IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.1.2025
COM(2025) 17 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-2024 dwar is-sussidji għall-enerġija fl-UE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.1.2025
COM(2025) 17 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-2024 dwar is-sussidji għall-enerġija fl-UE
1.Introduzzjoni
Il-politika dwar l-enerġija hija kritika għall-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa, għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima, u biex jintlaħaq l-għan tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050. Skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE stabbiliet qafas ta’ politika ambizzjuż dwar l-enerġija, li jirrifletti l-fatt li l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jammontaw għal 75 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) ( 1 ). Fl-2023 u l-2024, il-Kummissjoni kkonsolidat il-qafas ta’ politika li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-impenji internazzjonali tal-UE, u l-miri tal-Unjoni fir-rigward tal-enerġija u l-klima. Billi laħqet ftehimiet politiċi dwar kważi l-fajls leġiżlattivi ewlenin kollha fil-Pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-Unjoni Ewropea ħejjiet perkors ċar lejn il-miri tagħha għall-2030.
Is-sussidji għall-enerġija għandhom rwol essenzjali fit-tranżizzjoni tal-enerġija: jekk jitfasslu tajjeb, dawn l-inċentivi jistgħu jħaffu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa u jikkontribwixxu għal skopijiet ekonomiċi, ambjentali jew soċjali. Jekk jitfasslu ħażin, is-sussidji jaf ikunu ta’ detriment għat-tranżizzjoni tal-enerġija, ibiddlu l-inċentivi għall-użu tal-enerġija billi jbaxxu s-sinjal tal-prezz tal-karbonju u jpoġġu piż fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-aħħar mill-aħħar is-sussidji kollha għall-fjuwils fossili jeħtieġ jiġu eliminati gradwalment jew jiġu riformati biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ appoġġ mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi klimatiċi tal-UE.
Il-kriżi tal-enerġija li bdiet fl-2021, u li ġiet aggravata mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-2022, kellha konsegwenzi sinifikanti għall-politika Ewropea dwar l-enerġija u, b’riżultat ta’ dan, għas-sussidji għall-enerġija. L-impatt tal-kriżi kien għadu jinħass fl-2023, u dan jidher fl-evoluzzjoni tal-ammont totali ta’ sussidji għall-enerġija; fid-distribuzzjoni ta’ dawn is-sussidji fost il-benefiċjarji, fis-sorsi tal-enerġija u fit-teknoloġiji; u, fl-aħħar nett, fl-istrumenti użati biex jipprovdu dawn is-sussidji.
Ir-rapport annwali attwali, jiġifieri s-sitt wieħed, li jimmonitorja s-sussidji għall-enerġija u l-progress lejn l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili ( 2 ) jikkonferma li s-sussidji għall-enerġija kienu stabbli sal-2021, żdiedu b’mod drammatiku fl-2022 wara l-kriżi tal-enerġija, u mbagħad naqsu b’mod moderat fl-2023. Is-sussidji totali għall-enerġija fl-UE żdiedu minn EUR 213 biljun fl-2021 għal EUR 397 biljun fl-2022 u naqsu b’10 % għal EUR 354 biljun fl-2023.
Is-sussidji għall-enerġija marbuta mal-miżuri nazzjonali ta’ kriżi biex jipproteġu lill-konsumaturi tal-UE mill-prezzijiet għoljin ammontaw għal madwar EUR 145 biljun fl-2023 (tnaqqis minn EUR 187 biljun fl-2022). Madwar l-UE, inħolqu mill-inqas 270 miżura nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija. L-unitajiet domestiċi kienu l-benefiċjarji diretti ewlenin ta’ dawn il-miżuri ta’ kriżi (li rċevew EUR 121 biljun bejn l-2021 u l-2023), segwiti mill-industrija u mis-settur tat-trasport (EUR 30 biljun u EUR 28 biljun, rispettivament, matul l-istess perjodu). L-appoġġ transsettorjali għall-konsumaturi kollha tal-enerġija laħaq il-EUR 125 biljun fl-istess perjodu.
Is-sussidji għall-fjuwils fossili żdiedu minn EUR 60 biljun fl-2021 għal EUR 136 biljun fl-2022 b’reazzjoni għall-kriżi, imbagħad naqsu għal EUR 111-il biljun fl-2023 ( 3 ). Is-sussidji għall-enerġija rinnovabbli fl-2021 naqsu għal EUR 83 biljun — l-ewwel tnaqqis mill-2015 — u komplew jonqsu għal EUR 68 biljun fl-2022 u 61 biljun fl-2023. It-tnaqqis kien prinċipalment dovut għal prezzijiet għoljin fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa, li naqqsu l-ammonti ta’ sussidju mħallsa taħt strumenti dinamiċi ta’ appoġġ ibbażati fuq is-suq hekk kif is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli saru aktar kompetittivi, u dan juri r-rwol tagħhom fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-enerġija. L-appoġġ għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, pereżempju r-rinnovazzjonijiet enerġetiċi tal-bini, żdied minn EUR 23 biljun fl-2021 għal EUR 34 biljun sal-2022 u għal EUR 44 biljun fl-2023, u kien ta’ għajnuna biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija. Il-maġġoranza assoluta tas-sussidji għall-enerġija (EUR 247 biljun fl-2022 u EUR 213-il biljun fl-2023) kienu għadhom iddedikati għall-appoġġ tal-konsum tal-enerġija.
