29.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Marzu 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

(2011/257/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 136(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-possibbiltà ta’ adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li jkollhom il-euro bħala l-munita tagħhom bil-ħsieb li jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

(2)

L-Artikolu 126 TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi [defiċits] eċċessivi tal-gvern u jistabbilixxi l-proċedura fuq żbilanċ [defiċit] eċċessiv għal dan l-għan. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn immedjat għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jqis il-qagħda ekonomika.

(3)

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja.

(4)

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE (1) (minn hawn ‘il quddiem “id-Deċiżjoni”) indirizzata lill-Greċja taħt l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 TFUE, bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-2014. Il-Kunsill stabbilixxa l-pjan segwenti għall-korrezzjoni tad-defiċit: defiċits tal-gvern li ma jaqbżux EUR 18 508 miljuni fl-2010, EUR 17 065 miljun fl-2011, EUR 14 916-il miljun fl-2012, EUR 11 399 miljun fl-2013 u EUR 6 385 miljuni fl-2014.

(5)

Skont il-previżjonijiet disponibbli meta l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni, il-PDG reali kien mistenni li jonqos b’4 % fl-2010 u b’2½ % fl-2011, u jirkupra wara, b’rati ta’ tkabbir ta’ 1,1 % fl-2012, u ta’ 2,1 % fl-2013 u fl-2014. Id-deflator tal-PDG kien mistenni li jkun 1,2 %, - 0,5 %, 1,0 %, 0,7 % u 1,0 % għas-snin 2010 sa 2014, rispettivament. Minħabba l-iżviluppi ekonomiċi, il-PDG reali issa huwa mistenni li jonqos b’4½ % fl-2010 u bi 3 % fl-2011 u jirkupra wara b’rati ta’ tkabbir ta’ 1,1 % fl-2012, u 2,1 % fl-2013 u fl-2014. Id-deflators tal-PDG issa huma mistennija li jkunu 3,0 %, 1,6 %, 0,4 %, 0,8 % u 1,2 % mill-2010 sal-2014, rispettivament.

(6)

Fit-12 ta’ Frar 2011, il-Greċja ppreżentat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri ta’ politika li ttieħdu biex tikkonforma mad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u kkonkludiet li l-Greċja qed tikkonforma b’mod sodisfaċenti mad-Deċiżjoni. Madankollu, il-mira fir-rigward tad-defiċit għall-2011 m’għandhiex ma tintlaħaqx, kif ġara fl-2010.

(7)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jidher xieraq li d-Deċiżjoni tiġi emendata f’għadd ta’ aspetti, filwaqt li jitħallew kif inhuma l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u l-pjan ta’ aġġustament għad-defiċit tal-gvern u ż-żieda tad-dejn tal-gvern f’termini nominali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/320/UE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (c) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

il-gvern iħallas kompletament l-arretrati akkumulati fl-2010 u jnaqqas dawk tas-snin preċedenti;”;

2.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (d) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

pjan ta’ strateġija baġitarja fuq perjodu ta’ żmien medju li jidentifika miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali permanenti ta’ għall-inqas 8 % tal-PDG (li minnhom x’uħud diġà ġew identifikati f’Mejju 2010), flimkien ma’ riżerva kontinġenti, li se jiżguraw il-kisba tal-miri tad-defiċit sal-2014, u li l-proporzjon ta’ dejn għall-PGD jibda jonqos b’mod sostenibbli. Il-pjan ta’ strateġija se jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika qabel tmiem Marzu. Il-pjan ta’ strateġija fuq perjodu ta’ żmien medju jinkludi, b’mod partikolari: previżjonijiet makroekonomiċi prudenti; projezzjonijiet tad-dħul u n-nefqa tal-istat u tal-entitajiet tal-gvern l-oħrajn; deskrizzjoni ta’ miżuri fiskali permanenti, l-iskedar u l-ikkwantifikar tagħhom; il-limiti massimi annwali tan-nefqa għal kull ministeru u l-miri fiskali għall-entitajiet tal-gvern oħrajn sal-aħħar tal-2014; projezzjonijiet fiskali għal wara t-teħid tal-miżuri għall-amministrazzjoni pubblika f’konformità mad-defiċit u l-miri tad-dejn: projezzjonijiet aktar fit-tul ibbażati fuq projezzjonijet makroekonomiċi prudenti, bilanċi pożittivi primarji stabbli mill-2014 ‘il hemm; u pjanijiet ta’ privatizzazzjoni. Il-pjan ta’ strateġija fuq perjodu ta’ żmien medju se jkun elaborat bir-riformi li għaddejjin bħalissa fil-kura tas-saħħa u fil-pensjonijiet u bi pjanijiet settorjali speċifiċi. Il-pjanijiet settorjali (bl-abbozzi tal-pjanijiet li se jkunu disponibbi sa tmiem Marzu) se jkopru b’mod partikolari: ir-riformi fil-politika fiskali; l-intrapriżi li huma proprjetà tal-istat. il-fondi li jaqgħu barra l-baġit (l-entitajiet legali tas-settur pubbliku u l-kontijiet għal għan speċjali); in-nefqa għas-salarji pubbliċi; u l-amministrazzjoni pubblika; in-nefqa soċjali; l-investiment pubbliku u n-nefqa militari. Kull pjan settorjali se jkun amministrat minn taskforces interministerjali;”;

