SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
4 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 34 – Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni – Obbligu li persuna tgħaddi, taħt piena ta’ multa, minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika – Persuna li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali li ma għaddietx minn tali eżami fit-terminu previst – Obbligu li titħallas multa – Obbligu li jitħallsu l-ispejjeż kollha tal-korsijiet u tal-eżamijiet ta’ integrazzjoni ċivika – Possibbiltà li jinkiseb self sabiex jitħallsu dawn l-ispejjeż”
Fil-Kawża C‑158/23 [Keren] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
T.G.
vs
Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen u M. Gavalec, Presidenti ta’ Awla, E. Regan (Relatur), I. Ziemele u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Lamote, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Frar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal T.G., minn E. E. M. Bezem, advocate, u S. Rafi, experte, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, H. S. Gijzen u C. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, J. Hottiaux u S. Noë, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T.G. u l-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u għax-Xogħol, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar, minn naħa, impona multa fl-ammont ta’ EUR 500 fuq T.G., minħabba li dan tal-aħħar ma kienx għadda fit-terminu previst mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika previst mid-dritt Olandiż għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, ordna lil T.G. iħallas lura s-self fl-ammont ta’ EUR 10000 li kien ingħatalu mill-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi sabiex ikun jista’ jiffinanzja l-ispejjeż tal-programm ta’ integrazzjoni ċivika. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din ġiet issupplimentata u emendata bil-Protokoll relatat mal-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). |
|
4 |
L-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, intitolat “Naturalizzazzjoni”, jipprevedi: “L-Istati kontraenti għandhom jiffaċilitaw, sa fejn huwa possibbli, l-assimilazzjoni u n-naturalizzazzjoni tar-refuġjati. B’mod partikolari, huma għandhom jagħmlu ħilithom biex iħaffu l-proċedura ta’ naturalizzazzjoni u jnaqqsu, sa fejn huwa possibbli, it-taxxi u l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.” |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE
|
5 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.” |
Id-Direttiva 2011/95
|
6 |
Il-premessi 12, 41 u 47 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.” |
|
8 |
Il-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kontenut ta’ Protezzjoni Internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 35. |
|
9 |
L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, persuni anzjani, nisa tqal, ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri, vittimi ta’ traffikar tal-bniedem, persuni b’mard mentali u persuni li jkunu ġew suġġetti għal tortura, stupru, jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Permessi ta’ residenza”: “1. Kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3). Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1), il-permess ta’ residenza li jrid jinħareġ lill-membri tal-familja tal-benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjati jista’ jkun validu għal inqas minn tliet snin u jkun jiġġedded. 2. Kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta’ residenza li jista’ jiġġedded irid ikun validu għal mill-inqas sena u, f’każ ta’ tiġdied, għal mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.” |
|
11 |
L-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni”, jipprovdi: “Sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni li jqisu li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi.” |
Id-dritt Olandiż
|
12 |
Il-Wet houdende algemene regels van bestuursrecht (algemene wet bestuursrecht) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli Ġenerali tad-Dritt Amministrattiv (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv)), tal-4 ta’ Ġunju 1992 (Stb. 1992, Nru 315), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 3:4: “1. Il-korp amministrattiv għandu jsib bilanċ bejn l-interessi direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġi jew min-natura tal-kompetenza li għandha tiġi eżerċitata. 2. L-effetti negattivi ta’ deċiżjoni għal persuna kkonċernata waħda jew għal diversi persuni kkonċernati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni.” |
|
13 |
L-Artikolu 5:46 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Sakemm l-ammont tal-multa amministrattiva ma jkunx stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni legali, il-korp amministrattiv għandu jadatta l-multa amministrattiva għall-gravità tal-ksur u sal-estent li din tista’ tiġi attribwita lill-persuna li wettqet il-ksur. Għal dan l-għan, il-korp amministrattiv għandu jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkustanzi li fihom twettaq il-ksur. […]” |
|
14 |
Il-Wet inburgering (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika”), tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha: “Huwa marbut bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ċ-ċittadin barrani li jikseb residenza regolari, fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (c) tal-Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Sħiħa tal-Liġi dwar il-Barranin (il-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin)), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), u li:
|
|
15 |
L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika huwa fformulat kif ġej: “1. Il-Ministru għandu jeżenta lill-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika meta din tkun stabbilixxiet li, minħabba diżabbiltà psikoloġika jew fiżika, jew defiċjenza mentali, hija tkun għal żmien twil inkapaċi li tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika. 2. Il-Ministru għandu jeżenta lill-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c), jekk, abbażi tal-isforzi murija pprovduti mill-persuna marbuta b’dan l-obbligu, ikun jidher li hija ma tistax raġonevolment tissodisfa dawn il-partijiet.” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi: “1. Il-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandha tgħaddi minn:
