European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4067

12.7.2024

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Mobilità tal-Ħiliet u t-Talenti

(COM(2023) 715 final)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE

(COM(2023) 716 final – 2023/0404 (COD))

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd

(COM(2023) 719 final)

Commission recommendation on the recognition of qualifications of third-country nationals (mhux disponibbli bil-Malti)

(C(2023) 7700 final)

(C/2024/4067)

Relatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Korelatur:

Mariya MINCHEVA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.1.2024

Kummissjoni Ewropea, 21.12.2023

Bażi legali

Artikoli 165, 166, u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

12.4.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

25.4.2024

Sessjoni plenarja Nru

587

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jenfasizza li n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet xprunat minn fatturi differenti, inklużi l-isfidi demografiċi u t-tranżizzjoni doppja, joħloq sfidi serji għall-operazzjonijiet u t-tkabbir tal-kumpaniji. Dan huwa partikolarment validu f’reġjuni żvantaġġati (1). Huwa importanti ħafna li r-Riżerva ta’ Talent tal-UE tkun għodda prattika, affidabbli, faċli biex tintuża li tkun attraenti għall-ħaddiema u għall-impjegaturi u tappoġġja l-migrazzjoni legali tal-ħaddiema lejn l-UE b’mod ġust u etiku.

1.2.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu passi effettivi biex inaqqsu n-nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u jiżguraw li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jappoġġjaw impjiegi ta’ kwalità għolja u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE u jagħmlu dawn l-impjiegi attraenti għall-ħaddiema kollha, fl-istess ħin li jitqies il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. In-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti professjonijiet u l-bżonn li jiġu identifikati dawn il-professjonijiet huma temi li għandhom jiġu diskussi mal-imsieħba soċjali settorjali u nazzjonali, fl-istess ħin li jitqies it-tqabbil tal-ħiliet u tal-impjiegi, il-pagi deċenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-ħaddiema, kif ukoll l-aċċess ugwali għall-iżvilupp professjonali, bħala fatturi ewlenin biex il-professjoni kkonċernata ssir aktar attraenti.

1.3.

Il-KESE jirrimarka li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz diġà preżenti fit-territorju tal-UE u li huma lesti li jaħdmu fl-UE (applikanti għall-ażil, persuni mingħajr permess tax-xogħol, persuni li daħlu fl-UE għal raġunijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja) jikkostitwixxu riżerva mhux użata biżżejjed ta’ ħaddiema potenzjali li tista’ tgħin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dawn in-nies jeħtieġ li jiġu appoġġjati biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

1.4.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm ambjent akkoljenti għall-migranti u l-ħaddiema refuġjati fl-Istati Membri kollha, u li jkun hemm ħidma f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jinbidlu l-istqarrijiet u n-narrattiva dwar il-migrazzjoni legali, li ħafna minnhom ikunu ġġenerati mill-moviment tal-lemin estrem, jitwaqqfu l-attitudnijiet ostili lejn il-migrazzjoni u jiġi rikonoxxut ir-rwol li l-migrazzjoni legali jista’ jkollha biex tgħin tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u d-disparitajiet reġjonali.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi implimentata l-inizjattiva dwar ir-Riżerva ta’ Talent flimkien mal-inizjattiva tal-UE dwar “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa” (2) biex jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ – fl-UE u lejn barra l-UE – fi professjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema. Il-migrazzjoni ċirkolari tista’ tkun għodda utli f’dan ir-rigward ukoll.

Dwar il-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE

1.6.