Fl-2023, l-ammont totali ta’ sussidji għall-enerġija li jagħmlu ħsara lill-ambjent ( 4 ) fl-EU-27 huwa stmat għal EUR 136 biljun, 38 % tas-sussidji totali tal-enerġija. L-akbar sehem ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara (EUR 93 biljun jew 68 %) huwa marbut mal-fjuwils fossili, u l-eliminazzjoni gradwali ta’ dawn is-sussidji tillibera riżorsi pubbliċi importanti li jistgħu jintużaw biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, jitnaqqsu d-defiċits tal-gvern u jiżdied il-pass tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Madankollu, meta wieħed iħares lejn il-pjanijiet nazzjonali ta’ eliminazzjoni gradwali, inqas minn nofs (43 % jew EUR 48 biljun) tas-sussidji għall-fjuwils fossili huma skedati li jintemmu qabel l-2025, 9 % oħra (EUR 10 biljun) huma skedati li jintemmu bejn l-2026 u l-2030, filwaqt li għat-48 % li jifdal (EUR 53 biljun), jew ma hemm l-ebda data tat-tmiem jew inkella din id-data ġiet stabbilita għal wara s-sena 2030.
Nota dwar il-metodoloġija
Dan ir-rapport jiddependi fuq data minn studju estern imwettaq għall-Kummissjoni. Ir-rapport u l-istudju huma bbażati fuq approċċ ta’ inventarju minn isfel għal fuq, li jiddependi fuq informazzjoni minn dokumenti u rapporti tal-baġit nazzjonali. Id-data dwar is-sussidji nazzjonali ġiet aggregata fil-livell tal-EU27 u ssupplimentata b’data minn sorsi rikonoxxuti bħal istituzzjonijiet Ewropej jew internazzjonali u bażijiet tad-data speċjalizzati. Jekk id-data tal-2023 ma kinitx kompletament disponibbli jew ivvalidata, intużat id-data tal-2022 bħala stima. Bħal f’edizzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri ngħataw l-opportunità li jipprovdu feedback dwar id-data użata għall-istudju.
L-inventarju tal-miżuri ta’ sussidji fuq l-enerġija jipprovdi informazzjoni affidabbli dwar l-impatt fiskali tat-trasferimenti baġitarji diretti għall-użu u l-produzzjoni tal-enerġija, u huwa meħtieġ biex jippromwovi t-trasparenza fil-politiki pubbliċi u jgħin fl-identifikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ appoġġ għar-riforma. L-ammonti ta’ sussidju ta’ ċerti miżuri, bħal dawk ibbażati fuq stimi ta’ dħul mitluf, jistgħu ma jkunux komparabbli bejn il-pajjiżi minħabba approċċi speċifiċi għall-pajjiż fir-rigward tas-sistemi fiskali ta’ referenza. Madankollu, dawn jirriflettu b’mod xieraq il-kostijiet fiskali tal-miżuri ta’ sussidju.
Il-valutazzjoni tal-miżuri tat-taxxa tiddependi fuq ir-rati bażi tat-taxxa li huma applikabbli f’kull pajjiż. Għalhekk, pajjiż b’taxxi ta’ “referenza” ogħla iżda b’eżenzjonijiet sinifikanti mit-taxxa jista’ jkollu livelli konsiderevolment ogħla ta’ sussidji għall-enerġija, kif ukoll rati tat-taxxa fuq l-enerġija ġeneralment ogħla minn pajjiż b’rati tat-taxxa aktar baxxi u b’inqas eżenzjonijiet jew mingħajr eżenzjonijiet. Għalhekk, dan l-approċċ ta’ kejl stabbilit sew internazzjonalment, li jiffoka fuq il-kost fiskali tas-sussidji, huwa inqas adattat biex iqabbel l-impatti ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tas-sussidji bbażati fuq it-taxxa bejn il-pajjiżi. Hija meħtieġa aktar ħidma biex jiġu analizzati r-rati tat-taxxa effettivi fuq l-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju, li jistgħu jikkomplementaw b’mod utli l-approċċ tal-inventarju għal miżuri relatati mat-taxxa.
Barra minn hekk, is-sussidji impliċiti (bħan-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-prezz tal-karbonju jew ta’ taxxi fuq il-fjuwils) mhumiex koperti minħabba l-problemi metodoloġiċi assoċjati man-nuqqas ta’ valutazzjoni robusta, affidabbli u komparabbli tal-impatti ambjentali negattivi soċjali u mhux relatati mal-klima assoċjati mas-sussidji.
2.Xejriet ta’ sussidji fuq l-enerġija fl-UE
L-ammont totali ta’ sussidji għall-enerġija fl-EU-27 żdied minn EUR 213-il biljun fl-2021 għal EUR 397 biljun fl-2022, imbagħad naqas b’10 % għal EUR 354 biljun ( 5 ) sal-2023 ( Illustrazzjoni 1 ).
Ta’ min jinnota li s-snin 2021–2023 kienu ddominati mill-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija. L-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID fl-2021 diġà poġġa pressjoni li tgħolli l-prezzijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija globali u Ewropej u wassal għall-ewwel żieda fis-sussidji, li sussegwentement tirdoppja minn EUR 199 biljun fl-2020 minħabba l-impatt tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-Istati Membri. Id-data tal-2023 turi li s-sussidji għall-enerġija naqsu hekk kif uħud mill-miżuri ta’ konteniment tal-prezzijiet skadew jew ġew irtirati. F’termini relattivi, is-sussidji għall-enerġija żdiedu minn 1,3 % tal-PDG tal-UE fl-2021 għal 2,37 % sal-2022 u 2,1 % fl-2023 (l-iskala tal-lemin fl- Illustrazzjoni 1 ).
Illustrazzjoni 1: Sussidji totali għall-enerġija fl-EU-27 (EUR2023 biljun, xellug, % tal-PDG tal-UE, lemin)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. NB: L-istimi tal-2023 huma rrappreżentati bil-linji djagonali ( 6 )
Fl-2023, is-sussidji pprovduti fuq il-fjuwils fossili, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-elettriku ( 7 ) kollha naqsu, għal EUR 111-il biljun (-25 %), EUR 61 biljun (-8 %) u EUR 51 biljun (-26 %), rispettivament) meta mqabbla mal-2022. Is-sussidji allokati għall-enerġiji kollha ( 8 ) biss komplew jiżdiedu għal EUR 126 biljun (+13 %), peress li xi wħud mill-miżuri ta’ konteniment tal-kostijiet implimentati mill-Istati Membri komplew japplikaw għal żewġ vetturi tal-enerġija jew aktar.
