SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati ma’ proprjetà immobiljari residenzjali – Direttiva 2014/17/UE – Artikolu 13(1)(g) – Informazzjoni ġenerali dwar il-prodotti ta’ kreditu għal akkomodazzjonijiet – Obbligu li jingħata ‘eżempju rappreżentattiv’ – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Istituzzjoni bankarja li toffri diversi forom ta’ kreditu – Fuljett ta’ informazzjoni li jinkludi biss eżempji rigward kuntratti ta’ kreditu b’rata varjabbli”

Fil-Kawża C‑85/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

Verein für Konsumenteninformation

vs

BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Verein für Konsumenteninformation, minn S. Langer, Rechtsanwalt,

–

Għal BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG, minn M. Kellner u F. Liebel, Rechtsanwälte,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifiki fil-ĠU 2015, L 246, p. 11 u ĠU 2017, L 166, p. 82).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Verein für Konsumenteninformation, assoċjazzjoni Awstrijaka għall-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem “VKI”), u BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG (iktar ’il quddiem “BAWAG”), bank Awstrijak, dwar l-assenza ta’ indikazzjoni, fl-informazzjoni ġenerali pprovduta minn dan il-bank lill-konsumaturi, ta’ eżempji rappreżentattivi ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata fissa kif ukoll ta’ kuntratt ta’ kreditu li jalterna bejn rata fissa u rata varjabbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/17

3

Il-premessi 15, 20, 38 u 53 tad-Direttiva 2014/17 jipprevedu:

“(15)

L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li l-konsumaturi li jidħlu f’kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni. […]

[…]

(20)

Sabiex jiġi żgurat qafas konsistenti għall-konsumaturi fil-qasam tal-kreditu kif ukoll biex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu, il-qafas ċentrali ta’ din id-Direttiva għandu jsegwi l-istruttura tad-[Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66), rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46)] fejn possibbli, l-aktar il-kunċetti li l-informazzjoni inkluża fir-riklamar li jikkonċerna kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali għandha tingħata lill-konsumatur permezz ta’ eżempji rappreżentattivi, li għandha tingħata lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali dettaljata permezz ta’ fuljett ta’ informazzjoni standardizzata, li l-konsumatur jirċievi spjegazzjonijiet adegwati qabel ma jidħol f’kuntratt ta’ kreditu, tiġi stabbilita [Rata Perċentwali Annwali tal-Imposti (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”)], bażi komuni għall-kalkolu tal-APRC esklużi l-ispejjeż tan-nutar, u li l-kredituri għandhom jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur qabel ma jagħtu kreditu. […]

[…]

(38)

Ir-reklamar għandu t-tendenza li jiffoka fuq prodott jew diversi prodotti partikolari, filwaqt li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bl-għarfien sħiħ tal-firxa ta’ prodotti offruti. F’dak ir-rigward, l-informazzjoni ġenerali għandha rwol importanti fl-edukazzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi disponibbli u l-karatteristiċi prinċipali tagħhom. Għaldaqstant, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jkollhom fi kwalunkwe ħin aċċess għall-informazzjoni ġenerali dwar il-prodotti ta’ kreditu disponibbli. Fejn dan ir-rekwiżit ma jkunx applikabbli għal intermedjarji tal-kreditu mhux vinkolati, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tagħhom li jipprovdu lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali personalizzata.