Il-KESE jixtieq jara r-Riżerva ta’ Talent tal-UE bħala komplement effettiv u effiċjenti għall-għodod u l-prattiki eżistenti tal-UE u nazzjonali biex tgħin liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jsibu xogħol ta’ kwalità fl-UE u biex tappoġġja lill-impjegaturi fir-reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema. Ir-Riżerva ta’ Talent għandha tiżgura li l-ħaddiema migranti u l-impjegaturi tal-UE jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-liġijiet li għandhom jikkonformaw magħhom, kif ukoll dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, eż. regoli dwar l-effetti tat-telf ta’ impjieg wara perjodu iqsar ta’ żmien. Il-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, għandha tiżgura li jkun hemm fis-seħħ l-arranġamenti adatti sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li r-Riżerva ta’ Talent tal-UE għandha twassal għal xogħol ta’ kwalità, li jikkorrispondi għall-ħiliet u l-kompetenzi tal-migranti. Il-ħaddiema m’għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema provviżorji għall-ekonomiji tal-UE iżda għandhom jirċievu l-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-UE u l-istess opportunitajiet f’termini tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom u t-tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom jekk jixtiequ jagħmlu dan, kif ukoll il-possibbiltà li jkomplu jgħixu fl-UE.

1.8.

Il-KESE jindika li jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni trasparenti u affidabbli dwar l-aċċess għall-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE u dwar ir-rekwiżiti, inkluż ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, fuq sit web uniku tal-UE għall-ħaddiema u l-impjegaturi. L-“għodda web” il-ġdida dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol li qed tiġi żviluppata mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol ser tkun għodda diġitali li għandha l-għan li tikkonsolida s-sorsi ta’ informazzjoni nazzjonali u fil-livell tal-UE, inklużi l-Kummissjoni Ewropea, l-aġenziji tal-UE eċċ. L-algoritmu li jqabbel m’għandux iqis data personali irrilevanti għal impjieg, bħall-isem, l-età, il-ġeneru, in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza. Il-kumpaniji jridu jkunu jistgħu jiddependu mill-appoġġ mir-Riżerva ta’ Talent tal-UE meta jirreklutaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li l-ħolqien tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE jrid jibni fuq il-ħidma tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar permess uniku (3) u d-Direttiva dwar ir-residenti għal żmien twil (4), sabiex jiġi żgurat aċċess effiċjenti u f’waqtu għall-permessi tax-xogħol u tar-residenza għall-ħaddiema migranti, kif ukoll biex jiġu infurzati l-istandards tax-xogħol fl-UE. L-Istati Membri li jipparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talent huma mħeġġa wkoll isegwu l-proposti maqbula fil-livell nazzjonali u settorjali mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi.

1.10.

Fl-istess ħin li jilqa’ d-dispożizzjonijiet tar-Regolament propost, il-KESE jenfasizza l-fatt li trid tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi sensittivi għall-frodi, fejn il-ħaddiema migranti huma partikolarment vulnerabbli u f’riskju għoli ta’ sfruttament u abbuż fuq il-post tax-xogħol.

1.11.

Il-KESE jemmen li r-rwol tal-intermedjarji u l-aġenziji, inkluż għas-sottokuntrattar, għandu jiġi ċċarat, peress li bħalissa ħafna impjegaturi jużaw is-servizzi tagħhom fil-livell nazzjonali.

1.12.

Jenħtieġ li l-inizjattiva ma twassalx għal piż amministrattiv akbar għall-impjegaturi li jitolbu lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti biex jittrasferixxu l-postijiet tax-xogħol battala tagħhom għall-pjattaforma tal-IT tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE. Għandu jkun hemm funzjoni ta’ żieda sempliċi għat-trasferiment ta’ postijiet battala mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi nazzjonali għar-Riżerva ta’ Talent tal-UE. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll rwol possibbli għall-aġenziji privati tal-impjiegi.

1.13.

L-aċċess sospiż għall-impjegaturi fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tagħhom għandu jkun definit fir-rigward taż-żmien u proporzjonat għall-ksur ikkonċernat. Għandhom jiġu kkunsidrati limitazzjonijiet simili għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jabbużaw mid-dritt li jgħixu u jaħdmu legalment fl-UE.

1.13.1.

