European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2581

24.11.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2581

tal-20 ta’ Novembru 2026

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Il-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1929 (2) soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-approvazzjoni tal-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18 (“l-approvazzjoni”) għandha tiskadi fit-28 ta’ Frar 2027. Fis-26 ta’ Awwissu 2025, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid ta’ dik l-approvazzjoni.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2025, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ta’ Franza infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’ tirrikjedi lill-applikant li jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Fit-2 ta’ Lulju 2026, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni infurmat lill-Kummissjoni li l-evalwazzjoni ddewmet minħabba l-ħtieġa mill-awtorità li tivvaluta studji ġodda marbuta ma’ Metodi Analitiċi, Proprjetajiet Fiżiko-Kimiċi, u Perikli Fiżiċi tas-sustanza, kif ukoll użi ġodda, li jwasslu għall-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju addizzjonali. Mill-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni jidher li, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, x’aktarx dik l-awtorità mhux se tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija qabel tmiem l-2028.

(7)

Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi eżaminata.

(8)

Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, u għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni mill-Aġenzija tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza ta’ dik l-approvazzjoni tiġi posposta għall-31 ta’ Awwissu 2029.

(9)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 jibqa’ approvat għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1929,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1929, hija posposta għall-31 ta’ Awwissu 2029.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1929 tal-4 ta’ Novembru 2016 li japprova l-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 18 (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1929/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2581/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)