|
21.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 125/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Jannar 2010
dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja
(2010/285/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Ġermanja,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern. |
|
(2) |
Il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabilità tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. |
|
(3) |
Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif iċċarat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), jipprovdi għal Deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistabbilixxi definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll. |
|
(4) |
Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din kellha l-għan li tiżgura li b’mod partikolari l-isfond ekonomiku u baġitarju jittieħed kompletament f’konsiderazzjoni fl-istadji kollha tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv (PŻE). B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji ta’ politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji soda fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika. |
|
(5) |
L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kien jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kienet tikkunsidra li jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Ġermanja fil-11 ta’ Novembru 2009 (3). |
|
(6) |
L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Ġermanja, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet imniżżlin f’din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
Skont id-data notifikata mill-awtoritajiet tal-Ġermanja f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fil-Ġermanja hu ppjanat li jilħaq it-3,7 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk qabeż il-valur ta’ referenza tat-3 % tal-PDG mingħajr ma jkun qrib tiegħu. L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista’ jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, il-PDG reali fil-Ġermanja huwa mbassar li jonqos drastikament fis-sena 2009 b’5 %. Barra minn dan, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jiġi meqjus bħala temporanju, minħabba li t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, filwaqt li jqis il-miżuri adottati fis-sena attwali li taffettwa l-baġit għall-2010 u għall-2011, l-iżbilanċ jikber għal 5,0 % tal-PDG fl-2010 biex jinżel għal 4,6 % tal-PDG fl-2011 fuq is-suppożizzjoni li ma ssir ebda bidla fil-politika. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt. |
|
(8) |
Skont id-data notifikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi f’Ottubru 2009, id-dejn gross ġenerali tal-gvern (li kien ogħla ferm mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG mill-2002 ‘l hawn) hu ppjanat li fl-2009 jkun 74,2 % tal-PDG. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni jiżdied iktar għal 73,1 % tal-PDG fl-2009 u jilħaq id-79,7 % tal-PDG fl-2011. Il-proporzjon ta’ dejn ma jistax jitqies bħala wieħed li qed jonqos b’mod suffiċjenti u li qed joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat mhuwiex sodisfatt. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ’l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi ssodisfata għal kollox. Fil-każ tal-Ġermanja, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SALGADO
(2) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(3) Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għall-Ġermanja jinsabu fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode = _m2