2. L-eżami ta’ integrazzjoni ċivika għandu jinkludi il-partijiet li ġejjin: […]
[…] 4. Il-Ministru għandu jipproponi l-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fil-paragrafu 2(b) u (c).” |
|
17 |
L-Artikolu 7b tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. Il-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandha tgħaddi, fi żmien tliet snin, mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c). 2. It-terminu ta’ tliet snin, imsemmi fil-paragrafu 1, jibda jiddekorri mill-mument li fih iċ-ċittadin barrani jkun marbut bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. 3. Il-Ministru għandu jestendi t-terminu ta’ tliet snin, imsemmi fil-paragrafu 1:
|
|
18 |
L-Artikolu 16 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej: “1. Il-Ministru għandu jagħti, fuq talba, self lill-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika jekk jiġu ssodisfatti r-regoli, li għandhom jiġu stabbiliti permezz jew bis-saħħa ta’ miżura amministrattiva ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li taħthom jingħata s-self u l-mod kif dan jingħata u f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni, fi stabbiliment li jagħti korsijiet, f’kors ta’ taħriġ bl-għan tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew ta’ diploma, ta’ ċertifikat jew ta’ dokument ieħor imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c). 2. Id-dritt li wieħed jibbenefika minn self ma jkunx jeżisti, jew ma jibqax jeżisti, jekk il-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika: […]
3. L-ammont tas-self jitħallas lill-istituzzjoni li tipprovdi l-korsijiet u liċ-ċentru tal-eżami maħtura mill-persuna li għandha l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. 4. Il-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika jew il-persuna preċedentement marbuta b’dan l-obbligu għandha tirrimborsa s-self, flimkien mal-interessi kkalkolati skont regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn jew skont miżura amministrattiva ġenerali. […]” |
|
19 |
L-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-Ministru għandu jimponi multa amministrattiva fuq persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li ma tkunx għaddiet mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c) fit-terminu stipulat fl-Artikolu 7b(1), jew fit-terminu estiż skont il-parti introduttiva u l-punt (a) tal-Artikolu (8)(1). […]” |
|
20 |
L-Artikolu 32 ta’ din il-liġi jipprovdi: “Fid-deċiżjoni li timponi l-multa msemmija fl-Artikolu 31(1), il-Ministru għandu jistipula terminu massimu ġdid ta’ sentejn li fih il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandha, wara n-notifika tad-deċiżjoni li timponi l-multa, finalment tgħaddi mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c).” |
|
21 |
Skont l-Artikolu 33 tal-imsemmija liġi: “1. Il-Ministru għandu jimponi multa amministrattiva fuq persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li ma għaddietx mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c) fit-terminu stipulat fl-Artikolu 32. L-Artikolu 32 għandu japplika mutatis mutandis. 2. Jekk il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, wara l-iskadenza tat-terminu stipulat fl-Artikolu 32, ma tgħaddix mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c), il-Ministru għandu jimponi multa amministrattiva fuq dik il-persuna kull sentejn.” |
|
22 |
Il-Besluit inburgering (id-Digriet dwar l-Integrazzjoni Ċivika), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Integrazzjoni Ċivika”), jipprevedi, fl-Artikolu 2.8a tiegħu: “1. Il-Ministru għandu jagħti, fuq talba, eżenzjoni mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, jekk ikun tal-fehma li persuna marbuta b’dan l-obbligu tkun, b’mod li jista’ jintwera, wettqet b’mod suffiċjenti l-programm ta’ integrazzjoni ċivika. […]” |
|
23 |
L-Artikolu 4.1a tad-Digriet dwar l-Integrazzjoni Ċivika jipprovdi: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi [dwar l-Integrazzjoni Ċivika], self ta’ ammont massimu ta’ EUR 10000 jista’ jingħata lill-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika sabiex tkopri l-ispejjeż sabiex:
2. L-ammont tas-self huwa ddeterminat abbażi tal-ammont tad-dħul ta’ riferiment, li għandu jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (5) tal-Algemene wet inkomensafhankelijke regelingen (il-Liġi Ġenerali dwar l-Iskemi Bbażati fuq Kundizzjonijiet tar-Riżorsi), tat-23 ta’ Ġunju 2005 (Stb. 2005, 345), tal-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika u tas-sieħeb jew tas-sieħba tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi ġenerali. 3. Il-paragrafu 2 ma japplikax għall-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmi fil-paragrafu 1, li twettaq residenza regolari abbażi ta’:
[…] 4. Is-self intiż sabiex jiġi segwit kors jingħata biss jekk il-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ssegwi kors ma’ stabbiliment li jagħti korsijiet li huwa detentur ta’ ċertifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tal-Liġi [dwar l-Integrazzjoni Ċivika] jew ta’ tikketta msemmija fl-Artikolu 12a(1) ta’ din il-liġi.” |
|
24 |
L-Artikolu 4.2 tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika huwa fformulat kif ġej: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-Liġi [dwar l-Integrazzjoni Ċivika], il-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandha dritt għall-benefiċċju tas-self matul it-terminu msemmi [fl-Artikolu] 7b(1) ta’ din il-liġi, matul it-terminu estiż imsemmi [fl-Artikolu] 7b(3) tal-imsemmija liġi u matul it-terminu indikat fid-deċiżjoni li timponi l-multa, imsemmi fl-Artikoli 29 u 32 tal-istess liġi.” |
|
25 |
L-Artikolu 4.6 ta’ dan id-digriet jipprevedi: “1. It-terminu għar-rimbors huwa ta’ mhux iktar minn għaxar snin. […]” |
|
26 |
