02013D0233 — MT — 01.01.2019 — 008.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 (ĠU L 138 24.5.2013, p. 15) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 151 |
24 |
21.5.2014 |
||
|
L 127 |
22 |
22.5.2015 |
||
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2276 tas-7 ta' Diċembru 2015 |
L 322 |
51 |
8.12.2015 |
|
|
L 39 |
45 |
16.2.2016 |
||
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1339 tal-4 ta' Awwissu 2016 |
L 212 |
111 |
5.8.2016 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1342 tas-17 ta' Lulju 2017 |
L 185 |
60 |
18.7.2017 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2162 tal-20 ta' Novembru 2017 |
L 304 |
50 |
21.11.2017 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/2009 tas-17 ta' Diċembru 2018 |
L 322 |
25 |
18.12.2018 |
|
Ikkoreġuta bi:
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/233/PESK
tat-22 ta' Mejju 2013
dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)
Artikolu 1
Missjoni
L-Unjoni b'dan tistabbilixxi Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).
Artikolu 2
Objettivi
L-objettivi tal-EUBAM Libya għandhom ikunu li tassisti lill-awtoritajiet Libjani fit-tisħiħ tal-istrutturi tas-sigurtà tal-istat fil-Libja, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali bil-għan li tikkontribwixxi għall-isforzi biex jitkissru n-netwerks tal-kriminalità organizzata involuti b'mod partikolari fil-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu fil-Libja u fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali.
Artikolu 3
Kompiti
1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, l-EUBAM Libya għandha:
(a) tappoġġa l-iżvilupp ta' qafas usa' ta' ġestjoni tal-fruntieri, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' White Paper dwar Strateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, inkluż strateġija marittima dwar is-sigurtà, billi tipprovdi l-għoti ta' kapaċitajiet u timplimenta proġetti konkreti lill-Aġenziji Libjani tal-Infurzar tal-Liġi Marittima u l-Aġenziji Libjani tal-Ġestjoni tal-Fruntiera tal-Art filwaqt li tevalwa wkoll il-possibbiltajiet tal-espansjoni tal-attivitajiet barra mill-belt kapitali, inkluż fuq il-fruntiera mat-Tuneżija u fin-Nofsinhar tal-pajjiż;
(b) tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-ippjanar strateġiku, inkluż fir-rigward tal-pulizija, fil-Ministeru għall-Intern fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, inkluż, fejn fattibbli, assistenza lill-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u l-isforzi tagħha għall-bini tal-kapaċità tal-pulizija, u tappoġġa l-funzjonijiet ta' koordinazzjoni fost l-awtoritajiet Libjani rilevanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;
(c) tappoġġa r-riforma istituzzjonali u tipprovdi assistenza għall-ippjanar strateġiku għall-Ministeru tal-Ġustizzja u tipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet usa' għall-atturi rilevanti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali inkluż l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Istitut Ġudizzjarju Superjuri;
(d) tappoġġa l-koordinazzjoni strateġika bejn id-donaturi u l-implimentazzjoni ta' proġetti skont il-ħtiġijiet tal-Libja fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali.
2. L-EUBAM Libya għandha tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha.
3. L-EUBAM Libya ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.
Artikolu 4
Linja ta’ kmand u struttura
1. L-EUBAM Libja għandha jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi.
2. L-EUBAM Libya għandha kollha l-Kwartieri Ġenerali tagħha fi Tripoli.
3. L-EUBAM Libya għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokument tal-ippjanar tagħha.
▼M2 —————
Artikolu 5
Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUBAM Libya.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal- EUBAM Libya fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-Deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni b'pariri u b'appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.
5. Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat/i li ssekondah/ssekondawh f'konformità mar-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
6. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.
7. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Libja u l-Kap tal-Missjoni ta' EUBAM Libya għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ. Il-Konsulent Prinċipali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu wkoll jiġi kkonsultat, fejn xieraq.
Artikolu 6
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi responsabbilità u jeżerċita kmand u kontroll tal- EUBAM Libya fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
1a. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUBAM Libya fil-qasam ta' responsabbiltà tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-EUBAM Libya taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet mill-Istati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUBAM Libya.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUBAM Libya, inkluż l-Element ta' Appoġġ minn Brussell u l-uffiċjali ta' kollegament reġjonali, fejn applikabbli, għat-tmexxija effettiva tal-EUBAM Libya fuq il-post tal-operazzjonijiet, waqt li jassumi l-koordinament tagħha u l-ġestjoni tagħha ta' kuljum, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
▼M2 —————
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, is-setgħat dixxiplinarji għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali f'konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUBAM Libya fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta tal-EUBAM Libya.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma' atturi oħra tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Libja.
▼M2 —————
Artikolu 7
Persunal
1. L-EUBAM Libya għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE.
2. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE għandhom iġarrbu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta' kuljum.
3. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni u s-SEAE għandhom ikunu responsabbli li jwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar, jew mill-membru tal-persunal issekondat minnu/minnha, jew dwaru, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.
4. L-EUBAM Libya tista' wkoll tirrekluta persunal internazzjonali jew lokali fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri, istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.
5. Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUBAM Libya u l-membru tal-persunal ikkonċernat.
