-Kumitat jintroduċi indikaturi ewlenin oħra tal-prestazzjoni fir-rapport annwali tal-attività tiegħu, bħar-rata ta' implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-opinjonijiet tiegħu, sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-impatt tal-ħidma tal-Kumitat; |
|
43. |
Jitlob lill-Kumitat jirrazzjonalizza l-korpi interni tiegħu u jiffoka mill-ġdid fuq il-mandati tal-istrutturi tiegħu, kif iddikjarat fis-segwitu għall-kwittanza tal-2018, inkluż billi jipprovdi kjarifiki dwar l-iffrankar b'rabta ma' dan il-proċess; jinnota l-passi meħuda mill-bureau biex jitwaqqaf grupp ad hoc ta' sitt membri biex jipprovdi rieżami komprensiv dwar kif jiġu integrati l-istrutturi u l-korpi ta' ħidma tal-Kumitat, inkluża l-kwistjoni tal-mandati tas-sezzjonijiet u tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI); jitlob lill-Bureau jestendi r-razzjonalizzazzjoni għall-korpi eżistenti l-oħra kollha u jirrapporta lura lill-Parlament dwar is-sejbiet; |
|
44. |
Jirrikonoxxi li l-Kumitat żviluppa sett kbir ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-oqsma amministrattivi kollha tiegħu, li wħud minnhom ikejlu l-livell ta' prestazzjoni (eż. iż-żmien meħtieġ għall-ħlas), filwaqt li oħrajn ikejlu l-livell ta' attività (eż. il-volum ta' produzzjoni); jitlob lill-Kumitat jipprovdi, fir-rapport annwali tal-attività li jmiss, flimkien ma' dik l-informazzjoni dettaljata ħafna, verżjoni konsolidata tal-objettivi ewlenin u r-riżultati miksuba; |
|
45. |
Jinnota li fl-2019 sar eżerċizzju biex tiġi vvalutata l-konformità mal-istandards ta' kontroll intern u li dan wera titjib meta mqabbel mal-2018; jinnota, madankollu, li mhux l-istandards kollha ġew implimentati bis-sħiħ u li ġew identifikati azzjonijiet ta' segwitu; jinnota li żewġ azzjonijiet ta' segwitu ġew posposti għall-2020, jiġifieri valutazzjoni formali ta' funzjonijiet sensittivi u l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' komunikazzjoni interna pluriennali; ifakkar lill-Kumitat dwar ir-rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport tal-Qorti biex tiġi implimentata politika għat-trattament ta' funzjonijiet sensittivi; jirrikonoxxi t-tweġibiet tal-Kumitat li jispjegaw il-passi proposti u l-fatt li l-attivitajiet preparatorji bdew fl-ewwel semestru tal-2020; jinnota li l-Kumitat ikkomunika li l-politika l-ġdida għandha tkun operattiva sal-2021; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-Parlament b'deskrizzjoni dettaljata ta' din il-politika l-ġdida, inkluża definizzjoni ta' funzjonijiet sensittivi, u tas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tagħha; |
|
46. |
Jinnota li l-Kumitat implimenta t-tielet azzjoni ta' segwitu għall-eżerċizzju msemmi hawn fuq li tikkonsisti mill-armonizzazzjoni tal-proċessi u l-proċeduri bejn id-direttorati u l-unitajiet; jistieden lill-Kumitat jistabbilixxi reġistru ċentralizzat tal-proċessi u l-proċeduri biex tiġi żgurata dokumentazzjoni bil-miktub armonizzata; itenni li dan l-approċċ jgħin biex isaħħaħ ir-rispett għall-proċessi u l-proċeduri eżistenti, u jappoġġja l-fatt li l-attivitajiet ewlenin kollha tal-Kumitat ikunu soġġetti għal proċess jew proċedura; |
|
47. |
Jinnota li fl-2019 żewġ awditi ġew iffinalizzati mis-servizz tal-awditjar intern (IAS), wieħed dwar il-konformità mal-iskadenzi istituzzjonali u l-ieħor dwar l-interpretazzjoni; jinnota li, fir-rigward tal-ewwel awditu, il-Kumitat jinsab fil-proċess li jimplimenta l-miżuri amministrattivi stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni, bħal pereżempju l-enfasi fuq l-iskadenzi istituzzjonali fid-dokumenti użati mill-Kumitat sabiex ix-xogħol tiegħu jiġi organizzat aħjar u l-ġbir ta' statistika dwar il-konformità tal-Kumitat mal-iskadenzi b'mod konsistenti; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kumitat biex jikkontribwixxi aħjar