European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/440

6.2.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/440

tat-2 ta’ Frar 2024

dwar l-użu ta’ koeffiċjenti tad-dożi għall-istima tad-doża effettiva u tad-doża ekwivalenti għall-finijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom

(notifikata bid-dokument C(2024) 563)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”), u b’mod partikolari l-Artikolu 33, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 106a tiegħu li jirreferi għall-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkonsultat il-grupp ta’ esperti msemmija fl-Artikolu 31, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat Euratom,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(b) tat-Trattat Euratom jipprevedi l-istabbiliment ta’ standards tas-sikurezza uniformi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali mill-perikli li jinħolqu minn radjazzjonijiet jonizzanti.

(2)

Sabiex jinkiseb dak l-objettiv, l-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom jinkariga lill-Kunsill bil-kompitu li jistabbilixxi dawk l-istandards bażiċi fuq proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 32 jippermetti li dawk l-istandards bażiċi jiġu rriveduti jew issupplimentati.

(3)

Il-Kunsill adotta diversi Direttivi li jistabbilixxu standards bażiċi tas-sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, tal-pazjenti u tal-pubbliku ġenerali mill-perikli li jinħolqu mir-radjazzjonijiet jonizzanti. L-iżjed waħda reċenti hi d-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom (1).

(4)

Skont id-Direttiva 2013/59/Euratom l-esponiment għar-radjazzjoni ta’ ħaddiema esposti b’mod okkupazzjonali għandu jiġi vvalutat għal kull ħaddiem individwalment abbażi ta’ kejliet. L-istima ta’ dożi effettivi u ekwivalenti abbażi ta’ tali kejliet tiddependi fuq valuri u relazzjonijiet stabbiliti xjentifikament, jiġifieri koeffiċjenti tad-dożi, li jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Radjoloġika (“ICRP”). L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/59/Euratom jirrikjedi li l-Istati Membri jużaw dawk il-koeffiċjenti tad-dożi.

(5)

Fl-2022, l-ICRP lestiet sensiela ta’ ħames volumi ta’ Pubblikazzjonijiet tal-ICRP dwar Dożi Okkupazzjonali ta’ Radjonuklidi: il-Partijiet 1-5 (2), li tinkludi sett aġġornat ta’ koeffiċjenti tad-dożi għall-esponiment okkupazzjonali minn dożi ta’ radjonuklidi u tkopri l-iżjed radjonuklidi użati b’mod komuni, inkluż ir-radon.

(6)

Wara dawk il-pubblikazzjonijiet tal-ICRP, il-Kummissjoni stiednet lill-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom jipprovdi opinjoni dwar il-koeffiċjenti aġġornati tad-dożi. L-opinjoni tat-28 ta’ Ġunju 2023 tal-grupp ta’ esperti saħqet li s-sensiela ta’ pubblikazzjonijiet tal-ICRP, u l-koeffiċjenti tad-dożi kollha fihom huma uniċi fil-livell internazzjonali u jirriflettu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fil-qasam, meta wieħed iqis il-metodoloġija avvanzata tagħhom u l-applikazzjoni tagħha għal għadd estensiv ta’ radjonuklidi. Għalhekk il-grupp ta’ esperti esprima li huwa favur l-użu ta’ koeffiċjenti aġġornati tad-dożi għall-istima tad-doża effettiva u tad-doża ekwivalenti għall-finijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom.

(7)

Skont l-Artikolu 33, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat Euratom, kull Stat Membru huwa meħtieġ jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet xierqa, permezz ta’ leġiżlazzjoni, regolamentazzjoni, jew azzjoni amministrattiva, biex jiżgura l-konformità mal-istandards bażiċi. Għalhekk jixraq li jsiru rakkomandazzjonijiet għall-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri rigward l-użu tal-koeffiċjenti aġġornati tad-dożi tal-ICRP mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/59/Euratom fl-Unjoni kollha.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw il-Pubblikazzjonijiet tal-ICRP dwar Dożi Okkupazzjonali ta’ Radjonuklidi: il-Partijiet 1-5 (il-Pubblikazzjonijiet 130, 134, 137, 141 u 151 tal-ICRP), u l-koeffiċjenti tad-dożi kollha fihom, fl-istima tad-doża effettiva u tad-doża ekwivalenti minn esponiment intern għall-finijiet tad-Direttiva 2013/59/Euratom.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/59/oj).

(2)  Il-Pubblikazzjonijiet 130 (2015), 134 (2016), 137 (2017), 141 (2019) u 151 (2022) tal-ICRP.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/440/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)