[…]

(53)

Billi fl-istadju tar-reklamar ir-RPAI tista’ tiġi indikata biss permezz ta’ eżempju, tali eżempju għandu jkun rappreżentattiv. Għalhekk, dan għandu jikkorrispondi, pereżempju, għall-medja tad-duratura u l-ammont totali ta’ kreditu mogħti għat-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu kkunsidrat. Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-eżempju rappreżentattiv, għandha tiġi kkunsidrata l-prevalenza ta’ ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ kreditu f’suq partikolari. Jista’ jkun preferibbli li kull kreditur jibbaża l-eżempju rappreżentattiv fuq ammont ta’ kreditu li huwa rappreżentattiv tal-firxa ta’ prodotti tal-kreditur stess u tal-bażi ta’ klijenti prevista, għaliex dawn jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fost il-kredituri. Fir-rigward tar-RPAI divulgata fl-[Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (iktar ’il quddiem il-FEIS”), il-preferenzi tal-konsumatur u l-informazzjoni pprovduta lilu għandhom, fejn possibbli, jiġu kkunsidrati u l-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jagħmilha ċara jekk l-informazzjoni pprovduta hijiex illustrattiva jew jekk tirriflettix il-preferenzi u l-informazzjoni mogħtija. Fi kwalunkwe każ, l-eżempji rappreżentattivi m’għandhomx imorru kontra r-rekwiżiti tad-[Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, u rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86)]. […]”

4

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni ġeneral” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ġenerali ċara u li tinftiehem dwar kuntratti ta’ kreditu tiġi pprovduta mill-kredituri jew, fejn applikabbli, minn intermedjarji tal-kreditu marbuta jew ir-rappreżentanti maħturin tagħhom il-ħin kollu bil-miktub jew f’mezz dejjiemi ieħor jew f’forma elettronika. Minbarra dan l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li informazzjoni ġenerali għandha tiġi pprovduta minn intermedjarji tal-kreditu mhux vinkolat.

Din l-informazzjoni ġenerali għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

[…]

(e)

tipi ta’ rata tal-imgħax tas-self disponibbli, b’indikazzjoni jekk tkunx fissa jew varajabbli jew it-tnejn, b’deskrizzjoni fil-qosor tal-karatteristiċi ta’ rata fissa u varjabbli, inkluż implikazzjonijiet relatati għall-konsumatur;

[…]

(g)

eżempju rappreżentattiv tal-ammont totali ta’ kreditu, l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur u r-RPAI;

[…]”

5

L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin, iforni lill-konsumatur l-informazzjoni personalizzata meħtieġa sabiex ikun jista’ jqabbel il-krediti disponibbli fuq is-suq, jivvaluta l-implikazzjonijet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkonkludix kuntratt ta’ kreditu:

(a)

mingħajr dewmien żejjed wara li l-konsumatur ikun ta l-informazzjoni neċessarja dwar il-ħtiġijiet, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-preferenzi tiegħu, skont l-Artikolu 20; u

(b)

kmieni biżżejjed qabel ma l-konsumatur ikun vinkolat b’xi kuntratt jew offerta ta’ kreditu.

[…]”

Id-Direttiva 2005/29

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

Id-dritt Awstrijak

7

Il-punt 7 tal-Artikolu 7 tal-Bundesgesetz über Hypothekar- und Immobilienkreditverträge und sonstige Kreditierungen zu Gunsten von Verbrauchern (Hypothekar- und Immobilienkreditgesetz) (il-Liġi Federali dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu Ipotekarju u Immobblijari u Kreditu ieħor lill-Konsumaturi (il-Liġi dwar il-Kreditu Ipotekarju u l-Kreditu Immobiljari)), tas‑26 ta’ Novembru 2015 (BGBl. I, 135/2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu Ipotekarju u l-Kreditu Immobiljari”) jittrasponi f’termini identiċi l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

BAWAG hija istituzzjoni bankarja u toffri s-servizzi tagħha fit-territorju Awstrijak kollu. Dan il-bank jipprovdi lill-konsumaturi, f’“fuljett ta’ informazzjoni dwar il-krediti relatati ma’ proprjetà immobiljari residenzjali”, informazzjoni ġenerali dwar il-kuntratti ta’ krediti ipotekarji u immobiljari li huwa joffri.