L-Artikolu 4.9 tal-imsemmi digriet jipprovdi li: “Jekk id-debitur ma jkunx f’pożizzjoni li jħallas il-pagament mensili ddeterminat skont l-Artikolu 4.8, huwa jista’ jressaq talba quddiem il-Ministru sabiex jiddetermina l-kapaċità finanzjarja tiegħu għall-perijodu ta’ rimbors li jifdal.” |
|
27 |
Skont l-Artikolu 4.13 tal-istess digriet: “1. Id-dejn jista’, fuq talba tal-persuna marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, ikun is-suġġett ta’ maħfra tad-dejn, kollu jew parti minnu, mogħti mill-Ministru fil-każijiet li għandhom jiġu nnominati permezz ta’ regolament tal-Ministru. […] 3. Għandha tingħata ex officio maħfra sħiħa tad-dejn liċ-ċittadini barranin, kif imsemmija fl-Artikolu 4.1a(3), li huma marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika mill-1 ta’ Jannar 2013 jew wara din id-data, jekk:
4. Il-maħfra tad-dejn, imsemmija fil-paragrafu 3, għandha tingħata biss jekk iċ-ċirkustanza msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tiegħu tkun seħħet matul it-terminu msemmi fl-Artikolu 7a(1) tal-Liġi [dwar l-Integrazzjoni Ċivika] jew it-terminu msemmi fl-Artikolu 7b(1) ta’ din il-liġi, jew it-terminu estiż skont l-Artikolu 7a(3) tal-imsemmija liġi jew tal-Artikolu 7b(3) tagħha, jew permezz jew skont il-parti introduttiva u l-punt (a) tal-Artikolu 8(1) tal-istess liġi.” |
|
28 |
Ir-Regeling inburgering (ir-Regolament dwar l-Integrazzjoni Ċivika), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikolu 3.1 tiegħu: “L-ispejjeż tal-eżami msemmija fl-Artikolu 3.3(1) tad-Digriet dwar l-Integrazzjoni Ċivika jammontaw għal:
|
|
29 |
Il-Beleidsregel boetevastelling inburgering (il-Linji Gwida dwar id-Determinazzjoni tal-Multi fil-Kuntest tal-Integrazzjoni Ċivika), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedu, fl-Artikolu 1 tagħhom: “Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa msemmi fil-parti introduttiva u fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 34 tal-[Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika], għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan li ġej:
2. L-ammont tal-multa huwa stabbilit abbażi tat-tabella ta’ multi, li tinsab fl-anness ta’ dawn il-linji gwida.” |
|
30 |
It-tabella prevista fl-Artikolu 1(2) tal-anness ta’ dawn il-linji gwida hija intiża sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa skont in-numru ta’ sigħat, segwiti mill-persuna kkonċernata, ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika jew ta’ korsijiet tal-lingwa Olandiża bħala t-tieni lingwa u tan-numru ta’ drabi li hija ppreżentat ruħha għall-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew tal-eżami tal-Istat tal-lingwa Olandiża bħala t-tieni lingwa. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll dan li ġej: “Persuna li għal mill-inqas 300 siegħa tkun ipparteċipat f’kors ta’ integrazzjoni ċivika jew f’kors tal-lingwa Olandiża bħala t-tieni lingwa u li tkun ippreżentat ruħha mill-inqas darbtejn għall-partijiet li ma għaddietx minnhom fl-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew fl-eżami tal-Istat tal-lingwa Olandiża bħala t-tieni lingwa tista’ tibbenefika minn estensjoni tat-terminu ta’ integrazzjoni ċivika abbażi tal-Artikolu 2.4c(1) tar-Regolament dwar l-integrazzjoni ċivika minħabba qbiż tat-terminu ta’ integrazzjoni ċivika li ma jistax jiġi invokat fil-konfront tagħha. F’dan il-każ, ma tiġi imposta l-ebda multa.” |
|
31 |
Skont dan l-Artikolu 1(2), l-ammont tal-multa stabbilit abbażi ta’ din it-tabella għandu jitnaqqas fid-dawl tas-suċċess miksub fil-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew tal-eżami tal-Istat tal-lingwa Olandiża bħala t-tieni lingwa kif ġej: “parti tal-eżami eżaminata b’suċċess: 20 % ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa; 2 partijiet tal-eżami eżaminati b’suċċess: 40 % ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa; 3 partijiet tal-eżami eżaminati b’suċċess: 60 % ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa; 4 partijiet jew iktar tal-eżami eżaminati b’suċċess: 80 % ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
32 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Eritrea, wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-età ta’ 17-il sena u, sussegwentement, ġie rrikonoxxut bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Fit-8 ta’ Jannar 2016, meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien laħaq l-età ta’ 18-il sena, il-Ministru informah li, mill-1 ta’ Frar ta’ wara, huwa kien marbut bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika skont il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika, li kien ifisser li huwa kellu jgħaddi, bħala prinċipju fi żmien tliet snin, mill-partijiet kollha tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika. Il-Ministru estenda dan it-terminu diversi drabi, l-aħħar darba sal-1 ta’ Frar 2020, minħabba li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien irrisjeda fit-tul f’ċentru ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil u kien segwa taħriġ. Sussegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għamel parti minn diversi korsijiet u eżamijiet ta’ integrazzjoni ċivika. Madankollu, huwa ma ppreżentax ruħu għal ċerti korsijiet u eżamijiet u ma għaddiex minn dawk li kien preżenti għalihom. |
|
33 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2020, il-Ministru impona fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali multa fl-ammont ta’ EUR 500 u ddeċieda li dan kellu jirrimborsa kompletament is-self li huwa kien ikkuntratta mad-Dienst Uitvoering Onderwijs (is-Servizz ta’ Implimentazzjoni tat-Tagħlim, il-Pajjiżi l-Baxxi), li kien jammonta għal EUR 10000, minħabba li huwa ma kienx wettaq il-programm ta’ integrazzjoni ċivika fit-terminu previst. |
|
34 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2021, il-Ministru ddikjara infondat l-ilment imressaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2020. |
|
35 |
Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Novembru 2021, ir-rechtbank (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, il-Pajjiżi l-Baxxi) adita ddikjarat infondat ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2021. Dik il-qorti qieset, effettivament, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tikser l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, peress li kienet tistabbilixxi skema li toffri possibbiltajiet għal estensjoni, eżenzjonijiet u dispensi li jippermettu li jiġi adottat approċċ skont il-każ jekk dan ikun meħtieġ. Is-self mogħti jista’, barra minn hekk, jiġi rrimborsat skont il-kapaċità finanzjarja tal-persuna kkonċernata. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma nkisirx, peress li l-Ministru kien ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha invokati u peress li kien ibbilanċjahom. Skont l-imsemmija qorti, il-Ministru qies b’mod suffiċjenti s-sitwazzjoni personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali billi estenda t-terminu ta’ integrazzjoni ċivika minn tlieta għal erba’ snin u billi naqqas l-ammont tal-multa imposta. Fl-aħħar nett, l-istess qorti ddeċidiet, b’riferiment għas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369), li l-ammont ta’ din il-multa ma kienx għoli wisq u li l-Ministru ma kellux jirrinunzja għall-impożizzjoni tal-imsemmija multa jew għall-applikazzjoni tal-obbligu ta’ rimbors tas-self. |
|
36 |
Fit-2 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri sena u 10 xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ integrazzjoni ċivika, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie eżentat mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, peress li, skont il-Ministru, sa dak iż-żmien, huwa kien għamel biżżejjed sforzi sabiex jispiċċa l-programm ta’ integrazzjoni ċivika. Dik l-eżenzjoni hija, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-ħlas tal-multa u tar-rimbors tas-self. |
|
37 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2021. |
|
38 |
Fil-kuntest tal-appell tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 ġie traspost b’mod żbaljat fid-dritt Olandiż. Fil-fatt, minn dan l-artikolu jirriżulta dritt pożittiv għall-integrazzjoni, filwaqt li l-ammont għoli tal-multa u l-obbligu ta’ rimbors tas-self previsti fid-dritt Olandiż jostakolaw, għall-kuntrarju, din l-integrazzjoni. L-ispejjeż għoljin previsti f’dan id-dritt jikkostitwixxu wkoll ostakolu għall-aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, fl-imsemmi dritt, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni biżżejjed il-bżonnijiet speċifiċi u d-diffikultajiet ta’ integrazzjoni partikolari tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, b’mod partikolari, il-Ministru kellu jirrinunzja għall-impożizzjoni tal-multa u għat-talba tar-rimbors tas-self f’dan il-każ. |
|
39 |
Skont il-Ministru, id-Direttiva 2011/95 ma tipprekludix is-sistema ta’ integrazzjoni ċivika prevista mid-dritt Olandiż, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu l-possibbiltà li jipparteċipa fi programmi ta’ integrazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369), jirriżulta li multa, bħala inċentiv sabiex jitwettaq il-programm ta’ integrazzjoni ċivika, hija aċċettabbli u li l-multa imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali hija xierqa u neċessarja. Il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jirrimborsa s-self kollu ma huwiex irraġonevoli. Min-natura tiegħu, self għandu jiġi rrimborsat kollu kemm hu u r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie eżentat mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika biss ferm wara l-iskadenza tat-terminu previst. |
|
40 |
Fid-dawl tal-motivi mqajma quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 jipprekludix l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni ċivika fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li jinkludi l-obbligu li jgħaddu, taħt piena ta’ multa, mill-eżamijiet ikkonċernati, bħala prinċipju, f’terminu ta’ tliet snin, u l-fatt li l-ispejjeż tal-programmi ta’ integrazzjoni jitħallsu mill-persuni marbuta b’dan l-obbligu. |
|
41 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, ċertament, fil-punt 48 tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369), li obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati ta’ għarfien li jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni, utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti u li tali obbligu, flimkien ma’ multa, jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2003/109. Madankollu, il-qorti tar-rinviju toqgħod lura milli tapplika dan it-tagħlim għall-kawża prinċipali, peress li din id-direttiva tagħti, fl-Artikolu 5(2) tagħha, il-possibbiltà lill-Istati Membri li jimponu obbligu ta’ integrazzjoni, filwaqt li tali possibbiltà ma hijiex prevista mid-Direttiva 2011/95. Differenza oħra bejn dawn iż-żewġ testi tinsab fil-fatt li din id-direttiva tal-aħħar tikkonċerna persuni li għandhom bżonn protezzjoni, iżda li ma jixtiqux neċessarjament jistabbilixxu ruħhom fit-tul fl-Istat Membru ospitanti. |
|
42 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li mill-punt 95 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413), jidher li jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali sabiex jagħtu jew jirrifjutaw il-benefiċċji sostanzjali ggarantiti mid-Direttiva 2011/95, li fosthom hemm id-dritt ta’ aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk obbligu ta’ integrazzjoni jikkostitwixxix restrizzjoni għal dan id-dritt jew jekk dan jikkostitwixxix biss garanzija li l-persuni kkonċernati effettivament jintegraw ruħhom. |
|
43 |
Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tenfasizza li, fil-proposta tagħha għal regolament intiż li jissostitwixxi d-Direttiva 2011/95 (Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2016 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (COM(2016) 466 final)), il-Kummissjoni Ewropea introduċiet dispożizzjoni li tippermetti espressament li “[l]-Istati Membri jagħmlu mandatorja l-parteċipazzjoni […] f’miżuri ta’ integrazzjoni”. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk minn dan għandux jiġi dedott li tali obbligu għadu ma huwiex previst mid-Direttiva 2011/95 jew jekk din il-proposta tistabbilixxix biss fakultà diġà eżistenti. |
