28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/21


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2208

tat-22 ta’ Diċembru 2020

li jinkludi lir-Renju Unit bħala pajjiż terz awtorizzat għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħuxlief u tiben

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ċerti prodotti tal-pjanti, inkluż ħuxlief u tiben, iġorru riskju ta’ tixrid ta’ mard infettiv jew kontaġjuż għall-annimali.

(2)

L-Artikolu 128(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi l-elementi li jenħtieġ jiġu inklużi fil-miżuri neċessarji biex jitrażżnu tali riskji.

(3)

L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 (2) jirrikjedi kontrolli veterinarji għall-prodotti tal-pjanti elenkati fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament, inkluż it-tiben u l-ħuxlief. L-Anness V ta’ dak ir-Regolament jelenka l-pajjiżi li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati jimportaw ħuxlief u tiben u jispeċifika l-kundizzjonijiet għal importazzjonijiet bħal dawn.

(4)

Il-kodiċijiet NM għall-ħuxlief u t-tiben huma previsti fil-Kapitolu 12 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 (3).

(5)

Filwaqt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 (4) ħassar ir-Regolament (KE) Nru 136/2004, fl-istess ħin ippreveda li l-Artikolu 9 u l-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 jibqgħu applikabbli sal-21 ta’ April 2021.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2130 japplika għall-ħuxlief u t-tiben li jidħlu fl-Unjoni. Dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprovdi regoli dettaljati għal verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi li għandhom jitwettqu fuq ħuxlief u tiben fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(7)

Fid-dawl ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ) fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit talab li jkun jista’ jkompli l-esportazzjonijiet tiegħu ta’ ħuxlief u tiben lejn l-Unjoni.

(8)

Barra minn hekk, il-ħuxlief u t-tiben huma komoditajiet li jġorru riskju ta’ trażmissjoni ta’ mard għas-saħħa tal-annimali. Madankollu, l-istatus attwali tas-saħħa tal-annimali tar-Renju Unit ma joħloq l-ebda preokkupazzjoni fir-rigward tal-esportazzjonijiet ta’ ħuxlief u tiben lejn l-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li l-ħuxlief u t-tiben li joriġinaw mir-Renju Unit jiġu soġġetti għal verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni.

(9)

Ir-Renju Unit ipprovda l-garanziji meħtieġa li kienu jissodisfaw ir-Regolament (KE) Nru 136/2004 biex pajjiż terz jiġi elenkat fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament u biex jiġi inkluż fil-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati jimportaw ħuxlief u tiben. Filwaqt li jitqies ir-riskju potenzjali għas-saħħa tal-annimali kif ukoll il-garanziji pprovduti mir-Renju Unit, dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jiġi inkluż bħala pajjiż terz li minnu l-Istati Membri huma awtorizzati jimportaw ħuxlief u tiben, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (5), li pprovdiet il-bażi ġuridika għar-Regolament (KE) Nru 136/2004, tħassret bl-Artikolu 146(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għalhekk ma setgħetx isservi bħala bażi ġuridika għall-inklużjoni tar-Renju Unit fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004.

(11)

Peress li l-lista ta’ pajjiżi terzi minn fejn l-Istati Membri jistgħu jimportaw ħuxlief u tiben fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 għadha applikabbli sal-21 ta’ April 2021, il-Kummissjoni għadha ma adottat l-ebda att delegat skont l-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 biex tistabbilixxi li ħuxlief u tiben jidħlu biss fl-Unjoni minn pajjiż terz jew reġjun ta’ pajjiż terz li jidher fuq lista mfassla mill-Kummissjoni għal dak l-iskop. B’konsegwenza ta’ dan, ir-Renju Unit ma jistax jiġi inkluż f’din il-lista skont l-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2017/625. Għalhekk, ir-Renju Unit jenħtieġ li jiġi inkluż bħala pajjiż terz li minnu l-Istati Membri huma awtorizzati jimportaw ħuxlief u tiben soġġett għar-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu fuq oġġetti soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2130.

(12)

Sakemm il-lista fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 tiġi sostitwita b’miżura adottata skont ir-Regolament (UE) 2017/625, huwa xieraq li jiġu permessi importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħuxlief u tiben li ġejjin u li joriġinaw mir-Renju Unit. Dan jippermetti li l-kummerċ mar-Renju Unit ikompli, filwaqt li jitqies l-istatus attwali tas-saħħa tal-annimali tar-Renju Unit.

(13)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħuxlief (il-kodiċi NM ex 1214 90, kif imsemmi fil-Kapitolu 12 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2007) u tiben (il-kodiċi NM ex 1213 00 00, kif imsemmi fil-Kapitolu 12 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2007) ġejjin minn u joriġinaw fil-Gran Brittanja u fid-Dipendenzi tal-Kuruna għandhom jiġu awtorizzati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 tat-18 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati minnhom u ħuxlief u tiben soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE (ĠU L 312, 3.12.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu waqt il-verifiki tad-dokumenti, tal-identità, u fiżiċi, fuq l-annimali u l-oġġetti li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u wara li jkunu saru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 128).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).