għall-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni; jinnota l-importanza tal-awditu dwar l-interpretazzjoni peress li din hi komponent strumentali għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni, u tintlaqat kemm mit-tnaqqis sinifikanti fil-baġit kif ukoll mill-ispejjeż ogħla tal-interpretazzjoni, kif deher mill-fatt li, illum, il-Kumitat jista' jaffordja biss madwar 75 % tal-interpretazzjoni li seta' jaffordja fl-2014; jinnota li l-iskop ta' dak l-awditjar operattiv kien li jiġu eżaminati l-proċeduri, b'mod partikolari jekk jistax isir iffrankar tal-ispejjeż mingħajr ma jiġu kompromessi l-kwantità u l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta; josserva li analiżi tal-każijiet magħżula wriet li l-proċeduri għall-provvista ta' servizzi ta' interpretazzjoni kienu stabbiliti sew, u li l-interpretazzjoni ngħatat kif mitlub; jinnota li s-sodisfazzjon ġenerali fost l-utenti finali huwa għoli; jinnota li bħalissa qed jiġi implimentat pjan ta' azzjoni miftiehem u jinkludi l-identifikazzjoni kontinwa ta' oqsma b'potenzjal ta' ffrankar tal-ispejjeż; |
|
48. |
Josserva li awditu dwar l-etika u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol kien propost fil-programm ta' ħidma tal-2019 iżda ġie differit għall-programm ta' ħidma tal-2020; jinnota li l-awditu beda fl-2019, iżda l-approċċ inbidel wara r-rapport speċjali tal-Qorti dwar l-etika ppubblikat fid-19 ta' Lulju 2019; jinnota li hija l-intenzjoni tal-IAS li jsegwi l-approċċ magħżul mill-Qorti meta jivvaluta l-qafas etiku stabbilit fil-Kumitat; jagħti parir lill-IAS biex jinkludi fl-awditu l-implimentazzjoni tal-qafas etiku attwalment riformat; |
|
49. |
Jilqa' l-fatt li 11 500 (79 %) mill-fatturi rċevuti mill-Kumitat fl-2019 kienu f'format elettroniku, li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/55/UE (1); jifraħ lill-Kumitat dwar il-fatt li fl-2019 kellu l-ogħla użu ta' fatturi elettroniċi, kemm f'termini assoluti kif ukoll relattivi, tal-korpi kollha tal-Unjoni; |
|
50. |
Jissottolinja li, matul l-2019, id-dipartiment tal-akkwist pubbliku aġġorna l-istruzzjonijiet u l-mudelli bil-miktub u kompla jipprovdi gwida u pariri lill-atturi finanzjarji kollha kkonċernati; jilqa' l-fatt li l-użu ta' mudelli, flimkien ma' gwida esperta, ipproduċa titjib kwalitattiv sinifikanti fil-proċeduri tal-akkwist u naqqas l-iżbalji misjuba fil-kontrolli ex ante; jirrikonoxxi li biex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kontrolli, id-dipartiment ta' verifika tal-Kumitat jaħdem mill-qrib mad-dipartiment tal-akkwist pubbliku; |
Riżorsi umani
|
51. |
Jinnota li t-tabella tal-persunal tindika 668 post fl-2019, l-istess bħal fl-2018; jinnota li ma hemm l-ebda bidla fil-forza tax-xogħol u li fil-31 ta' Diċembru 2019 in-numru totali ta' persunal impjegat (uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati u konsulenti mediċi) kien ta' 702 (meta mqabbel ma' 705 fl-2018); |
|
52. |
Huwa konxju li l-Kumitat se jkompli jimplimenta l-pjan ta' azzjoni tiegħu għall-2017-2020 għal opportunitajiet indaqs u d-diversità; jinnota li l-persunal maniġerjali tal-Kumitat laħaq il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-2018 u dan jibqa' relattivament stabbli; jiddispjaċih li t-tmexxija politika l-ġdida tal-Kumitat ma tirriflettix din it-tendenza b'president mara waħda biss minn seba' presidenti tas-sezzjonijiet u l-ebda president mara mit-tliet presidenti tal-gruppi, speċjalment meta jitqies il-fatt li, għall-mandat tal-Kumitat 2020–2025, il-Kumitat għandu l-ogħla numru ta' membri ġodda u nisa mill-2010; jilqa' l-avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni organizzati fir-rigward tad-diversità, bħall-konferenza "magħqudin fid-diversità" dwar il-komunikazzjoni f'ambjent multikulturali bil-għan li jitrawmu relazzjonijiet ta' rispett fuq il-post tax-xogħol filwaqt li titqies id-diversità; jilqa' b'mod partikolari l-attivitajiet u l-miżuri speċifiċi marbuta mad-diżabbiltà; iħeġġeġ lill-Kumitat, madankollu, jistabbilixxi wkoll miżuri konkreti bħal taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex jiġi evitat preġudizzju inkonxju għall-membri fil-bordijiet tal-għażla; |