|
44 |
Fil-każ fejn obbligu ta’ integrazzjoni ċivika jista’ jiġi impost, il-qorti tar-rinviju tqis li, bħala prinċipju, il-Ministru għandu d-dritt li jorbot ma’ dan l-obbligu multa, sakemm din tal-aħħar tkun proporzjonata. |
|
45 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispejjeż tal-programmi ta’ integrazzjoni, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-fatt li jiġi impost il-ħlas tat-totalità ta’ dawn l-ispejjeż fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jmur kontra l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, fid-dawl tal-ammont għoli tal-imsemmija spejjeż u tal-kapaċità finanzjarja ġeneralment limitata ta’ dawn il-benefiċjarji. Il-possibbiltà li jintalab self sabiex jiġu ffinanzjati l-istess spejjeż ma tbiddel xejn minn dan. Għalkemm jista’ jiġi sostnut li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom huma stess il-kontroll fuq it-twettiq, fit-terminu, tal-programmi kkonċernati u għalhekk fuq l-obbligu ta’ rimbors tas-self, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Artikolu 34 jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu l-aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-fatt li l-persuni kkonċernati jistgħu jidħlu f’arranġament ta’ modalitajiet ta’ ħlas ma jidhirx li għandu l-inqas importanza, peress li l-obbligu ta’ rimbors ta’ dejn sostanzjali jibqa’ għal perijodu li jista’ jilħaq għaxar snin, u dan jista’ jtellef l-integrazzjoni effettiva fl-Istat Membru ospitanti. |
|
46 |
Fit-tielet lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-livell tal-ammonti tal-multa u tas-self jimminax it-twettiq tal-għan u l-effettività tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-korp amministrattiv u, fejn applikabbli, il-qorti nazzjonali huma marbuta jnaqqsu l-multa jekk dan ikun meħtieġ sabiex din tkun proporzjonata. Madankollu, is-self, li jista’ jingħata sa ammont ta’ EUR 10000, jista’, flimkien mal-multa, jitqies li jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn dan l-Artikolu 34, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni. Għalkemm l-arranġament tal-modalitajiet tar-rimbors li fil-kuntest tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja tal-persuna kkonċernata tista’ tnaqqas dan, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-kapaċità finanzjarja jista’ wkoll jikkostitwixxi inċentiv negattiv għaliha sabiex taħdem, fatt li jippreġudika l-integrazzjoni ta’ din il-persuna. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
48 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li timponi fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa. |
|
49 |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm ikollhom dan l-istatus, għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet li huma ggarantiti lilhom mid-Direttiva 2011/95, li fosthom hemm id-dritt ta’ aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni previst fl-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 95 u 97). |
|
50 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tiegħu, il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2024, Sagrario, C‑63/23, EU:C:2024:739, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem użat fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, jirriżulta minn dan il-kliem li, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżgurawlhom l-aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni li huma jqisu xierqa li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew joħolqu l-kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu l-aċċess għal dawn il-programmi. |
|
52 |
Konsegwentement, għalkemm dan l-artikolu jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni li huma jqisu xierqa sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, il-formulazzjoni tiegħu ma tippermettix, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jirrendi obbligatorja l-parteċipazzjoni fi programm ta’ integrazzjoni, jew saħansitra s-suċċess, taħt piena ta’ multa, fl-eżami relatat miegħu. |
|
53 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, għandu jitfakkar li, fi kliem l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li tistabbilixxi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut ta’ din il-protezzjoni. |
|
54 |
Dan il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali huwa s-suġġett tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, li jinkludi ċertu numru ta’ drittijiet u ta’ benefiċċji, li fosthom hemm, minbarra l-aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 34, b’mod partikolari l-aċċess għall-informazzjoni (Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/95), l-aċċess għall-impjieg (Artikolu 26 ta’ din id-direttiva), l-aċċess għall-edukazzjoni (Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva), l-aċċess għall-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki (Artikolu 28 tal-istess direttiva), il-protezzjoni soċjali (Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95), il-kura tas-saħħa (Artikolu 30 ta’ din id-direttiva), l-aċċess għall-akkomodazzjoni (Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva) u l-libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru (Artikolu 33 tal-istess direttiva). |
|
55 |
Issa, għalkemm dawn id-drittijiet u l-benefiċċji l-oħra jikkontribwixxu wkoll sabiex tiġi żgurata integrazzjoni effettiva tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, huwa paċifiku li l-eżerċizzju tagħhom huwa, min-naħa tiegħu, iffaċilitat, jew saħansitra, essenzjalment, ikkundizzjonat, mill-fatt li l-persuna kkonċernata setgħet tikseb, permezz tal-programmi ta’ integrazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 34, l-għarfien, b’mod partikolari lingwistiku, neċessarju. |
|
56 |
Il-kisba ta’ dan l-għarfien u, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni f’dawn il-programmi tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li għad ma għandhomx l-imsemmi għarfien jikkostitwixxu għalhekk mezz importanti kemm sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet u l-benefiċċji previsti mid-Direttiva 2011/95. |
