|
5.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 67/116 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/362
tas-17 ta’ Diċembru 2019
li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw b’rabta mal-eżenzjoni għall-kromu eżavalenti bħala prodott kontra l-korrużjoni fis-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju fi friġġijiet tal-assorbiment f’karavans motorizzati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4(2)(b) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE, l-Istati Membri jridu jipprojbixxu l-użu taċ-ċomb, tal-merkurju, tal-kadmju u tal-kromu eżavalenti fil-materjali u fil-komponenti tal-vetturi mpoġġija fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 2003. |
|
(2) |
L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE jelenka l-materjali u l-komponenti tal-vetturi li huma eżentati mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ dik id-Direttiva. Jeħtieġ li l-eżenzjoni bin-numru 14 dwar l-użu tal-kromu eżavalenti tiġi emendata biex il-kliem tagħha jiġi allinjat ma’ dak użat għal eżenzjonijiet simili għall-użu tal-kromu eżavalenti previsti fid-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għall-finijiet tal-koerenza. |
|
(3) |
Mill-valutazzjoni tal-eżenzjoni bin-numru 14 fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku ħareġ li, għalkemm issa hemm sustanzi alternattivi xierqa għall-kromu eżavalenti disponibbli, dawn għadhom ma jistgħux jintużaw fil-prodotti. Fil-ġejjieni x’aktarx ikun hemm alternattivi xierqa għall-użu tal-kromu eżavalenti disponibbli. Għalhekk huwa xieraq li l-eżenzjoni attwali tinqasam fi tliet subentrati u li tiġi stabbilita data ta’ skadenza għal tnejn minn dawk is-subentrati. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2000/53/KE tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-5 ta’ April 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.
(2) Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
Fl-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE, l-entrata bin-numru 14 hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“14. Il-kromu eżavalenti bħala prodott kontra l-korrużjoni fis-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju, sa 0,75 % tal-piż tas-soluzzjoni tat-tkessiħ, fil-friġġijiet tal-assorbiment:
|
Vetturi b’approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2020 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi Vetturi b’approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2026 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi |
X” |