Is-sussidji għall-fjuwils fossili ammontaw għal 34 % tas-sussidji totali fuq l-enerġija fl-2023, simili għall-appoġġ għas-sorsi kollha tal-enerġija (31 %) ( Illustrazzjoni 2 , isfel). Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli rċevew biss 17 % tas-sussidji għall-enerġija fl-2023 (tnaqqis minn 40 % fl-2021 u 22 % fl-2022) hekk kif l-enerġija rinnovabbli saret aktar kompetittiva taħt prezzijiet għoljin tal-enerġija, u konsegwentement naqqset il-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju minn strumenti dinamiċi bbażati fuq is-suq; filwaqt li l-elettriku u l-enerġija nukleari qabdu 15 % u 1 % tas-sussidji kollha, rispettivament.
F’termini ta’ strumenti għall-għoti ta’ sussidji għall-enerġija, diversi miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu baqgħu l-aktar importanti, u dawn jinkludu 42 % tat-total ( Illustrazzjoni 2 , lemin). Dawn kienu segwiti minn trasferimenti u għotjiet diretti (29 %) u miżuri tat-taxxa (27 %). Jidher li l-miżuri tat-taxxa kienu l-aktar strument użat biex jiġu appoġġati l-fjuwils fossili, filwaqt li l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli qed jiddependi aktar fuq miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu.
Illustrazzjoni 2: Distribuzzjoni tas-sussidji skont l-istrument (2023)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024
2.1.Sussidji skont is-sors/vettur tal-enerġija
Fl-2022, ix-xejra ftit ’l isfel tas-sussidji għall-fjuwils fossili mill-2019 – kif enfasizzat fl- Illustrazzjoni 3 – ġiet imfixkla bħala konsegwenza diretta tar-rispons Ewropew għall-kriżi tal-enerġija, fejn il-miżuri ta’ sussidju kienu waħda mill-għodod primarji biex jiġu miġġielda l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u l-industriji Ewropej.
B’riżultat ta’ dan, is-sussidji għall-fjuwils fossili żdiedu b’aktar mid-doppju bejn l-2021 u l-2022, minn EUR 60 biljun għal EUR 136 biljun, u naqsu fl-2023, b’-16 %, għal EUR 111-il biljun. L-appoġġ immirat lejn il-gass naturali u l-fjuwils derivati miż-żejt grezz it-tnejn żdiedu b’mod drammatiku fl-2022, u laħqu d-EUR 49 u t-EUR 58 biljun rispettivament, meta mqabbla mal-2021. Ir-raġunijiet għal dan huma d-diversi rifużjonijiet u tnaqqis tat-taxxa li japplikaw għall-fjuwils tat-toroq, kif ukoll it-trasferimenti diretti u l-miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu li appoġġaw kemm lill-utenti tal-gass naturali kif ukoll lil dawk tad-diżil/petrol.
Illustrazzjoni 3: Sussidji għall-fjuwils fossili skont il-vettur tal-enerġija (
9
)(EUR2023 biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. *Il-kategorija “Oħrajn” tinkludi s-sussidji mmirati lejn il-fjuwils fossili kollha, u s-sħana minn sorsi fossili. Iċ-ċifri fil-graff jinkludu nefqiet tat-taxxa li ma jistgħux jitqabblu direttament bejn il-pajjiżi.
L-appoġġ qawwi għall-gass naturali u għall-prodotti taż-żejt kompla fl-2023, għalkemm f’livell aktar baxx (EUR 40 biljun u EUR 34 biljun, rispettivament), u dan jirrifletti kemm l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija fossili kif ukoll ir-rwol li għadu importanti li l-fjuwils fossili għandhom fit-taħlita tal-enerġija tal-EU-27.
Is-sussidji għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ilhom għal dawn l-aħħar snin isegwu xejra ta’ tnaqqis, kif muri fl- Illustrazzjoni 4 : dawn naqsu minn EUR 89 biljun fl-2020 għal EUR 83 biljun (‑7 % sena wara sena) fl-2021, EUR 68 biljun fl-2022 (-18 % sena wara sena) u finalment għal EUR 61 biljun (-10 % sena wara sena) fl-2023. Dan it-tnaqqis kien prinċipalment dovut għaż-żieda fil-prezzijiet tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa, li awtomatikament wasslet għal pagamenti aktar baxxi taħt l-istrumenti ta’ appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES, renewable energy sources) li jipprovdu żieda fil-prezzijiet tas-suq hekk kif is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli saru aktar kompetittivi. It-tnaqqis fis-sussidji fuq l-enerġija rinnovabbli seħħ ukoll minkejja ż-żieda fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-RES installata u appoġġata – peress li ftit minn din il-kapaċità l-ġdida ma għadx għandha bżonn sussidji biex tikkompeti ma’ sorsi oħra tal-enerġija.
Illustrazzjoni 4: Sussidji għall-enerġija rinnovabbli skont it-teknoloġija (EUR 2023 biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. NB: L-istimi tal-2023 huma rrappreżentati bil-linji djagonali
Kif jidher fl- Illustrazzjoni 4 , l-enerġija solari rċeviet bil-bosta l-akbar sehem ta’ sussidji, kemm storikament kif ukoll fl-2023 (EUR 21 biljun), segwita mill-bijomassa (EUR 9 biljun) u l-enerġija mir-riħ (EUR 7 biljun). L-enerġija idroelettrika rċeviet appoġġ finanzjarju marġinali (~EUR 1 biljun), filwaqt li s-sussidji mmirati lejn teknoloġiji rinnovabbli multipli (bħal tnaqqis fit-taxxa fuq it-teknoloġija ekoloġika jew għajnuna pubblika għal proġetti ta’ investiment) żdiedu għal EUR 23 biljun sal-2023.