|
57 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 41 u 47 tad-Direttiva 2011/95, li fid-dawl tagħhom għandu jinqara l-Artikolu 34 tagħha, jirriżulta b’mod partikolari li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u d-diffikultajiet partikolari ta’ integrazzjoni li jaffaċċjaw u li, sa fejn huwa possibbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-bżonnijiet speċifiċi u l-karatteristiċi tas-sitwazzjoni tagħhom fil-programmi ta’ integrazzjoni proposti lilhom, inklużi, jekk ikun il-każ, il-korsijiet tal-lingwa. |
|
58 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi [COM(2016) 377 finali, p. 4], il-bżonnijiet ta’ integrazzjoni individwali jistgħu jvarjaw skont, b’mod partikolari, it-tul prevedibbli tar-residenza tal-persuna kkonċernata. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, bħala prinċipju, it-tul tal-permess ta’ residenza li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jagħti lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat, minn naħa, u lill-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, min-naħa l-oħra, huwa, rispettivament, ta’ mill-inqas tliet snin, li jista’ jiġġedded, u ta’ mill-inqas sena, li jista’ jiġġedded. Il-persuni li jibbenefikaw minn wieħed jew mill-ieħor minn dawn l-istatus jistgħu għalhekk jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal perijodu twil biżżejjed li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni jixtieq jiżgura integrazzjoni effettiva tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta dawn il-benefiċjarji jkunu stabbiliti jew ikollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom fit-tul fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
|
60 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li fl-osservanza tiegħu għandu jiġi interpretat l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 74), jipprovdi li l-Istati kontraenti għandhom jiffaċilitaw, sa fejn huwa possibbli, l-assimilazzjoni u n-naturalizzazzjoni tar-refuġjati, fejn l-integrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar titqies, f’dan il-kuntest, bħala stadju loġiku lejn l-eventwali naturalizzazzjoni tagħhom mill-Istat Membru ospitanti. |
|
61 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, minn din tal-aħħar, mill-kliem stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li dan huwa intiż li jiffaċilita l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li din id-direttiva hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 12 tagħha, li tiżgura l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali kif ukoll livell minimu ta’ benefiċċji għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jittrasponu dan l-Artikolu 34 b’mod li jippreġudika dawn l-għanijiet. |
|
62 |
Mill-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, adottata fil-punti 53 sa 61 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kontenut tal-programmi ta’ integrazzjoni, imsemmija f’dan l-artikolu, kif ukoll dwar il-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni ta’ dawn il-programmi u dwar l-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipanti f’dan il-kuntest, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni ma għandux jintuża b’mod li jippreġudika l-għanijiet imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza jew l-effett utli ta’ din id-direttiva jew li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod konformi ma’ dan il-prinċipju, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-mezzi implimentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 34 għandhom ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-istess artikolu u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 50 u 51). |
|
63 |
Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-kontenut tal-programmi ta’ integrazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll il-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni ta’ dawn il-programmi u l-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipanti f’dan il-kuntest ma jostakolawx b’mod sproporzjonat l-aċċess effettiv mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għall-imsemmija programmi jew inkella l-eżerċizzju effettiv minn dawn il-persuni tad-drittijiet u tal-benefiċċji l-oħra li huma jisiltu minn din id-direttiva, f’liema każ l-għanijiet tagħha u tal-Artikolu 34 tagħha jkunu kompromessi. |
|
64 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ewwel domanda. |
|
65 |
Fir-rigward tal-obbligu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi kkontestat li, kif ġie rrilevat fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, il-kisba ta’ għarfien kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti tiffavorixxi l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, billi tiżgura l-komunikazzjoni bejn dawn il-benefiċjarji u ċ-ċittadini nazzjonali u billi tiffavorixxi l-interazzjoni u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali bejniethom. Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li l-kisba tal-għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti tirrendi inqas diffiċli l-eżerċizzju mill-imsemmija persuni tad-drittijiet u l-benefiċċji li huma jiksbu mid-Direttiva 2011/95, b’mod partikolari l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għat-taħriġ professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2015, P u S, C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 47, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 53). |
|
66 |
F’din il-perspettiva, sa fejn il-parteċipazzjoni mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li għad ma għandhomx dan l-għarfien, fil-programmi ta’ integrazzjoni u s-suċċess tagħhom f’eżami ta’ integrazzjoni ċivika tippermetti li jiġi żgurat l-akkwist minn dawn il-benefiċjarji tal-għarfien li huwa inkontestabbilment utli sabiex tiġi ffavorita l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-benefiċċji mogħtija mid-Direttiva 2011/95, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu li jiġu segwiti tali programmi u li l-persuna kkonċernata tgħaddi mill-eżami relatat magħhom hija kompatibbli mal-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, sakemm din tosserva l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza. |