|
53. |
Josserva t-titjib żgħir fil-bilanċ ġeografiku meta mqabbel mal-2018, bi 19 % tal-maniġers tal-Kumitat li bħalissa huma minn Stati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni wara l-2004 (meta mqabbel ma' 16 % fl-2017 u 18,5 % fl-2018); jinnota bi tħassib ir-rappreżentanza żejda ta' ċerti nazzjonalitajiet fost il-persunal tal-Kumitat; iħeġġeġ lill-Kumitat jiżviluppa miżuri speċifiċi biex jindirizza dan l-iżbilanċ; jistieden lill-Kumitat ikompli jieħu l-passi biex jikseb il-bilanċ ġeografiku tal-membri tal-persunal tiegħu sabiex jassigura rappreżentanza xierqa taċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha, kif indirizzat fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Proċeduri għall-membri tal-Bureau, inkluż fil-livell maniġerjali; |
|
54. |
Jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-kisbiet konkreti tal-pjan ta' azzjoni għal opportunitajiet indaqs u d-diversità, b'mod partikolari dwar ir-riżultati tal-miżuri meħuda fir-rigward tat-tisħiħ tad-diversità u li l-Kumitat isir post tax-xogħol aktar inklużiv għall-persuni b'diżabbiltà; |
|
55. |
Japprezza l-fatt li l-istabbiliment ta' reġistru dwar postijiet speċjalizzati, jiġifieri postijiet mhux koperti mill-iskema ta' mobbiltà, tlesta, wara analiżi fil-fond fl-2019, u li din il-lista ma kinitx teżisti qabel; jinnota li l-lista finali tal-postijiet speċjalizzati eżentati kollha ġiet notifikata lill-persunal kollu u tinkludi kemm il-kap tas-servizz legali kif ukoll l-avukati kollha tal-Kumitat; |
|
56. |
Jirrikonoxxi l-miżuri stabbiliti relatati mal-benesseri bħat-tnedija mill-ġdid ta' skema ta' mentoraġġ għal parteċipanti ġodda, li hija parti minn approċċ preventiv għall-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali; jinnota l-iskambji tal-aħjar prattiki bil-għan li tittejjeb kontinwament l-iskema; jinnota l-aġġornament estensiv tar-regoli dwar it-telexogħol li joffru aktar flessibbiltà għall-ħaddiema; iħeġġeġ lill-Kumitat ilesti l-implimentazzjoni tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli bi protezzjoni tad-dritt ta' skonnessjoni tal-membri tal-persunal; |
|
57. |
Jinnota b'sodisfazzjon l-azzjonijiet relatati mal-liv tal-mard fit-tul, b'mod partikolari dawk immirati biex jiffaċilitaw ir-ritorn għax-xogħol; |
|
58. |
Jesprimi tħassib serju dwar l-allegazzjonijiet pubbliċi kkawżati minn ċerti proċeduri ta' reklutaġġ użati mill-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jistabbilixxi linji gwida interni ċari rigward il-pubblikazzjoni ta' postijiet vakanti u jagħti spjegazzjoni ċara tal-interess tas-servizz f'każ ta' ċaqliq temporanju ta' membri tal-persunal; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat b'mod riġidu li kull fażi titwettaq b'mod għal kollox trasparenti, mingħajr eċċezzjoni, kif stabbilit fir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat u fir-Regolamenti tal-Persunal matul il-proċedura sħiħa ta' reklutaġġ (pubblikazzjoni, għażla, ħatra u stabbiliment) bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe riskju għar-reputazzjoni, mhux biss għall-Kumitat iżda wkoll għall-entitajiet kollha tal-Unjoni; |
|
59. |
Jinnota li fl-2019 il-Kumitat laqa' 54 trainee fuq tul ta' żmien twil li ngħataw għotja ta' manteniment kull xahar mill-Kumitat, 15-il trainee għal tul ta' żmien qasir li ma rċevew l-ebda għotja mill-Kumitat, u trainee wieħed li rċieva għotja mogħtija minn korp pubbliku estern; jirrakkomanda li l-Kumitat iħallas għotja adegwata lit-trainees fuq tul ta' żmien qasir ukoll, dment li ma jirċevux pagamenti minn sorsi oħra. |
Trasparenza
|
60. |