L-istrument tipiku għall-għoti ta’ sussidji għall-RES (ara l-Illustrazzjoni 2 ) baqa’ tariffi feed-in u primjums feed-in jew Kuntratti għal Differenza, li flimkien jammontaw għal EUR 36 biljun (jew 60 % tas-sussidji kollha tal-RES). Il-pagamenti diretti lill-produtturi tal-RES kważi rduppjaw biex laħqu EUR 9 biljun fl-2023, x’aktarx minħabba żieda fl-appoġġ dirett għall-produzzjoni tal-RES u għall-infrastruttura tal-elettriku inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, kif ukoll żieda fl-appoġġ biex tingħata spinta lill-enerġija rinnovabbli u lill-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ. Il-bqija tas-sussidji għall-RES ġew ipprovduti permezz ta’ miżuri tat-taxxa, kif ukoll kwoti tal-RES u strumenti oħra (EUR 7 u 9 biljun, rispettivament).
L-appoġġ għal teknoloġiji rinnovabbli differenti jvarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri, u jirrifletti kemm it-taħlitiet tal-enerġija nazzjonali, il-prijoritajiet kif ukoll il-potenzjali lokali tal-RES ( Illustrazzjoni 5 ). L-enerġija solari rċeviet aktar minn 50 % tas-sussidji għall-RES f’disa’ Stati Membri ( 10 ), filwaqt li l-enerġija mir-riħ tikkostitwixxi proporzjon sostanzjali tas-sussidji fuq l-RES fil-Belġju, fil-Kroazja u fil-Polonja. Il-bijomassa hija ssussidjata ħafna fir-reġjuni Nordiċi u Baltiċi, filwaqt li tliet Stati Membri (il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovakkja) jidhru li adottaw politiki ta’ appoġġ għall-RES teknoloġikament newtrali‑ li japplikaw għall-forom kollha ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Illustrazzjoni 5: Is-sehem tas-sussidji għall-RES skont it-teknoloġija fl-Istati Membri (%)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024
Is-sussidji għall-enerġija nukleari naqsu minn EUR 7,9 biljun fl-2021 għal EUR 3,7 biljun fl-2022 u EUR 4,1 biljun fl-2023. Mill-14-il Stat Membru li jipprovdu sussidji nukleari, Franza (EUR 2,9 biljun) kienet tirrappreżenta l-akbar sehem, segwita mill-Ġermanja (EUR 0,8 biljun), Spanja u l-Belġju (EUR 0,1 biljun kull wieħed). L-irkupru li deher fl-2023 huwa prinċipalment attribwit għal żieda fil-pagamenti tal-kapaċità magħmula mill-gvern Franċiż biex jillimita ż-żieda fit-tariffi tal-elettriku, u prattikament irdoppja l-ammont ipprovdut fl-2022 (+ 97 % għal EUR 1,1 biljun).
2.2.Sussidji skont l-għan ekonomiku
Għalkemm l-ammont totali ta’ sussidji għall-enerġija fl-2023 naqas meta mqabbel mal-2022, ma kien hemm l-ebda bidla sinifikanti fil-kategoriji skont l-għan ekonomiku tas-sussidji ( Illustrazzjoni 6 ).
Illustrazzjoni 616: Sussidji għall-enerġija skont l-għan ekonomiku (EUR2023 biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. NB: L-istimi tal-2023 huma rrappreżentati bil-linji djagonali
L-appoġġ finanzjarju mmirat lejn id-domanda għall-enerġija ( 11 ) baqa’ l-akbar kategorija (62 % tat-total) b’EUR 213 biljun fl-2023. L-appoġġ għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika kompla jiżdied, bi 30 % meta mqabbel mal-2022, għal EUR 44 biljun fl-2023, filwaqt li s-sussidji f’kull kategorija oħra naqsu: għall-iżvilupp tal-infrastruttura b’37 % għal EUR 8,8 biljun, għall-produzzjoni tal-enerġija b’14 % għal EUR 75 biljun u għar-R&Ż (riċerka u żvilupp) b’1 % għal EUR 7,4 biljun.
B’enfasi fuq is-sussidji li jappoġġaw id-domanda għall-enerġija, li għandhom l-għan li jillimitaw il-kostijiet tal-konsum tal-enerġija, dawn jistgħu jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, mill-industriji intensivi fl-enerġija sal-unitajiet domestiċi. Sal-2021, l-appoġġ għad-domanda għall-enerġija ġie pprovdut kważi esklussivament permezz ta’ miżuri tat-taxxa (pereżempju tnaqqis, eżenzjonijiet u rifużjonijiet tat-taxxa), li baqgħu importanti fl-2023, bi EUR 80 biljun. Madankollu, matul il-kriżi, l-importanza ta’ miżuri alternattivi bħar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-għotjiet diretti bdiet tiżdied u sal-2023, is-sussidji għad-domanda għall-enerġija li jikkorrispondu għal dawn iż-żewġ kategoriji laħqu EUR 88 u EUR 37 biljun, rispettivament.
Illustrazzjoni 7: Sussidji għad-domanda għall-enerġija skont l-istrument (EUR2023biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. NB: L-istimi tal-2023 huma rrappreżentati bil-linji djagonali.
Il-kategorija “Oħrajn” tinkludi trasferimenti diretti (ħlief għotjiet), appoġġ għall-introjtu jew għall-prezzijiet (ħlief garanziji tal-prezzijiet għall-konsumatur) u twaqqigħ tal-prezzijiet tal-appoġġ għall-oġġetti/għas-servizzi.