Artikolu 8
Status tal- EUBAM Libya u l-persunal tagħha
L-istatus tal- EUBAM Libya u tal-persunal tagħha, inkluż, fejn adatt, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-EUBAM Libya, għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUBAM Libya. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dak il-għan f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat għall-ħatra ta' Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u għall-emendar tad-dokumenti ta' ppjanar. Is-setgħat ta' deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u tat-terminazzjoni ta' EUBAM Libya għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà rispettivi tagħhom.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta' Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-Istati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUBAM Libya, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mil-Libya, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUBAM Libya, kif adatt.
2. L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUBAM Libya għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-EUBAM Libya bħall-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-EUBAM Libya.
3. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżi, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUBAM Libya.
Artikolu 11
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu, f'konformità mal-Artikolu 5, jidderiġi lill-Kap tal-Missjoni fl-ippjanar ta' miżuri tas-sigurtà, u għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom mill-EUBAM Libya.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUBAM Libya u sabiex jiżgura konformità ma' rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall- EUBAM Libya, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u mal-istrumenti ta' sostenn tagħha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Għoli tas-Sigurtà tal-Missjoni, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni ta' ħidma mill-qrib mas-SEAE.
4. Il-persunal ta' EUBAM Libya għandu jingħata taħriġ mandatorju dwar is-sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mad-dokumenti ta' pjanar. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE ( 1 ).
Artikolu 12
Kapaċità ta' Sorveljanza
Il-Kapaċità ta' Sorveljanza għandha tiġi attivata għall-EUBAM Libya.
Artikolu 12a
Arranġamenti legali
EUBAM Libya għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, ikollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi minn assi u twettaq l-obbligi tagħha, u li tkun parti fi proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni.
Artikolu 13
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Mejju 2013 sal-21 ta' Mejju 2014 għandu jkun ta' EUR 30 300 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Mejju 2014 sal-21 ta' Frar 2016 għandu jkun ta' EUR 26 200 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Frar 2016 sal-21 ta' Awwissu 2016 għandu jkun ta' EUR 4 475 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma' EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Awwissu 2016 sat-30 ta' Novembru 2017 għandu jkun ta' EUR 17 000 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma' EUBAM Libya għall-perijodu mill-1 ta' Diċembru 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018 għandu jkun ta' EUR 31 200 000,00 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2019 sat-30 ta' Ġunju 2020 għandu jkun ta' EUR 61 678 576,39 .
2. In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-EUBAM Libya għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Minbarra dan, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUBAM Libya. Soġġett għal approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Missjoni tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUBAM Libya.
3. L-EUBAM Libya għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dak il-għan, l-EUBAM Libya għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.
4. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-EUBAM Libya u l-persunal tagħha, l-EUBAM Libya għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat, b'bidu mill-22 ta' Mejju 2015, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' kondotta ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha l-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.
5. L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUBAM Libya, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.
6. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-iffirmar tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.
Artikolu 13a
Ċellula ta' Proġetti
1. L-EUBAM Libya għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti li huma konsistenti mal-objettivi tal-Missjoni u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-mandat. L-EUBAM Libya għandha, kif meħtieġ, tiffaċilita u tagħti pariri dwar proġetti, implimentati mill-Istati Membri u minn Stati terzi, taħt ir-responsabbiltà tagħhom f'oqsma relatati mal-EUBAM Libya u b'appoġġ għall-għanijiet tagħha.
2. Soġġett għall-paragrafu 3, l-EUBAM Libya għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-EUBAM Libya, jekk il-proġetti jkunu:
— previsti fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew
— integrati matul il-mandat permezz ta' emenda fid-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.
L-EUBAM Libya għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-EUBAM Libya fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-EUBAM Libya fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
3. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mill-KPS.
Artikolu 14
Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandu jiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha inkluż, il-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-Unjoni fi Tripli sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fil-Libja.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri li jkunu jinsabu fil-Libja.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina ma' partijiet terzi rilevanti fil-Libja.
Artikolu 15
Rilaxx ta' informazzjoni
1. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUBAM Libya, l-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE / EU CONFIDENTIAL” li tiġi ġenerata għall-finijiet tal-EUBAM Libya, f'konformità mad- ►M1 Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ .
2. Fil-każ ta' bżonn operattiv speċifiku u immedjat, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat wkoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE / EU RESTRICTED” iġġenerata għall-finijiet tal-EUBAM Libya, f'konformità mad- ►M1 Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ . Għal dan il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
3. Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l- EUBAM Libya u li jkunu koperti bl-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 2 ).
4. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Europol u l-Frontex informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
5. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NU informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” iġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
6. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-INTERPOL informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Sakemm jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-INTERPOL, EUBAM Libya tista' tirrilaxxa tali informazzjoni lill-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali tal-INTERPOL tal-Istati Membri, f'konformità mal-arranġamenti li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali rilevanti.
7. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-iskambju tal-informazzjoni f'dan l-Artikolu.
8. Ir-RGħ jista' jiddelega l-awtorizzazzjonijiet għar-rilaxx tal-informazzjoni kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija f'dan l-Artikolu lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tar-RGħ, lill-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2020.
( 1 ) ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.
( 2 ) Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).