European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2600

24.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2600

tat-23 ta’ Novembru 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 - dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUMAM Mozambique)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 (1) dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUTM Mozambique). EUTM Mozambique ngħatat l-isem ġdid ta’ Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUMAM Mozambique) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1354 (2).

(2)

Fil-25 ta’ Frar 2026, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku tal-EUMAM Mozambique, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-mandat tal-EUMAM Mozambique jiġi estiż b’sitt xhur sal-31 ta’ Diċembru 2026, u stieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jippreżenta Valutazzjoni Strateġika f’Settembru 2026.

(3)

Fit-12 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1084 (3), li testendi l-EUMAM Mozambique sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(4)

Fid-29 ta’ Settembru 2026 fil-kuntest tal-Valutazzjoni ta’ EUMAM Mozambique, il-KPS qabel li jestendi l-EUMAM Mozambique sal-31 ta’ Diċembru 2028.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-objettiv strateġiku tal-EUMAM Mozambique għandu jkun li tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Mozambique fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw kapaċità awtonoma u sostenibbli biex jippjanaw, iwettqu, isostnu u jikkoordinaw operazzjonijiet f’Cabo Delgado, b’mod partikolari permezz ta’ kmand u kontroll imtejba, sostenn tal-forzi u kapaċitajiet ta’ appoġġ operazzjonali, inkluż permezz tal-integrazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL), id-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IHRL) u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-proċess tal-ippjanar u t-tmexxija tal-Forzi Armati tal-Mozambique, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għal ambjent aktar sikur u aktar sigur għall-popolazzjoni ta’ Cabo Delgado.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għal dak il-għan, EUMAM Mozambique għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:

(a)

tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Mozambique fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu ċentri ta’ kmand u kontroll strateġiċi (Ċentru Konġunt tal-Operazzjonijiet) u operazzjonali (Ċentru tal-Operazzjonijiet Tattiċi) effettivi biex jippjanaw u jwettqu l-attivitajiet operazzjonali tagħhom f’Cabo Delgado;

(b)

tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Mozambique biex jistabbilixxu Sistema ta’ Tħejjija u Ċertifikazzjoni tal-Forzi;

(c)

tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Mozambique biex jistabbilixxu pjan annwali għar-riġenerazzjoni u t-taħriġ tal-Forza ta’ Reazzjoni Rapida rispettiva tagħhom, kif ukoll għat-talbiet tat-Timijiet ta’ Taħriġ Mobbli;

(d)

tipprovdi taħriġ, mentoraġġ u appoġġ konsultattiv lill-Forzi Armati tal-Mozambique, b’enfasi partikolari fuq il-kmand u l-kontroll, it-tħejjija u ċ-ċertifikazzjoni tal-forzi, l-ippjanar tar-riġenerazzjoni u t-taħriġ, il-loġistika, il-manutenzjoni, iċ-ċiklu operazzjonali, il-komunikazzjoni, l-intelligence, il-kooperazzjoni ċivili-militari, l-IHL, l-IHRL, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.”

;

(c)

jitħassru l-paragrafi 3a, 3b u 3c;

(2)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUMAM Mozambique għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2028 għandu jkun ta’ EUR 17 170 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 0 % għall-impenji u 0 % għall-ħlasijiet.”

;

(3)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   EUMAM Mozambique għandha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2028.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1143 tat-12 ta’ Lulju 2021 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUMAM Mozambique) (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 93, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1143/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1354 tal-14 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUTM Mozambique) (ĠU L, 2024/1354, 15.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1354/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1084 tat-12 ta’ Mejju 2026 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUMAM Mozambique) (ĠU L, 2026/1084, 13.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1084/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2600/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)