Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑27 ta’ Novembru 2025 (1)

Kawża C‑337/24 P

Ir-Renju tad‑Danimarka

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Id‑Danimarka – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq tal-Istrett ta’ Fehmarn – Miżuri mogħtija mid-Danimarka lill-impriża pubblika Femern – Deċiżjoni li tikklassifika dawn il-miżuri bħala ‘għajnuna mill-Istat’ – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika – Attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa skont mudell kummerċjali – Eżistenza ta’ impriżi kompetituri fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bil-ferrovija u bit-triq mill-Istrett ta’ Fehmarn”






 Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Frar 2024, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (T‑364/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:125), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1683 final tal‑20 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”) (2), sa fejn ikklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-injezzjonijiet ta’ kapital u taħlita ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern fil-kuntest tal-proġett ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq tal-Istrett ta’ Fehmarn. Dan il-proġett jinkludi, minn naħa, mina bil-ferrovija u bit-triq (iktar ’il quddiem il-“konnessjoni fissa”) (3) u, min-naħa l-oħra, infrastruttura anċillari oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“proġett”).

2.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura tat-triq u tal-ferroviji u, b’mod iktar partikolari, li tittratta l-kwistjoni jekk l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastruttura ta’ skala kbira, fdati minn Stat Membru lil entità kkontrollata minn dan l-Istat, jikkostitwixxux, flimkien jew separatament, l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika jew, tal-inqas, attività mhux ekonomika.

 Il-fatti li wasslu għat-tilwima

3.        Il-proġett, approvat mit-Trattat bejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn, iffirmat fit‑3 ta’ Settembru 2008 u rratifikat matul is-sena 2009 (iktar ’il quddiem it-“Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn”), kien ippreċedut minn fażi ta’ ppjanar li l-finanzjament tagħha, fir-rigward b’mod partikolari tal-konnessjoni fissa, kien is-suġġett ta’ notifika lill-Kummissjoni, li approvatu (4).

4.        Wara aġġornament tal-istimi inizjali, l-ispiża totali tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa kienet stmata bħala 52.6 biljuni kroni Daniżi (DKK) (madwar EUR 7.1 biljuni) u dik tal-proġett kienet stmata bħala DKK 62.1 biljuni (madwar EUR 8.4 biljuni).

5.        Skont ir-regoli internazzjonali u nazzjonali applikabbli (5), it-twettiq tal-proġett ġie fdat lil żewġ entitajiet pubbliċi. L-ewwel waħda, Femern, imwaqqfa fl‑2005, kienet responsabbli għall-finanzjament, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa (6), li kienet eventwalment ser issir il-proprjetà tagħha, filwaqt li t-tieni waħda, Femern Landanlæg A/S, imwaqqfa fl‑2009, kienet responsabbli għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ infrastruttura oħra (7). Dan il-proġett huwa ffinanzjat minn Femern u minn Femern Landanlæg permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital, ta’ self iggarantit mill-Istat kif ukoll ta’ self mogħti mill-awtoritajiet Daniżi. Hekk kif tibda tintuża l-konnessjoni fissa, Femern ser tiġbor tariffi mill-utenti bil-għan li tirrimborsa d-dejn tagħha u ser tħallas ukoll dividendi lil Femern Landanlæg, li din tal-aħħar ser tuża sabiex tirrimborsa d-dejn tagħha stess.

6.        L-imsemmi abbozz kien is-suġġett ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, wara li kienet adottat deċiżjoni inizjali li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Daniżi (8), deċiżjoni li ġiet parzjalment annullata minn żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali (9), ikkonfermati fl-appell permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża (11). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, minn naħa, qieset li l-miżuri li kienu jikkonsistu fl-injezzjoni ta’ kapital u f’taħlita ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern, implimentati mir-Renju tad-Danimarka għall-finijiet tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa, kienu jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li dawn il-miżuri kienu kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (12).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7.        Insostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ir-Renju tad-Danimarka qajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-argument li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-finanzjament ta’ Femern kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (13) u, it-tieni wieħed, fuq l-argument li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li Femern kienet teżerċita attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ terzi, saħansitra qabel ma tibda tintuża l-konnessjoni fissa (14).

8.        Fir-rigward tal-argumenti intiżi li jeskludu li l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa jitqiesu bħala li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ “attività ekonomika” minn Femern u li, għaldaqstant, din tal-aħħar tista’ tiġi kklassifikata bħala “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkonfermat l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-premessi 188 sa 198 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ikkonkludiet, essenzjalment, li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa minn Femern ma kinux jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika (15) iżda kienu jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi (16).

9.        Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-attività ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, mis-sentenza Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (17) l-Qorti Ġenerali, bħalma għamlet il-Kummissjoni, iddeduċiet li, meta infrastruttura tkun is-suġġett ta’ operat ekonomiku u meta t-tariffi għall-użu jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ finanzjament tal-kostruzzjoni tagħha, għandu jitqies li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ din l-infrastruttura jikkostitwixxu, bħala prinċipju, attivitajiet ekonomiċi.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

10.      Fis‑7 ta’ Mejju 2024, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta appell mis-sentenza appellata. Huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla din is-sentenza u, prinċipalment, li tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jistabbilixxi li “[i]l-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’taħlita ta’ self mill-Istat u garanziji tal-gvern favur [Femern], li d-Danimarka daħħlet fis-seħħ tal-anqas parzjalment b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE]” u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż; kif ukoll, sussidjarjament, ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

11.      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li r-Renju tad-Danimarka jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

12.      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu waqt is-seduta li saret fid‑9 ta’ Settembru 2025.

 Analiżi

13.      Ir-Renju tad-Danimarka jqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu li permezz tagħhom jikkontesta, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-finanzjament tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa bħala “għajnuna mill-Istat” u, b’mod iktar partikolari, il-klassifikazzjoni ta’ Femern, entità pubblika responsabbli, b’mod partikolari, għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ din il-konnessjoni, bħala “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (18).

14.      Mingħajr ma tippreżenta appell inċidentali, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, minħabba li dan kien intiż għall-annullament biss tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr bl-ebda mod ma kkontesta t-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, li, filwaqt li tiddikjara l-miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern, tinkludi deċiżjoni impliċita li tikkonstata li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Issa, jidhirli li dan l-argument huwa, prima facie, manifestament infondat (19).

15.      Fir-rigward tal-mertu tal-kawża, nosserva, preliminarjament, li għalkemm, bħala prinċipju, id-deċiżjoni sovrana ta’ Stat Membru li jniedi u jwettaq il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura – b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (iktar ’il quddiem “IPCEI”) – taqa’ taħt il-kompetenza u l-prerogattivi esklużivi tal-Istati Membri, il-finanzjament tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi huwa normalment suġġett għall-kontroll tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sa fejn dawn il-proġetti jkunu intiżi għal operat ekonomiku. Dan il-kontroll jikkonċerna kemm il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-intervent mill-Istat bħala “għajnuna mill-Istat” skont l-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kompatibbiltà ta’ dan l-intervent mas-suq intern, b’mod partikolari skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (20).

16.      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk Femern tikkostitwixxix “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (21), kwistjoni li hija s-suġġett tat-tielet aggravju, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “impriża” hija kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (22), u li tikkostitwixxi “attività ekonomika” kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi f’suq partikolari (23), indipendentement mill-kwistjoni jekk din l-attività tiġġenerax profitt (24).

17.      Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa għalhekk kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, sal-lum il-ġurnata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma stabbilixxietx definizzjoni eżawrjenti ta’ dan il-kunċett (25), li qiegħed dejjem jevolvi u li, fi kwalunkwe każ, jeħtieġ applikazzjoni każ b’każ. Bħala prinċipju, ma tkunx ta’ natura ekonomika attività li, minħabba n-natura tagħha, minħabba r-regoli li għalihom hija suġġetta u minħabba l-għan tagħha, tkun marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika (26) jew ma tkunx taqa’ fl-isfera tal-iskambji ekonomiċi (27).

18.      Fil-punti segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nanalizza l-aggravji mqajma skont l-ordni li fih tqajmu fl-appell, jiġifieri, l-ewwel, l-argumenti dwar l-eżistenza ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika (l-ewwel aggravju), it-tieni, l-argumenti dwar l-eżistenza ta’ attività ekonomika (it-tieni aggravju), u, fl-aħħar, dawk marbuta, b’mod iktar partikolari, mal-klassifikazzjoni tal-attività ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa bħala attività ekonomika (it-tielet aggravju).

 Fuq l-ewwel aggravju

19.      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ ‘prerogattivi tas-setgħa pubblika’” u fuq l-assenza, f’dan ir-rigward, ta’ evalwazzjoni globali tal-attivitajiet fdati mill-Istat Daniż lil Femern (28). Dan l-aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq tliet argumenti.

20.      Permezz tal-ewwel argument tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli llimitat, b’mod żbaljat, il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ ‘prerogattivi tas-setgħa pubblika’” għall-attivitajiet marbuta mal-“funzjonijiet essenzjali” tal-Istat biss (29), filwaqt li Stat jista’ jaġixxi billi jeżerċita l-awtorità pubblika “għal kull attività” (30).

21.      Infakkar li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li entità taġixxi bħala awtorità pubblika jew fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika meta l-attività tagħha tkun marbuta mal-“funzjonijiet essenzjali” tal-Istat minħabba n-natura tagħha, minħabba l-għan tagħha jew minħabba r-regoli li għalihom hija suġġetta (31), u rrilevat li l-kunċett ta’ “attività marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika” jirreferi, b’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-attivitajiet li jimplikaw l-użu ta’ “prerogattivi eżorbitanti tad-dritt ordinarju”, bħalma huma l-prerogattivi li jkollhom bħala għan li tiġi żgurata l-integrità territorjali, li jinżamm l-ordni pubbliku u li titħares is-sigurtà nazzjonali (32). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw liema attivitajiet jaqgħu taħt il-prerogattivi tas-setgħa pubblika billi qieset li l-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika” huma kunċetti oġġettivi li jirriżultaw direttament mit-Trattat FUE u li jiddependu minn fatti u mhux minn għażliet jew minn evalwazzjonijiet suġġettivi tal-awtoritajiet nazzjonali (33).