Il-governanza demokratika hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-politiki u l-għodod dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema jitfasslu għall-ħaddiema u l-impjegaturi, u jiġu xprunati minnhom. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Grupp ta’ Tmexxija dwar l-implimentazzjoni ser jinkludi l-imsieħba soċjali transindustrijali Ewropej. L-inizjattiva jenħtieġ li timmotiva lill-Istati Membri jinvolvu lill-imsieħba soċjali fil-livell transindustrijali u settorjali, kif ukoll lill-organizzazzjoni rilevanti tas-soċjetà ċivili li taħdem mal-migranti u r-refuġjati, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni u t-taħriġ fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari biex jiġu identifikati okkupazzjonijiet nieqsa mill-ħaddiema kif ukoll biex jingħata feedback perjodiku dwar il-valutazzjoni tagħhom tal-funzjonament tar-Riżerva ta’ Talent.

Dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

1.14.

Il-KESE enfasizza l-ħtieġa li l-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi għandhom jiġu vvalutati u vvalidati malajr biex jiġi żgurat li l-ħiliet tagħhom jiġu ċċertifikati u jkunu jistgħu jiksbu l-kwalifiki tagħhom meta jkun meħtieġ (eż. fil-każ ta’ professjonijiet regolati). Il-proċeduri għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv tal-provi għall-applikanti, speċjalment meta d-dokumenti setgħu ntesew jew intilfu matul il-vjaġġ tal-migrazzjoni.

1.14.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tfakkar lill-Istati Membri li d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali tista’ tapplika wkoll għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u ta’ kwalifiki miksuba fl-UE f’każ ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti professjonijiet (“professjonijiet regolati bi prijorità”) definiti mill-Istati Membri. Il-KESE jitlob li l-aċċess għal dawk li jixtiequ jaħdmu fi professjonijiet regolati fl-Istati Membri tal-UE jiġi appoġġjat permezz ta’ proċessi ta’ validazzjoni u rikonoxximent rapidi u trasparenti meta jkun meħtieġ. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet biex tiġi garantita l-kwalità tal-impjiegi u s-servizzi jinsabu fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalifiki u tal-ħiliet. Għalhekk, huwa importanti li l-impjegati potenzjali jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalifiki tal-Istati Membri sabiex jidħlu f’ċerti professjonijiet regolati nieqsa mill-ħaddiema.

1.14.2.

Il-KESE jenfasizza l-possibbiltà li l-aċċess għall-professjonijiet jiġi ssemplifikat permezz ta’ oqfsa ta’ taħriġ komuni maqbula f’minimu ta’ disa’ pajjiżi, li jistgħu jikkontribwixxu għar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki f’ċerti professjonijiet regolati fil-livell tal-UE. Dan jista’ jgħin liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaċċessaw ir-rikonoxximent b’mod aktar koerenti fl-Istati Membri kollha tal-UE.

1.15.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar liema tip ta’ aġenziji, imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati jistgħu jgħinuhom jidħlu fis-suq tax-xogħol u jiksbu impjiegi ta’ kwalità.

1.16.

Il-KESE jindika li fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ professjonisti minn pajjiżi terzi li l-kwalifiki tagħhom mhumiex regolati, ir-rwol tal-impjegaturi u tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi huwa essenzjali biex jiġi żgurat trattament ugwali meta jiġi analizzat jekk l-esperjenza tat-tagħlim u tax-xogħol ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hijiex rilevanti għall-impjieg. Il-valutazzjoni tal-ħiliet tagħhom u l-approċċ “il-ħiliet l-ewwel” jistgħu japplikaw f’dan il-każ.

1.17.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess ġust għall-professjonijiet regolati permezz ta’ appoġġ xieraq għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz matul il-perjodu ta’ rikonoxximent u taħriġ. L-Istati Membri jeħtieġu jiżguraw li t-taħriġ ikun disponibbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz – mhux biss għal dawk li jimmiraw għal professjonijiet regolati bi prijorità – peress li huwa dritt soċjali u t-triq lejn impjiegi ta’ kwalità, l-iżvilupp tal-karriera u l-inklużjoni soċjali.

Dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd

1.18.