Jilqa' l-fatt li l-Kumitat beda jippromwovi r-rispett fuq il-post tax-xogħol bil-għan li jiżgura li l-persunal kollu jkun familjari mal-qafas etiku attwali; jinnota li fl-2019 bdiet kampanja wiesgħa ta' sensibilizzazzjoni, imsejħa respect@work, li tinkludi numru ta' proposti mir-Rapport tal-Ombudsman Ewropew dwar id-dinjità fuq ix-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE (SI/2/2018/AMF); jilqa' l-fatt li n-network ta' konsulenti kunfidenzjali ssaħħaħ; jinnota li, wara deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat adotta l-linji gwida tiegħu dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess tal-persunal fil-qadi ta' dmirijietu u pprovda informazzjoni rilevanti lill-persunal kollu; jinnota li l-linji gwida huma maħsuba biex iservu bħala manwal prattiku għall-persunal f'każijiet fejn dawn jeħtieġu li jwettqu dmirijiet li jikkoinċidu, bħal kompiti ta' ġestjoni b'mod parallel mal-attivitajiet ta' rappreżentanza tal-persunal; jistieden lill-Kumitat ikompli jagħmel progress bil-miżuri biex jirreaġixxi għar-rapport tal-Ombudsman; |
|
61. |
Jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar kwalunkwe kisba relatata mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew bħal-linji gwida dwar l-attivitajiet esterni; jinnota li fl-2019 l-Ombudsman ippubblikat ir-rapport tagħha dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-persunal preċedenti ta' livell għoli sabiex tinforza l-projbizzjoni ta' sena ta' lobbjar u rappreżentanza tal-interessi (SI/2/2017/NF) u li l-Kumitat kien qed jeżamina l-possibbiltà li jirrevedi d-deċiżjoni tagħha dwar l-attivitajiet esterni; jistieden lill-Kumitat jieħu din l-opportunità biex isaħħaħ is-sistema tiegħu ħalli jiġi evitat kwalunkwe każ potenzjali ta' kunflitti ta' interess; |
|
62. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fl-2019; jinnota li nagħlqu żewġ każijiet fir-rigward ta' membri u miżapproprjazzjoni tal-fondi tal-Unjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-ammonti ġew irkuprati mill-Kumitat; jinnota li nfetħu żewġ każijiet (wieħed fir-rigward ta' membru u ieħor fir-rigward ta' membru tal-persunal), li minnhom l-ewwel każ għadu għaddej u t-tieni każ ingħalaq fl-2020 mingħajr ma nstab ebda ksur; jinnota li fl-2020 infetħu żewġ każijiet, li minnhom, wieħed, każ mill-2018 – ingħalaq fl-istess sena b'azzjoni frawdolenti minn membru li ġiet ikkonfermata, u l-ieħor għadu għaddej; jinnota li nfetaħ każ ieħor kontra membru u dan għadu għaddej; jinnota li, sa fejn jaf il-Kumitat, bħalissa hemm żewġ investigazzjonijiet miftuħa tal-OLAF, it-tnejn jirrigwardaw membri u mhux relatati mal-fastidju; |
|
63. |
Jinnota li l-approċċ attwali tal-Kumitat biex jikkonferma l-preżenza tal-membri fil-laqgħat huwa konformi mal-aħjar prattiki ta' entitajiet oħra tal-Unjoni bħall-Parlament u l-KtR; jinnota li s-sistema tirrikjedi firma waħda u dikjarazzjoni ta' attendenza f'laqgħa; jinnota li l-Artikolu 4(a) tal-istatut finanzjarju tal-membri jistipula li "sabiex wieħed jibbenefika mir-rimborż tal-ispejjeż jew mill-ħlas tal-allowances, il-benefiċjarju jrid a) jiffirma l-lista tal-attendenza fil-laqgħat, kull meta tinżamm din il-lista, b) jimla l-formola standard tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għal kull jum tal-laqgħa, u c) jissottometti d-dokumenti ta' sostenn xierqa"; |
|
64. |
Iħeġġeġ lill-Kumitat iżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar il-proċeduri u l-proċessi li l-Kumitat vara jew beħsiebu jvara, sabiex jiġu evitati każijiet ta' fastidju jew kwistjonijiet simili li jikkonċernaw il-persunal fil-futur sabiex jiġi żgurat li ma jiġux ripetuti żviluppi sfortunati li kkawżaw tbatija għall-vittmi fil-passat u li għamlu ħsara lir-reputazzjoni tal-Kumitat u tal-Unjoni kollha kemm hi; |
|
65. |