22.      F’dan ir-rigward, nenfasizza wkoll li, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika ma għandhomx natura ekonomika (34), il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum il-ġurnata, għadha ma tatx definizzjoni eżawrjenti ta’ dan il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika”, bħalma lanqas għadha ma tat definizzjoni eżawrjenti tal-kunċett analogu ta’ “(parteċipazzjoni fl‑)eżerċizzju tal-awtorità pubblika” (35).

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, b’mod partikolari, meta kien hemm parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi (36), filwaqt li eskludiet tali klassifikazzjoni fil-każ ta’ miżuri, anki jekk vinkolanti, adottati minn organizzazzjonijiet li jirregolaw ċerti professjonijiet fir-rigward tal-membri tagħhom (37). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-finanzjament ta’ infrastruttura, fis-sentenza Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (38) tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ħadet direzzjoni differenti meta mqabbla ma’ prassi u ma’ ġurisprudenza stabbiliti, ikkonfermat id-distinzjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali, bejn, minn naħa, l-attivitajiet purament amministrattivi eżerċitati mill-entità li tiġġestixxi l-infrastruttura tal-ajruporti, li kienu jaqgħu taħt il-prerogattivi tas-setgħa pubblika (bħalma huma l-missjonijiet taż-żamma tal-ordni pubbliku), u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ din l-infrastruttura li ma jaqgħux taħt tali prerogattivi (39). Barra minn hekk, fis-sentenza Leipzig-Halle tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istess kunsiderazzjonijiet kienu japplikaw għall-kostruzzjoni ta’ runway ta’ ajruport (40).

24.      Fil-punt 17 tal-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, il-Kummissjoni tqis, abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, li entità tista’ titqies li tkun qiegħda taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika meta l-attività inkwistjoni taqa’ taħt il-“funzjonijiet essenzjali tal-Istat” jew meta din l-attività tkun marbuta ma’ dawn il-funzjonijiet minħabba n-natura tagħha, minħabba l-għan tagħha jew minħabba r-regoli li għalihom tkun suġġetta (41).

25.      Fil-fehma tiegħi, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma llimitatx b’mod espliċitu l-kunċett ta’ “prerogattivi tas-setgħa pubblika” għal dak ta’ “funzjonijiet essenzjali tal-Istat”, kif applikat mill-Kummissjoni u riprodott mill-Qorti Ġenerali (42), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “entità li teżerċita prerogattivi tas-setgħa pubblika”, l-entità kkonċernata għandha tkun irċeviet mil-liġi poteri li jmorru lil hinn mill-kapaċitajiet normalment marbuta ma’ suġġett tad-dritt privat u li huma karatteristiċi tal-poteri jew tal-amministrazzjoni pubbliċi, bħalma huma, b’mod partikolari, id-dritt li tadotta atti regolatorji jew deċiżjonijiet fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li tissanzjonahom jew li tadotta ċertifikazzjonijiet obbligatorji u vinkolanti. Għalhekk, jidhirli li l-kunċett inkwistjoni, minħabba l-fatt li jirreferi għas-setgħa pubblika, għandu neċessarjament konnotazzjoni “suġġettiva”, fis-sens li, kif tirrileva ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata, dan il-kunċett jirrikjedi li l-entità inkwistjoni, tkun liema tkun l-attività eżerċitata, ikollha “prerogattivi eżorbitanti tad-dritt ordinarju”.

26.      Barra minn hekk, ma nistax naqbel mal-argument tar-Renju tad-Danimarka li attivitajiet għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika minħabba s-sempliċi fatt li huma kklassifikati bħala tali fl-Istat Membru kkonċernat (43). Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika” (l-istess bħal kunċetti ta’ elementi kostitwenti oħra ta’ għajnuna mill-Istat) huma kunċetti oġġettivi, li jirriżultaw direttament mit-Trattat FUE u li jiddependu minn fatti, u mhux minn għażliet jew evalwazzjonijiet suġġettivi tal-awtoritajiet nazzjonali (44). Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru jirriżerva ċerti attivitajiet għal entitajiet tal-Istat lanqas ma jfisser li dawn l-entitajiet ikunu qegħdin jingħataw prerogattivi tas-setgħa pubblika fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 50 sa 57 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet, u b’hekk ikkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li entità taġixxi fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika meta l-attività tagħha tkun marbuta mal-“funzjonijiet essenzjali tal-Istat” minħabba n-natura tagħha, minħabba l-għan tagħha u minħabba r-regoli li għalihom tkun suġġetta.

28.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-riferiment għall-“funzjonijiet essenzjali tal-Istat”, minħabba n-natura ġenerika ħafna tiegħu jitlob interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika”, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa, ir-Renju tad-Danimarka ma weriex (u lanqas ma allega) li Femern kienet ingħatat, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kompetenzi partikolari li jistgħu jikklassifikawha bħala li teżerċita funzjonijiet li, anki jekk ma jikkostitwixxux “funzjonijiet essenzjali tal-Istat”, jagħtuha, minn tal-inqas, prerogattivi eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk ta’ kull impriża pubblika jew privata oħra u li huma tipiċi tal-poteri jew tal-amministrazzjoni pubbliċi (45).

29.      Permezz tat-tieni argument tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk l-attivitajiet ta’ Femern setgħux jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika u li l-Qorti Ġenerali sempliċement iddeċidiet, minħabba s-sempliċi fatt li l-proġett jipprevedi l-ġbir ta’ tariffi mingħand l-utenti, li Femern teżerċita attività ekonomika, mingħajr ma eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet evalwazzjoni globali tal-attivitajiet ta’ Femern (46).

30.      Infakkar li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bdiet billi kkonkludiet li l-argumenti tal-awtoritajiet Daniżi dwar l-għan tal-attività eżaminata, in-natura tagħha u r-regoli li għalihom hija suġġetta ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Femern kienet qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (47). Il-Kummissjoni mbagħad straħet fuq żewġ indikaturi li kienu juru l-eżistenza ta’ “attività ekonomika”, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li r-Renju tad-Danimarka kien għażel huwa stess mudell ekonomiku bbażat fuq il-ġbir ta’ tariffi mingħand l-utenti tal-konnessjoni fissa u, min-naħa l-oħra, il-fatt li s-suq rilevanti huwa s-suq tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehman, suq li fih huwa attiv operatur ta’ laneċ (48). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eskludiet li Femern kienet irċeviet prerogattivi tas-setgħa pubblika partikolari minħabba li, l-ewwel, il-kostruzzjoni u l-operat kummerċjali ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura ma jikkostitwixxux fihom infushom manifestazzjoni tas-setgħa pubblika, it-tieni, il-fatt li Femern ma għandhiex l-għan li timmassimizza l-profitti tagħha lanqas ma kien element deċiżiv u li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Daniżi introduċew mekkaniżmu tas-suq u, it-tielet, minkejja l-intervent tal-Ministeru għat-Trasport fl-iffissar tat-tariffi marbuta mal-użu tal-konnessjoni fissa, Fermern għandha ċertu marġni ta’ manuvra fl-iffissar tal-prezzijiet tagħha (49).

31.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, ma jidhirlix li l-Kummissjoni telqet mill-premessa li l-ħlas ta’ tariffi mill-utenti huwa xhieda, waħdu, tal-loġika u tan-natura ekonomika tal-attività u li għalhekk kien impossibbli li jiġi stabbilit li l-attivitajiet ta’ Femern għandhom xorta waħda l-karatteristiċi ta’ attivitajiet ta’ awtorità pubblika (50).

32.      F’dan ir-rigward, fil-punti 77 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u warrbet l-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka dwar, l-ewwel, l-eżistenza ta’ kontroll mill-qrib eżerċitat mill-poteri pubbliċi (51), it-tieni, il-fatt li Femern kienet ġiet inkarigata teżegwixxi obbligi internazzjonali (52), it-tielet, il-fatt li l-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura tal-ferrovija u tat-triq ma humiex illiberalizzati fid-Danimarka (53), u, ir-raba’, il-fatt li Fermern kienet ġiet inkarigata teżerċita funzjonijiet bħala awtorità tat-toroq u bħala ġestjonarja tal-infrastruttura tal-ferroviji kif ukoll tħejji l-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa (54). Fil-punt 90 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tikkostitwixxi elementi li, “meħuda waħedhom jew flimkien”, setgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li l-attivitajiet kollha inkwistjoni ta’ Femern, jiġifieri l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa, huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika.

33.      Issa, għalkemm essenzjalment il-Qorti Ġenerali sempliċement warrbet l-elementi mressqa mill-awtoritajiet Daniżi “meħuda waħedhom jew flimkien” (55), mingħajr ma wettqet analiżi reali globali, din l-analiżi madankollu ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, wara li rrilevat li l-kontroll pubbliku li għalih kienet suġġetta Femern u l-obbligi pubbliċi imposti fuq din tal-aħħar ma kinux jagħtu prerogattivi tas-setgħa pubblika lil din tal-aħħar (56), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument ibbażat fuq l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn ma kienx rilevanti, fatt li ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-appell ineżami, u rrilevat, u dan lanqas ma ġie kkontestat mill-awtoritajiet Daniżi, li l-assenza ta’ liberalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji u tat-toroq fid-Danimarka ma kinitx tirrigwarda s-suq ikkonċernat mill-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa (57) u li l-prerogattivi tas-setgħa pubblika allegati mir-Renju tad-Danimarka lanqas ma kienu jikkonċernaw is-suq inkwistjoni (58).

34.      Għaldaqstant, sa fejn l-eżami tagħha fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-argumenti huwa korrett, li jidhirli li huwa l-każ, ma nara l-ebda żball fil-“metodu” tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, sa fejn, wara evalwazzjoni individwali u ddettaljata ta’ kull wieħed mill-argumenti mqajma mir-Renju tad-Danimarka, il-Qorti Ġenerali ċaħdet għal kull wieħed minnhom kull rilevanza jew valur probatorju, evalwazzjoni globali ta’ dawn l-argumenti, sa fejn din tkun possibbli, ma setgħetx twassal għal riżultat differenti minn dak li rriżulta mill-analiżi individwali tagħhom (59).