Il-KESE jirrimarka li l-mobbiltà tal-apprendiment fl-UE għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sens ta’ appartenenza għall-UE. Il-KESE jiddispjaċih li 15 % biss taċ-ċittadini tal-UE pparteċipaw fl-istudju, it-taħriġ jew l-apprendistati f’pajjiż ieħor tal-UE u jenfasizza l-fatt li l-istudenti u l-għalliema kollha għandu jkollhom aċċess aktar ugwali għall-mobbiltà, fis-setturi kollha tal-edukazzjoni, u b’mod partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

1.19.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri jiżguraw investiment pubbliku fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet edukattivi biex tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom li jipprovdu gwida u pariri ta’ kwalità u affidabbli dwar opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-karriera u t-tagħlim tul il-ħajja; dan għandu jkun disponibbli b’xejn sabiex l-istudenti jiġu motivati japplikaw għall-mobbiltà tal-apprendiment lejn pajjiż ieħor tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jimponu li l-koordinaturi tal-mobbiltà tal-apprendiment fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistabbilixxu djalogu kontinwu mal-imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

1.19.1.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jiżguraw il-mobbiltà tal-apprendiment tal-għalliema billi jegħlbu l-problemi tas-sostituzzjoni u n-nuqqas ta’ għalliema. Il-professjoni jeħtieġ li ssir attraenti, b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, salarji ġusti, aċċess għal edukazzjoni inizjali ta’ kwalità, żvilupp professjonali kontinwu u żvilupp tal-karriera, sabiex tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità.

1.19.2.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm finanzjament adegwat li jirrifletti l-ispejjeż reali tal-parteċipazzjoni fil-mobbiltà tal-Erasmus għall-istudenti, l-għalliema u l-ħarrieġa, u fl-istess ħin tiġi garantita t-trasferibbiltà tas-salarji u benefiċċji oħra, inklużi l-pensjonijiet, għall-istudenti adulti u l-għalliema li jieħdu sehem fil-mobbiltà internazzjonali permezz tal-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom. Huwa kruċjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fil-monitoraġġ ta’ dan u fid-deċiżjonijiet dwar kif għandhom jissolvew dawn il-problemi.

1.20.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea terġa’ ddaħħal ir-rwol tal-imsieħba soċjali Ewropej u tal-partijiet interessati rilevanti fil-Kumitat Erasmus+, li jiddefinixxi l-prijoritajiet annwali tal-Programm Erasmus+. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw il-pjani nazzjonali ta’ azzjoni tagħhom dwar l-inizjattiva f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-imsieħba soċjali rilevanti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-pakkett dwar il-mobbiltà tat-talenti jinkludi diversi inizjattivi ta’ politika dwar il-mobbiltà u l-migrazzjoni għal skopijiet ta’ edukazzjoni u impjieg għaċ-ċittadini tal-UE u mhux tal-UE. Il-pakkett ser ikollu impatt fuq il-politiki nazzjonali li jittrattaw il-migrazzjoni, l-impjiegi, il-kwalifiki u l-mobbiltà internazzjonali fl-edukazzjoni biex jiġu proposti soluzzjonijiet possibbli biex jiġu żviluppati azzjonijiet fil-kuntest attwali ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet.

2.2.

Fil-kuntest ta’ dawn l-inizjattivi differenti, u b’mod partikolari dawk relatati mal-migrazzjoni minn pajjiżi terzi, id-drittijiet tal-bniedem iridu jitqiesu bħala prijorità u appoġġjati minn trattament ugwali tal-ħaddiema u objettivi ċari tas-suq tax-xogħol.

2.3.

Ħafna professjonijiet, inklużi dawk regolati, huma professjonijiet b’nuqqas ta’ ħaddiema fil-pajjiżi tal-UE. Ir-rabta bejn il-mobbiltà tat-“talenti” anke mal-mobbiltà tal-impjiegi tqajjem tħassib dwar kif l-inizjattivi ser jevitaw li jikkawżaw eżodu ta’ mħuħ – fl-UE u globalment – fi professjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema. F’dan ir-rigward, il-pakkett għandu jaħdem flimkien mal-inizjattiva tal-UE dwar “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa”.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE

3.1.1.

Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE ser tkun l-ewwel għodda volontarja ta’ tqabbil fil-livell tal-UE għall-Istati Membri interessati, miftuħa għal “persuni li qed ifittxu impjieg b’livell baxx, medju u għoli ta’ ħiliet”. Huma l-impjegaturi stabbiliti f’dawk l-Istati Membri biss li se jkunu jistgħu jippubblikaw il-postijiet tax-xogħol battala tagħhom. Ser tappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tas-Sħubijiet ta’ Talent imnedija mal-Marokk, it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Pakistan u l-Bangladesh. Il-funzjoni ta’ tqabbil għandha tkun strutturata b’mod li tipproponi tqabbil bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi li jikkorrispondi għall-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiem u l-ħtiġijiet tal-impjegatur.

3.1.2.

Minkejja li r-Riżerva ta’ Talent ma tipprovdix rotta ta’ dħul speċifika fl-UE f’termini tal-kisba ta’ permessi tax-xogħol u tar-residenza, il-ħaddiema li jidħlu fir-Riżerva għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn pariri u appoġġ fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, u l-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri fl-Istat Membru ospitanti. Huwa importanti wkoll li r-Riżerva ta’ Talent tiżgura li l-ħaddiema migranti u l-impjegaturi jingħataw informazzjoni dwar il-liġijiet li għandhom isegwu u dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi impetu għall-adozzjoni ta’ standards komuni f’termini ta’ għoti ta’ informazzjoni.

3.1.3.

Il-progress fir-Riżerva ta’ Talent tal-UE għandu jibni fuq il-ħidma tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar permess uniku u d-Direttiva dwar ir-residenti għal żmien twil, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-permessi tax-xogħol u tar-residenza għall-ħaddiema migranti, kif ukoll biex jiġu infurzati l-istandards tax-xogħol fl-UE. Iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz diġà preżenti fit-territorju tal-UE u li huma lesti li jaħdmu fl-UE (applikanti għall-ażil, persuni mingħajr permess tax-xogħol, persuni li daħlu fl-UE għal raġunijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja) jikkostitwixxu riżerva mhux użata biżżejjed ta’ ħaddiema potenzjali li tista’ tgħin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

3.1.4.

Ir-Riżerva ta’ Talent jeħtieġ li ssir għodda affidabbli u sigur bi profili aġġornati aċċessibbli mill-inqas bl-Ingliż għall-impjegaturi u l-ħaddiema, li tappoġġja t-tqabbil tal-ħaddiema migranti mal-opportunitajiet ta’ impjieg fl-UE. Dan jinkludi l-proposta ta’ tqabbil xieraq bejn il-ħiliet u l-kwalifiki ta’ persuna li qed tfittex impjieg u l-post battal reklamat. Għalhekk, meta dan jitwettaq, jeħtieġ ukoll li ssir aktar ħidma biex jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki u l-ħiliet miksuba barra mill-pajjiż u/jew f’ambjenti ta’ tagħlim mhux formali u informali.

3.1.5.

Trid tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi sensittivi għall-frodi, fejn il-ħaddiema migranti huma partikolarment vulnerabbli u f’riskju għoli ta’ sfruttament u abbuż fuq il-post tax-xogħol. Ir-Riżerva ta’ Talent trid titfassal b’tali mod li tiżgura standards ta’ reklutaġġ ġusti u etiċi, inklużi projbizzjonijiet fuq prattiki abbużivi, pagamenti għar-reklutaġġ u tnaqqis. Ir-rwol tal-intermedjarji u l-aġenziji, inkluż għas-sottokuntrattar, għandu jiġi ċċarat, peress li bħalissa ħafna impjegaturi jużaw is-servizzi tagħhom fil-livell nazzjonali.

3.1.6.

Il-governanza demokratika hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-politiki u l-għodod dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema jitfasslu għall-ħaddiema u l-impjegaturi, u jiġu xprunati minnhom. Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar l-implimentazzjoni ser jinkludi l-imsieħba soċjali transindustrijali Ewropej. L-Istati Membri jeħtieġ li jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti f’diskussjonijiet u deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ okkupazzjonijiet b’nuqqas ta’ ħaddiema kif ukoll għall-għoti ta’ feedback perjodiku dwar il-valutazzjoni tagħhom tal-funzjonament tar-Riżerva ta’ Talent.