Is-sussidji għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, li jappoġġaw kemm kontijiet tal-enerġija orħos kif ukoll it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet tal-karbonju żero, żdiedu b’mod sostanzjali mill-2015, u sal-2023 kienu laħqu EUR 44 biljun. L-għotjiet kienu l-aktar strument ta’ appoġġ sinifikanti għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, li jammontaw għal aktar minn EUR 32 biljun jew 70 % tas-sussidji kollha għall-effiċjenza enerġetika fl-2023, minħabba l-implimentazzjoni tal-investimenti fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-għotjiet ġew segwiti minn miżuri tat-taxxa (EUR 7 biljun), self b’imgħax baxx u obbligi b’rabta mal-effiċjenza enerġetika (EUR 3 biljun it-tnejn li huma).
2.3.Sussidji marbuta mal-kriżi enerġetika
Il-Kummissjoni Ewropea ilha mill-2021 taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tindirizza l-kriżi enerġetika, inkluż billi tadotta l-pjan REPowerEU ( 12 ). Dan kien jinkludi ħidma biex: (i) jiġu żgurati provvisti tal-enerġija alternattivi; (ii) titnaqqas id-domanda għall-enerġija biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ konsenji Russi tal-gass; (iii) isir aktar użu mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; u (iv) tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Minbarra l-miżuri ta’ implimentazzjoni introdotti fil-livell tal-Unjoni jew permessi minn oqfsa fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri adottaw ukoll miżuri nazzjonali biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom u lill-ekonomija tagħhom mill-prezzijiet tal-enerġija dannużi.
Permezz ta’ dawn il-miżuri nazzjonali, l-Istati Membri pprovdew sussidji għall-enerġija b’valur ta’ EUR 187 biljun fl-2022 u EUR 145 biljun fl-2023, li jammontaw għal 45 % u 40 % tas-sussidji totali għall-enerġija, rispettivament ( Illustrazzjoni 8 ). Iċ-ċifri preliminari għall-2024 juru tnaqqis sinifikanti tal-appoġġ għall-kriżijiet għal EUR 78 biljun, peress li l-biċċa l-kbira tas-sussidji għall-kriżijiet se jiskadu qabel l-2025 (ara wkoll it-taqsima 2.6 ).
Illustrazzjoni 8: Sussidji strutturali u relatati mal-kriżi enerġetika (xellug); sehem tas-sussidji għall-kriżijiet fis-sussidji totali għall-enerġija (lemin, %)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. Iċ-ċifri għall-2024 huma bbażati fuq data preliminari.
L-Illustrazzjoni 9 turi li l-biċċa l-kbira tas-sussidji settorjali mmirati għall-kriżijiet kienu maħsuba għall-unitajiet domestiċi (EUR 65 biljun fl-2022 u EUR 52 biljun fl-2023), segwiti mill-industrija u t-trasport (EUR 29 biljun rispettivament fl-2022–23), filwaqt li setturi oħra, bħall-industrija tal-enerġija jew in-negozji, irċevew ammont ferm inqas (EUR 18-il biljun u EUR 16-il biljun b’kollox, rispettivament). EUR 64 biljun ġew ipprovduti permezz ta’ sussidji mhux immirati jew transsettorjali.
Illustrazzjoni 9: Distribuzzjoni tas-sussidji li jindirizzaw il-kriżi enerġetika (EUR 2023 biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024
Il-kriżi enerġetika tal-2021–2022 kienet ikkaratterizzata l-aktar minn żidiet f’daqqa u kbar fil-prezz tal-elettriku, tal-gass naturali u, sa ċertu punt, taż-żejt grezz u tal-prodotti raffinati. L-appoġġ ipprovdut għall-elettriku kien l-aktar wieħed li żdied u laħaq id-EUR 59 biljun fl-2022, u baqa’ essenzjalment fl-istess livell fl-2023, minkejja tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa u bl-imnut ( Illustrazzjoni 10 , xellug). Is-sussidji eċċezzjonali għall-gass naturali ( Illustrazzjoni 10 , fin-nofs) kienu ħafna aktar baxxi (EUR 29 biljun fl-2022), iżda baqgħu wkoll fl-istess livell fl-2023, minkejja prezzijiet tal-gass bl-ingrossa aktar baxxi.
Illustrazzjoni 1016: Sussidji għall-kriżijiet skont il-vettur tal-enerġija (xellug) meta mqabbla mal-bidliet fil-prezzijiet (lemin, %)
NB: L-assi tax-xellug jikkorrispondi għall-ammont ta’ sussidji għall-enerġija relatati mal-kriżi (f’EUR 2023 biljun) u l-assi tal-lemin għall-iżvilupp tal-prezzijiet spot (indiċizzati għall-2019). Il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass jikkorrispondu għall-prezzijiet spot medji annwali għall-Ġermanja (l-evoluzzjoni kienet simili f’pajjiżi oħra tal-UE). Il-prezzijiet medji annwali tal-Brent ġew ikkunsidrati għaż-żejt.
Iż-żejt grezz jippreżenta każ differenti ( Illustrazzjoni 10 , lemin), peress li l-valur referenzjarju tal-prezzijiet tal-Brent ma żdiedx daqs il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku. L-appoġġ eċċezzjonali għaż-żejt laħaq it-EUR 33 biljun fl-2022, iżda, b’kuntrast mal-elettriku u l-gass, dawn l-għajnuniet naqsu drastikament fl-2023 għal EUR 6 biljun, hekk kif il-prezzijiet taż-żejt fis-swieq globali naqsu u ntemmu l-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ immirati lejn il-prodotti taż-żejt (eż. tnaqqis tal-VAT għall-fjuwil tat-triq).
2.4.Sussidji skont is-settur ekonomiku
Storikament, l-industrija tal-enerġija ( 13 ) kienet l-aktar settur ekonomiku ssussidjat: bejn l-2015 u l-2020, dan is-settur ibbenefika minn aktar minn nofs is-sussidji kollha għall-enerġija ( Illustrazzjoni 11 ). Warajh kien hemm l-industrija, l-unitajiet domestiċi u t-trasport.