Itenni t-talba tiegħu għal miżuri ċari u b'saħħithom li jipproteġu u jappoġġjaw lill-vittmi ta' fastidju; iħeġġeġ lill-Kumitat jintroduċi regoli u proċeduri speċifiċi dwar il-fastidju; huwa tal-fehma li l-fatt li r-Regolament tal-Persunal ma jistax jiġi impost fuq membru tal-Kumitat ma jistax jitqies bħala skuża għal nuqqas ta' azzjoni. |
Rifjut tal-kwittanza fl-2018, kunflitt ta' interess, fastidju, żvelar ta' informazzjoni protetta
|
66. |
Ifakkar li diversi membri tal-persunal sofrew atti ta' fastidju psikoloġiku mill-president ta' dak iż-żmien tal-Grupp 1 fuq perjodu ta' żmien twil; jiddispjaċih li l-miżuri stabbiliti kontra l-fastidju fil-Kumitat naqsu milli jindirizzaw u joffru rimedju aktar malajr għal dan il-każ minħabba l-pożizzjoni għolja tal-membru kkonċernat; jiddispjaċih tal-fatt li l-miżuri li ttieħdu biex il-vittmi jiġu protetti sa tmiem l-investigazzjoni mill-OLAF jidhru li ġew improvizzati u kienu insuffiċjenti, speċjalment fid-dawl tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Ċivili tat-12 ta' Mejju 2016 (2), li missha serviet ta' lezzjoni għall-Kumitat; jinnota bi tħassib li n-nuqqasijiet fil-proċedimenti interni, inkluża d-diviżjoni mhux ċara tar-responsabbiltajiet ta' rappurtar fil-livell ta' maniġment superjuri, irriżultaw f'nuqqas ta' azzjoni mill-amministrazzjoni tal-Kumitat li ssarraf fi ksur tad-dmir ta' kura u tal-obbligu ta' rapportar lill-OLAF; jikkundanna t-tul ta' żmien li l-Kumitat ħa biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jadatta r-regoli ta' proċedura u l-kodiċi ta' kondotta tal-Kumitat sabiex tiġi evitata sitwazzjoni bħal din fil-futur; |
|
67. |
Ifakkar li l-OLAF identifika l-vittmi ta' fastidju fl-investigazzjoni tiegħu tal-2018; jiddispjaċih li l-vittmi ġew imġiegħla jibdew il-proċess bil-mezzi proprji tagħhom minħabba n-nuqqas ta' azzjoni mill-amministrazzjoni tal-Kumitat; jinnota li s-segwitu tat-talbiet formali mibdija mill-vittmi skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal beda f'Jannar 2020; jinnota bi tħassib li r-rikonoxximent formali tal-istatus ta' vittma seħħ biss fit-2 ta' Ottubru 2020, għalkemm il-Kumitat jallega li rrikonoxxa b'mod impliċitu l-istatus tagħhom xhur qabel; |
|
68. |
Jindika li n-nuqqasijiet tal-Kumitat f'dan il-każ wasslu għal telf materjali ta' fondi pubbliċi fir-rigward tal-ispejjeż legali, il-liv minħabba mard, il-protezzjoni tal-vittmi, it-tnaqqis fil-produttività, il-laqgħat tal-Bureau u korpi oħra, eċċ.; iqis, għaldaqstant, li dan huwa każ ta' tħassib rigward l-obbligu ta' rendikont, il-kontroll baġitarju u l-governanza tajba tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; itenni, f'dan is-sens, dak li ddikjarat il-Qorti fir-Rapport Speċjali 13/2019 tagħha, "L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: hemm lok għal titjib", jiġifieri li l-imġiba etika fl-affarijiet pubbliċi tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja aktar soda u żieda fil-fiduċja pubblika, u li kwalunkwe mġiba mhux etika mill-persunal u mill-membri tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni tattira livelli għoljin ta' interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; |
|
69. |
Ifakkar li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat fir-rigward tas-sena finanzjarja 2018, fost raġunijiet oħra minħabba ksur flagranti tad-dmir ta' diliġenza u n-nuqqas ta' azzjoni mill-amministrazzjoni, flimkien mal-konsegwenzi finanzjarji; ifakkar lill-Kumitat li ċ-ċaħda tal-kwittanza hija kwistjoni serja li teħtieġ azzjoni immedjata; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' azzjoni deċiżiva, b'mod partikolari miżuri ta' prevenzjoni u dawk riparattivi, li ttieħdet mid-direttur ta' dak iż-żmien tal-HR u l-finanzi, li issa huwa s-segretarju ġenerali, sar-rifjut tal-kwittanza tal-2018; |
|
70. |