3.1.7.

L-implimentazzjoni tar-Riżerva ta’ Talent u tas-Sħubijiet ta’ Talent tiddependi wkoll minn ftehimiet bilaterali dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema u sħubijiet ma’ pajjiżi terzi bħala mezz ta’ governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema. Il-KESE jenfasizza l-fatt li dawn is-sħubijiet jeħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema migranti li jiġu fl-UE, kif ukoll jiddefinixxu r-rwol tal-impjegaturi, skont id-Direttivi tal-UE dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema.

3.1.8.

Jenħtieġ li l-inizjattiva ma twassalx għal piż amministrattiv akbar għall-impjegaturi li jitolbu lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti biex jittrasferixxu l-postijiet tax-xogħol battala tagħhom għall-pjattaforma tal-IT tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE.

3.1.9.

Kemm ir-Riżerva ta’ Talent kif ukoll is-Sħubijiet ta’ Talent għandhom jindirizzaw il-ħtieġa għat-trasparenza, jipprovdu informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, ikopru r-responsabbiltajiet għall-forniment tad-drittijiet soċjali, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni ta’ kwalità, id-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions, il-mekkaniżmi tal-ilmenti u tar-rimedju, u jekk possibbli jinkorporaw għodod tat-traduzzjoni biex jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema bil-lingwa tagħhom stess dwar l-impjieg ikkonċernat u dwar l-appoġġ disponibbli mill-imsieħba soċjali u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.1.10.

Is-sospensjoni tal-aċċess ta’ impjegatur għar-Riżerva ta’ Talent tal-UE f’każ ta’ ksur tal-obbligi tiegħu skont il-liġi tax-xogħol jew soċjali jenħtieġ li tkun proporzjonata għall-ksur u limitata fiż-żmien. Sabiex jiġu evitati prattiki illegali, jenħtieġ li jiġu previsti sanzjonijiet simili għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-permessi tagħhom ikunu ġew ikkanċellati minħabba ksur tar-rekwiżiti tad-dħul.

3.1.11.

Skont il-Proposta tal-Kummissjoni, il-lista ta’ okkupazzjonijiet nieqsa mill-ħaddiema fl-Anness 1 tista’ tiġi emendata jekk għadd sinifikanti ta’ Stati Membri jitolbu dan. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali fir-rigward tal-okkupazzjonijiet nieqsa mill-ħaddiema, il-Kummissjoni tista’ temenda l-lista, jiġifieri jekk żewġ Stati Membri jitolbu dan.

3.2.   Commission recommendation on the recognition of qualifications of third-country nationals (mhux disponibbli bil-Malti)

3.2.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Rakkomandazzjoni tipproponi soluzzjonijiet possibbli biex tgħin liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jaċċessaw l-impjieg permezz tal-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi u billi jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, li huma ostakli prattiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema migranti. Il-proċeduri għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv tal-provi għall-applikanti, speċjalment f’kuntest fejn id-dokumenti setgħu ntesew jew intilfu matul il-vjaġġ tal-migrazzjoni.

3.2.2.

It-trattament ġust matul il-proċess ta’ reklutaġġ huwa kruċjali. Fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ professjonisti minn pajjiżi terzi li l-kwalifiki tagħhom mhumiex regolati, ir-rwol tal-impjegaturi u tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi huwa essenzjali biex jiġi żgurat trattament ugwali meta jiġi analizzat jekk l-esperjenza tat-tagħlim u tax-xogħol ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hijiex rilevanti għall-impjieg. Il-valutazzjoni tal-ħiliet tagħhom u l-approċċ “il-ħiliet l-ewwel” jistgħu japplikaw f’dan il-każ. Fl-istess ħin, il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jirriflettu dwar jekk u kif jitwettqu t-testijiet tas-suq tax-xogħol, bil-għan li jsiru kemm jista’ jkun effiċjenti, anke permezz ta’ mekkaniżmi ta’ djalogu soċjali.