9

Il-paġni 2 sa 4 tal-fuljett ta’ informazzjoni jikkonċernaw il-krediti relatati ma’ bini ta’ akkomodazzjoni li ma humiex iggarantiti b’ipoteka u jintemmu permezz ta’ “eżempju rappreżentattiv”. Il-paġni 5 sa 7 ta’ dan il-fuljett jikkonċernaw il-kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ bini ta’ akkomodazzjoni li huma ggarantiti b’ipoteka u jintemmu wkoll permezz ta’ eżempju rappreżentattiv. L-eżempju rappreżentattiv mogħti għal kuntratt ta’ kreditu relatat ma’ bini ta’ akkomodazzjoni mhux iggarantit b’ipoteka jirrigwarda kreditu fl-ammont ta’ EUR 35000 fuq perijodu ta’ 180 xahar, b’rata ta’ interessi nominali annwali varjabbli stabbilita għal 4.58 %. L-eżempju rappreżentattiv ipprovdut għal kuntratt ta’ kreditu relatat ma’ bini ta’ akkomodazzjoni ggarantit b’ipoteka jirrigwarda kreditu fl-ammont ta’ EUR 200000 fuq perijodu ta’ 240 xahar, b’rata ta’ interessi nominali annwali varjabbli stabbilita għal 0.5 %. Iż-żewġ eżempji jispeċifikaw l-ammont ta’ interessi li għandhom jitħallsu, ir-rata ta’ interessi effettiva kif ukoll l-ispiża totali tal-kreditu.

10

Fost il-prodotti tagħha, BAWAG toffri, minbarra kuntratti ta’ kreditu esklużivament b’rata ta’ interessi varjabbli, kuntratti ta’ kreditu esklużivament b’rata ta’ interessi fissa kif ukoll kuntratti ta’ kreditu li jalternaw bejn perijodi b’rata ta’ interessi varjabbli u perijodi b’rata ta’ interessi fissa.

11

VKI ressqet rikors intiż sabiex BAWAG tiġi pprojbita milli, fil-fuljett ta’ informazzjoni msemmi fil-punt 8 tas-sentenza preżenti, tinkludi biss eżempju ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata varjabbli, mingħajr ma tipprovdi wkoll eżempju ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata fissa u eżempju ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata mħallta, peress li hija toffri dawn it-tliet tipi ta’ rati ta’ interessi għal dawn il-kuntratti ta’ kreditu.

12

Bħala difiża, BAWAG sostniet li dan il-fuljett ta’ informazzjoni ma għandux l-għan li jipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni prekuntrattwali dettaljata u adatta għal sitwazzjonijiet speċifiċi u għal klijenti konkreti. Fil-fehma tagħha, wieħed ma jistax jeżiġi li, pereżempju, kull forma konċepibbli ta’ rata ta’ interessi tintwera fl-imsemmi fuljett ta’ informazzjoni.

13

Il-qorti adita fl-ewwel istanza qieset li eżempju ta’ kreditu b’rata fissa kellu jidher f’dan l-istess fuljett ta’ informazzjoni u laqgħet, parzjalment, it-talbiet imressqa minn VKI.

14

B’kuntrast ma dan, il-qorti tal-appell iddeċidiet li l-punt 7 tal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-Kreditu Ipotekarju u l-Krediti Immobiljari kien jeżiġi biss eżempju rappreżentattiv wieħed insostenn tal-informazzjoni msemmija fil-fuljett ta’ informazzjoni u li BAWAG għalhekk ma kinitx obbligata tipprovdi wkoll, fil-fuljett ta’ informazzjoni tagħha, eżempju ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata ta’ interessi fissa.

