European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1705

14.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1705

tat-13 ta’ Lulju 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 (1).

(2)

Fis-27 ta’ Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew il-kundanna qawwija tagħhom tal-ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom. Id-dikjarazzjoni ddeplorat ukoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u d-dannu irreparabbli li sar għall-ħajja tan-nies f’Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali.

(3)

Fit-28 ta’ Ottubru 2025, inħarġet dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissarju Lahbib dwar is-sekwestru ta’ El Fasher. Id-dikjarazzjoni ssottolinjat li s-sekwestru tal-kapital tad-Darfur mill-RSF immarka punt ta’ bidla perikoluż fil-gwerra u hedded li jkompli jaggrava s-sitwazzjoni umanitarja diġà mwiegħra. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni żiedet li l-fatt li persuni ċivili jinsabu fil-mira abbażi tal-etniċità tagħhom jenfasizza l-brutalità tal-RSF.

(4)

Fl-20 ta’ Novembru 2025, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li kkundannat bil-qawwa l-atroċitajiet imwettqa f’El Fasher mill-RSF. Id-dikjarazzjoni enfasizzat ukoll li r-responsabbiltà primarja biex jintemm il-kunflitt hija tat-tmexxija kemm tal-RSF, is-SAF u l-milizzji alleati tagħhom, kif ukoll ta’ dawk li jipprovdulhom appoġġ dirett jew indirett, u ħeġġet lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jerġgħu jibdew in-negozjati biex jinkiseb waqfien mill-ġlied immedjat u dejjiemi.

(5)

Fil-21 ta’ April 2026, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni tliet snin mill-bidu tal-gwerra fis-Sudan. Id-dikjarazzjoni enfasizzat li l-kunflitt bejn l-SAF, l-RSF u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom qed jeqred il-ħajjiet u jċaħħad lill-popolazzjoni mill-aspirazzjonijiet tagħha tar-rivoluzzjoni fl-2018/19. Id-dikjarazzjoni żiedet li l-Unjoni tuża l-għodod kollha disponibbli, fosthom id-diplomazija u miżuri restrittivi – biex tirsisti għall-paċi, inkluż sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-ekonomija tal-gwerra tas-Sudan.

(6)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi.

(7)

B’mod partikolari, l-estrazzjoni tad-deheb u l-isfruttament tad-deheb huma sorsi ewlenin ta’ introjtu għas-SAF u għall-RSF, li jużaw biex isostnu l-kunflitt fis-Sudan.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi pprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb jekk joriġina mis-Sudan u jkun ġie esportat mis-Sudan lejn l-Unjoni jew lejn kwalunkwe pajjiż terz wara l-15 ta’ Lulju 2026.

(9)

Huwa xieraq ukoll li jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-estrazzjoni tad-deheb jew għall-isfruttament tad-deheb, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan jew għall-użu fis-Sudan.

(10)

Biex tkun tista’ ssir it-terminazzjoni ordnata tal-kuntratti rilevanti eżistenti,, huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni temporanja għall-projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-estrazzjoni tad-deheb jew għall-isfruttament tad-deheb fis-Sudan.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 tiġi emendata skont dan.

(12)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2a

1.   Għandu jiġi pprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb jekk joriġina mis-Sudan u jkun ġie esportat mis-Sudan lejn l-Unjoni jew lejn kwalunkwe pajjiż terz wara l-15 ta’ Lulju 2026.

2.   Għandhom ikunu pprojbiti:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kull xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

3.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal deheb li huwa neċessarju għall-finijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi, uffiċċji konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali fis-Sudan li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali.

4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

Artikolu 2b

1.   Għandu jiġi pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-estrazzjoni tad-deheb jew għall-isfruttament tad-deheb, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan jew għall-użu fis-Sudan.

2.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan jew għall-użu fis-Sudan;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan, jew għall-użu fis-Sudan.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), fejn applikabbli,.il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal oġetti maħsuba għal finijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew tal-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

4.   Fir-rigward ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2837 11, kif elenkati fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2147 (*2), u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sas-16 ta’ Jannar 2027 ta’ kuntratti konklużi qabel il-15 ta’ Lulju 2026, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

5.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.”.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (riformulazzjoni) (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/821/oj)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2147 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2023/2147, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2147/oj).”."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2135 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2023/2135, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2135/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1705/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)