Jinnota li matul il-proċeduri ta' kwittanza tal-2018 u ta' parti mill-2019, is-Segretarju Ġenerali ma setax jipprovdi informazzjoni suffiċjenti, trasparenti u affidabbli lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament kif jixhed l-għadd ta' drabi li l-informazzjoni pprovduta ġiet miċħuda mill-informaturi, mit-trade unions tal-Kumitat, mit-tim tad-difiża tal-vittmi jew mill-awtur ta' reat innifsu; jistieden lill-Kumitat jieħu nota tad-danni kkawżati lill-vittmi u lill-informaturi, kemm f'termini materjali kif ukoll morali, li jirriżultaw minn appoġġ insuffiċjenti u nuqqas ta' riabilitazzjoni u kumpens leġittimi; jinsab imħasseb immens li l-vittmi kellhom iressqu lment minħabba n-nuqqas ta' azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Kumitat fil-proċedura ta' riabilitazzjoni; ifakkar lill-Kumitat dwar l-obbligu tiegħu li jipproteġi lill-vittmi u lill-informaturi; |
|
71. |
Jirrikonoxxi li l-Kumitat qed jistinka biex isaħħaħ aktar il-kapaċità tiegħu li jindirizza mġiba mhux etika; jinnota li pjan ta' azzjoni dettaljat kien se jiġi approvat sa mhux aktar tard minn tmiem l-2020; jaqbel li l-Kumitat jeħtieġlu jkompli jqajjem kuxjenza dwar il-persunal u l-maniġment permezz ta' komunikazzjoni interna mmirata aħjar dwar l-istrutturi diġà disponibbli biex jgħinu jindirizzaw kwalunkwe tip ta' sitwazzjoni diffiċli fuq il-post tax-xogħol; jitlob lill-Kumitat jagħmel is-sessjonijiet ta' taħriġ dwar l-etika u l-integrità obbligatorji għall-membri tiegħu; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-Parlament b'ħarsa ġenerali kompluta tal-azzjonijiet kollha meħuda; |
|
72. |
Jistieden lill-Kumitat jilħaq b'ħeffa ftehim ta' riżoluzzjoni mal-vittmi ta' fastidju u ta' mġiba ħażina; iqis li t-tmexxija l-ġdida għandha tieħu rwol attiv fin-negozjati dwar ftehimiet ta' riżoluzzjoni mal-vittmi bil-għan li jintlaħaq ftehim ġust u sodisfaċenti bl-appoġġ tal-partijiet kollha kif ukoll biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interessi; jistenna li l-ftehimiet ta' riżoluzzjoni mal-vittmi jkunu bbażati fuq il-prinċipju tat-trasparenza u d-deċenza u li jkunu jinkludu apoloġija pubblika, kundizzjonijiet ġusti ta' kumpens, riabilitazzjoni sħiħa tal-vittmi fl-ambjent tax-xogħol tagħhom u garanzija ta' protezzjoni kontra konsegwenzi negattivi mill-każ; jopponi bil-qawwa l-applikazzjoni ta' kwalunkwe pressjoni fuq il-vittmi biex jiffirmaw klawżoli kontra l-iżvelar u biex ma jitħallewx jipprovdu b'mod kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni rigward ir-riżoluzzjoni lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jistieden lill-Kumitat jirrapporta fid-dettall dwar il-miżuri protettivi u kompensatorji offruti; jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali tal-vittmi identifikati; |
|
73. |
Jinnota d-deċiżjonijiet meħuda mill-assemblea ġenerali tal-Kumitat b'maġġoranza kbira fit-28 ta' Jannar 2021 u jilqa' l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta ġdid, li jirrevoka u jieħu post il-kodiċi adottat f'Marzu 2019, u l-istabbiliment ta' qafas iddedikat għall-etika u l-integrità; josserva li l-kodiċi ta' kondotta issa fih reġim ta' sanzjonijiet li huwa proporzjonali għas-severità tal-imġiba mhux etika; jilqa' b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji u l-possibbiltà li membru jitkeċċa mill-Kumitat; iħeġġeġ lill-Kumitat jinforza sanzjonijiet meta jkun meħtieġ, kif ukoll id-dispożizzjonijiet imtejba dwar id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji u dwar il-kunflitt ta' interess; iħeġġeġ lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikunu infurmati dwar l-ismijiet tal-membri tal-Kumitat li jkunu nstabu li huma responsabbli għall-ksur tal-kodiċi ta' kondotta; jifraħ lill-Kumitat għall-kodiċi ta' kondotta ambizzjuż, komprensiv u msaħħaħ li jindirizza l-kummenti tal-Parlament kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Ombudsman Ewropew; jinnota b'sodisfazzjon l-enfasi fuq l-imġiba xierqa tal-membri tal-Kumitat u r-rispett tad-dinjità u l-integrità tal-membri tal-persunal; jistenna osservanza stretta mill-membri kif ukoll attitudni koerenti mit-tmexxija politika tal-Kumitat, inklużi t-tliet gruppi interni li jirrappreżentaw lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lis-soċjetà ċivili; |