3.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (e) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(e)

pjan kontra l-evażjoni li jinkludi indikaturi kwantitattivi tal-prestazzjoni biex l-amministrazzjoni fiskali tinżamm responsabbli; leġiżlazzjoni li tissimplifika l-proċessi tat-tilwim amministrattiv fiskali u l-proċessi ta’ appell ġudizzjarju u l-atti u l-proċeduri meħtieġa sabiex ikunu indirizzati aħjar il-kondotta skorretta, korruzzjoni u prestazzjoni ħażina ta’ uffiċjali fiskali, inkluża l-prosekuzzjoni f’każijiet ta’ ksur ta’ dover; u l-pubblikazzjoni ta’ rapporti kull xahar tal-ħames taskforces kontra l-evażjoni, inkluż sett ta’ indikaturi dwar il-progress;”;

4.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (f) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

pjan ta’ azzjoni dettaljat bi skeda li jikkompleta u jimplimenta s-sistema simplifikata ta’ remunerazzjoni. preparazzjoni ta’ pjan għar-riżorsi umani għaż-żmien medju għall-perjodu sal-2013 f’konformità mar-regola ta’ reklutaġġ 1 għal kull 5 ħaddiema li jitilqu, li jispeċifika wkoll pjanijiet għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ persunal kwalifikat għal f’oqsma prijoritarji; u l-pubblikazzjoni ta’ dejta kull xahar dwar il-movimenti tal-persunal (ġodda, dawk li spiċċaw, trasferimenti fost l-entitajiet) fil-bosta dipartimenti tal-gvern;”;

5.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (g) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(g)

l-implimentazzjoni tar-riforma komprensiva tas-sistema tal-kura tas-saħħa bdiet fl-2010 bil-għan li n-nefqa pubblika fuq is-saħħa tinżamm għal 6 fil-mija tal-PDG jew anqas; miżuri li jrendru ffrankar fuq farmaċewtiċi ta’ għall-inqas EUR 2 biljun meta mqabel mal-livell għall-2010, li minnhom għall-inqas EUR 1 biljun huma tal-2011; titjib fis-sistemi ta’ kontabbiltà u fatturazzjoni tal-isptarijiet permezz ta’: finalizzazzjoni tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kontabbiltà abbażi tad-dovuti b’entrati doppji korrispondenti fl-isptarijiet kollha; l-użu ta’ sistema ta’ kodiċi uniformi u reġistru komuni għall-provvisti tal-mediċina; il-kalkolu ta’ stokkijiet u flussi tal-provvisti tal-mediċina fl-isptarijiet kollha bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi uniformi għall-provvisti tal-mediċina; u l-fatturazzjoni fil-ħin tal-ispejjeż tat-trattament (mhux aktar tard minn xahrejn) lill-fondi tas-sigurtà soċjali tal-Greċja, lil Stat Membri oħra u lill-assiguraturi privati tas-saħħa; u l-iżgurar li għall-inqas 50 % mill-volum tal-mediċini użati mill-isptarijiet pubbliċi sa tmiem l-2011 ikun ikkostitwit minn ġeneriċi u mediċini mhux protetti bit-trejdmark billi issir ħaġa obbligatorja għall-isptarijiet pubbliċi kollha li jakkwistaw prodotti farmaċewtiċi skont is-sustanza attiva;”;