15

VKI adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-qorti tal-appell.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rekwiżit li jingħataw eżempji rappreżentattivi għal kull wieħed mit-tliet tipi ta’ kuntratti ta’ kreditu proposti jmur lil hinn minn dak li għandu jiġi inkluż fl-informazzjoni ġenerali, iżda tammetti li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 ma hijiex ovvja.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva [2014/17] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemm l-ebda ksur jekk sellief li joffri self għal djar mingħajr ipoteka u b’ipoteka, kull wieħed f’diversi varjanti ((a) self b’fażijiet b’rata ta’ interessi fissa biss, (b) self b’fażijiet b’rata ta’ interessi varjabbli u b’rata ta’ interessi fissa li jalternaw, u (c) self b’rata ta’ interessi varjabbli biss), jipprovdi eżempju rappreżentattiv (uniku) ta’ self għal djar mingħajr ipoteka u ta’ self għal djar b’ipoteka, jew id-dispożizzjoni teħtieġ li jingħata eżempju rappreżentattiv għal kull forma ta’ rata ta’ interessi?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li sellief li, għall-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni, joffri kuntratti ta’ kreditu, iggarantiti b’ipoteka jew le, b’rata ta’ interessi fissa, b’rata ta’ interessi varjabbli jew li jalternaw perijodi b’rata ta’ interessi fissa u b’rata ta’ interessi varjabbli, għandu jipprovdi eżempju rappreżentattiv għal kull wieħed mit-tliet tipi ta’ kuntratti ta’ kreditu proposti.

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/17 għandha l-għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi qafas komuni għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbuta ma’ proprjetajiet immobiljari residenzjali.

20

L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni ġenerali”, jelenka l-informazzjoni ġenerali dwar il-kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ proprjetà immobiljari residenzjali, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jagħmlu disponibbli b’mod permanenti għall-konsumaturi.

21

Bis-saħħa ta’ din l-informazzjoni ġenerali, dan l-Artikolu 13(1) jipprevedi, fil-punt (g) tiegħu, li l-kreditur għandu b’mod partikolari jipprovdi “eżempju rappreżentattiv tal-ammont totali ta’ kreditu, l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur u r-RPAI”.

22

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, VR Bank Ravensburg-Weingarten, C‑536/22, EU:C:2024:234, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 jagħti x’jifhem, bl-użu tal-kelma “eżempju”, li huwa biss mistenni mill-kredituri li jipprovdu eżempju wieħed lill-konsumaturi fl-informazzjoni ġenerali tagħhom. Barra minn hekk, huwa jippreċiża li dan l-eżempju għandu jkun wieħed “rappreżentattiv”, mhux tad-diversi tipi ta’ kuntratti ta’ kreditu proposti mill-kreditur, iżda “tal-ammont totali ta’ kreditu, l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur u r-RPAI”.

24

Minn dan jirriżulta li l-funzjoni tal-eżempju rappreżentattiv li għandu jiġi pprovdut ma tidhirx li hija li juri d-diversità tal-kuntratti ta’ kreditu offruti mill-kreditur, iżda li l-konsumaturi jifhmu, għall-informazzjoni ġenerali tagħhom, is-sens u l-artikolazzjoni tad-diversi kunċetti relatati mal-kreditu.

25

Fit-tieni lok, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 isostni din l-interpretazzjoni letterali.

26

L-ewwel nett, filwaqt li l-Artikolu 13(1)(e) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-“informazzjoni ġenerali” tinkludi l-indikazzjoni tat-“tipi ta’ rata tal-imgħax tas-self disponibbli”, il-punt (g) tal-Artikolu 13(1) ma jinkludi ebda indikazzjoni li l-eżempju rappreżentattiv għandu jiġi pprovdut għal kull tip ta’ kuntratt ta’ kreditu offrut. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jimponi fuq il-kredituri li jipprovdu eżempju rappreżentattiv għat-tipi kollha ta’ rati ta’ interessi offruti, huwa kien jindika dan b’mod espliċitu.

27

It-tieni nett, mill-qari tad-Direttiva 2014/17 fl-intier tagħha, jirriżulta li din tistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, sistema ta’ informazzjoni obbligatorja fuq żewġ livelli.