35.      Permezz tat-tielet argument tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali (60), il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura tat-toroq u tal-ferrovija Daniża ma humiex illiberalizzati u għalhekk jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika.

36.      F’dan ir-rigward, huwa evidenti li l-fatt li r-Renju tad-Danimarka ma lliberalizzax l-infrastruttura tat-toroq u tal-ferrovija nazzjonali tiegħu ma jimplikax li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika. Barra minn hekk, ikun liema jkun ir-rwol tagħha fis-swieq marbuta man-network tat-toroq u tal-ferrovija nazzjonali, Femern hija mistennija topera wkoll fis-suq internazzjonali tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, li huwa s-suq eżaminat mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (61).

37.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

38.      It-tieni aggravju, imqajjem b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fdati lil Fermern jikkostitwixxux, kompletament jew parzjalment, attivitajiet mhux ekonomiċi (62). Permezz ta’ dan l-aggravju, li huwa bbażat fuq ħames argumenti, l-awtoritajiet Daniżi, wara li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-argumenti mqajma fil-kuntest tar-rikors promotur (63), jikkritikaw l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali taż-żewġ elementi li fuqhom hija bbażata, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-proġett ta’ konnessjoni fissa huwa bbażat fuq “loġika ekonomika” (64) u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ suq miftuħ għall-kompetizzjoni (65).

39.      Kif fakkart fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika bħala “impriża” kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha, u tiddefinixxi l-“attività ekonomika” bħala kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew ta’ servizzi f’suq partikolari, indipendentement mill-kwistjoni jekk din l-attività tiġġenerax profitti. B’dan premess, il-limiti ta’ dawn il-kunċetti jibqgħu f’evoluzzjoni kostanti u jistgħu wkoll ivarjaw b’mod sinjifikattiv minn settur għal ieħor.

40.      B’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ skala kbira (66), bħalma hija l-konnessjoni fissa, tibqa’ kwistjoni kontroversjali. Filwaqt li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ infrastruttura kienu tradizzjonalment meqjusa bħala oqsma mhux koperti mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (67), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-swieq u tal-fatt li infrastruttura li, fil-passat, kienet tintuża biss fl-interess pubbliku bdiet tintuża għal raġunijiet kummerċjali, dawn l-attivitajiet kellhom ikunu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, suġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-infrastruttura tal-ajruporti, kif jirriżulta mis-sentenzi Aéroports de Paris u Leipzig-Halle (68).

41.      F’dan il-każ, meta evalwat l-eżistenza ta’ “attività ekonomika”, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq iż-żewġ indikaturi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri, minn naħa, il-provvista ta’ servizz ta’ trasport bi ħlas (fi kliem ieħor, skont l-espressjoni tal-Qorti Ġenerali, l-operat tal-konnessjoni fissa skont “loġika ekonomika”) u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ suq kompetittiv għall-istess servizzi (69).

42.      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-ewwel argument imressaq mir-Renju tad-Danimarka fis-sens li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq analiżi globali tal-elementi eżaminati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ attività ekonomika, ibbażata fuq iż-żewġ indikaturi rilevanti msemmija iktar ’il fuq  (70) u, fl-istess ħin, eskludiet li l-elementi invokati mir-Renju tad-Danimarka kif ukoll mill-partijiet intervenjenti (71) setgħu jdaħħlu inkwistjoni din l-evalwazzjoni. B’hekk, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti fl-intier tagħhom (72).

43.      Għandu għalhekk jiġi eżaminat għalhekk jekk, konformement mat-tieni sal-ħames argument imressaq mir-Renju tad-Danimarka, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi. Fil-fehma tiegħi, dan l-eżami, dwar l-essenza stess tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, jista’ jsegwi żewġ approċċi alternattivi, fejn l-ewwel wieħed jikkonsisti f’interpretazzjoni “oġġettiva” ta’ dan il-kunċett, li timxi id f’id mal-prassi reċenti tal-Kummissjoni u mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonsisti f’interpretazzjoni “pragmatika” tal-istess kunċett, li hija, fil-fehma tiegħi, iktar adegwata sabiex jitħares il-bilanċ tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

44.      L-ewwel approċċ propost jimmilita favur l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq iż-żewġ indikaturi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-“loġika ekonomika” tal-proġett u l-eżistenza ta’ suq kompetittiv.

45.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-“loġika ekonomika” tal-proġett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizzi normalment ipprovduti bi ħlas jikkostitwixxu servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”. Il-karatteristika essenzjali tal-ħlas tinsab fil-fatt li l-ħlas huwa l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni (73). F’dan il-każ, il-fatt li l-aċċess għall-infrastruttura huwa suġġett għall-ħlas ta’ tariffa jikkostitwixxi, kif stabbilixxiet il-Qorti Ġenerali, indizju importanti li l-infrastruttura kkonċernata hija s-suġġett ta’ operat ekonomiku (74). Mill-banda l-oħra, il-fatt li t-tariffi inkwistjoni huma intiżi li jiffinanzjaw il-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa kif ukoll tal-konnessjonijiet interni maż-żoni mbiegħda tal-pajjiż u li, għaldaqstant, Femern ser tkun prekluża milli timmassimizza l-profitti tagħha ma jistax, bħala prinċipju, idaħħal inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li tikkostitwixxi “attività ekonomika” kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew ta’ servizzi f’suq partikolari, indipendentement mill-kwistjoni jekk din l-attività tiġġenerax profitti (75).

46.      F’dan ir-rigward, ma jidhirx li l-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka jistgħu jdaħħlu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-argument li Femern taġixxi f’qasam ekonomiku magħluq u f’settur ta’ attività li la huwa lliberalizzat u lanqas ipprivatizzat ma jistax jintlaqa’ sa fejn, kif ippreċiżajt fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, ġustament u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Renju tad-Danimarka fl-appell tiegħu, li l-assenza ta’ liberalizzazzjoni ma kinitx marbuta mas-suq ikkonċernat mill-attività tal-operat tal-konnessjoni fissa, jiġifieri dak ta’ servizzi ta’ trasport fl-Istrett ta’ Fehmarn. It-tieni nett, l-argument ibbażat fuq l-intervent tal-Ministeru għat-Trasport fl-iffissar tat-tariffi lanqas ma jista’ jintlaqa’ għaliex il-fatt li entità tkun suġġetta għal prezzijiet irregolamentati mill-Istat ma huwiex kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-entità teżerċitax attività ekonomika (76). Fl-aħħar nett, il-karatteristiċi marbuta mal-ħlas inkwistjoni – b’mod partikolari l-fatt li t-tariffi marbuta mal-użu tal-konnessjoni fissa ser jiġi ddeterminati bl-intervent tal-Ministeru għat-Trasport – ma humiex biżżejjed sabiex jikklassifikaw dan il-ħlas bħala “imposta ta’ natura pubblika” jew, b’mod iktar partikolari, bħala “taxxa”, peress li l-ħlas ser isir favur Femern bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut minnha (77).

47.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ suq kompetittiv, ma jistax jiġi kkontestat li, bl-operat tal-konnessjoni fissa, l-attività ta’ Femern, indipendentement mill-għan ekonomiku tagħha, ser ikollha impatt fuq is-servizzi tat-trasport ipprovduti mil-laneċ fl-Istrett ta’ Fehmarn, u dan jimmilita wkoll favur il-klassifikazzjoni tal-operat tal-konnessjoni fissa bħala “attività ekonomika” (78). Għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jimmodernizzaw jew li jiżviluppaw l-infrastruttura tat-trasport tagħhom, f’dan il-każ ma huwiex eskluż li l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida bħalma hija l-konnessjoni fissa tista’ teskludi operaturi ekonomiċi, bħalma huma l-laneċ, mis-suq jekk jirriżulta li l-infrastruttura tagħhom jew il-modi ta’ trasport tagħhom ikunu inqas vantaġġużi jew effikaċi. Madankollu, il-fatt li s-servizz ta’ trasport li juża l-konnessjoni fissa jista’ jieħu post, kompletament jew parzjalment, is-servizzi tal-laneċ jikkostitwixxi, fih innifsu, indizju probatorju tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ modi ta’ trasport (79). B’mod iktar partikolari, il-kompetizzjoni ma tikkonċernax l-infrastruttura fil-veru sens tal-kelma iżda tikkonċerna s-servizzi pprovduti minn Femern fuq din l-infrastruttura (80). Huwa għalhekk evidenti li, minn perspettiva purament ekonomika, Femern, bl-operat tal-konnessjoni fissa, ser tkun qiegħda tipprovdi servizzi fis-suq tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn billi tikkompeti ma’ (jew billi tieħu post) l-operaturi privati bi skop ta’ lukru li jinsabu bħalissa f’dan is-suq.

48.      Fit-tielet lok, huwa fil-fehma tiegħu utli li nsemmi wkoll kunsiderazzjoni ta’ natura iktar ġenerali. Interpretazzjoni relattivament wiesgħa tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” tista’ tkun iġġustifikata sa fejn dan il-kunċett huwa biss kundizzjoni preliminari waħda meħtieġa għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u għandu jinżamm separat mill-elementi kostitwenti l-oħra ta’ għajnuna mill-Istat (81). Fil-fatt, it-turija tal-eżistenza ta’ “attività ekonomika” timplika biss il-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 107(1) TFUE, bil-kundizzjoni iżda li, fi tmiem din l-evalwazzjoni, ikun possibbli li l-miżuri eżaminati ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat” (82). Minn din il-perspettiva, dan l-ewwel approċċ huwa bbażat fuq fehma “oġġettiva” tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi astratti tal-attività u l-possibbiltà li din l-attività tista’ tiġi eżerċitata skont loġika ekonomika, tkun liema tkun is-sitwazzjoni konkreta tal-entità li tibbenefika mill-miżuri tal-Istat eżaminati. Barra minn hekk, tali approċċ jidher li huwa konformi ma’ interpretazzjoni “evoluttiva” tal-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u jidher li huwa konsistenti mal-prassi tal-Kummissjoni sussegwentement għas-sentenzi Aéroports de Paris u Leipzig-Halle, kif ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (83).