Fl-2022, l-ammont ta’ sussidji għall-enerġija mmirati lejn l-unitajiet domestiċi żdied minn EUR 34 biljun fl-2021 għal EUR 109 biljun fl-2022 (+240 %). L-appoġġ għas-settur tat-trasport żdied għal EUR 40 biljun, filwaqt li għall-industrija laħaq il-EUR 50 biljun. B’kuntrast ma’ dan, is-sussidji għall-industrija tal-enerġija żdiedu b’5 % għal EUR 112-il biljun, u s-sehem tagħha mis-sussidji totali għall-enerġija naqas minn bejn wieħed u ieħor 50 % għal 27 % fl-2022.
Fl-2023, is-sussidji għall-enerġija lill-unitajiet domestiċi baqgħu stabbli għal EUR 106 biljun, filwaqt li s-sussidji fuq l-enerġija għas-setturi tat-trasport, tal-industrija u tal-industrija tal-enerġija lkoll naqsu, għal EUR 20 biljun, 32 biljun u 92 biljun, rispettivament. L-ammonti allokati għas-setturi terzjarji( 14 ) u tal-agrikoltura kienu iżgħar (EUR 14-il biljun u EUR 11-il biljun, rispettivament), li flimkien jirrappreżentaw madwar 7 % tas-sussidji totali għall-enerġija fl-2023.
Illustrazzjoni11: Sussidji għall-enerġija skont is-settur ekonomiku (EUR2023biljun)
Sors: Enerdata, 2024. NB: L-istimi tal-2023 huma rrappreżentati bil-linji djagonali
Meta wieħed iħares lejn l-evoluzzjoni tas-sussidju għall-fjuwils fossili (FFS, fossil fuel subsidy) skont is-settur ekonomiku ( Illustrazzjoni 12 ), iż-żieda tal-2022 hija prinċipalment ikkawżata minn żidiet kbar fis-sussidji għas-settur tal-industrija tal-enerġija (EUR +23 biljun) u lill-unitajiet domestiċi (EUR +16-il biljun) biex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija. L-appoġġ għall-fjuwils fossili attribwibbli direttament għall-industrija naqas fl-2022, għalkemm dan seta’ ġie ttrasferit għall-kategorija “L-enerġiji kollha” peress li ħafna miżuri tal-industrija kienu jappoġġaw l-elettriku u l-gass f’daqqa.
Ta’ min jinnota li fl-2023, il-livell ta’ appoġġ għal żewġ setturi, jiġifieri t-Trasport u l-Industrija tal-enerġija, malajr reġa’ lura għal kif kien qabel il-kriżi, u dan jenfasizza n-natura temporanja tal-miżuri relatati. B’kuntrast ma’ dan, l-appoġġ għall-unitajiet domestiċi u l-appoġġ transsettorjali baqgħu importanti ħafna fl-2023, meta mqabbla mal-valuri storiċi tagħhom, u dan jirrifletti dewmien fit-trasferiment ta’ prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa aktar baxxi fil-kontijiet bl-imnut u, b’riżultat ta’ dan, ħtieġa ta’ appoġġ kontinwu għal perjodu itwal.
Illustrazzjoni 12: Sussidji għall-fjuwils fossili skont is-settur ekonomiku (2015-2023; EUR2023 biljun)
Sors: Enerdata, 2024. *Oħrajn jinkludu s-setturi tal-kostruzzjoni, tas-servizzi, tan-negozju, pubbliċi u tal-minjieri. NB: L-istimi tal-2023 huma rrappreżentati bil-linji djagonali
L-analiżi tas-sussidji għall-enerġija lill-unitajiet domestiċi turi li matul il-perjodu 2021–2023, 60 % tal-appoġġ għall-enerġija tal-unitajiet domestiċi kien maħsub biex jikkumbatti l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u jista’ jintrabat direttament mal-kriżi enerġetika. Barra minn hekk, kif muri fl- Illustrazzjoni 13 , il-biċċa l-kbira ta’ dan l-appoġġ (EUR 65 biljun jew 61 % fl-2023) ma kien immirat lejn l-ebda sors speċifiku ta’ enerġija - indikat bħala “L-enerġiji kollha” fuq il-graff. EUR 25 biljun (22 %) ġew allokati għall-fjuwils fossili (l-aktar il-gass naturali) fl-2023, filwaqt li l-elettriku u l-RES irċevew biss EUR 13-il biljun (12 %) u EUR 2,4 biljun (2 %) rispettivament. F’dan ir-rigward, minkejja li effettivament jipproteġu lill-unitajiet domestiċi minn żidiet f’daqqa, dawn is-sussidji kienu qed inaqqsu s-sinjali tal-prezzijiet li joriġinaw mis-swieq tal-enerġija.
Illustrazzjoni 13: Kompożizzjoni tas-sussidji għall-enerġija pprovduti lill-unitajiet domestiċi (EUR2023 biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024
Ir-raġuni għal din id-distribuzzjoni tas-sussidji lill-unitajiet domestiċi hija marbuta mal-fatt li maġġoranza kbira tas-sussidji tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi appoġġat il-konsum tal-enerġija: 80 % fl-2022 (EUR 87 biljun) u 71 % fl-2023 (EUR 75 biljun). Fl-istess ħin, il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika għall-unitajiet domestiċi (li jiffavorixxu l-elettrifikazzjoni, il-produzzjoni u l-ħżin lokali tal-RES) irċevew biss EUR 21 biljun fl-2022 u EUR 29 biljun fl-2023.
2.5.Sussidji skont l-impatt ambjentali
Dan ir-rapport jipprova jipprovdi l-ewwel valutazzjoni komprensiva tas-sussidji għall-enerġija fl-UE għall-impatt ambjentali tagħhom. F’dan il-kuntest, ġiet adottata d-definizzjoni li ġejja:
Is-sussidji għall-enerġija jagħmlu ħsara lill-ambjent jekk il-prezz jew it-tnaqqis fil-kostijiet li jġibu magħhom iżommu kif inhi jew iżidu d-disponibbiltà jew l-użu ta’ sorsi tal-enerġija li jikkawżaw impatti ambjentali negattivi sinifikanti.