|
74. |
Jissottolinja li abbażi tal-osservazzjonijiet magħmula mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, ir-rapport mill-OLAF u r-riflessjonijiet tal-kumitat konsultattiv tal-kumitat dwar l-imġiba tal-membri, il-Kumitat waqqaf grupp ta' ħidma intern konġunt dwar il-qafas etiku b'mandat biex jirrevedi d-diskrepanzi potenzjali kollha fil-qafas attwali bil-għan li jirrakkomanda titjib; jinnota li l-kumitat konsultattiv għandu wkoll l-opportunità li jikkollabora mal-grupp ta' ħidma intern konġunt sabiex jiżgura l-koerenza tal-qafas etiku ġenerali fil-Kumitat u biex jesplora sinerġiji possibbli; jinnota li l-kumitat konsultattiv dwar l-imġiba tal-membri sar il-kumitat tal-etika u li żdiedet dispożizzjoni dwar il-ħatra tal-membri ta' riżerva, kif ukoll il-possibbiltà li wieħed mill-membri tal-kumitat jastjeni, jew jitneħħa jekk jinstab ħati ta' ksur tal-kodiċi ta' kondotta; jilqa' l-fatt li l-Kumitat issa għandu setgħat investigattivi espliċiti sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu, u jista' wkoll jitlob parir minn esperti esterni; jissuġġerixxi bil-qawwa li l-Kumitat tal-etika jistabbilixxi konsultazzjoni permanenti mas-servizz legali tal-Kumitat, aktar milli konsultazzjoni fakultattiva, speċjalment meta tinfetaħ investigazzjoni; jinnota li l-Kumitat aġġorna wkoll il-qafas tal-etika u tal-integrità tiegħu permezz tal-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għal qafas etiku aktar b'saħħtu, li daħal fis-seħħ fis-7 ta' Jannar 2021; jistenna ġabra robusta u affidabbli ta' miżuri rigward il-protezzjoni, il-projbizzjoni tar-ritaljazzjoni, u l-appoġġ tal-vittmi; |
|
75. |
Jinnota li l-mandat mogħti mill-Bureau f'Ġunju 2020 biex jiġu abbozzati proposti għar-reviżjoni tal-kodiċi ta' kondotta u d-dispożizzjonijiet tar-regoli ta' proċedura dwar il-kodiċi ta' kondotta ġie pospost mill-Bureau fil-15 ta' Settembru 2020 minħabba li membru partikolari, li kellu r-rwol ta' president tal-Grupp 1, irrakkomanda li d-deċiżjoni tal-kumitat konsultattiv dwar ir-regoli ta' proċedura tiġi posposta għal wara Ottubru 2020; jinsab imħasseb li membru partikolari li nstab responsabbli għal fastidju kien għadu attiv fil-Bureau wara r-rakkomandazzjoni tal-OLAF u rnexxielu jdewwem l-adozzjoni tal-kodiċi ta' kondotta l-ġdid għall-membri; |
|
76. |
Jitlob lill-Kumitat jipprovdi lis-servizz legali tiegħu bi strateġija ta' ħidma formali biex jiżgura li jkun involut b'mod uffiċjali u sistematiku fl-aktar kwistjonijiet importanti tal-Kumitat mingħajr ma jħalli d-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi kkonsultat f'idejn is-servizzi differenti; iqis it-tweġibiet irċevuti għall-mistoqsijiet f'dan ir-rigward bħala insuffiċjenti u jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-Parlament dwar x'sar biex is-servizz legali tiegħu jiġi inkluż b'mod aktar sistematiku u indipendenti; |
|
77. |
Japprezza l-fatt li awditu intern dwar l-etika u l-integrità se jieħu l-forma ta' eżerċizzju ta' mmappjar segwit minn analiżi bil-għan li tiġi stabbilita ħarsa ġenerali komprensiva tar-regoli, l-istandards u l-miżuri fir-rigward tal-etika u l-integrità; jinnota li l-awditu se jindirizza wkoll kwistjonijiet bħal rigali u divertiment, attivitajiet u assenjazzjonijiet esterni, kunflitti ta' interessi u impjiegi ta' wara t-tluq mix-xogħol minn mal-Unjoni; |
|
78. |
Jinsab imħasseb li minkejja d-deċiżjoni tal-Bureau ta' Lulju 2020, fl-1 ta' Diċembru 2020 il-Bureau approva l-ħatra ta' membru investigat bħala rappreżentant tal-Grupp 1 għall-kategorija dwar it-trasport, u awtomatikament tpoġġa f'kuntatt mal-persunal tal-Grupp 1, inklużi l-vittmi tiegħu; |