49.      Għaldaqstant, prima facie, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” li mxiet magħha l-Kummissjoni abbażi taż-żewġ indikaturi msemmija iktar ’il fuq.

50.      Madankollu, jiena tal-fehma li dan l-ewwel approċċ, li jidher li huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex tiġi koperta l-essenza tal-każ ineżami, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-loġika allegatament “ekonomika” tal-mudell ta’ operat tal-konnessjoni fissa implimentat mill-awtoritajiet Daniżi. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, eżami iktar fil-fond juri li dan il-mudell jidher li huwa bbażat fuq loġika ekonomika iżda fil-verità huwa bbażat fuq mekkaniżmu klassiku ta’ ppjanar pubbliku ta’ infrastruttura ta’ interess ġenerali.

51.      Preliminarjament, infakkar li l-konnessjoni fissa tikkostitwixxi infrastruttura tat-trasport ta’ skala kbira ħafna, hija ppjanata fil-kuntest ta’ trattat internazzjonali bejn żewġ Stati Membri, tagħmel parti integrali min-networks Ewropej tat-trasport u hija kofinanzjata minn fondi tal-Unjoni. Kif tosserva l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, din l-infrastruttura qatt ma kienet ser timmaterjalizza fl-assenza ta’ intervent pubbliku (84). Fil-fatt, huma biss awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jieħu responsabbiltà għat-twettiq ta’ infrastruttura ta’ trasport strateġika għal-livell nazzjonali u għal-livell trans-Ewropew.

52.      F’dan ir-rigward, l-obbligu għal Femern li tuża d-dħul mill-operat tal-konnessjoni fissa sabiex tirrimborsa s-self sottoskritt għall-ippjanar u għall-kostruzzjoni ta’ din il-konnessjoni u tal-konnessjonijiet interni juri li ma hemmx “rabta kummerċjali” diretta bejn l-ammont tat-tariffi mħallsa mill-utenti tal-imsemmija konnessjoni u s-servizzi pprovduti lilhom (85), u dan jeskludi li l-istess konnessjoni tkun is-suġġett ta’ operat kummerċjali. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li attività ma tiġġenerax neċessarjament profitti ma huwiex, bħala prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni, jew le, tagħha bħala “attività ekonomika”, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li attività titqies li hija attività “ekonomika” jekk din l-attività ma toħloqx, minn tal-inqas fuq perijodu twil, dħul li jippermetti li jiġu ġġenerati profitti jew, minn tal-inqas, dħul li jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti (86).

53.      Barra minn hekk, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi (f’dan il-każ tal-Ministeru għat-Trasport) fl-iffissar tat-tariffi, li jillimita kunsiderevolment il-marġni ta’ manuvra ta’ Femern fid-determinazzjoni tal-ammont tagħhom, aktarx isaħħaħ din l-idea.

54.      Barra minn hekk, għalkemm, konformement man-natura funzjonali li għandu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, il-klassifikazzjoni ta’ attività bħala ekonomika jew le fil-livell nazzjonali ma hijiex deċiżiva għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (87), xorta jibqa’ l-fatt li l-modalitajiet konkreti li bihom il-leġiżlatur nazzjonali jirregola attività ma humiex kompletament irrilevanti f’dan ir-rigward (88).

55.      Huwa minnu li, fir-rigward tat-tieni indikatur invokat mill-Kummissjoni sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ “attività ekonomika”, huwa evidenti li l-infrastruttura l-ġdida, ladarba titlesta, ser tippermetti lil Femern tipprovdi servizzi tat-trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, u li dan ser joħloq diffikultajiet kbar, jekk mhux ukoll ħruġ minn dan is-suq, għal-laneċ (89). Madankollu, fid-dawl tal-aspetti partikolari u karatteristiċi tal-mudell adottat, l-eżistenza ta’ impatt potenzjali fuq operaturi ekonomiċi u għalhekk ta’ ċerta forma ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiddaħħal inkwistjoni l-konklużjoni preċedenti (90).

56.      Fl-aħħar mill-aħħar, b’differenza mill-ewwel approċċ, li huwa bbażat fuq fehma “oġġettiva” tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” (91), din it-tieni interpretazzjoni hija bbażata fuq fehma ta’ dan il-kunċett tista’ tiġi ddefinita bħala “pragmatika”. Fi kliem ieħor, sabiex tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ “attività ekonomika”, jiena tal-fehma li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni (jew, pjuttost, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss) in-natura astratta jew il-karatteristiċi potenzjali tal-attività, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ukoll) il-karatteristiċi tal-entità li teżerċita din l-attività u tal-modalitajiet konkreti tal-eżerċizzju tagħha.

57.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li jintlaqa’ t-tieni aggravju u, għaldaqstant, li tiġi annullata s-sentenza appellata, mingħajr ma jkun meħtieġ, fil-kuntest tat-tieni approċċ, li jiġi eżaminat it-tielet aggravju (92).

 Fuq it-tielet aggravju

58.      It-tielet aggravju, imqajjem b’mod iktar sussidjarju (93), huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn qieset b’mod żbaljat li l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa tikkostitwixxi attività ekonomika miftuħa għall-kompetizzjoni, l-istess bħall-operat ta’ din il-konnessjoni (94).

59.      F’dan ir-rigward, nosserva li, fil-premessa 198 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, wara li kkonkludiet li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi attività ekonomika, il-Kummissjoni sempliċement żiedet tgħid li mis-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (95) kien jirriżulta li l-kostruzzjoni tal-infrastruttura operata minn Femern tikkostitwixxi wkoll attività ekonomika, mingħajr ma tat iktar spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward. B’hekk, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha esklużivament fuq applikazzjoni b’analoġija tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

60.      Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li straħet fuq l-istess ġurisprudenza, ikkonkludiet li, meta jkun hemm suq ta’ servizzi tat-trasport li fih ikunu diġà preżenti operaturi li jkollhom skop ta’ lukru, il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport maħsuba sabiex tkun is-suġġett ta’ operat ekonomiku tista’ tfixkel il-kompetizzjoni bħalma tista’ tfixkilha wkoll l-estensjoni ta’ infrastruttura diġà eżistenti (96). Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li, għalkemm Femern kienet għadha ma hijiex preżenti fis-suq rilevanti matul il-fażi tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, din l-attività ma setgħetx tinfired mill-operat ekonomiku futur tal-infrastruttura f’suq li fih jopera operatur li għandu skop ta’ lukru (97).

61.      Preliminarjament, nosserva li l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura hija, fiha nnifisha, attività ekonomika. Madankollu, f’dan il-każ, Femern ma hijiex qiegħda tibni l-konnessjoni fissa iżda taġixxi, essenzjalment, bħala intermedjarja tal-awtoritajiet Daniżi, billi tattribwixxi x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni lil impriżi f’dan is-suq permezz ta’ kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, l-attività ta’ kostruzzjoni ġestita minn Femern hija, skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, attività ekonomika sempliċement bħala attività marbuta b’mod inseparabbli mal-operat tal-konnessjoni fissa, konformement mas-sentenza Leipzig-Halle (98).

62.      F’dan ir-rigward, inqis li huwa minnu li hemm ċertu xebh bejn iċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami u dawk tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (99) kif ukoll Leipzig-Halle. B’mod partikolari, sa fejn jiġi kkonstatat, skont l-ewwel konklużjoni esposta fil-kuntest tat-tieni aggravju, li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u li l-kostruzzjoni ta’ din il-konnessjoni ta’ din il-konnessjoni ma hijiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, ikun jista’ jitqies, fid-dawl tan-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat kif ukoll tal-fatt li l-konnessjoni fissa hija maħsuba esklużivament għall-attività (ekonomika) ta’ operat permezz tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport minn Femern, li l-kostruzzjoni ta’ din il-konnessjoni tikkostitwixxi wkoll attività ekonomika (100).

63.      Madankollu, dawn l-analoġiji ma jistgħux jikkumpensaw differenza fundamentali bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Fil-fatt, ir-runway il-ġdida tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle kienet maħsuba sabiex tiġi operata mill-operatur privat DHL għal minn tal-inqas 90 % tat-trasport tal-ajru tiegħu, kif kien jipprevedi ftehim konkluż bejn din il-kumpannija u l-operaturi tal-ajruport (101). B’hekk, l-użu kummerċjali ta’ din l-infrastruttura kien kompletament evidenti u din is-sitwazzjoni kienet tinkwadra mal-prassi tal-Kummissjoni dwar l-“infrastruttura ddedikata” (102). Issa, il-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa ssegwi loġika differenti sa fejn tagħmel parti mill-iżvilupp tan-networks nazzjonali u trans-Ewropej tat-trasport u, bħala prinċipju, ma hijiex intiża għal attività ekonomika partikolari.

64.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-Kummissjoni użat parametru ħażin sabiex tevalwa l-attività ta’ kostruzzjoni fdata lil Femern bħala li hija “attività ekonomika” (103).

65.      B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li jintlaqa’ t-tielet aggravju u, għaldaqstant, li tiġi annullata s-sentenza appellata.

 Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

66.      Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża definittivament hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

67.      F’dan ir-rigward, inqis li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors promotur, ibbażata fuq il-konstatazzjoni allegatament żbaljata li Femern hija operatur li ssegwi loġika kummerċjali, kif ukoll dwar it-tieni parti tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, ibbażata fuq l-argument li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma inseparabbli.

68.      B’mod iktar partikolari, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-interpretazzjoni proposta fil-punti 49 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikun hemm lok li tintlaqa’ t-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors promotur u li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Fl-ipoteżi alternattiva, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tiċħad it-tieni aggravju, iżda li tilqa’ t-tielet aggravju, ikun hemm lok li tintlaqa’ t-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors promotur u, għaldaqstant, li jiġi annullat ukoll l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni (104).

