|
26.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 111/15 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/858
tat-23 ta’ Frar 2023
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2018 dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
B’riżultat tan-nuqqas tal-Istati Uniti li jġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (“CDSOA”, Continued Dumping and Subsidy Offset Act) f’konformità mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/196, ġie impost dazju doganali addizzjonali ad valorem ta’ 4,3 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka. F’konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet għall-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta ta’ kull sena l-livell ta’ sospensjoni għal-livell ta’ tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA fuq l-Unjoni f’dak iż-żmien. Fl-2022, il-livell ta’ sospensjoni ġie aġġustat għal 0,001 % tad-dazju doganali addizzjonali ad valorem u r-Regolament (UE) 2018/196 ġie emendat skont dan (2). |
|
(2) |
L-iżborżi mis-CDSOA għall-aktar sena reċenti li għaliha teżisti data disponibbli jirrigwardaw id-distribuzzjoni ta’ dazji anti-dumping u kumpensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2022 (l-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2022). Abbażi tad-data ppubblikata mis-Servizz tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta’ tixjin jew ħsara kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 317 877,22. |
|
(3) |
Żdied il-livell ta’ tixjin jew ħsara u konsegwentement ta’ sospensjoni. Il-livell ta’ sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta’ tixjin jew ħsara billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/196. Bħala konsegwenza ta’ dan, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(e) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tibdilx il-lista ta’ prodotti fl-Anness I u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali sabiex taġġusta l-livell ta’ sospensjoni għal-livell ta’ tixjin jew ħsara. Għalhekk, jenħtieġ li l-erba’ prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/196 jinżammu fil-lista u jenħtieġ li r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali tiġi emendata u stabbilita għal 0,164 %. |
|
(4) |
L-effett ta’ dazju tal-importazzjoni addizzjonali ad valorem ta’ 0,164 % fuq l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/196 jirrappreżenta, fuq tul ta’ sena, valur ta’ kummerċ li ma jaqbiżx USD 317 877,22. |
|
(5) |
Sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/196 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/196 huwa sostitwit b’dan li ġej, li jifformattja l-asterisk u t-test marbut miegħu fil-forma ta’ nota f’qiegħ il-paġna:
“Artikolu 2
Dazju ad valorem ta’ 0,164 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/682 tal-25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 126, 29.4.2022, p. 4).