|
67 |
Issa, tali leġiżlazzjoni tippreġudika d-dritt mogħti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 u ma tkunx ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex minn dan l-artikolu jekk ma tiħux inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-kontenut tal-programmi ta’ integrazzjoni kif ukoll tal-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni ta’ dawn il-programmi u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipanti f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell tal-għarfien meħtieġ sabiex jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika u l-aċċessibbiltà għall-korsijiet u għall-materjal neċessarju sabiex jippreparaw għal dan l-eżami. |
|
68 |
Fil-fatt, l-importanza tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istati Membri, tal-bżonnijiet speċifiċi u tas-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, kif ukoll tad-diffikultajiet ta’ integrazzjoni partikolari li dawn tal-aħħar jaffaċċjaw, tirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll mill-premessi 41 u 47 tagħha, li jenfasizzaw li tali evalwazzjoni individwalizzata hija neċessarja sabiex l-eżerċizzju mill-persuni kkonċernati tad-drittijiet u tal-benefiċċji li huma jisiltu minn din id-direttiva jsir effettiv u, bl-istess mod, tiġi ffaċilitata integrazzjoni rapida u b’suċċess ta’ dawn il-persuni. |
|
69 |
In-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi personali u varjabbli ħafna tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali hija iktar u iktar neċessarja fid-dawl tal-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, li jiġġustifika preċiżament l-għoti ta’ din il-protezzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li, fl-applikazzjoni tal-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma l-minuri, il-minuri mhux akkumpanjati, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni anzjani, in-nisa tqal, il-ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri, il-vittmi ta’ traffikar tal-bniedem, il-persuni b’mard mentali u l-persuni li jkunu ġew suġġetti għal tortura, stupru, jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali. |
|
70 |
Għalhekk, il-miżuri ta’ integrazzjoni msemmija fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 għandu jkollhom l-għan mhux li jippenalizzaw lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jiksbu l-għarfien li huwa intiż li jiġi trażmess permezz ta’ programmi ta’ integrazzjoni, iżda li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ dawn il-benefiċjarji fis-soċjetà tal-Istati Membri, skont il-kapaċitajiet individwali tagħhom. |
|
71 |
Barra minn hekk, ċirkustanzi individwali partikolari, bħall-età, il-livell ta’ edukazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja jew l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, anki sabiex tiġi eżentata mill-obbligu li tgħaddi minn eżami bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, din il-persuna ma tkunx f’pożizzjoni li tattendi għal dan l-eżami jew li tgħaddi minnu. Għalhekk, fil-każ li ma jgħaddix mill-eżami minħabba tali ċirkustanzi, il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandu jkun f’pożizzjoni li jipproduċi l-prova tal-isforzi raġonevoli li jkun għamel sabiex jgħaddi mill-istess eżami. |
|
72 |
Barra minn hekk, kull benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandu jiġi eżentat mill-obbligu li jgħaddi minn dan l-eżami fil-każ li jkun f’pożizzjoni li juri, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, li huwa fil-fatt diġà integra ruħu fis-soċjetà tiegħu. |
|
73 |
Barra minn hekk, l-għarfien meħtieġ sabiex persuna tgħaddi minn tali eżami għandu jiġi stabbilit f’livell bażiku, mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ffavorita l-integrazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn il-persuni, b’mod partikolari meta l-imsemmija persuni jkunu għadhom ma humiex stabbiliti fit-tul f’dan l-Istat Membru. |
|
74 |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li wieħed ma jkunx għadda minn tali eżami ma jistax jiġi sistematikament issanzjonat permezz ta’ multa. Tali sanzjoni tista’ tiġi imposta biss f’każijiet eċċezzjonali, bħal dawk li juru, abbażi ta’ elementi oġġettivi, assenza stabbilita u persistenti ta’ rieda ta’ integrazzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat. Barra minn hekk, tali multa ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun ta’ ammont tant għoli li timponi piż finanzjarju irraġonevoli fuq il-benefiċjarju kkonċernat, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu. |
|
75 |
F’dan il-każ, il-multa prevista mil-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika b’mod sistematiku u tista’ tilħaq EUR 1250. Issa, tali miżura tidher li hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni. |
|
76 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, sakemm:
Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 34 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-fatt li meta l-persuna kkonċernata ma tgħaddix minn tali eżami din tiġi sistematikament issanzjonata b’multa u kif ukoll il-fatt li din il-multa tista’ tkun ta’ ammont tali li tikkostitwixxi piż finanzjarju irraġonevoli għall-persuna kkonċernata, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha. |
Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda
|
77 |
Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom ibatu huma stess l-ispejjeż kollha tal-korsijiet u tal-eżamijiet ta’ integrazzjoni ċivika. Hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt li dawn il-benefiċjarji jistgħu jiksbu self mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħallsu dawn l-ispejjeż u li d-dejn tagħhom għal dan is-self jinħafer fil-każ li huma jgħaddu, fit-terminu previst, mill-eżami tagħhom ta’ integrazzjoni ċivika jew fil-każ ta’ eżenzjoni jew dispensa, f’dan it-terminu, mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