I.      Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1683 final tal-20 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2020, L 339, p. 1.


3      Din hija, b’mod iktar konkret, mina ta’ madwar 19-il km taħt il-Baħar Baltiku bejn Rødby fuq il-gżira ta’ Lolland (id-Danimarka) u Puttgarden (il-Ġermanja), li ser tinkludi kemm linja tal-ferrovija bl-elettriku kif ukoll awtostrada.


4      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2009 fil-Każ N 157/2009 – Finanzjament tal-fażi ta’ ppjanar tal-konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn (ĠU 2009, C 202, p. 2), il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li l-miżuri marbuta mal-finanzjament tal-ippjanar tal-proġett setgħu ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, sa fejn Femern kienet aġixxiet bħala awtorità pubblika, u, min-naħa l-oħra, li anki jekk setgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-operatur futur tal-konnessjoni fissa, dawn il-miżuri kienu ser ikunu, fi kwalunkwe każ, kompatibbli mas-suq intern. Hija għalhekk iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


5      Jiġifieri l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn u l-Lov no 575 om anlæg og drift af en fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark (il-Liġi Nru 575 dwar il-Kostruzzjoni u l-Operat tal-Konnessjoni Fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet mal-Partijiet Interni tat-Territorju Daniż), tal‑4 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2015 dwar il-Kostruzzjoni”).


6      Ix-xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa għandhom jitwettqu minn Femern fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni suġġetti għall-proċeduri dwar il-kuntratti pubbliċi.


7      Femern Landanlæg hija sussidjarja ta’ Sund & Bælt Holding A/S, kumpannija miżmuma mill-Istat Daniż. Femern saret is-sussidjarja ta’ Femern Landanlæg wara l-ħolqien ta’ din tal-aħħar.


8      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5023 final tat‑23 ta’ Lulju 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 (2014/N) (id-Danimarka), li tirrigwarda l-finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn (ĠU 2015, C 325, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, qieset li l-miżuri mogħtija lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa, anki fil-każ li dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienu kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.


9      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, EU:T:2018:942), kif ukoll Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, EU:T:2018:944). Permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni sa fejn il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri mogħtija mir-Renju tad-Danimarka lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa.


10      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801).


11      Din id-deċiżjoni, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑5 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, C 226, p. 5), ġiet adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li kienet infetħet permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019 mibgħuta lill-awtoritajiet Daniżi.


12      Ara l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li miżuri oħra li kienu s-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni (jiġifieri, id-deprezzament tal-assi, it-trasferiment tat-telf fiskali, is-sistema ta’ tassazzjoni komuni, it-tariffi tal-ferrovija, l-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat u l-garanziji tal-Istat relatati mad-derivattivi) ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur Femern.


13      L-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien maqsum f’erba’ partijiet ibbażati fuq l-argumenti li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat b’mod żbaljat li: i) l-attivitajiet ta’ Femern ma kinux marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika; ii) Femern kienet toffri servizzi ta’ trasport f’suq fejn kienet tikkompeti ma’ operaturi oħra; iii) Femern kienet operatur ekonomiku li japplika loġika kummerċjali, u iv) il-finanzjament ta’ Femern kien joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u kien jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.


14      Permezz tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ir-Renju tad-Danimarka argumenta, essenzjalment, li l-attivitajiet ta’ Femern ma setgħux jitqiesu bħala attivitajiet li kellhom natura ekonomika qabel ma tibda tintuża l-konnessjoni fissa. Il-Qorti Ġenerali bdiet billi eżaminat l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv u t-tieni motiv, dwar il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Femern bħala attivitajiet ta’ natura ekonomika, u mbagħad indirizzat ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, dwar il-kundizzjonijiet marbuta mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE.


15      Skont il-Qorti Ġenerali, entità taġixxi bħala awtorità pubblika jew fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika meta l-attività tagħha tkun marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat minħabba n-natura tagħha, minħabba l-għan tagħha u minħabba r-regoli li għalihom tkun suġġetta.


16      Il-Qorti Ġenerali, bħalma għamlet il-Kummissjoni, ibbażat ruħha fuq żewġ elementi f’dan ir-rigward, jiġifieri, il-fatt li l-aċċess għall-konnessjoni fissa ser ikun suġġett għall-ħlas ta’ tariffi u li Femern ser toffri servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn f’kompetizzjoni ma’ operatur li għandu skop ta’ lukru.


17      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, C‑288/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Leipzig-Halle, EU:C:2012:821.


18      Dawn l-aggravji huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika” u fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni globali mill-Qorti Ġenerali tal-attivitajiet fdati mill-Istat Daniż lil Femern; it-tieni wieħed, imqajjem sussidjarjament, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet l-evalwazzjoni globali meħtieġa tal-kwistjoni jekk l-attivitajiet ta’ Femern kinux jikkostitwixxu, kompletament jew parzjalment, attivitajiet mhux ekonomiċi; it-tielet wieħed, imqajjem iktar sussidjarjament, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li Femern eżerċitat attività ekonomika miftuħa għall-kompetizzjoni sa mill-fażi ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa.


19      Fil-fatt, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża huwa fformulat kif ġej: “[i]l-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’taħlita ta’ self mill-Istat u garanziji tal-gvern favur [Femern], li d-Danimarka daħħlet fis-seħħ tal-anqas parzjalment b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE]. Wara l-modifika ta’ dawk il-miżuri kif stabbilita fin-notifika riveduta, huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) [TFUE]”. Ir-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat mir-Renju tad-Danimarka kien intiż sabiex “jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni [kontenzjuża] sa fejn jistabbilixxi li l-miżuri [...] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE]”. Fil-fehma tiegħi, kien evidenti li jekk ir-Renju tad-Danimarka jirnexxielu juri li, għall-kuntrarju tal-konklużjoni tal-Kummissjoni magħmula fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, il-miżuri kontenzjużi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, id-Deċiżjoni kontenzjuża jkollha tiġi annullata fl-intier tagħha, peress li d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern li tinsab fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunx għad għandha bażi.


20      B’mod partikolari, il-miżuri ta’ finanzjament intiżi sabiex jippromwovu t-twettiq ta’ IPCEI huma s-suġġett tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU 2021, C 528, p. 10).


21      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat tapplika biss meta l-benefiċjarju ta’ miżura jkun “impriża”.


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Compass-Datenbank”, EU:C:2012:449, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, l-Istat stess jew entità tal-Istat jistgħu jaġixxu bħala impriża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Compass-Datenbank, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod ġenerali, kif diġà rrileva l-Avukat Ġenerali Cosmas fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Diego Calì & Figli (C‑343/95, EU:C:1996:482, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti b’mod kostanti interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ impriża. Lanqas l-għoti, mill-Istat, ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi lil entità partikolari ma jaffettwa l-kwalità ta’ “impriża” ta’ din l-entità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C 343/95, EU:C:1997:160, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza Compass-Datenbank, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 88); tas‑16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurance et (C‑244/94, EU:C:1995:392, punt 21); kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Pereżempju, il-fatt li l-offerta ta’ oġġetti jew ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn l-operazzjonijiet fis-suq jkollha tiġi kkunsidrata bħala impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li jkollhom skop ta’ lukru (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46).


25      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża FENIN vs Il‑Kummissjoni (C‑205/03 P, EU:C:2005:666, punt 26), “meta tipprova tiddetermina jekk attività assunta mill-Istat jew minn entità tal-Istat hijiex attività ta’ natura ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tindirizza qasam perikoluż peress li jkollha ssib bilanċ bejn in-neċessità li tiġi protetta kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni u l-osservanza tal-kompetenzi tal-Istati Membri”.


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et (C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


27      Għalkemm, fl-ewwel sentenzi tagħha f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher sempliċement li tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ekonomiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 118/85, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja”, EU:C:1987:283, punt 7, u tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli C‑343/95, EU:C:1997:160, punt 16), issa hija ġurisprudenza stabbilita li l-isfera tal-attivitajiet li ma humiex ta’ natura ekonomika ma hijiex limitata għall-attivitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika, iżda tinkludi wkoll attivitajiet oħra mhux ekonomiċi, bħalma huma l-attivitajiet li jiġu eżerċitati fil-kuntest tas-solidarjetà u li ma jikkonsistux fl-offerta bi ħlas ta’ oġġetti jew ta’ servizzi fis-suq (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u Ir‑Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punti 30 sa 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


28      Dan l-aggravju jikkorrispondi għall-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv fl-ewwel istanza (ittrattat fil-punti 44 sa 65 tas-sentenza appellata), ibbażat fuq allegata interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “attività li taqa’ taħt l-awtorità pubblika jew li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika”, u għall-ewwel ilment sekondarju tat-tielet ilment ta’ dan il-motiv (ittrattat fil-punti 75 sa 91 ta’ din is-sentenza), ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li, bħala tali, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.


29      Ara l-punti 50 sa 57 tas-sentenza appellata.


30      Ir-Renju tad-Danimarka jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (punt 7).


31      Ara l-punt 57 tas-sentenza appellata. Fil-premessa 194 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eskludiet li Femern kienet irċeviet prerogattivi tas-setgħa pubblika partikolari għar-raġuni li, essenzjalment, il-kostruzzjoni u l-operat kummerċjali ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura ma jikkostitwixxux fihom infushom manifestazzjoni tas-setgħa pubblika, u għar-raġuni li l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa huma rregolati minn loġika ekonomika, peress li huma ffinanzjati fil-parti l-kbira mit-tariffi għall-użu. Hija kkonstatat ukoll li l-attivitajiet ta’ Femern kienu differenti ħafna minn dawk li fil-passat tqiesu li jaqgħu taħt it-twettiq ta’ missjonijiet ta’ servizz pubbliku.