28

L-ewwel livell huwa kkostitwit mill-“informazzjoni ġenerali”, imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Skont il-kliem tal-premessa 38 tagħha, din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur li jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti “[billi tiġbed l-attenzjoni tiegħu għall-] firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi disponibbli u l-karatteristiċi prinċipali tagħhom. Għaldaqstant, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jkollhom fi kwalunkwe ħin aċċess għall-informazzjoni ġenerali dwar il-prodotti ta’ kreditu disponibbli.

29

It-tieni livell ta’ informazzjoni li l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minnha huwa kkostitwit mill-“informazzjoni prekuntrattwali”, imsemmija fl-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva. Dan l-Artikolu 14 jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li hija “l-informazzjoni personalizzata meħtieġa [mill-konsumatur] sabiex ikun jista’ jqabbel il-krediti disponibbli fuq is-suq, jivvaluta l-implikazzjonijet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkonkludix kuntratt ta’ kreditu”.

30

Għalhekk, kif jenfasizzaw BAWAG u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-“informazzjoni ġenerali” ma huwiex li tipprovdi lill-konsumaturi l-kjarifiki ddettaljati u adatti għal kull tip ta’ kuntratt ta’ kreditu offrut mill-kreditur u għal kull każ partikolari, minkejja li tali kjarifiki għandhom jiġu kkomunikati lilhom bħala “informazzjoni prekuntrattwali”. Dawn huma intiżi biss sabiex jagħtu informazzjoni lill-konsumatur fit-tfittxija tiegħu għal kreditu fi stadju preliminari tar-riflessjoni tiegħu. Konsegwentement, ma jkunx xieraq li tiġi adottata interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 li teżiġi li din l-informazzjoni tkun eżawrjenti. Tali interpretazzjoni tqiegħed ukoll inkwistjoni d-distinzjoni bejn l-informazzjoni ġenerali u l-informazzjoni prekuntrattwali magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

31

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2014/17, għandu jitfakkar li din id-direttiva hija intiża, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tagħha, li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kkonċernati li jidħlu fi kreditu immobiljari.

32

F’dan ir-rigward, il-premessa 53 tad-Direttiva 2014/17 tenfasizza, b’mod partikolari, li l-eżempji rappreżentattivi ma għandhomx imorru kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/29.

33

Din l-aħħar direttiva, li għandha l-għan li tiġġieled il-prattiċi kummerċjali żleali fil-konfront tal-konsumaturi, tipprevedi, fl-Artikolu 7(1) tagħha, li “prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

34

Fil-każ ineżami, l-għoti, għall-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka, ta’ eżempju rappreżentattiv, li jirrigwarda kreditu b’rata varjabbli, u, għall-kuntratti mhux iggarantiti b’ipoteka, ta’ eżempju rappreżentattiv, li jirrigwarda wkoll kreditu b’rata varjabbli, ma jidhirx li huwa tali li jċaħħad lill-konsumatur minn informazzjoni importanti, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni ġenerali li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jidderieġi ruħu b’għarfien sħiħ lejn kreditu b’rata ta’ interessi fissa, kreditu b’rata ta’ interessi varjabbli jew kreditu b’rata ta’ interessi mħallta ma tinsabx fl-informazzjoni li għandu jinkludi l-eżempju rappreżentattiv, jiġifieri l-ammont totali tal-kreditu, l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, l-ammont totali dovut mill-konsumatur u r-RPAI, iżda fil-fatt li din l-informazzjoni tkun ċerta fl-ewwel tip ta’ kreditu u inċerta fit-tnejn l-oħra.

36

Dawn il-karatteristiċi essenzjali ta’ kuntratti ta’ kreditu b’rati ta’ interessi fissi u/jew varjabbli għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni ġenerali b’applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(e) u mhux tal-Artikolu 13(1)(g) fl-eżempju rappreżentattiv.