|
79. |
Jilqa' l-laqgħa magħmula mill-OLAF f'Lulju 2019 sabiex tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tal-ftehim amministrattiv bejn l-OLAF u l-Kumitat sabiex każijiet ta' fastidju possibbli relatati mal-membri jitqiesu bħala prijorità għolja; jinnota li f'dan l-istadju, il-Kumitat ma jistax jiddependi minn kapaċità ta' investigazzjoni indipendenti esterna għall-każijiet ta' fastidju (minbarra l-OLAF); jinnota li l-kuntatti man-network tal-aġenziji u mal-uffiċċju dixxiplinarju tal-Kummissjoni s'issa ma kinux konklużivi; japprezza l-fatt li din il-kwistjoni qed tiġi eżaminata wkoll bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja tad-deċiżjoni dwar l-inkjesti amministrattivi; |
|
80. |
Jenfasizza, fir-rigward tas-sejbiet tal-OLAF dwar fastidju fil-konfront ta' membru tal-Kumitat u skont id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tad-9 ta' Ġunju 2020, li l-membru inkwistjoni tneħħewlu kompletament il-kompiti kollha relatati mal-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-persunal tas-segretarjat tal-Grupp 1 sa tmiem il-mandat tiegħu; jinnota li fis-7 ta' Settembru 2020 il-membru rtira l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta' president tal-Kumitat; jiddispjaċih li, minħabba l-prinċipju legali tan-nonretroattività tas-sanzjonijiet, ir-reġim ta' sanzjonijiet infurzati skont il-kodiċi ta' kondotta rivedut ma jistax jiġi applikat f'dan il-każ speċifiku; madankollu jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-awtur ta' reat inħatar mill-Kunsill bħala membru għal mandat ġdid, u li l-vittmi u l-informaturi qegħdin jirriskjaw li jiffaċċjaw ritaljazzjoni minnu jew minn dawk li jappoġġjawh fil-Kumitat; jenfasizza l-fatt li huwa ma jirrikonoxxix jew jiddispjaċih għall-irregolaritajiet tiegħu, li juri nuqqas totali ta' awtoriflessjoni u rispett għall-vittmi kkonċernati; |
|
81. |
Itenni t-tħassib tiegħu għall-fatt li s-sit web tal-Kumitat għadu juri dikjarazzjoni mill-membru kkonċernat fil-kapaċità tiegħu bħala president tal-Grupp 1, li fir-realtà hija xhieda personali ta' awtodifiża, bil-fattur aggravanti li l-każijiet imsemmija huma diġà pendenti jew huma mistennija li jitressqu quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Unjoni u l-awtoritajiet Belġjani; |
|
82. |
Jinnota li fil-kuntest tal-applikazzjoni għal miżuri provviżorji mressqa mill-membru msemmi hawn fuq quddiem il-Qorti Ġenerali (KN vs KESE, T-377/20), bil-għan li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 2020 tal-Bureau tal-Kumitat, il-Qorti Ġenerali rrifjutat l-applikazzjoni minħabba li ma ssodisfatx il-kundizzjoni ta' urġenza; jinnota li l-proċedimenti prinċipali fil-każ, li qed jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq, għadhom għaddejjin; |
|
83. |
Jinnota li s-sessjoni plenarja tal-Kumitat tal-15 u tas-16 ta' Lulju 2020 ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bureau tad-9 ta' Ġunju 2020 rigward is-sħubija tal-Kumitat bħala parti ċivili fil-proċedura li se tinfetaħ mill-Awditur tax-Xogħol ta' Brussell quddiem il-Qorti Kriminali ta' Brussell; jinnota li l-Awditur tax-Xogħol ta' Brussell ġie infurmat bit-tneħħija tal-immunità tal-membru, iżda sal-lum ma waslet l-ebda informazzjoni oħra dwar il-proċedimenti. |
|
84. |
Jinsab imħasseb ħafna li, f'April 2021, il-KESE għadu qed jonqos mid-dmir ta' diliġenza tiegħu fir-rigward tal-vittmi ta' fastidju u mġiba ħażina gravi minħabba l-fatt li kkonkluda biss ftehimiet ta' riżoluzzjoni ma' 2 mill-4 vittmi u għadu ma ppubblikax l-apoloġija pubblika li wiegħed; |
(1) Id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1).
(2) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla) tat-12 ta' Mejju 2016, FS vs il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), F-50/15, ECLI:EU:F:2016:119.