32      Ara l-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eskludiet li l-kelma “prerogattivi” tkopri b’mod iktar ġenerali l-missjonijiet ta’ servizz pubbliku jew ta’ awtorità pubblika, konformement ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Compass-Datenbank (punt 40), li minnha jirriżulta li l-attività inkwistjoni f’dik il-kawża kienet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika għar-raġuni li l-ġbir ta’ data kien ibbażat fuq obbligu legali impost fuq impriżi, li l-osservanza tiegħu setgħet tiġi żgurata bl-użu ta’ setgħat ta’ infurzar.


33      Ara l-punti 58 sa 63 tas-sentenza appellata.


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30), u tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et (C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, sa fejn entità pubblika teżerċita attività ekonomika li tista’ tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tas-setgħa pubblika tagħha, din l-entità, għal dak li jirrigwarda din l-attività, taġixxi bħala impriża, filwaqt li, jekk l-imsemmija attività ekonomika ma tkunx tista’ tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tas-setgħa pubblika tagħha, l-attivitajiet kollha eżerċitati mill-imsemmija entità jibqgħu attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi (ara s-sentenza Compass-Datenbank, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Fil-punt 17 tal-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1)[TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”), il-Kummissjoni tassimila ż-żewġ kunċetti billi tagħmel riferiment, l-ewwel, għall-“entitajiet pubbliċi [li] jaġixxu ‘fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi’”, u mbagħad għall-“attivitajiet li intrinsikament jiffurmaw parti mill-prerogattivi ta’ awtorità uffiċjali [prerogattivi tas-setgħa pubblika] u jitwettqu mill-Istat”. Skont l-Avukat Ġenerali Mayras fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Reyners (2/74, EU:C:1974:59, p. 665), il-kunċett ta’ “awtorità pubblika” “jirriżulta mis-sovranità, mill-imperium tal-Istat” u “jimplika, għal min jeżerċita din l-awtorità, il-possibbiltà li juża prerogattivi eżorbitanti tad-dritt ordinarju, privileġġi tas-setgħa pubblika, poteri ta’ koerċizzjoni li għalihom ikunu suġġetti ċ-ċittadini”. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:14, punti 22 u 23), kif ukoll dawk tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Diego Calì & Figli (C‑343/95, EU:C:1996:482, punt 37 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 24).


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, EU:C:1994:7, punti 29 u 30), kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 76), fir-rigward tal-kontroll u tas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru; is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C‑343/95, EU:C:1997:160, punt 23), fir-rigward tas-sorveljanza kontra t-tniġġis, kif ukoll is-sentenzi Compass-Datenbank (punt 40), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Aanbestedingskalender et vs Il‑Kummissjoni (C‑687/17 P, EU:C:2019:932, punt 45), fir-rigward tal-ġestjoni ta’ database u ta’ pjattaforma ta’ għoti elettroniku ta’ kuntratti pubbliċi li l-użu tagħhom ikun ibbażat fuq obbligu legali. Barra minn hekk, fil-każ ta’ attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ akkreditazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni skont jekk l-attività tkunx ipprovduta bħala korrispettiv għal ħlas u esklużivament abbażi tad-domanda tas-suq (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew skont jekk l-organi inkwistjoni jeżerċitawx setgħa deċiżjonali kif ukoll setgħa ta’ kontroll u ta’ sanzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Analisi G. Caracciolo, C‑142/20, EU:C:2021:368 punt 58).


37      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 58); tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 46); tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 44), kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 63).


38      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002 (C‑82/01 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aéroports de Paris”, EU:C:2002:617, punti 76 sa 78).


39      Il-Kummissjoni, kif tispjega fil-punt 209 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, kienet tqis li, minħabba l-inċertezza li kienet teżisti qabel ingħatat is-sentenza Aéroports de Paris, l-awtoritajiet pubbliċi setgħu leġittimament jikkunsidraw li kull finanzjament pubbliku ta’ infrastruttura mogħti qabel din is-sentenza ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li għalhekk ma kienx meħtieġ li tali miżura tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.


40      Ara s-sentenza Leipzig-Halle (punti 40 sa 42). Il-Qorti Ġenerali applikat dawn il-prinċipji billi kkunsidrat b’mod kostanti li l-operat kummerċjali u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tal-portijiet jew tal-ajruporti għall-finijiet ta’ tali operat kummerċjali jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Le Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni, T‑674/17, EU:T:2019:651, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


41      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li – bħala regola ġenerali u sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx iddeċieda li jintroduċi mekkaniżmi tas-suq – l-attivitajiet li ġejjin jagħmlu parti mill-prerogattivi tas-setgħa pubblika: l-armata jew il-pulizija, is-sigurtà u l-kontroll tan-navigazzjoni bl-ajru, il-kontroll u s-sigurtà tat-traffiku marittimu, is-sorveljanza kontra t-tniġġis, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-infurzar ta’ pieni ta’ priġunerija, l-iżvilupp u r-rivitalizzazzjoni ta’ art pubblika minn awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll il-ġbir ta’ data li għandha tintuża għal skopijiet pubbliċi fuq il-bażi ta’ obbligu statutorju impost fuq l-impriżi kkonċernati sabiex jikkomunikaw din id-data. Dawn l-eżempji jikkostitwixxu, manifestament, lista mhux eżawrjenti ispirata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-prassi tal-Kummissjoni.


42      Ara, rispettivament, il-premessi 190 u 191 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-punt 57 tas-sentenza appellata.


43      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għoti, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ setgħat li, skont id-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxu prerogattivi tas-setgħa pubblika u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ dawn is-setgħat bħala prerogattivi tas-setgħa pubblika.


44      Fil-fatt, jekk jitqies li attivitajiet għandhom jitqiesu li huma attivitajiet li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika għas-sempliċi raġuni li, fl-Istat Membru kkonċernat, dawn l-attivitajiet tipikament jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, dan iċaħħad lill-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” min-natura oġġettiva tagħha u jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li “jagħżlu” l-attivitajiet li jixtiequ jqisu bħala li jikkostitwixxu jew le l-eżerċizzju ta’ tali prerogattivi. Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (punt 7), invokata mir-Renju tad-Danimarka, ma ssostnix l-argument ta’ dan tal-aħħar iżda sempliċement tippreċiża li l-Istat jista’ jaġixxi kemm billi jeżerċita l-awtorità pubblika, kif ukoll billi jeżerċita attivitajiet ta’ natura industrijali jew kummerċjali li jikkonsistu fl-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi fis-suq u li, “sabiex tkun tista’ ssir tali distinzjoni huwa [...] neċessarju, f’kull każ, li jiġu eżaminati l-attivitajiet eżerċitati mill-Istat u li jiġi ddeterminat għal liema kategorija jappartjenu dawn l-attivitajiet” (enfasi miżjuda minni). Għaldaqstant, minn din is-silta ma jirriżultax li Stat jista’ jaġixxi billi jeżerċita l-awtorità pubblika “għal kull attività konkreta”.


45      Barra minn hekk, fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Renju tad-Danimarka, li l-prerogattivi tas-setgħa pubblika allegati minn dan tal-aħħar (jiġifieri, funzjonijiet iddelegati lil Femern bħala awtorità tat-toroq u ġestjonarja tal-infrastruttura tal-ferrovija kif ukoll il-fatt li din tal-aħħar kellha tħejji l-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa) ma kinux jikkonċernaw l-attivitajiet relatati mal-kostruzzjoni u mal-operat tal-konnessjoni fissa.


46      Ara l-punti 78 sa 90 tas-sentenza appellata. Skont ir-Renju tad-Danimarka, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, illimitat ruħha li tivvalida l-lista eżawrjenti tal-attivitajiet li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, imwettqa mill-Kummissjoni abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, fuq il-mudell tal-Kummissjoni, eżaminat individwalment kull wieħed mill-elementi mqajma mill-awtoritajiet Daniżi sabiex tikkonstata li ebda wieħed minnhom ma kien biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi konkluż li kienet involuta awtorità pubblika.


47      Ara l-premessa 191 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Kif miġbur fil-qosor fil-premessa 190 ta’ din id-deċiżjoni, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Daniżi sostnew, qabelxejn, li l-għanijiet tal-konnessjoni fissa kienu jmorru ferm lil hinn mis-sempliċi eżerċizzju ta’ poter pubbliku peress li l-konnessjoni fissa kienet ser toħloq il-kundizzjonijiet li setgħu jwasslu għal kooperazzjoni kulturali u ekonomika iktar b’saħħitha għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea, taż-żewġ Stati kkonċernati u tar-reġjuni li jmissu mal-Istrett ta’ Fehmarn; huma indikaw, sussegwentement, li n-natura tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa hija marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, peress li tinvolvi l-implimentazzjoni, mir-Renju tad-Danimarka, ta’ ftehim intergovernattiv u ta’ deċiżjoni pubblika maġġuri ta’ ppjanar meħuda mill-Istat Daniż (b’tali mod li n-natura ta’ dawn l-attivitajiet hija paragunabbli ma’ dawk tal-awtoritajiet ta’ trasport internazzjonali u nazzjonali, bħalma huma Eurocontrol jew l-awtoritajiet tat-toroq u tal-ferroviji Daniżi), u, fl-aħħar nett, li Femern hija suġġetta għal regoli speċifiċi, bħalma huma n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ standard ta’ massimizzazzjoni tal-profitti, li jipprekludi r-riskju li l-finanzjament tagħha jintuża sabiex jiġu ssussidjati attivitajiet mhux relatati mal-attivitajiet speċifiċi li għalihom kienet inħolqot Femern.


48      Ara, rispettivament, il-premessi 192 u 193 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.


49      Ara l-premessi 194 sa 197 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.


50      Barra minn hekk, qabel ma analizzat l-elementi li fuqhom ibbażat imbagħad il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ attività ekonomika, il-Kummissjoni effettivament eżaminat (u ċaħdet) l-argumenti kollha mressqa mill-awtoritajiet Daniżi dwar l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


51      Fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-fatt li Femern hija suġġetta għal kontroll strett mill-poteri pubbliċi u li hija għandha tosserva r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti jew l-awditu tal-kontijiet ma setax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-attivitajiet tagħha kienu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika; hija rrilevat ukoll li, barra minn hekk, dan il-fatt ma kienx jippermetti, waħdu, li Femern titqies li kienet amministrazzjoni pubblika.