|
78 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu l-aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni li huma jqisu xierqa jew li joħolqu l-kundizzjonijiet preliminari li jiggarantixxu l-aċċess għal dawn il-programmi, mingħajr ma jeskludu espressament il-possibbiltà, għal dawn l-Istati, li jimponu fuq il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali l-ispejjeż relatati magħhom. |
|
79 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri, filwaqt li jgawdu minn marġni ta’ evalwazzjoni, huma obbligati jiżguraw li l-kontenut ta’ dawn il-programmi kif ukoll il-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni tagħhom u l-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipanti f’dan il-kuntest ma jostakolawx b’mod sproporzjonat l-aċċess effettiv minn dawn il-benefiċjarji għall-imsemmija programmi jew inkella l-eżerċizzju effettiv minn dawn il-persuni tad-drittijiet u l-benefiċċji l-oħra li huma jiksbu minn din id-direttiva. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fid-dawl tal-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, tal-karatteristiċi tas-sitwazzjoni tagħhom kif ukoll tal-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-effett utli tad-dritt ta’ aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni previst fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 jipprekludu li l-Istati Membri jimponu fuq dawn il-benefiċjarji l-ispejjeż relatati mal-miżuri ta’ integrazzjoni magħmula obbligatorji. Tali miżuri għandhom għalhekk, bħala prinċipju, ikunu mingħajr ħlas. Madankollu, la l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas l-effett utli ta’ dan l-Artikolu 34 ma jipprekludu li l-Istati Membri jimponu, jekk ikun il-każ, fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li għandhom mezzi finanzjarji suffiċjenti kontribuzzjoni finanzjarja li ma tkunx irraġonevoli. |
|
81 |
Issa, f’dan il-każ, mill-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi, bħala prinċipju, fuq il-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali l-obbligu li jħallsu l-ispejjeż kollha tal-mezzi ta’ integrazzjoni, li jistgħu jkunu għoljin ħafna. |
|
82 |
Ċertament, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jistgħu jitolbu self ta’ ammont massimu ta’ EUR 10000 sabiex isostnu l-ispejjeż tal-programm ta’ integrazzjoni ċivika, u dan is-self ma għandux jiġi rrimborsat jekk jgħaddu mill-partijiet kollha tal-eżamijiet ta’ dan il-programm fit-terminu previst jew jekk huma jiġu eżentati jew iddispensati, f’dan it-terminu, mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. Min-naħa l-oħra, jekk ma jkunux issodisfaw dan l-obbligu jew ikunu ssodisfawh tardivament, dawn il-benefiċjarji għandhom jirrimborsaw l-imsemmi self, bħala prinċipju, fl-intier tiegħu f’terminu massimu ta’ għaxar snin, bil-kundizzjoni, madankollu, li, f’każijiet partikolari, maħfra ta’ dejn, totali jew parzjali, tkun possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. |
|
83 |
Barra minn hekk, il-kapaċità finanzjarja tad-debitur tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi ffissat l-ammont tal-iskadenzi li għandhom jiġu rrimborsati kull xahar. F’każ li l-kapaċità finanzjarja tal-persuna kkonċernata ma tkunx suffiċjenti, il-Ministru jista’ jistabbilixxi l-ammont ta’ EUR 0 bħala l-ammont li għandu jiġi rrimborsat fix-xahar. Kwalunkwe bilanċ li jibqa’ wara għaxar snin huwa suġġett għall-maħfra, bl-eċċezzjoni ta’ arretrati ta’ pagamenti mensili. |
|
84 |
Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 82 u 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi kkuntrattat self sabiex jiġu sostnuti l-ispejjeż tal-programm ta’ integrazzjoni ċivika hija kkonċepita b’mod li jimplika ċertu teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità finanzjarja individwali tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, dan il-benefiċjarju jibqa’, bħala prinċipju, obbligat ibati l-ispejjeż, potenzjalment għoljin ħafna, ta’ dan il-programm, sakemm ma jkunx għadda mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika fit-termini stabbiliti jew ikun eżentat jew iddispensat mill-obbligu li jirrimborsa s-self ikkuntrattat. Barra minn hekk, sakemm huwa għandu l-obbligu li jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, inċertezza neċessarjament tinqala’ kemm fir-rigward tal-ammont totali tas-self li l-imsemmi benefiċjarju jkollu finalment jirrimborsa u kif ukoll fir-rigward tat-tul tal-perijodu li matulu huwa jkun ser jibqa’ midjun mal-awtoritajiet pubbliċi, li jista’ jkun twil ħafna. |
|
85 |
F’tali ċirkustanzi, il-fatt li, bħala prinċipju, il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkollu jbati l-ispejjeż kollha tal-korsijiet u tal-eżamijiet tal-programm ta’ integrazzjoni ċivika jikkomprometti l-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni effettiva ta’ dan il-benefiċjarju fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti billi jimponi fuqu piż irraġonevoli li jostakola mhux biss l-aċċess effettiv tal-imsemmi benefiċjarju għall-programm ta’ integrazzjoni ċivika, iżda wkoll l-eżerċizzju mill-istess benefiċjarju tad-drittijiet u tal-benefiċċji l-oħra li huwa jikseb mid-Direttiva 2011/95. |
|
86 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom ibatu huma stess l-ispejjeż kollha tal-korsijiet u tal-eżamijiet ta’ integrazzjoni ċivika. Il-fatt li dawn il-benefiċjarji jistgħu jiksbu self mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħallsu dawn l-ispejjeż u li d-dejn tagħhom għal dan is-self jinħafer fil-każ li huma jgħaddu, fit-terminu previst, mill-eżami tagħhom ta’ integrazzjoni ċivika jew fil-każ ta’ eżenzjoni jew ta’ dispensa, f’dan it-terminu, mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ma huwiex ta’ natura li jirrimedja għall-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni ma’ dan l-Artikolu 34. |
Fuq l-ispejjeż
|
87 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.