|
19.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 58/1 |
REGOLAMENT (UE) 2021/250 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Frar 2021
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fit-traffiku tal-ajru minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u minħabba miżuri diretti li ttieħdu mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw it-tixrid tal-COVID-19. L-impatt fuq it-trasportaturi tal-ajru ilu detrimentali mill-1 ta’ Marzu 2020, u dan x’aktarx li jkompli fis-snin li ġejjin. |
|
(2) |
Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u wasslu għall-kanċellazzjoni volontarja jew obbligatorja tas-servizzi tal-ajru tagħhom. B’mod partikolari, il-kanċellazzjonijiet volontarji jipproteġu s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u jevitaw l-impatt ambjentali negattiv ikkawżat minn titjiriet vojta jew fil-maġġoranza tagħhom vojta, biss biex jinżammu s-slots tagħhom. |
|
(3) |
Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-maniġer tan-network għall-funzjonijiet tan-network tat-traffiku tal-ajru, tal-ajru uniku Ewropew, jindikaw tnaqqis kontinwu sena wara l-oħra fit-traffiku tal-ajru ta’ madwar 74 % minn nofs Ġunju 2020. |
|
(4) |
Mhuwiex possibbli, abbażi tal-prenotazzjonijiet magħrufa, ta’ tbassir mill-Eurocontrol u tat-tbassir epidemjoloġiku, li jiġi mbassar meta l-perjodu ta’ domanda mnaqqsa ħafna kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19 aktarx jintemm. Skont l-aħħar tbassir tal-Eurocontrol, fi Frar 2021 it-traffiku tal-ajru se jkun madwar nofs il-livell ta’ Frar 2020. It-tbassir li jestendi lil hinn minn dik id-data jiddependi fuq għadd ta’ fatturi mhux magħrufa, bħad-disponibbiltà ta’ vaċċini kontra l-COVID-19. F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-trasportaturi tal-ajru li jonqsu milli jużaw is-slots tagħhom skont ir-rata tal-użu tas-slots stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (3) jenħtieġ li ma jitilfux awtomatikament il-preċedenza fir-rigward tas-serje ta’ slots stabbilita fl-Artikoli 8(2) u 10(2) ta’ dak ir-Regolament, li f’ċirkostanzi oħra kienu jgawdu minnhom. Għal dan il-għan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi. |
|
(5) |
Dawk ir-regoli jenħtieġ li fl-istess ħin jindirizzaw l-impatti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni tat-trasportaturi tal-ajru. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru li jkunu lesti jipprovdu servizzi jitħallew jużaw kapaċità mhux użata u jkollhom il-possibbiltà li jżommu tali slots fit-tul. Jenħtieġ li jinżammu l-inċentivi tat-trasportaturi tal-ajru biex tintuża l-kapaċità tal-ajruporti, li min-naħa tagħha hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. |
|
(6) |
Jeħtieġ għalhekk li jiġu stipulati, skont dawn il-prinċipji u għal perjodu limitat, il-kundizzjonijiet li skonthom it-trasportaturi tal-ajru jibqgħu intitolati għas-serje ta’ slots skont l-Artikoli 8(2) u 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, u li jiġu stabbiliti rekwiżiti għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jirrilaxxaw il-kapaċità mhux użata. |
|
(7) |
Għall-perjodu li matulu t-trasport bl-ajru jiġi milqut b’mod negattiv mill-kriżi tal-COVID-19, id-definizzjoni tat-terminu “membru ġdid” jenħtieġ li titwessa’ biex jiżdied l-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru koperti, biex b’hekk aktar trasportaturi tal-ajru jingħataw l-opportunità li jistabbilixxu u jespandu l-operazzjonijiet tagħhom, jekk jixtiequ jagħmlu dan. Madankollu, jeħtieġ li l-privileġġi korrispondenti għal trasportaturi tal-ajru, koperti minn dik id-definizzjoni, jiġu limitati għal membri ġodda ġenwini billi jiġi eskluż kwalunkwe trasportatur tal-ajru li, flimkien mal-kumpanija omm tiegħu, jew mas-sussidjarji tiegħu stess jew ma’ sussidjarji tal-kumpanija omm tiegħu, ikollu aktar minn 10 % tal-għadd totali ta’ slots allokati fil-jum inkwistjoni f’kull ajruport partikolari. |
|
(8) |
Matul il-perjodu li fih tiġi applikata l-eżenzjoni mir-regoli dwar l-użu tas-slots, jenħtieġ li s-sistema tal-allokazzjoni tas-slots tirrikonoxxi l-isforzi tat-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw titjiriet bl-użu ta’ slots li huma parti minn serje li hija bi dritt ta’ trasportatur tal-ajru ieħor skont l-Artikoli 8(2) u 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, iżda li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-koordinatur tas-slots għal riallokazzjoni temporanja. Għalhekk, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw mill-anqas ħames slots ta’ serje jirċievu prijorità għall-allokazzjoni ta’ dawk is-serje fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss, sakemm it-trasportatur tal-ajru intitolat għalihom skont dawk l-Artikoli ma jitlobhomx. |
|
(9) |
L-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji speċifiċi għall-COVID-19 fl-ajruporti tista’ tnaqqas il-kapaċità disponibbli, u dan jista’ joħloq il-ħtieġa li jiġu previsti parametri speċifiċi ta’ koordinazzjoni għall-COVID-19. F’tali sitwazzjonijiet, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni xierqa ta’ tali parametri, il-koordinaturi jenħtieġ li jitħallew jadattaw il-ħin tas-slots allokati lit-trasportaturi tal-ajru skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 jew li jikkanċellaw tali slots għall-perjodu ta’ skedar li matulu jkunu applikabbli miżuri sanitarji speċifiċi għall-COVID-19. |
|
(10) |
Biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-kapaċità tal-ajruport matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2021, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jitħallew jirritornaw slots storiċi lill-koordinatur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ skedar sabiex ikunu jistgħu jiġu allokati mill-ġdid fuq bażi ad hoc. It-trasportaturi tal-ajru li jirritornaw serje sħiħa ta’ slots qabel l-iskadenza stabbilita minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jżommu d-dritt tagħhom għall-istess serje ta’ slots f’dak l-ajruport għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2022. Fid-dawl tal-miżuri l-oħra ta’ eżenzjoni mis-slots inklużi f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru li jkollhom għadd sinifikanti ta’ slots f’ajruport jitħallew jirritornaw massimu ta’ nofs is-slots tagħhom b’dan il-mod. |
|
(11) |
Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli stabbiliti fit-Trattati u fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-konsegwenzi negattivi tal-miżuri possibbli adottati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi li jindirizzaw it-tixrid tal-COVID-19 u li jirrestrinġu l-kapaċità li wieħed jivvjaġġa fi żmien qasir ħafna ma jistgħux jiġu attribwiti lit-trasportaturi tal-ajru u jenħtieġ li jiġu mitigati fejn dawk il-miżuri jkollhom impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà jew il-possibbiltà ta’ vjaġġar jew minħabba d-domanda fuq ir-rotot ikkonċernati. Jenħtieġ li dan jinkludi miżuri li jwasslu għal għeluq parzjali jew totali tal-fruntiera jew tal-ispazju tal-ajru jew għal għeluq jew tnaqqis parzjali jew totali tal-kapaċità tal-ajruporti partikolari, għal restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-ekwipaġġ tal-linji tal-ajru li jfixklu b’mod sinifikanti l-operat ta’ servizzi tal-ajru jew għal impediment serju fuq il-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw ma’ kwalunkwe trasportatur fuq ir-rotta kkonċernata, inklużi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, restrizzjonijiet ta’ moviment jew miżuri ta’ kwarantina fil-pajjiż jew fir-reġjun ta’ destinazzjoni jew restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi essenzjali li jagħtu appoġġ dirett lill-operat ta’ servizz tal-ajru. Jenħtieġ li l-mitigazzjonijiet jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux penalizzati talli jkunu naqsu milli jużaw is-slots, meta dan in-nuqqas jirriżulta minn tali miżuri restrittivi li kienu għadhom ma ġewx ippubblikati meta l-islots ġew allokati. L-eżenzjoni speċifika mill-effetti tal-impożizzjoni ta’ tali miżuri jenħtieġ li tkun għal tul ta’ żmien limitat, u fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li ma ttawwalx aktar minn żewġ perjodi ta’ skedar konsekuttivi. |
|
(12) |
Matul perjodi fejn id-domanda tintlaqat b’mod sinifikanti b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jiġu rilaxxati, sal-punt meħtieġ, mir-rekwiżiti li jużaw is-slots sabiex iżommu l-intitolament għal dawk is-slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti sussegwenti. Dan jenħtieġ li jippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jżidu s-servizzi meta ċ-ċirkostanzi jippermettu. Ir-rata minima tal-użu aktar baxxa, stabbilita għal dan il-għan jenħtieġ li tqis il-perspettiva tat-traffiku tal-ajru għall-2021, sa mill-bidu tal-2021, li hija ta’ 50 % tal-livelli tat-traffiku tal-2019, l-inċertezza dwar il-kriżi tal-COVID-19 u r-ritorn tal-fiduċja tal-konsumaturi u tal-livelli tat-traffiku. |
|
(13) |
Sabiex jiġi indirizzat l-impatt li qed jevolvi tal-kriżi tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ ċarezza li jirriżulta fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-livelli tat-traffiku f’nofs it-terminu ta’ żmien, u biex ikun hemm rispons flessibbli, fejn strettament meħtieġ u ġġustifikat, għall-isfidi li qed jiffaċċja bħala konsegwenza s-settur tat-trasport tal-ajru, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-emendar tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mir-regola dwar l-użu tas-slots u l-valuri perċentwali tar-rata tal-użu minima fi ħdan medda partikolari. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
|
(14) |
Sabiex ikunu jistgħu jwettqu t-tħejjijiet meħtieġa fil-ħin, it-trasportaturi tal-ajru u l-koordinaturi jeħtieġ li jkunu jafu bil-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-operat tas-slots f’perjodu ta’ skedar partikolari. Il-Kummissjoni għalhekk, jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tadotta l-atti delegati malajr kemm jista’ jkun u jenħtieġ li tadotta tali atti, fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza għar-ritorn tas-slots kif stabbilit fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93. |
|
(15) |
L-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi tal-ajruport u t-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jiġu informati dwar il-kapaċità disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar adegwat. It-trasportaturi tal-ajru għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-koordinatur għal riallokazzjoni possibbli lil trasportaturi tal-ajru oħrajn, kwalunkwe slot li mhumiex beħsiebhom jużaw kmieni kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn tliet ġimgħat qabel id-data ppjanata tal-operat tagħhom. Meta t-trasportaturi tal-ajru jonqsu milli jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit ripetutament u intenzjonalment, jew ma’ kwalunkwe rekwiżit ieħor tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, jenħtieġ li jiġu soġġetti għal penali jew miżuri ekwivalenti xierqa. |