52      Fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Renju tad-Danimarka ma invoka ebda dispożizzjoni speċifika tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn li setgħet tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li dan it-Trattat jattribwixxi lil Femern attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika.


53      Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-assenza ta’ liberalizzazzjoni ta’ settur ta’ attività ma tikkostitwixxix indizju li jippermetti li jiġi konkluż li, bħala prinċipju, attività hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika.


54      Fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-fatt li entità jkollha, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, prerogattivi tas-setgħa pubblika ma kienx jipprekludi, waħdu, il-klassifikazzjoni bħala “impriża”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni, fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi l-oħra tagħha.


55      Ara l-punt 90 tas-sentenza appellata.


56      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Jekk jitqies li, kif isostni r-Renju tad-Danimarka, il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika” jiddependi, tal-inqas sa ċertu punt, miċ-ċirkustanzi eżistenti f’kull Stat Membru, ikollu jiġi ammess li dan l-Istat Membru jibbaża l-argument tiegħu biss fuq il-fatt li l-kuntratti tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-infrastruttura tat-toroq u tal-ferrovija Daniża ma humiex illiberalizzati, filwaqt li l-Qorti Ġenerali, meta kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ikkonstatat li l-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi sabiex jiġi żgurat il-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn li huwa, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-imsemmi Stat Membru, suq illiberalizzat li fih joperaw ukoll operaturi ta’ laneċ (ara, b’mod partikolari, il-punti 113 u 200 tas-sentenza appellata).


58      Ara, f’dan is-sens, il-punt 87 tas-sentenza appellata.


59      Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jikkritika biss lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli twettaq analiżi (b’mod espliċitu) globali, mingħajr ma juri kif din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet kull wieħed minn dawn l-argument u mingħajr ma jispjega kif analiżi globali setgħet twassal għal konklużjoni differenti. Barra minn hekk, il-fatt li, fil-premessa 194 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni telenka, bħala eżempju, l-attivitajiet ir-rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-prassi tagħha bħala attivitajiet li jaqgħu fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ma jimplikax li l-Kummissjoni kkonstatat, u lanqas li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma kinux jaqgħu fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika għaliex ma kinux jinsabu f’din il-lista.


60      Ara l-punt 86 tas-sentenza appellata.


61      Ara l-punt 33 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’mod iktar ġenerali, fil-fehma tiegħi, ir-Renju tad-Danimarka jidher li qed iħawwad il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika” ma’ dak, iktar wiesa’, ta’ “attività (mhux) ekonomika” kif ukoll ma’ dak, iktar differenti, ta’ “attività (mhux) illiberalizzata”. Dawn l-aħħar żewġ kunċetti huma, mill-banda l-oħra, rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni u tat-tielet aggravju.


62      It-tieni aggravju jikkorrispondi għat-tielet parti tal-ewwel motiv imressaq fl-ewwel istanza (indirizzata fil-punti 141 sa 164 tas-sentenza appellata), ibbażata fuq il-konstatazzjoni allegatament żbaljata li Femern hija operatur li jsegwi loġika kummerċjali. Għalkemm dan l-aggravju jirrigwarda kemm l-attività ta’ kostruzzjoni u kemm l-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa, ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq l-attività tal-operat biss sa fejn l-attività ta’ kostruzzjoni hija indirizzata biss bħala attività anċillari għall-attività tal-operat, li ser tiġi indirizzata b’mod iktar speċifiku u iktar fil-fond fil-kuntest tat-tielet aggravju.


63      Dan huwa l-ewwel argument imressaq mir-Renju tad-Danimarka fil-kuntest ta’ dan l-aggravju.


64      Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, qieset b’mod żbaljat li l-proġett ta’ konnessjoni fissa huwa bbażat fuq loġika kummerċjali, u għalhekk tagħti importanza determinanti lit-tariffi mħallsa mill-utenti tal-infrastruttura (it-tieni argument imressaq fil-kuntest ta’ dan l-aggravju), li ma jikkostitwixxux il-korrispettiv tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, iżda kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Istat (il-ħames argument), u tinjora b’mod żbaljat ir-rilevanza tal-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta Femern fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha, u b’mod partikolari r-rilevanza tal-fatt li hija taġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Ministru għat-Trasport (ir-raba’ argument).


65      L-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li jeżisti suq, filwaqt li l-konnessjoni fissa ma hijiex f’kompetizzjoni mal-laneċ iżda tikkostitwixxi l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-toroq u tal-ferroviji Ġermaniża u Daniża fl-Istrett ta’ Fehmarn (it-tielet argument imressaq fil-kuntest ta’ dan l-aggravju).


66      Peress li l-kunċett ta’ “infrastruttura” huwa wiesa’ ħafna, għandu jiġi ppreċiżat li din il-kawża tikkonċerna infrastruttura fiżika tat-trasport, b’mod partikolari l-infrastruttura tat-toroq u tal-ferroviji (ara, b’mod partikolari ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679)). Ara, fir-rigward tal-etimoloġija ta’ dan il-kunċett, Ruechardt, C., EU State Aid Control of Infrastructure Funding, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2018, p. 19 sa 30.


67      Kif barra minn hekk irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fil-punt 201 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”.


68      Skont il-Kummissjoni, il-prinċipji li joħorġu minn dawn is-sentenzi japplikaw għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura oħra li tkun marbuta b’mod inseparabbli ma’ attività ekonomika (ara l-punt 202 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”).


69      Ara l-premessi 192 u 193 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Essenzjalment, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonkludiet li Femern kienet ser teżerċita attività ekonomika għaliex kienet ser tipprovdi servizzi ta’ trasport bi ħlas fis-suq tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn (ara l-punti 145 sa 153 ta’ din is-sentenza) u, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li Femern ma għandhiex l-għan li timmassimizza l-profitti tagħha u taġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Ministeru għat-Trasport, inkluż għall-finijiet tal-iffissar tat-tariffi marbuta mal-użu tal-konnessjoni fissa (ara l-punti 154 sa 162 tal-imsemmija sentenza).


70      Jiġifieri l-loġika ekonomika li fuqha huwa bbażat il-proġett ta’ konnessjoni fissa kif ukoll l-eżistenza ta’ suq u ta’ kompetituri għall-istess servizzi bħal dawk offruti minn Femern.


71      Jiġifieri l-assenza ta’ massimizzazzjoni tal-profitti u l-intervent tal-Ministeru għat-Trasport.


72      Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka sempliċement jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma wettqitx analiżi globali, mingħajr madankollu ma jispjega kif din l-analiżi setgħet titwettaq u kif setgħet twassal għal konklużjoni differenti.


73      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-banda l-oħra, il-fatt li l-offerta ta’ oġġetti jew ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma jistax jipprekludi li l-entità li twettaq dawn l-operazzjonijiet fis-suq ikollha titqies bħala “impriża” f’sitwazzjoni fejn din l-offerta tkun qiegħda tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li jkollhom skop ta’ lukru (ara wkoll il-punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


74      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 45 sa 50).


75      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki s-servizzi li Stat Membru jimponi fuq impriża bħala obbligi ta’ servizz pubbliku jkollhom natura ekonomika, u dan anki meta jiġu offruti lid-destinatarji bi prezz inqas mill-valur tagħhom fis-suq jew bla ħlas (ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawża Staten genom Sjöfartsverket, C‑401/24, EU:C:2025:415, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istatus pubbliku jew privat tal-entità kkonċernata huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’tali mod li l-Istat stess jew entità tal-Istat jistgħu jaġixxu bħala impriża.


77      Fil-punt 169 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-fatt li t-tariffi applikabbli għat-traffiku bit-triq ser jiġu ddeterminati permezz ta’ estrapolazzjoni tal-prezzijiet tal-laneċ applikati matul is-sena 2007. Barra minn hekk, is-sentenza Compass-Datenbank, invokata mir-Renju tad-Danimarka, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward għaliex kienet tikkonċerna servizz ipprovdut minn entità pubblika li kien marbut mal-eżerċizzju minn din tal-aħħar ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika (ara, b’mod partikolari, l-punt 39 ta’ din is-sentenza), li r-Renju tad-Danimarka ma rnexxielux juri fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu.


78      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li anki fondazzjoni bankarja, li taġixxi hija stess fl-oqsma ta’ interess pubbliku u ta’ utilità soċjali, għandha titqies li teżerċita attività ekonomika, minkejja l-fatt li toffri oġġetti jew servizzi mingħajr skop ta’ lukru, kemm-il darba din l-offerta tkun tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi li jkollhom tali skop (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 122 u 123). Barra minn hekk, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, EU:T:2018:942) kif ukoll Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, EU:T:2018:944), ikkonfermati bis-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801) kif ukoll Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801), la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma qajmu l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mill-impriżi rikorrenti, li kienu l-operaturi ta’ laneċ u kompetituri ta’ Femern u li kienu kkontestaw id-deċiżjonijiet kontenzjużi li taw lok għal dawn is-sentenzi.


79      F’tali ipoteżi, l-introduzzjoni ta’ metodu ta’ trasport iktar effikaċi tista’ twassal eventwalment, kif enfasizzat il-Kummissjoni matul is-seduta, għas-sostituzzjoni ta’ monopolju b’ieħor, permezz ta’ loġika kompetittiva.


80      Fil-fatt, il-kompetizzjoni ma hijiex ser isseħħ fuq l-infrastruttura inkwistjoni, u lanqas bejn infrastruttura analoga kompetittiva, iżda bejn servizzi pprovduti permezz tal-operat ta’ din l-infrastruttura (jiġifieri l-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn bit-triq jew bil-ferrovija permezz tal-konnessjoni fissa) u s-servizzi li jistgħu jkunu sostituti pprovduti skont mudell ta’ impriża differenti (jiġifieri l-qsim ta’ dan l-istrett permezz ta’ laneċ).


