|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1530 |
31.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1530
tat-30 ta’ Lulju 2025
li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tat-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid. |
|
(3) |
Fil-21 ta’ Diċembru 2018, il-kumpanija BK Giulini GmbH, membru ta’ ICL Group(“l-applikant”) ippreżentat applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tintroduċi t-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li l-ikel ġdid jintuża bħala sostitut għall-melħ fil-ħobż tal-ħmira jew simili, fil-laħam ippreservat nej, fil-laħam ippreservat jew staġjonat imsajjar, fiz-zalzett ippreservat jew parzjalment ippreservat, kif ukoll fil-pizez tal-friża maħsuba għall-popolazzjoni adulta. |
|
(4) |
Fil-11 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) twettaq valutazzjoni tat-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat bħala ikel ġdid. |
|
(5) |
Matul il-valutazzjoni, fid-19 ta’ April 2023, l-applikant għamel talba għall-protezzjoni ta’ studji u data xjentifiċi proprjetarji sottomessi b’appoġġ għall-applikazzjoni, jiġifieri l-proċess tal-produzzjoni (3) u d-data dwar il-kompożizzjoni (4). |
|
(6) |
Minħabba l-livell tal-bromur fl-ikel ġdid u minħabba l-ħidma li għaddejja tal-Kumitat Xjentifiku tal-Awtorità dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali mill-preżenza tal-bromur fl-ikel u fl-għalf (5), fit-13 ta’ Settembru 2024 l-Awtorità talbet lill-applikant jirrevedi l-użi u l-livelli tal-użu proposti tal-ikel ġdid. Fis-26 ta’ Novembru 2024, l-applikant qabel li jirrevedi l-użi u l-livelli tal-użu proposti għat-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat kif xieraq. B’riżultat ta’ dan, l-ikel il-ġdid huwa maħsub biex jintuża fil-laħam nej ippreservat jew staġjonat, fil-laħam imsajjar ippreservat jew staġjonat, fil-platti bbażati fuq iċ-ċereali u fiz-zalzett ippreservat jew parzjalment ippreservat, maħsuba għall-popolazzjoni adulta. |
|
(7) |
Fis-17 ta’ Diċembru 2024, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar is-sikurezza tal-melħ minerali li fih il-potassju u l-manjeżju bħala ikel ġdid skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/2283 (6) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(8) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li t-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat huwa sikur fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti. Għalhekk, l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li t-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat, meta jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni tiegħu fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(9) |
F’dik l-opinjoni, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konsum addizzjonali tal-manjeżju u tal-potassju mill-ikel ġdid ma jirrappreżentax tħassib għas-sikurezza tal-popolazzjoni ġenerali. Madankollu, meta jitqies li ikel li jkun fih l-ikel ġdid jista’ jispiċċa b’ammont ta’ manjeżju u/jew potassju li jitqies sinifikanti skont il-Punt 2 tal-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar dak il-fatt. F’każijiet bħal dawn, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandu jkun fiha l-ammont ta’ potassju u/jew ta’ manjeżju. |
|
(10) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel ġdid kienet ibbażata fuq studji u data xjentifiċi proprjetarji mressqa b’appoġġ għall-applikazzjoni, jiġifieri fuq data li tikkonċerna l-proċess tal-produzzjoni u d-data dwar il-kompożizzjoni, li mingħajrha ma setgħetx tivvaluta l-ikel ġdid u tasal għall-konklużjoni tagħha. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni pprovduta fir-rigward tal-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dawk l-istudji u d-data xjentifiċi proprjetarji u biex jiċċara l-pretensjoni tiegħu għal dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(12) |
L-applikant iddikjara li fil-waqt meta ssottometta l-applikazzjoni huwa kellu d-drittijiet proprjetarji u esklużivi ta’ referenza għal dawk l-istudji u d-data xjentifiċi proprjetarji, u li l-partijiet terzi ma jistgħux jaċċessaw, jużaw jew jirreferu legalment għal dik id-data u dawk l-istudji. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u qieset li dan kien wera biżżejjed provi li kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, jenħtieġ li dawk l-istudji u d-data xjentifiċi proprjetarji jkunu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat jintroduċi t-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat fis-suq tal-Unjoni matul perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(14) |
Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tat-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat u tar-referenza għall-istudji u għad-data xjentifiċi fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss, ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba legalment li tappoġġa t-tali awtorizzazzjoni. |
|
(15) |
Jixraq li l-inklużjoni tat-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(16) |
It-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat jenħtieġ li jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. It-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat huwa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.
It-triklorur tal-potassju u tal-manjeżju eżaidrat għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.
2. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-kumpanija BK Giulini GmbH, membru ta’ ICL Group (8), hija awtorizzata tintroduċi fis-suq tal-Unjoni l-ikel ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2025, dment li ma jkunx hemm applikant sussegwenti li jikseb awtorizzazzjoni għal dak l-ikel ġdid mingħajr referenza għall-istudji u d-data xjentifiċi protetti skont l-Artikolu 3 jew bil-qbil ta’ BK Giulini GmbH, membru ta’ ICL Group.
Artikolu 3
L-istudji u d-data xjentifiċi li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhomx jintużaw għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr qbil ma’ BK Giulini GmbH, membru ta’ ICL Group.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid, (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).
(3) Confidential Salona® Process Flowchart (part 1 and 2) (l-Anness AI); Confidential Specification EF brine (l-Anness A2); Manufacturing licence (l-Anness B4); Salona® Process Flow chart non confidential – Al blacked out (part 1 and 2) (l-Anness B6); Salona® HACCP study 22.08.18 (l-Anness B8); Salona® RM HACCP study 3.10.18 (l-Anness B8); Salona® Impurity Profile 2014Y, 2015Y, 2016Y, 2017Y) (l-Annessi B9, B10, B 11, B12).
(4) Certificates of analysis (l-Annessi C25, C25.1, C25.2 u C28); Full study report LAUS_Statement Water Solubility_OECD 105 resp. EU A.6 (l-Anness S13); Full study report CURRENTA_X-Ray Diffraction_Melting Range (l-Anness S14); Full study report LAUS_Solubilty_OECD_105_b4, b5, b6 (l-Annessi S4, S5 u S6); Full study report LAUS_combined water content b4, b5, b6 (l-Annessi S7, S8 u S9); Full study report LAUS water activity_b4, b5, b6 (l-Annessi S10, S11, S12).
(5) https://open.efsa.europa.eu/questions/EFSA-Q-2022-00329.
(6) EFSA Journal. 2025;23:e9205.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj).
(8) Address: Am Hafen 2, 68526 Ladenburg, il-Ġermanja.
ANNESS
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja f’ordni alfabetika:
|
||||||||||||||||||||||||
|
(2) |
fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1530/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)