3.2.3.

Għall-professjonijiet regolati bi prijorità, valutazzjoni u rikonoxximent ġusti u rapidi tal-kwalifiki tagħhom huma kruċjali għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jridu jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jixtiequ jwettqu professjoni regolata bi prijorità jkollhom appoġġ xieraq matul il-perjodu ta’ rikonoxximent u taħriġ kif ukoll jipprevjenu kuntratti temporanji, status aktar baxx u salarju aktar baxx. It-taħriġ għandu jkun disponibbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz – mhux sempliċiment dawk li jixtiequ jwettqu professjonijiet regolati bi prijorità.

3.2.4.

Huwa essenzjali skambju aħjar ta’ informazzjoni dwar il-kwalifiki fi professjonijiet regolati fost il-pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE, eż. permezz ta’ komunikazzjoni bejn il-ministeri u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jilqa’ l-inkoraġġiment ipprovdut biex l-Istati Membri jiġu motivati jistabbilixxu kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE sabiex jifhmu l-kwalifiki u r-rekwiżiti ta’ pajjiżi terzi u jiżviluppaw bażijiet tad-data tal-komparabbiltà. Il-KESE jirrimarka li dan huwa essenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-professjonijiet regolati, u l-ħidma fuq il-bażi tad-data għandha titmexxa minn kooperazzjoni fost gruppi ta’ ministeri, imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati fil-Grupp Konsultattiv dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, f’konsultazzjoni mal-Kumitat dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali.

3.2.5.

Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki jeħtieġ semplifikazzjoni u trasparenza u huwa kritiku biex titnaqqas il-frizzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE. Il-proċess ta’ applikazzjoni skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) mhux biss jista’ jieħu ħafna ħin u jkun stressanti għall-applikanti, iżda jinvolvi wkoll spejjeż biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet u biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-ħiliet permezz tat-taħriġ, fl-istess ħin li matul dan il-perjodu m’hemmx garanzija ta’ kumpens għas-salarji jew benefiċċji tal-qgħad. Il-KESE jilqa’ l-passi biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-ħaddiema billi l-Istati Membri jintalbu jiżguraw li l-ispiża għaċ-ċittadini mhux tal-UE (6) biex japplikaw għar-rikonoxximent tal-kwalifiki għandha tkun ugwali għal dik għaċ-ċittadini tal-UE. Fl-istess ħin, ċittadini applikanti ta’ pajjiż terz għandhom ikunu infurmati kif jistgħu japplikaw għal appoġġ finanzjarju u amministrattiv fil-pajjiż ospitanti. Jekk applikant ikollu livell ogħla ta’ kwalifiki u ħiliet minn dak meħtieġ għall-aċċess għall-professjoni regolata tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, il-ħaddiem għandu jiġi appoġġjat biex jaċċessa impjieg ġust, f’konformità mal-livell tal-ħiliet u l-kwalifiki tiegħu.

3.3.   Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd

3.3.1.

Il-KESE jilqa’ l-possibbiltà usa’ ta’ parteċipazzjoni fl-esperjenza tal-mobbiltà tal-apprendiment appoġġjata mill-Programm Erasmus. Il-KESE jirreferi għall-punt li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar “Edukazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea” (7), li l-vitalità tal-UE tiddependi ħafna minn identità Ewropea b’saħħitha u minn ċittadini li jidentifikaw ruħhom mal-UE. Huwa jirrakkomanda li jiżdied il-baġit tal-Erasmus+ biex jitrawwem sens ta’ appartenenza fl-UE billi tiġi żgurata l-mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd, b’mod partikolari fost persuni minn sfondi soċjoekonomiċi differenti. Huwa appella biex il-proġetti futuri kollha tal-Erasmus jenfasizzaw it-tagħlim dwar l-UE, jibnu identità tal-UE u jappoġġjaw it-tagħlim interġenerazzjonali dwar l-UE, kif ukoll it-tagħlim tal-lingwi u d-djalogu ċiviku għall-gruppi tal-etajiet kollha, inklużi l-adulti.