81      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-lista tal-elementi kostitwenti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tvarja hija stess skont jekk, skont iċ-ċirkustanzi, uħud minn dawn l-elementi kostitwenti jkunux is-suġġett ta’ evalwazzjoni konġunta. Skont l-iktar lista ddettaljata, jistgħu jiġu identifikati l-elementi segwenti: l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat u l-użu ta’ riżorsi tal-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), in-natura selettiva tal-miżura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll l-ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE, C‑558/22, EU:C:2024:209, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


82      Pereżempju, jista’ jkun li l-miżuri eżaminati ma kinux jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarju jew ma kinux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawn l-aspetti, li xi drabi jitqajmu mill-partijiet, ma jikkonċernawx l-evalwazzjoni preliminari tan-natura ekonomika tal-attività inkwistjoni iżda jikkonċernaw l-evalwazzjoni konkreta tal-elementi kostitwenti ta’ għajnuna mill-Istat.


83      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Le Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (T‑674/17, EU:T:2019:651, punti 61 sa 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar, bħala eżempju, li l-Kummissjoni ddeċidiet li l-finanzjament ta’ infrastruttura simili ħafna għall-konnessjoni fissa inkwistjoni, bħalma hija l-kostruzzjoni tal-konnessjoni bil-ferrovija fil-mina taħt il-Kanal Ingliż (ĠU 2002, C 130, p. 5), kif ukoll il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa tal-Øresund (ĠU 2014, C 418, p. 8), kienu jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proġett ta’ konnessjoni fissa tal-Øresund, wara eżami fuq diversi stadji, ikkonfermat permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563), il-Kummissjoni reċentement ikkonkludiet li wħud mill-miżuri mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa tal-Øresund jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u suġġetti għall-irkupru min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024)959 final tat‑13 ta’ Frar 2024 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.52162 u SA.52617, implimentati mid-Danimarka u mill-Isvezja favur Øresundsbro Konsortiet). Barra minn hekk, fil-kawża li għandna quddiemna, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni inizjali li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (fejn iddikjarat, b’mod partikolari, li l-għajnuna favur Femern għall-finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa kienet kompatibbli mas-suq intern), li ġiet annullata permezz tas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, EU:T:2018:942) kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, EU:T:2018:944). Għalkemm il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna ma ġietx deċiża espliċitament, xorta jibqa’ l-fatt li, matul dan il-proċess ikkumplikat, kemm amministrattiv u kemm ġudizzjarju (li għadu ma ntemmx), essenzjalment tqies li hemm għajnuna mill-Istat. Pereżempju, fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801), ġew eżaminati wkoll il-miżuri għall-finanzjament tal-infrastruttura interna, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, għalkemm dan l-eżami ma sarx minn perspettiva tal-assenza ta’ “attività ekonomika” iżda minn dik tal-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.


84      Fil-premessi 306 sa 308 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq bilanċ bejn l-ispejjeż u l-vantaġġi li twettaq fis-sena 2000 u fuq investigazzjoni dwar l-interess kummerċjali tal-proġett li kienet tmur lura għas-sena 2001, li kienu twettqu mill-awtoritajiet Daniżi, osservat li, minkejja l-interess kunsiderevoli mqajjem mill-investigazzjoni, ebda investitur privat razzjonali ma kien lest jinvolvi ruħu fil-finanzjament ta’ tali proġett f’kundizzjonijiet normali tas-suq.


85      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u Ir‑Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa (C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 59).


86      Pereżempju, skont id-duttrina, attività li, anki jekk jirnexxielha tkopri l-ispejjeż kollha tagħha, ma twassalx għall-ħlas ta’ dividendi lill-azzjonisti u ma tipprovdix rendiment lill-investituri ma hijiex attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, Nicolaides, P., “Not Even the Church Is Absolved from State Aid Rules: The Essence of Economic Activity”, European State Aid Law Quarterly, Vol. 16, 2017, Nru 4, p. 527 sa 536, b’mod partikolari p. 534 sa 536). Barra minn hekk, l-assenza, f’dan il-każ, ta’ kull interess min-naħa ta’ investituri privati jista’ jkun indizju li juri l-ħtieġa ta’ investiment pubbliku fl-attività inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Wilson, T., “Infrastructure Financing and State Aid Post Leipzig-Halle”, European State Aid Law Quarterly, Vol. 13, 2014, Nru 1, p. 24 sa 27, b’mod partikolari p. 26).


87      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja.


88      B’mod partikolari, hemm attivitajiet li jaqgħu f’oqsma speċifiċi, bħalma huma l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa jew is-sigurtà soċjali, li l-kwalità “ekonomika” tagħhom tiddependi essenzjalment mill-mod kif dawn l-oqsma huma organizzati fl-Istat Membru kkonċernat. Bħala prinċipju, dawn l-attivitajiet ma jkunux ta’ natura ekonomika meta jkunu jagħmlu parti minn sistema pubblika ta’ natura universali, ikkontrollata mill-Istat, ibbażata fuq loġika mhux kummerċjali iżda soċjali u ta’ solidarjetà, li permezz tagħha l-Istat iwettaq il-missjoni tiegħu fl-imsemmija oqsma (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u Ir‑Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punti 58 sa 65, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawża Staten genom Sjöfartsverket, C‑401/24, EU:C:2025:415, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).


89      Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


90      Pereżempju, fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-introduzzjoni, fi skema li timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà, ta’ element ta’ kompetizzjoni maħsub sabiex jinkoraġġixxi lill-operaturi jeżerċitaw l-attività tagħhom skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tajba ma kinitx tibdel in-natura ta’ din l-iskema (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Casa Regina Apostolorum della Pia Società delle Figlie di San Paolo vs Il‑Kummissjoni, C‑492/21 P, EU:C:2023:354, punt 104). Ara wkoll Buts, C., Cyndecka, M. A., De Cock, W., Skovgaard Ølykke, G., u Segura, M., “Review of EU Case Law on State Aid – 2023 Part One: Notion of State Aid”, European State Aid Law Review Quarterly, Vol. 23, 2024, Nru 2, p. 173 sa 199, b’mod partikolari p. 174.


91      Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-operat tal-konnessjoni ffissa ma huwiex attività ekonomika f’dan il-każ, din il-konklużjoni għandha tgħodd iktar u iktar għall-attività ta’ kostruzzjoni, li n-natura allegatament ekonomika tagħha tirriżulta min-natura aċċessorja tagħha fil-konfront tal-attività ta’ operat.


93      Fil-fatt, dan l-aggravju jidher li jkun ineffettiv fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk issegwi t-tieni approċċ propost fil-kuntest tat-tieni aggravju, tiddeċiedi li l-attivitajiet ta’ Femern, fl-intier tagħhom, ma għandhomx natura “ekonomika”.


94      Dan l-aggravju jikkorrispondi għat-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza (ittrattata fil-punti 176 sa 207 tas-sentenza appellata), ibbażata fuq l-argument li l-Kummissjoni allegatament wettqet żball meta kkonstatat li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma jistgħux jinfirdu minn xulxin.


95      Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011 (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117), ikkonfermata, fl-appell, permezz tas-sentenza Leipzig-Halle.


96      Ara l-punti 188 sa 191 tas-sentenza appellata.


97      Ara l-punti 192 sa 198 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fil-punti sussegwenti ta’ din is-sentenza, li ma humiex is-suġġett ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma humiex huma stess illiberalizzati (punti 199 sa 202 tal-imsemmija sentenza), fis-sens li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma setgħux jinfirdu (konformement mas-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271) (punti 203 u 204 tal-istess setntenza), fis-sens li kien possibbli li jsiru bidliet fil-modalitajiet tal-operat tal-konnessjoni fissa (punt 205 tas-sentenza appellata) u fis-sens li kienet meħtieġa interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (punti 206 u 207 ta’ din is-sentenza).


98      Fil-verità, peress li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa jagħmlu parti minn proġett wieħed li huwa s-suġġett ta’ miżuri ta’ finanzjament favur Femern, ma jistax jiġi eskluż li l-finanzjament tal-kostruzzjoni ser jagħti vantaġġ ekonomiku lil Femern, anki jekk dan ma jistax ikun ħlief fil-forma ta’ effetti kollaterali (“spill-over”) ta’ dan il-finanzjament fuq l-attività ekonomika tagħha, jiġifieri s-servizzi ta’ trasport fl-Istrett ta’ Fehmarn. Fil-fehma tiegħi, din hija l-loġika li fuqha hija msejsa l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 196 tas-sentenza appellata, fis-sens li jekk l-attività ta’ kostruzzjoni titqies li ma tistax tinfired mill-operat u, għaldaqstant, hija attività mhux ekonomika, dan iwassal sabiex, fl-istadju tal-operat tal-konnessjoni fissa, Femern tibbenefika mill-possibbiltà li topera infrastruttura ssussidjata permezz tal-finanzjamenti preferenzjali miksuba għall-kostruzzjoni ta’ din il-konnessjoni. Madankollu, dan ir-raġunament ma jirriżultax mill-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li hija bbażata biss fuq in-“natura inseparabbli” tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-imsemmija konnessjoni.


99      Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117.


100      Ara s-sentenza Leipzig-Halle (punti 40 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


101      Ara s-sentenza Leipzig-Halle (punt 3).


102      Ara, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “L-approvazzjoni tal-kontenut tal-abbozz għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport fuq l-art u multimodali’” (ĠU 2024/ C 5046, p. 1), fil-punt 54(f), fejn “infrastruttura ddedikata” tfisser infrastruttura li hija mibnija għal intrapriża(i) ex-ante identifikabbli u mfassla għall-ħtiġijiet tagħha (tagħhom)”.


103      Fil-fehma tiegħi, anki n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni tibqa’ dibattibbli peress li, essenzjalment, din tal-aħħar sempliċement għamlet analoġija mas-sitwazzjoni li kienet is-suġġett tas-sentenza Leipzig-Halle, mingħajr ma għamlet ebda preċiżazzjoni dwar ir-rilevanza, għall-każ ineżami, tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.


104      Din il-konklużjoni ser twassal għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tiegħu peress li, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq evalwazzjoni konġunta tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa u, min-naħa l-oħra, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati jiddependi manifestament mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala “għajnuna mill-Istat”.