37

Fil-fatt, l-eżempju rappreżentattiv huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi flimkien, minn naħa, mal-informazzjoni ġenerali l-oħra elenkata fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/17 u, min-naħa l-oħra, mal-informazzjoni prekuntrattwali adatta għas-sitwazzjoni personali ta’ kull konsumatur meħud individwalment.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li kreditur, li jipproponi kuntratti ta’ kreditu b’rata ta’ interessi fissa, varjabbli u mħallta, jipprovdi biss, fl-informazzjoni ġenerali tiegħu, eżempju rappreżentattiv ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata ta’ interessi varjabbli ggarantita b’ipoteka u eżempju rappreżentattiv ta’ kuntratt ta’ kreditu b’rata ta’ interessi varjabbli mhux iggarantit b’ipoteka ma jċaħħadx lill-konsumatur minn informazzjoni sostanzjali u għalhekk ma jistax jitqies bħala l-indizzju ta’ prattika kummerċjali qarrieqa tal-kreditur, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29. Konsegwentement, il-preżentazzjoni fl-informazzjoni ġenerali ta’ eżempju rappreżentattiv wieħed huwa konformi mal-għan tad-Direttiva 2014/17.

39

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-eżempju msemmi fl-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 għandu, kif ġie indikat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, ikun “rappreżentattiv”.

40

F’dan ir-rigward, il-premessa 53 tad-Direttiva 2014/17 tipprovdi li, “Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-eżempju rappreżentattiv, għandha tiġi kkunsidrata l-prevalenza ta’ ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ kreditu f’suq partikolari. Jista’ jkun preferibbli li kull kreditur jibbaża l-eżempju rappreżentattiv fuq ammont ta’ kreditu li huwa rappreżentattiv tal-firxa ta’ prodotti tal-kreditur stess u tal-bażi ta’ klijenti prevista, għaliex dawn jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fost il-kredituri.”

41

Għaldaqstant, minn din il-premessa jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura rappreżentattiva tal-eżempju li għandu jiġi pprovdut, ċerti elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, it-tul medju u l-ammont totali medju tal-kreditu mogħti għat-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu previst kif ukoll il-frekwenza ta’ ċerti tipi ta’ kuntratt ta’ kreditu f’suq partikolari. Fir-rigward tar-RPAI, inkluża fil-fuljett ta’ informazzjoni standardizzata, il-preferenzi u l-informazzjoni mogħtija mill-konsumatur għandhom, sa fejn ikun possibbli, jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jispeċifika jekk l-informazzjoni mogħtija hijiex indikattiva jew jekk tirriflettix il-preferenzi u l-informazzjoni pprovduta. Fi kwalunkwe każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, l-eżempji rappreżentattivi ma għandhomx imorru kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/29.

42

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, jekk l-eżempju mogħti minn BAWAG fl-informazzjoni ġenerali tiegħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17, huwiex rappreżentattiv.

43

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għadha tkun li l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditur li, għall-finijiet ta’ finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni, joffri kuntratti ta’ kreditu, iggarantiti b’ipoteka jew le, b’rata ta’ interessi fissa, b’rata ta’ interessi varjabbli jew li jalterna bejn perijodi b’rata ta’ interessi fissa u b’rata ta’ interessi varjabbli, għandu jipprovdi biss, fl-informazzjoni ġenerali, eżempju wieħed ta’ krediti li joffri, sakemm dan ikun rappreżentattiv.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

“L-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

 

kreditur li, għall-finijiet ta’ finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni, joffri kuntratti ta’ kreditu, iggarantiti b’ipoteka jew le, b’rata ta’ interessi fissa, b’rata ta’ interessi varjabbli jew li jalterna bejn perijodi b’rata ta’ interessi fissa u b’rata ta’ interessi varjabbli, għandu jipprovdi biss, fl-informazzjoni ġenerali, eżempju wieħed ta’ krediti li joffri, sakemm dan ikun rappreżentattiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.