3.3.2.

Il-KESE jilqa’ l-punti ta’ riferiment settorjali l-ġodda dwar il-parteċipazzjoni fil-mobbiltà tal-apprendiment. Madankollu, hemm nuqqas ta’ finanzjament assoċjat biex jintlaħqu l-miri l-ġodda. Xi wħud mill-miri aktar ambizzjużi wkoll iddgħajfu f’termini ta’ kif ġew definiti (pereżempju: il-mira għall-edukazzjoni għolja żdiedet, iżda l-mobbiltà tista’ tiġi rikonoxxuta anke jekk tirrappreżenta biss tliet ECTS (Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta’ Krediti), minflok 15, kif kien il-każ qabel). Fl-istess ħin, jistgħu jiġu stabbiliti wkoll punti ta’ riferiment għall-mobbiltà tal-apprendiment tal-istudenti adulti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi żvilupp professjonali kontinwu rikonoxxut f’pajjiż ieħor tal-UE. Il-KESE jilqa’ l-passi biex jiġu stabbiliti promoturi tal-mobbiltà tal-apprendiment bħal koordinaturi, punti ta’ kuntatt, ambaxxaturi u ċentri ta’ informazzjoni ddedikati għall-mobbiltà tal-apprendiment dwar il-mobbiltà tal-apprendiment.

3.3.3.

Il-KESE jinnota li l-governanza demokratika dwar il-mobbiltà tal-apprendiment fl-UE hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva. Il-KESE jilqa’ l-fatt li qed tiġi proposta “kooperazzjoni strutturali mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-mobbiltà tal-apprendiment fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni” u jirrimarka li biex tiġi implimentata tali mobbiltà, l-istituzzjonijiet edukattivi jkollhom jikkollaboraw ma’ networks li għandhom għarfien espert u esperjenza fil-mobbltà tal-apprendiment.

3.3.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-inizjattiva tipprova testendi l-mobbiltà tal-apprendiment għall-għalliema u l-ħarrieġa. Hemm ħafna ostakli biex tiġi appoġġjata l-mobbiltà tal-apprendiment tal-għalliema, jiġifieri n-nuqqas ta’ perjodi integrati ta’ mobbiltà fil-kurrikuli, strutturi differenti tas-sena skolastika fl-Istati Membri, in-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi, ir-responsabbiltajiet tal-familja tal-għalliema, u d-diffikultajiet biex jiġu organizzati għalliema u ħarrieġa sostituti adegwati. Barra minn hekk, il-mezzi finanzjarji inadegwati u l-insuffiċjenza tal-għotjiet tal-Erasmus kienu l-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni fi programmi ta’ skambju preċedenti tal-Erasmus. Aktar importanti, ħafna pajjiżi tal-UE jbatu minn nuqqas ta’ għalliema; aċċess ugwali għall-mobbiltà tal-apprendiment jista’ jinkiseb billi jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed għalliema biex jiġu sostitwiti dawk li jipparteċipaw fi programmi ta’ mobbiltà, li huwa essenzjali biex tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità.

Brussell, il-25 ta’ April 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-UE: https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/opinions/harnessing-talents-eu-regions

(2)   COM(2023) 32 final.

(3)   COM(2022) 655 final.

(4)   COM(2022) 650 final.

(5)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(6)  L-Istati Membri introduċew għadd ta’ prattiki innovattivi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-rikonoxximent tal-ħiliet għall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja wara r-Rakkomandazzjoni ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Xi wħud minn dawk il-prattiki huma elenkati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Pereżempju, il-Belġju, il-Portugall u r-Rumanija eżentaw lid-detenturi tal-protezzjoni temporanja milli jħallsu tariffi għall-proċess ta’ rikonoxximent. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet tal-Istati Membri aċċettaw mezzi alternattivi ta’ prova wkoll. Prattiki bħal dawn jistgħu jiġu replikati u estiżi.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Edukazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena) ( ĠU C 228, 5.7.2019, p. 68).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)