|
(16) |
Fejn koordinatur ikun sodisfatt li trasportatur tal-ajru jkun waqaf jopera f’ajruport, il-koordinatur jenħtieġ li jirtira minnufih is-slots mit-trasportatur tal-ajru inkwistjoni u jpoġġihom fil-ġemgħa ta’ slots għar-riallokazzjoni lil trasportaturi oħrajn. |
|
(17) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi u l-eżenzjoni mir-regoli ġenerali dwar l-użu tas-slots għal perjodu ta’ żmien limitat, bil-għan li jiġu mitigati l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-traffiku tal-ajru, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(18) |
Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali b’rabta mal-kriżi tal-COVID-19, hu meqjus xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(19) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, bħala kwistjoni ta’ urġenza jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fl-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Trasportaturi tal-ajru li joperaw jew li beħsiebhom joperaw f’ajruport bi skedi faċilitati jew koordinat għandhom jippreżentaw lill-faċilitatur jew lill-kordinatur tal-iskedi rispettivament, l-informazzjoni kollha rilevanti mitluba minnhom. L-informazzjoni kollha rilevanti għandha tkun provduta fil-format u fil-limitu ta’ żmien speċifikat mill-faċilitatur jew mill-koordinatur tal-iskedi. B’mod partikolari, it-trasportatur tal-ajru għandu jinforma lill-kordinatur, fiż-żmien tat-talba għall-allokazzjoni, jekk jibbenefikax minn status ta’ membru ġdid, skont l-Artikolu 2(b) jew (ba), fir-rigward tas-slots rikjesti.”; |
|
(3) |
l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
fl-Artikolu 8a, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
|
(5) |
l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
|
|
(6) |
l-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 10a Allokazzjoni ta’ slots b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 1. Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021 bħala li jkunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment. 2. Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mit-23 ta’ Jannar 2020 sad-29 ta’ Frar 2020 bħala li jkunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment, fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru bejn l-ajruporti fl-Unjoni u l-ajruporti fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. 3. Fir-rigward tas-slots li ma kinux saru disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2a), matul il-perjodu mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021 u għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), jekk trasportatur tal-ajru juri, għas-sodisfazzjon tal-koordinatur, li s-serje ta’ slots inkwistjoni ġiet operata, kif awtorizzata mill-koordinatur, minn dak it-trasportatur tal-ajru għal mill-anqas 50 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar li għalih ġiet allokata, it-trasportatur tal-ajru għandu jkun intitolat għall-istess serje ta’ slots għall-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss. Fir-rigward tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-valuri perċentwali msemmija fl-Artikolu 10(4) u fil-punt (a) tal-Artikolu 14(6) għandhom ikunu 50 %. 4. Fir-rigward ta’ slots b’data mid-9 ta’ April 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021, il-paragrafu 1 għandu japplika biss fejn it-trasportatur tal-ajru jkun irritorna s-slots rilevanti mhux użati lill-koordinatur għar-riallokazzjoni lil trasportaturi tal-ajru oħrajn. 5. Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi tad-data ppubblikata mill-Eurocontrol, li hija l-maniġer tan-network għall-funzjonijiet tan-network tat-traffiku tal-arju tal-Ajru Uniku Ewropew, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fl-2019 qed jippersisti u, abbażi tat-tbassir tat-traffiku tal-Eurocontrol, x’aktarx li se jkompli jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-perjodu speċifikat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kif xieraq. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li, fejn strettament meħtieġ sabiex tindirizza l-impatt li qed jevolvi tal-kriżi tal-COVID-19 dwar il-livelli tat-traffiku tal-ajru, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-valuri perċentwali msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’medda ta’ bejn 30 % u 70 %. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis il-bidliet li seħħew mill-20 ta’ Frar 2021, abbażi tal-elementi li ġejjin:
L-atti delegati skont dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf ta’ wara u mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa ta’ wara. 6. Fejn, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 12b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu. 7. Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħmlu kwalunkwe slot li ma jkunux beħsiebhom jużaw disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni lil trasportaturi tal-ajru oħrajn, mhux anqas minn tliet ġimgħat qabel id-data tal-operat.”; |
|
(7) |
fl-Artikolu 12a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10a hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Frar 2022.”; |
|
(8) |
l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Opinjoni tas-27 ta’ Jannar 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2021.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).