6.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (h) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(h)

bl-għan li jkun jkunu miġġielda l-ħela u l-immaniġġar ħażin tal-kumpaniji li huma proprjetà tal-Istat u biex jiġu frankati mill-inqas EUR 800 miljun fiskalment, att li: jnaqqas ir-remunerazzjoni primarja fl-intrapriżi pubbliċi b’mill-inqas 10 % fil-livell tal-kumpaniji; jillimita r-remunerazzjoni sekondarja għal 10 % tar-remunerazzjoni primarja; jistabbilixxi limitu massimu ta’ EUR 4 000 fix-xahar għad-dħul gross (12-il pagament fis-sena); iżid it-tariffi tat-trasport urban b’mill-inqas 30 %; azzjonijiet li jnaqqsu n-nefqa operattiva fil-kumpaniji pubbliċi bejn 15 u 25 %; u att għar-ristrutturazzjoni tal-OASA;”;

7.

fl-Artikolu 2(4), il-punt (k) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(k)

l-adozzjoni ta’ liġi għall-istabbiliment ta’ Awtorità Unika għall-Akkwist Pubbliku f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni; u l-iżvilupp ta’ pjattaforma tat-teknoliġija tal-informazzjoni għall-akkwist elettroniku u l-istabbiliment ta’ stadji intermedji f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni, inkluż: l-ittestjar ta’ verżjoni pilota, id-disponibbiltà tal-funzjonalitajiet kollha għall-kuntratti kollha u l-introduzzjoni f’fażijiet tal-użu mandatorju tas-sistema tal-akkwist elettroniku għall-kuntratti tal-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet;”;

8.

fl-Artikolu 2(4), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(l)

att li jispeċifika il-kwalifikazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjali tal-kontabbiltà li għandhom jinħatru fil-ministeri relevanti u fl-entitajiet tal-gvern prinċipali kollha bir-responsabbiltà li jiżguraw kontrolli finanzjarji affidabbli; il-ħatra tal-uffiċjali tal-kontabbiltà; u t-tħaffif fil-proċess tal-istabbiliment ta’ reġistri ta’ impenn u reġistri operazzjonali li jkopru l-amministrazzjoni pubblika kollha kemm hi (minbarra l-iżgħar entitajiet).”;

9.

fl-Artikolu 2(5), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

il-pubblikazzjoni ta’ inventarju tal-assi li huma proprjetà tal-istat, inklużi ishma f’intrapriżi kwotati u f’dawk li mhumiex u proprjetà immobbli u art kummerċjalment vijabbli u stima tal-valur ta’ dawn l-assi. l-istabbiliemnt ta’ Segretarjat Ġenerali għall-Proprjetà Immobbli sabiex jitjiebu l-koordinament u t-tħaffif tal-programm għall-privatizzazzjoni u l-ġestjoni tal-assi. Abbażi ta’ dan l-inventarju, se jiġu riveduti u mħaffa l-pjanijiet għall-privatizzazzjoni.”;

10.

fl-Artikolu 2(6), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

l-iżvilupp ulterjur tal-inventarju tal-assi tal-proprjetà immobbli kummerċjali tal-istat (li għandu jiġi ppubblikat sa Ġunju 2011); l-elaborazzjoni ta’ pjan għaż-żmien medju biex tal-istat jiddivesti ruħu mill-assi; ir-reviżjoni tad-dħul mill-privatizzazzjoni ppjanat għas-snin 2011-13 u l-estensjoni tal-pjan sal-aħħar tal-2015.”;

11.

fl-Artikolu 2, għandu jiżdied paragrafu ġdid, kif ġej:

“8.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Marzu 2012:

(a)

riforma fl-iskemi tal-pensjonijiet sekondarji/supplementari, bil-fużjoni tal-fondi u billi jibda jsir kalkolu tal-benefiċċji abbażi tas-sistema b’kontribuzzjoni definita u mhux finanzjarja l-ġdida; l-iffriżar tal-pensjonijiet supplementari nominali u t-tnaqqis tar-rati ta’ sostituzzjoni għal drittijiet dovuti fi fondi b’defiċits, abbażi ta’ studju attwarju mħejji mill-Awtorità Attwarjali Nazzjonali. Fil-każ li l-istudju attwarju ma jkunx lest, ir-rati ta’ sostituzzjoni jonqsu, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 biex jiġu evitati d-defiċits.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

VÖLNER P.


(1)   ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.