It-terminu “impatti ambjentali negattivi sinifikanti” kien ispirat mir-regolament tal-UE dwar it-Tassonomija, li jiffoka fuq iż-żewġ objettivi klimatiċi, jiġifieri (1) il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u (2) l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-valutazzjoni tal-erba’ kriterji ambjentali l-oħra fir-Regolament dwar it-Tassonomija se tirrikjedi ħidma addizzjonali fl-edizzjonijiet li jmiss ta’ dan ir-rapport.
Kif wieħed jista’ jara fl- Illustrazzjoni 14 , il-maġġoranza tas-sussidji għall-enerġija fl-2023, EUR 218-il biljun (jew 62 % tat-total) ġew ikklassifikati bħala li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, filwaqt li l-ammont ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent kien stmat għal EUR 136 biljun (38 % tat-total). Is-sussidji għall-enerġija meqjusa bħala li jagħmlu ħsara lill-ambjent kienu fil-biċċa l-kbira dawk relatati mal-fjuwils fossili (74 %), segwiti mill-kategorija “l-enerġiji kollha” (21 %) ( 15 ), is-sħana (3 %) u l-elettriku (2 %) ( 16 ).
Hemm sussidji li huma kkategorizzati bħala “sussidji għall-fjuwils fossili” u li “ma jagħmlux ħsara lill-ambjent” li tipikament ikunu marbuta ma’ miżuri bħall-kopertura tal-kost tal-għeluq tal-impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija bil-faħam, mar-riabilitazzjoni ta’ dawk li qabel kienu siti tal-minjieri jew ma’ miżuri soċjali.
Illustrazzjoni 14: Sussidji għall-enerġija skont l-impatt ambjentali (EUR2023biljun)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024. NB: L-istima għall-2023 hija rrappreżentata bil-linji djagonali
2.6.Pjanijiet nazzjonali dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili
Fl-2023, 43 % tas-sussidji għall-fjuwils fossili (EUR 48 biljun) kellhom data tat-tmiem ippjanata qabel l-2025 u 9 % oħra (EUR 10 biljun) kellhom data tat-tmiem fit-terminu medju, eż. bejn l-2026 u l-2030 ( Illustrazzjoni 15 ). Għat-48 % li jifdal tas-sussidji għall-fjuwils fossili (EUR 53 biljun), jew għad ma hemmx data tat-tmiem jew id-data tat-tmiem ġiet stabbilita għal wara s-sena 2030 ( 17 ).
Illustrazzjoni 15: Sussidji għall-fjuwils fossili sad-data tat-tmiem, sehem tal-FFS totali (%, 2023)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024
Ħafna Stati Membri ma jipprovdux dati tat-tmiem tal-miżuri ta’ sussidju fuq l-enerġija, speċjalment għal dawk inkorporati fil-kodiċi tat-taxxa, fil-liġi tal-finanzi jew fil-baġit nazzjonali tagħhom. Xi miżuri jinkludu perjodu minimu biex is-sussidju jibqa’ fis-seħħ, iżda d-deċiżjoni dwar jekk għandux jitkompla jingħata s-sussidju lil hinn mill-perjodu minimu ġeneralment titħalla għall-futur. Meta jitħabbru d-dati tat-tmiem, dawn spiss ikunu għal miżuri ta’ kriżi fuq medda qasira ta’ żmien, aktar milli miżuri “strutturali” fit-tul.
Kważi l-Istati Membri kollha tal-UE beħsiebhom jitbiegħdu mill-fjuwils fossili. Madankollu, dan jista’ joħloq problema f’bosta minnhom, speċjalment fejn l-appoġġ għall-fjuwils fossili, meta mqabbel mal-PDG tagħhom, huwa relattivament għoli ( Illustrazzjoni 16 ).
Illustrazzjoni 16: Sussidji għall-fjuwils fossili meta mqabbla mal-PDG (%, 2015 u 2023)
Sors: Enerdata, Trinomics, 2024
Sabiex ikunu konsistenti mal-ambizzjoni klimatika kollettiva tal-UE, is-sussidji għall-fjuwils fossili jeħtieġ jiġu eliminati gradwalment, iżda d-Danimarka biss sarrfet din l-intenzjoni f’leġiżlazzjoni konkreta. L-informazzjoni disponibbli bħalissa dwar id-dati tat-tmiem għal dawn is-sussidji tagħmilha evidenti li l-UE mhijiex miexja fit-triq it-tajba biex telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili konsistenti mal-ambizzjonijiet klimatiċi tagħha. Jekk wieħed jassumi li n-nuqqas ta’ data tat-tmiem ifisser li s-sussidju se jibqa’ fis-seħħ, hemm riskju dejjem akbar ta’ inkonsistenza mal-ambizzjoni klimatika tal-UE li se tiżdied maż-żmien hekk kif qed noqorbu lejn l-2050. Huwa kruċjali li jkun hemm aktar sforz u aktar trasparenza mill-Istati Membri fl-impenn tagħhom biex jintemm l-appoġġ għall-fjuwils fossili.
3.Konklużjonijiet
Il-kriżi enerġetika reċenti għamlitha neċessarja li jittieħdu inizjattivi ta’ politika kuraġġużi fl-Unjoni Ewropea biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi enerġetika. Dawn il-miżuri eċċezzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi enerġetika kellhom impatt kbir fuq ix-xejriet fis-sussidji għall-enerġija, u reġġgħu lura temporanjament ix-xejra reċenti ta’ tnaqqis tas-sussidji għall-fjuwils fossili, filwaqt li kostijiet aktar baxxi u prezzijiet ogħla tal-enerġija rriżultaw fi tnaqqis sinifikanti tas-sussidji għall-RES hekk kif saru aktar kompetittivi. Iż-żieda qawwija reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija affettwat ukoll it-tipi ta’ miżuri użati biex jiġu pprovduti s-sussidji, it-teknoloġiji promossi, u s-setturi fil-mira tas-sussidji; dan wassal għal żieda sinifikanti fis-sussidji fuq l-unitajiet domestiċi u s-sussidji transsettorjali mill-2022.
Huwa importanti li wieħed jinnota li minkejja li jdgħajfu s-sinjali tal-prezzijiet u jipprovdu inċentivi ħżiena għall-użu tal-enerġija, iż-żidiet fis-sussidji għall-enerġija ma wasslux għal żieda fil-konsum tal-enerġija f’termini assoluti. L-UE kisbet tnaqqis ta’ 18 % fid-domanda għall-gass matul il-perjodu bejn Awwissu 2022 u Mejju 2024, li rriżulta f’iffrankar ta’ madwar 138 biljun metru kubu ta’ gass ( 18 ). Dan l-iffrankar huwa r-riżultati kkombinati tal-isforzi tal-Istati Membri, tan-negozji u taċ-ċittadini, ikkoordinati minn azzjoni fil-livell tal-UE ( 19 ), li għenu biex jiġu evitati nuqqasijiet fil-provvista u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Madankollu, kif juri r-rapport, is-sussidji għall-enerġija fossili importata jkomplu jpoġġu piż kbir fuq l-ekonomiji Ewropej u jbiddlu l-inċentivi għall-użu tal-enerġija, spiss b’modi li jagħmlu ħsara lill-ambjent.
It-tnaqqis, ir-riforma jew l-eliminazzjoni tal-appoġġ għall-fjuwils fossili huwa identifikat bħala prijorità għall-Kummissjoni l-ġdida. L-ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju Jørgensen ( 20 ) semmiet b’mod espliċitu l-ħtieġa li jinħoloq qafas biex ikompli jitnaqqas u jiġi eliminat gradwalment l-użu tas-sussidji għall-fjuwils fossili bħala parti mill-ħidma biex jitnaqqsu d-dipendenzi tal-Ewropa. Dan il-qafas jeħtieġ ikun parti minn sforz komuni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jitnaqqsu d-dipendenzi tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili importati u fuq interventi pubbliċi li jiswew ħafna flus biex l-utenti tal-enerġija jiġu protetti minn prezzijiet volatili, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea nadifa u kompetittiva.
Iż-żieda qawwija fl-2022 fis-sussidji għall-enerġija kienet tirrifletti l-prijorità fuq terminu qasir li l-konsumaturi tal-UE jiġu protetti mill-ħasda bil-kontijiet tal-enerġija. Issa huwa importanti li l-miżuri temporanji li jappoġġaw id-domanda għall-fjuwils fossili u għall-enerġija ma jiġux estiżi, minħabba li dan jista’ jkollu impatti negattivi fit-tul, billi jnaqqas l-inċentivi tas-suq għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli u jkompli jsaħħaħ id-dipendenzi fuq il-fjuwils fossili fl-unitajiet domestiċi u fis-setturi intensivi fl-enerġija. Barra minn hekk, l-appoġġ dejjem akbar fl-UE kollha għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika se jkun kruċjali biex tintlaħaq il-mira tagħna tal-effiċjenza enerġetika għall-2030 u fl-aħħar mill-aħħar se jżid is-sigurtà tal-enerġija tagħna u jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili importati.
L-UE qabdet it-triq lejn tranżizzjoni tal-enerġija b’determinazzjoni, bl-għan li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. Skont il-leġiżlazzjoni Ewropea, hemm ftehim biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili. L-infiq tal-fondi pubbliċi fuq inċentivi li jmorru kontra t-tranżizzjoni se jtawwal it-tranżizzjoni u jżid l-ispejjeż relatati magħha. L-iffrankar tal-enerġija u d-dipendenza mnaqqsa fuq il-fjuwils fossili fis-setturi residenzjali, tal-enerġija, tat-trasport u dawk industrijali għandhom jgħinu lill-UE b’diversi modi: (i) it-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili; (ii) it-tħaffif tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa; u (iii) it-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE. Għalhekk, it-tranżizzjoni enerġetika għandha twassal għal tnaqqis fis-sussidji għall-fjuwils fossili, u għal ridirezzjoni sinifikanti fl-appoġġ tas-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika.
Għalkemm is-sitwazzjoni fis-swieq tal-enerġija globali u Ewropej tjiebet ħafna mill-2022, il-prezzijiet tal-enerġija (bħall-gass naturali) għadhom sinifikament ogħla minn qabel u għandhom impatt negattiv kemm fuq il-kompetittività industrijali Ewropea kif ukoll fuq l-infiq marbut mal-enerġija tal-unitajiet domestiċi. Din għandha tkun raġuni oħra għas-sostituzzjoni tat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili b’soluzzjonijiet aktar sostenibbli u biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-fjuwils fossili (u s-sussidji tagħhom) fuq terminu medju. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika għall-affordabbiltà tal-enerġija jistgħu jiġġustifikaw miżuri temporanji biex jiġu appoġġati l-unitajiet domestiċi u l-industrija. Madankollu, it-tranżizzjoni tal-enerġija se tirnexxi biss jekk it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u dawk rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika jiżdiedu malajr; għalhekk, huwa essenzjali li l-appoġġ jiġi ridirezzjonat dejjem aktar lil hinn mis-sussidji fuq għall-fjuwils fossili li jagħmlu ħsara lill-ambjent.
Kif diġà ġie indikat fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-abbozz tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima ( 21 ), huwa meħtieġ sforz kollettiv mill-Istati Membri kollha biex jiġi spjegat kif qed jippjanaw li jeliminaw gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili u biex tiġi stabbilita skeda ta’ żmien ċara u kredibbli għall-eliminazzjoni gradwali rapida tagħhom, filwaqt li jiġu adottati l-miżuri anċillari meħtieġa biex jiġu protetti l-unitajiet domestiċi vulnerabbli u tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività.