Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑21 ta’ Mejju 2026 (1)

Kawża C‑242/25

S,

T,

AS SEB banka

parti oħra:

Latvijas Republikas Saeima

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Bank Ċentrali Ewropew – Abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali – Konsultazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew – Artikolu 127(4) TFUE – Deċiżjoni 98/415 – Artikolu 4 – Osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali)






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jiġi kkonsultat fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fl-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dritt nazzjonali adottat bi ksur ta’ rekwiżit proċedurali preskritt mid-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Deċiżjoni 98/415/KE

2.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti għal dan il-każ huma l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi (2).

B.      Id-dritt Latvjan

1.      Il-Kostituzzjoni

3.        L-Artikolu 64 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) tal‑15 ta’ Frar 1992 (3) tipprevedi li l-poter leġiżlattiv jappartjeni lis-Saeima (il-Parlament Latvjan) u l-poplu skont il-proċeduri u sal-limiti stipulati fil-Kostituzzjoni.

4.        Skont l-Artikolu 70 tal-Kostituzzjoni, il-President tal-Istat għandu jippromulga l-liġijiet permezz tal-formula li ġejja: “is-Saeima (jiġifieri, il-Poplu) adotta, u l-President ipproklama, l-liġi li ġejja: (test tal-liġi).”

5.        L-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni jipprevedi d-dritt tal-President tal-Istat li jitlob li liġi tiġi eżaminata mill-ġdid: fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni ta’ liġi mill-Parlament, il-President, permezz ta’ talba bil-miktub u motivata lill-President tal-Parlament, jista’ jitlob li liġi tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Jekk il-Parlament ma jemendax il-liġi, il-President ma jistax iqajjem oġġezzjonijiet għat-tieni darba.

2.      Regoli tal-Proċedura Parlamentari

6.        L-Artikolu 114(1) tas-Saeimas kārtības rullis (Regoli tal-Proċedura Parlamentari) tat‑28 ta’ Lulju 1994 (4) jipprevedi li abbozz ta’ liġi jitqies li ġie adottat u għalhekk isir liġi jekk ikun ġie diskuss fi tliet qari u jkun kiseb maġġoranza assoluta tal-voti tal-membri tal-Parlament Latvjan preżenti għall-votazzjoni.

3.      Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur

7.        L-Artikolu 84 tal-Patērētāju tiesību aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur) tat‑18 ta’ Marzu 1999 (5), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, stabbilixxa mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-konsumaturi li kienu ħadu self ipotekarju b’rata varjabbli. Dan il-mekkaniżmu essenzjalment kien jikkonsisti f’kumpens imħallas lill-konsumaturi li jikkorrispondi għal parti mill-interessi li kienu ħallsu, iffinanzjat minn tariffa imposta fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti entitajiet oħra.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

8.        Fid-dawl tal-piż kunsiderevoli li jġorru l-familji bħala riżultat taż-żieda fil-ħlasijiet lura tas-self u l-prezzijiet għall-konsum immexxija miż-żieda fir-rata EURIBOR u l-inflazzjoni, abbozz ta’ liġi intitolat “Grozījumi Patērētāju tiesību aizsardzības likumā” (Emenda għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur, iktar ’il quddiem “l-abbozz ta’ liġi”) ġie ppreżentat lill-Parlament Latvjan fis‑6 ta’ Ottubru 2023. Dan l-abbozz ta’ liġi kellu l-għan li jissupplimenta l-liġi msemmija iktar ’il fuq u l-Artikolu 84 billi jinkludi fihom mekkaniżmu li jappoġġja lil mutwatarji ipotekarji. Il-Parlament Latvjan ħatar il-Budžeta un finanšu (nodokļu) komisija (il-Kumitat tal-Baġit u tal-Finanzi (Tassazzjoni), iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Baġit”) bħala l-kumitat responsabbli.

9.        L-abbozz ta’ liġi ġie eżaminat fi tliet qari parlamentari u diskuss fi 13-il laqgħa tal-Kumitat tal-Baġit li attendew rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw is-settur ikkonċernat. Il-verżjonijiet tal-abbozz ta’ liġi adottati fid-diversi qari kienu differenti minn xulxin.

10.      Fit‑30 ta’ Novembru 2023, il-Kumitat tal-Baġit eżamina l-abbozz tal-liġi qabel it-tielet u l-aħħar qari tiegħu u avviċina lill-BĊE bil-verżjoni tal-abbozz tal-Liġi proposta qabel it-tielet qari u talba sabiex jagħti opinjoni dwar din il-verżjoni.

11.      Fis‑6 ta’ Diċembru 2023, mingħajr ma stenna l-opinjoni tal-BĊE, il-Parlament Latvjan approva l-likums “Grozījumi Patērētāju tiesību aizsardzības likumā” (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur, iktar ’il quddiem “il-liġi kkontestata”) fit-tielet qari tiegħu u bagħatha lill-President tal-Istat għall-promulgazzjoni.

12.      Fil‑11 ta’ Diċembru 2023, il-BĊE adotta u ppubblika opinjoni dwar it-tariffa temporanja għall-protezzjoni ta’ mutwatarji ipotekarji pagabbli mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2023/42). F’dik l-opinjoni, il-BĊE esprima kritika b’kawtela rigward it-tariffa temporanja għall-protezzjoni ta’ mutwatarji ipotekarji tar-Repubblika tal-Latvja: huwa wissa li l-liġi kkontestata tista’ ddgħajjef it-trażmissjoni tal-politika monetarja, tnaqqas il-profittabbiltà u l-kapital tal-banek, tgħawweġ il-kompetizzjoni, u toħloq riskji ta’ stabbiltà finanzjarja, u rrakkomanda valutazzjoni tal-impatt iktar kompleta qabel l-adozzjoni.

13.      Fl‑20 ta’ Diċembru 2023, l-opinjoni tal-BĊE ġiet diskussa f’laqgħa tal-Kumitat tal-Baġit, li għaliha attendew ukoll rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw is-settur ikkonċernat. F’dik l-istess ġurnata, il-President ippromulga l-liġi kkontestata, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2024. Għalhekk, l-Artikolu 84 ġie miżjud mal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur.

14.      Skont dan l-artikolu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u xi istituzzjonijiet oħra attivi fil-kreditu għall-konsum (iktar ’il quddiem “dawk li jħallsu t-tariffi”) kienu obbligati jħallsu taxxa magħrufa bħala t-tariffa tal-protezzjoni ta’ mutwatarji ipotekarji (iktar ’il quddiem it-“tariffa”). Fl-istess ħin, dak l-artikolu pprovda għal kumpens tar-rata tal-interessi, pagabbli lil mutwatarji ipotekarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti li stabbilixxa u li jkopri parti mill-interessi mħallsa minnhom. Dawk li jħallsu t-tariffi kienu obbligati li jikkalkulaw il-kumpens dovut lil kull mutwatarju ipotekarju eliġibbli u li jibagħtu dik l-informazzjoni lill-Valsts ieņēmumu dienests (is-Servizz tad-Dħul tal-Istat, iktar ’il quddiem il-“VID”). Il-VID ħallas il-kumpens fil-kontijiet tal-mutwatarji kkonċernati darba kull tliet xhur mid-dħul idderivat mit-tariffa.

15.      L-iskema prevista fil-liġi kkontestata ġiet applikata sal‑31 ta’ Diċembru 2024.

16.      SEB banka, istituzzjoni ta’ kreditu rreġistrata fil-Latvja, u żewġ individwi (S u T) bdew proċeduri quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn argumentaw li l-liġi kkontestata tmur kontra l-kostituzzjoni, b’mod partikolari għaliex tikser il-prinċipju ta’ adozzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni. Huma jsostnu li l-Parlament Latvjan naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkonsulta mal-BĊE qabel ma adotta l-liġi kkontestata.

17.      Il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, fl-ewwel lok, jekk l-obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni fuq awtorità ta’ Stat Membru li jikkonsulta mal-BĊE fi żmien xieraq ikunx sodisfatt meta l-parlament tal-Istat Membru jadotta liġi qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-BĊE, fejn ikun hemm proċedura li tippermetti rieżami ulterjuri ta’ dik il-liġi mill-parlament qabel il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha. Il-qorti tar-rinviju titlob gwida, fit-tieni lok, dwar id-domanda jekk nuqqas possibbli ta’ konformità mal-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE, kif previst fl-Artikolu 127(4) TFUE u fi żmien xieraq fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415, għandux jitqies bħala ksur tad-dritt tal-Unjoni li jagħmel id-dispożizzjonijiet legali adottati minn Stat Membru inapplikabbli. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li hija ddeċidiet b’mod stabbilit li difetti proċedurali sostanzjali biss jistgħu jagħmlu dispożizzjoni nazzjonali illegali. Hija tinnota li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-BĊE fi żmien xieraq fir-rigward tal-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-BĊE fi żmien xieraq jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tordna, fis-sentenza tagħha, li l-effetti legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jinżammu għat-tul tal-validità tagħhom.

18.      Huwa f’dak il-kuntest li, permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Marzu 2025, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      L-Artikolu 127(4) [TFUE] u l-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni 98/415/KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu, stabbilit f’dawn id-dispożizzjonijiet, impost fuq awtorità ta’ Stat Membru li tikkonsulta, fi stadju xieraq, lill-[BĊE] ikun issodisfatt meta l-Parlament tal-Istat Membru jadotta liġi qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-[BĊE], iżda meta tkun teżisti proċedura li tippermetti li l-Parlament jeżamina din il-liġi mill-ġdid qabel il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun waħda negattiva, il-ksur tal-Artikolu 127(4) TFUE u tal-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni 98/415] għandu jiġi kkunsidrat bħala vizzju proċedurali sostanzjali li jagħmel inapplikabbli d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni?

(3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun waħda pożittiva, il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sentenza tagħha, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali [...]) tista’ tordna ż-żamma tal-effetti legali tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi matul il-perijodu ta’ validità tagħhom?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn SEB banka, mill-Gvern Latvjan u dak Portugiż, mill-BĊE u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawk il-partijiet kollha attendew is-seduta, li nżammet fis‑27 ta’ Jannar 2026.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Rimarki preliminari

20.      Bħala rimarki preliminari nixtieq, fil-qosor, inpoġġi l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju fil-kuntest tagħhom u nispjega l-oriġini tad-domandi fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.

21.      Il-qorti tar-rinviju hija inkarigata bl-evalwazzjoni tal-konformità tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ disponibbli għal mutwatarji ipotekarji skont l-Artikolu 84 tal-Liġi Latvjana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur mal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni Latvjana, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 91 tagħha u mad-dritt għall-proprjetà garantit mill-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 105 tagħha.

22.      F’dan ir-rigward, SEB banka u S u T jallegaw li l-Artikolu 84 tal-Liġi Latvjana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà u differenza fit-trattament, li ma hijiex prevista mil-liġi (6). Huma jsostnu li dak l-artikolu tal-Liġi Latvjana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur ma ġiex ippromulgat kif suppost, peress li l-Parlament Latvjan allegatament naqas milli jikkonsulta mal-BĊE dwar l-iskema li tinsab fil-liġi fi stadju xieraq matul il-proċess leġiżlattiv. SEB banka u S u T iqisu li nkisru d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni: l-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) TFUE, l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem “Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE”) u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu (4) tad-Deċiżjoni 98/415.

23.      Peress li l-bażi legali ta’ limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà u d-differenza fit-trattament allegatament ma ġietx adottata kif suppost, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-tliet domandi kollha jirrigwardaw il-proċess leġiżlattiv nazzjonali u l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE. Madankollu, ma jikkonċernawx il-kwistjoni materjali dwar jekk id-dritt għall-proprjetà ġiex miksur.

24.      L-istituzzjoni responsabbli għal-liġi li l-kostituzzjonalità tagħha qiegħda tiġi kkontestata hija l-Parlament Latvjan. Dik l-istituzzjoni naturalment għandha rwol importanti fil-proċedura partikolari tal-każ preżenti, li hija l-evalwazzjoni tal-konformità mal-Kostituzzjoni.

25.      Bħala qorti kostituzzjonali nazzjonali li twettaq stħarriġ kostituzzjonali, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina mhux biss jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni nkisrux mill-Parlament Latvjan (domanda 1), iżda wkoll, jekk dan kien il-każ, x’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ tali ksur (domanda 2). Bħala qorti kostituzzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha s-setgħa li tiddikjara dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħala inkostituzzjonali, għalkemm l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa jiddependi minn liema konsegwenzi legali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jista’ jkun hemm. Huwa biss jekk l-obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni huwa li l-qrati nazzjonali (regolari) għandhom ma japplikawx il-liġi kkontestata li l-qorti tar-rinviju tista’ tiddikjara dik il-liġi bħala antikostituzzjonali. Huwa għalhekk li, fid-domanda 2, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk qorti nazzjonali għandhiex tirrifjuta li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali tal-Unjoni.

B.      L-ewwel domanda

26.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni li taqa’ taħt l-“oqsma tal-kompetenza” tal-BĊE, l-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li l-BĊE jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva skont dawk id-dispożizzjonijiet ikunx issodisfatt f’sitwazzjoni fejn il-parlament ta’ Stat Membru jadotta liġi qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-BĊE, meta jkun hemm proċedura nazzjonali li taħtha l-liġi inkwistjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-parlament qabel il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha.

27.      Sabiex nipprovdi proposta għal risposta għal din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, nixtieq l-ewwel nispjega l-proċedura dwar il-konsultazzjoni tal-BĊE fi proċeduri leġiżlattivi nazzjonali, qabel ma nanalizza jekk din il-proċedura ġietx osservata fil-każ preżenti.

1.      L-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-BĊE taħt, fost l-oħrajn, l-Artikolu 127(4) TFUE

28.      Il-[BĊE] huwa wieħed mis-seba’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (7) u d-dispożizzjonijiet prinċipali relatati miegħu huma stabbiliti fit-Trattat FUE u fl-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Għal dan il-għan, l-Artikolu 127(1) TFUE jistabbilixxi li l-għan primarju tas-SEBĊ huwa li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, u li, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, għandha tappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 TUE. L-Artikolu 127(2) TFUE jipprovdi li l-kompiti bażiċi tas-SEBĊ huma: id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni; it-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-kambju barrani (8); iż-żamma u l-ġestjoni tar-riżervi barranin uffiċjali tal-Istati Membri; u l-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas.

29.      Tliet dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, li huma fformulati kważi bl-istess mod (9), jipprevedu konsultazzjoni obbligatorja mal-BĊE dwar proposti atti tal-Unjoni u abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali: l-Artikolu 127(4) TFUE; l-Artikolu 4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE; l-Artikolu 282(5) TFUE. Barra minn hekk, dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tistabbilixxi iktar dettalji dwar dik il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija: Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415.

a)      Artikolu 127(4) TFUE: proċedura ġenerali u ratio legis

30.      L-Artikolu 127(4) TFUE jipprevedi konsultazzjoni obbligatorja (10) mal-BĊE dwar kwalunkwe atti proposti tal-Unjoni (11) u mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kwalunkwe abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva (12) fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu. Fir-rigward speċifikament tal-konsultazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa speċifikat li din għandha sseħħ fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 129(4) TFUE. L-Artikolu 4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, intitolat “Funzjonijiet konsultattivi”, jirriproduċi l-Artikolu 127(4) FUE bi kliem identiku. Bl-istess mod, l-Artikolu 282(5) TFUE jipprovdi li, fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat dwar l-atti proposti kollha tal-Unjoni, u l-proposti kollha għal leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali, u jista’ jagħti opinjoni. Nifhem li l-Artikolu 282(5) TFUE għandu natura dikjaratorja, peress li sempliċement jirrepeti, għalkemm b’mod imperfett (13), dak li diġà ġie pprovdut fl-Artikolu 127(4) TFUE (14). Konsegwentement, fir-rigward tad-dritt primarju, minn issa ’il quddiem ser nirreferi biss għall-Artikolu 127(4) TFUE.

31.      Ir-ratio legis tal-konsultazzjoni obbligatorja kemm mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali huwa doppju: dan iservi (i) sabiex jiżgura li l-kompetenza tal-Bank Ċentrali Ewropew titqies fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali u (ii) sabiex jiżgura li l-BĊE jkun infurmat fi stadju bikri dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni legali li taffettwaha (15). Il-leġiżlatur għandu jibbenefika mill-grad għoli ta’ kompetenza tal-BĊE (16), li jservi sabiex itejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni kollha kemm hi (17).

32.      Barra minn hekk u f’kuntest iktar wiesa’, nifhem ukoll li l-Artikolu 127(4) TFUE jimplika li dan iservi sabiex jipproteġi l-prerogattivi u l-kompetenzi tal-BĊE. Il-BĊE għandu jitqiegħed f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jiżgura li l-kompetenzi li għandu ma jiġux kompromessi. Huwa għalhekk li l-BĊE għandu dritt ġenwin li jiġi kkonsultat, li l-korollarju tiegħu huwa obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni u tal-leġiżlatur nazzjonali li jikkonsultaw.

33.      Abbażi ta’ dak li issa huwa t-tieni inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE, il-Kunsill, permezz ta’ Deċiżjoni, stabbilixxa l-limiti u l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ konsultazzjoni tal-BĊE.

b)      Deċiżjoni 98/415: dettalji dwar il-proċedura

34.      Fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita, id-Deċiżjoni 98/415 tippreskrivi dan li ġej.

35.      L-ewwel, peress li l-Istati Membri huma taħt obbligu ġenerali li jiżguraw konformità effettiva mad-Deċiżjoni 98/415, huma għandhom jiżguraw li l-BĊE jiġi kkonsultat fi stat xieraq li jippermetti lill-awtorità li tibda l-abbozz tad-dispożizzjoni leġiżlattiva tikkunsidra l-opinjoni tal-BĊE qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu. L-opinjoni tal-BĊE għandha tiġi mgħarrfa lill-awtorità tal-adozzjoni jekk din tal-aħħar tkun awtorità differenti minn dik li tkun ħejjiet id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kkonċernati (18).

36.      F’dan ir-rigward ninnota li d-Deċiżjoni 98/415 tagħmel distinzjoni ċara bejn l-awtorità li tibda l-abbozz tad-dispożizzjoni leġiżlattiva u dik li tadotta d-dispożizzjoni leġiżlattiva. Din id-distinzjoni ssegwi l-loġika preżenti fi kwalunkwe proċedura leġiżlattiva (nazzjonali). Filwaqt li huwa ovvju li l-organizzazzjoni ġenerali tal-proċeduri leġiżlattivi fil-kuntest tad-deċiżjoni hija rregolata mid-dritt kostituzzjonali nazzjonali u li l-proċeduri nazzjonali jistgħu jvarjaw kunsiderevolment, jista’ jingħad li dejjem issir differenza bejn awtorità li tibda u awtorità tal-adozzjoni. Fil-fatt, is-sistemi legali tipikament, f’forma jew oħra, jagħmlu distinzjoni bejn l-awtoritajiet li jibdew (19) u dawk li jadottaw (20) leġiżlazzjoni (21).

37.      Mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 niddeduċi li l-konsultazzjoni mal-BĊE għandha sseħħ fl-iktar stadju bikri possibbli fil-proċedura leġiżlattiva, jiġifieri, fil-mument meta l-awtorità li tibda l-abbozz tal-leġiżlazzjoni tkun ippreparat l-ewwel abbozz, li mbagħad jiġi trażmess lill-awtorità li tadotta l-leġiżlazzjoni, tipikament għall-ewwel qari. Dan huwa l-aħjar mod li jippermetti lill-BĊE, permezz tal-opinjoni tiegħu, jinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-proċess leġiżlattiv nazzjonali.

38.      It-tieni, il-BĊE, huwa obbligat immedjatament malli jirċievi kwalunkwe abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, li jinnotifika lill-awtorità konsultattiva jekk, fl-opinjoni tiegħu, tali dispożizzjoni taqax fil-qasam tal-kompetenza tiegħu (22).

39.      It-tielet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jħejju dispożizzjoni leġiżlattiva jistgħu, jekk iqisu li dan huwa neċessarju, jistabbilixxu terminu lill-BĊE għas-sottomissjoni tal-opinjoni tiegħu li ma jistax ikun inqas minn xahar mid-data li fiha l-President tal-BĊE jirċievi notifika għal dak il-għan (23). F’każijiet ta’ urġenza estrema, it-terminu jista’ jitnaqqas, f’liema każ l-awtorità li tikkonsulta għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-urġenza (24). Il-BĊE jista’ jitlob, fi żmien debitu, estensjoni tat-terminu sa erba’ ġimgħat addizzjonali; dik it-talba ma għandhiex tiġi miċħuda b’mod mhux raġonevoli mill-awtorità li tikkonsulta (25). Malli jiskadi t-terminu, in-nuqqas ta’ opinjoni ma għandux jipprevjeni azzjoni ulterjuri mill-awtorità nazzjonali li tikkonsulta; jekk l-opinjoni tal-BĊE tasal wara l-limitu ta’ żmien, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw li tinġieb għall-għarfien tal-awtoritajiet nazzjonali (26).

c)      L-“oqsma tal-kompetenza” tal-BĊE

40.      Kif ġie stabbilit, l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE huwa għalhekk attivat mis-suġġett inkwistjoni. Il-punt tat-tluq għad-definizzjoni tal-“oqsma tal-kompetenza” tal-BĊE huwa l-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 3 sa 12 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Skont l-Artikolu 127(1) TFUE, l-“għan primarju” tas-SEBĊ huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dak il-għan, is-SEBĊ għandu jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni. L-Artikolu 127(2) TFUE jiddefinixxi l-“ħidmiet bażiċi” tas-SEBĊ bħala li jiddefinixxi u jimplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni; iwettaq operazzjonijiet ta’ kambju barrani; iżomm u jimmaniġġja r-riżervi barranin uffiċjali tal-Istati Membri; u jippromwovi l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas.

41.      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 98/415 jiddefinixxi l-oqsma tal-kompetenza tal-BĊE bħala li huma, b’mod partikolari, dwar affarijiet monetarji (l-ewwel inċiż), mezzi ta’ pagament (it-tieni inċiż), banek ċentrali nazzjonali (it-tielet inċiż), il-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta’ statistiċi monetarji, finanzjarji u bankarji, u dwar sistemi ta’ pagament u bilanċ ta’ pagamenti (ir-raba’ inċiż), sistemi ta’ pagament u ta’ ftehim (il-ħames inċiż) u regoli li japplikaw għal istituzzjonijiet finanzjarji sa fejn jinfluwenzaw materjalment l-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ swieq (is-sitt inċiż).

2.      Il-każ preżenti: l-obbligu ta’ konsultazzjoni ma ġiex issodisfatt

42.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-interpretazzjoni proposta tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni għall-każ quddiemha. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata fid-digriet tar-rinviju u matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nista’ nagħmel is-suppożizzjonijiet li ġejjin mingħajr riskju sabiex niggwida lill-qorti tar-rinviju f’dan l-eżerċizzju.

43.      L-ewwel, għandu jiġi enfasizzat li d-domanda dwar jekk l-Artikolu 84 tal-Liġi Latvjana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur jaqax fl-oqsma tal-kompetenza tal-BĊE ma hijiex inkwistjoni fil-proċeduri nazzjonali. Il-Parlament Latvjan ma jikkontestax li kellu obbligu li jikkonsulta mal-BĊE (27).

44.      It-tieni, b’mod partikolari, ġie ċċarat matul is-seduta, b’mod notevoli mill-Gvern Latvjan, li skont il-liġi kostituzzjonali Latvjana, il-Kumitat tal-Baġit huwa l-awtorità li tħejji dispożizzjonijiet leġiżlattivi skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 98/415.

45.      It-tielet, il-Kumitat tal-Baġit naqas milli jikkonforma mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415, li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw konformità effettiva ma’ dik id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kumitat tal-Baġit, kif meħtieġ mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415, ma żgurax li l-BĊE ġie kkonsultat “fi stadju xieraq sabiex l-awtorità li tkun għamlet abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva tkun tista’ tqis l-opinjoni ta’ l-BĊE qabel ma tieħu deċiżjoni fil-mertu.” Il-Kumitat tal-Baġit lanqas ma stabbilixxa terminu għas-sottomissjoni tal-opinjoni tal-BĊE, u b’hekk naqas milli jikkonforma mal-ispirtu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/415.

46.      Għaldaqstant, nista’ nikkonkludi f’dan l-istadju li l-Kumitat tal-Baġit naqas milli jikkonforma ruħu mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415.

47.      Il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tfittex li taċċerta jekk tali ksur huwiex irrilevanti jew jekk jistax jiġi rrimedjat f’sitwazzjoni bħal dik fil-każ preżenti, jiġifieri, fejn teżisti proċedura li taħtha dik il-liġi tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-parlament qabel il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha. B’mod simili, il-Gvern Latvjan isostni li l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE ġie ssodisfatt, peress li l-President seta’ ddeċieda li jibgħat lura l-liġi, iżda għażel li ma jagħmilx dan.

48.      Nixtieq infakkar li, fil-fatt, skont il-liġi kostituzzjonali Latvjana, il-President, li jippromulga formalment liġijiet wara l-adozzjoni tagħhom fil-Parlament, sabiex jidħlu fis-seħħ, jista’, fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni ta’ liġi mill-Parlament Latvjan, jitlob permezz ta’ ittra motivata indirizzata lill-President tal-Parlament li l-liġi inkwistjoni tgħaddi minn eżami mill-ġdid. Madankollu, jekk il-Parlament Latvjan ma jemendax dik il-liġi, il-President tar-Repubblika ma jistax iqajjem oġġezzjonijiet għat-tieni darba (28).

49.      L-argument tiegħi huwa li, diġà in abstracto, id-dispożizzjoni kostituzzjonali li għadni kif iddeskrivejt ma tistax tkun tali li tirrimedja ksur tad-dmir li jiġi kkonsultat il-BĊE matul il-proċess leġiżlattiv. L-Artikolu 127(4) TFUE jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonsultaw mal-BĊE dwar kwalunkwe abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Iktar ’il fuq argumentajt li l-konsultazzjoni għandha ssir fl-iktar stadju bikri possibbli, jiġifieri, meta l-abbozz jiġi ppreżentat għall-ewwel darba lill-Parlament Latvjan. Iżda anki b’interpretazzjoni inqas stretta tal-Artikolu 127(4) TFUE, huwa impossibbli nimmaġina li dispożizzjoni leġiżlattiva xorta tkun tikkostitwixxi abbozz, ladarba tkun ġiet adottata b’mod finali mill-Parlament Latvjan. Fi kliem ieħor, ladarba t-test, b’mod figurattiv, ikun ħareġ mill-Parlament sabiex jiġi pproklamat mill-President, il-liġi ma tibqax “abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/415. Jekk il-BĊE ma jkunx ġie kkonsultat sal-mument meta l-Parlament Latvjan ikun adotta liġi, allura dawk id-dispożizzjonijiet ikunu ġew miksura.

50.      Fil-fehma tiegħi, wieħed ma jibqax jirreferi għal “abbozz” ladarba l-att ikun ġie adottat formalment mil-leġiżlatur kompetenti, anki jekk jista’ jkun li jkun għadu ma ġiex ippromulgat jew ma daħalx fis-seħħ. Mill-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni Latvjana(29) niddeduċi li l-leġiżlatur huwa l-Parlament Latvjan u mhux il-President.

51.      Minn dan isegwi wkoll li in concreto fil-każ preżenti, l-Artikolu 127(4) TFUE u d-Deċiżjoni 98/415 ma ġewx osservati. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li, peress li bagħat l-abbozz ta’ liġi lill-BĊE biss fit‑30 ta’ Novembru 2023 qabel it-tielet u l-aħħar qari tiegħu, u mingħajr ma stenna l-opinjoni tal-BĊE, il-Parlament Latvjan adotta l-liġi kkontestata fit-tielet qari tagħha. Huwa mbagħad bagħat il-liġi lill-President għall-promulgazzjoni. Il-fatt li, wara li rċieva l-opinjoni tal-BĊE fil‑11 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Parlamentari tal-Baġit fi ħdan il-parlament iddiskuta dik l-opinjoni, ma jbiddilx din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, dan juri li kien hawnhekk (entità tal-)Parlament innifsu – u mhux il-President – li eżamina mill-ġdid test li diġà kien adottat. Lanqas ma hemm bżonn wisq immaġinazzjoni sabiex wieħed jassumi li, fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien, il-Parlament Latvjan kien taħt pressjoni intensa rigward il-limitu ta’ żmien, peress li ried li l-liġi tidħol fis-seħħ sa tmiem is-sena 2023.

3.      Risposta proposta għall-ewwel domanda

52.      Ir-regoli proċedurali jiksbu l-leġittimità tagħhom mill-applikazzjoni stretta tagħhom. Dan fl-aħħar mill-aħħar iservi l-iskop ta’ ċertezza legali u, b’mod iktar ġenerali, l-Istat tad-dritt. Abbażi ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali inkwistjoni d’dan il-każ.

53.      Ir-risposta li qiegħed nipproponi għall-ewwel domanda hija għalhekk li l-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni li taqa’ fl-“oqsma tal-kompetenza” tal-BĊE, l-obbligu li l-BĊE jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva skont dawk id-dispożizzjonijiet ma jiġix issodisfatt f’sitwazzjoni fejn il-parlament ta’ Stat Membru jadotta liġi qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-BĊE, fejn ikun hemm proċedura nazzjonali li taħtha dik il-liġi tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-parlament qabel il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha.

C.      It-tieni domanda

54.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tfittex li taċċerta jekk l-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali adottata bi ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

55.      It-tieni domanda għalhekk tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ ksur tar-rekwiżit proċedurali tal-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE qabel l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jinsab fl-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 98/415.

56.      Il-partikolarità prinċipali tal-proċedura tal-Artikolu 127(4) TFUE hija l-involviment ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fi proċedura leġiżlattiva nazzjonali. Għalhekk, kif ser nuri, il-ġurisprudenza sal-lum tista’ toffrilna biss gwida parzjali. Jiena nsostni li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ssib soluzzjoni ġdida fir-rigward tal-każ inkwistjoni.

1.      Il-ġurisprudenza sal-lum

57.      Nixtieq infakkar, fil-qosor ħafna, l-ewwel, il-ġurisprudenza dwar il-ksur tad-dritt li wieħed jiġi kkonsultat minn istituzzjoni tal-Unjoni fi proċedura tal-Unjoni qabel ma ndur, it-tieni, għall-ġurisprudenza klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali previsti mid-dritt tal-Unjoni, bħal notifika, mill-Istati Membri.

a)      Meta istituzzjoni tal-Unjoni taġixxi bi ksur ta’ dispożizzjoni proċedurali

58.      Il-kwistjoni legali prinċipali li tqum f’dan il-qasam hija dik tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fi proċedura leġiżlattiva tal-Unjoni. Hawnhekk, il-każijiet ewlenin huma dawk magħrufa bħala s-“sentenzi tal-isoglukożju” (30): is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Roquette Frères u f’Maizena (31). Dawn ingħataw matul l-ewwel leġiżlatura li fiha l-Parlament kien ġie elett direttament, u għalhekk fi żmien meta l-involviment tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni kien ristrett għal dritt ta’ konsultazzjoni (32).

59.      F’dak il-każ, il-Kunsill kien adotta regolament li jemenda l-organizzazzjoni komuni tas-suq għall-isoglukożju mingħajr ma stenna l-opinjoni tal-Parlament, minkejja li kienet meħtieġa konsultazzjoni skont dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 43(2) KEE (33). Il-miżura ġiet ikkontestata mill-kumpanija SA Roquette Frères, produttur Franċiż tal-isoglukożju direttament affettwat mir-regolament li jistabbilixxi kwota ta’ produzzjoni għalih.

60.      Fis-sentenza seminali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ir-regolament, billi ddeċidiet li l-konsultazzjoni tal-Parlament, fejn meħtieġ mit-Trattat, hija l-mezz li jippermetti lill-Parlament ikollu rwol attwali fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni (34). Dik is-setgħa tirrappreżenta fattur essenzjali fil-bilanċ istituzzjonali maħsub mit-Trattat (35).

61.      Il-konsultazzjoni tal-Parlament hija “rekwiżit essenzjali tal-proċedura” (36) fis-sens ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 263(2) TFUE, “li, jekk ma [jiġix irrispettat], [iwassal] għan-nullità tal-miżutra kkonċernata” (37). Għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet espliċitament “[i]r-rispett ta’ dan ir-rekwiżit jimplika li l-Parlament ikun esprima l-opinjoni tiegħu” (38) u li “[d]an ir-rekwiżit ma jistax jiġi kkunsidrat li jiġi ssodisfatt b’sempliċi talba mill-Kunsill għal opinjoni” (39) jekk wara ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Parlament. Din il-formulazzjoni tiċħad fehim purament formali tar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni u tipprevjeni lill-Kunsill milli jittratta sempliċi talba bħala konformità suffiċjenti fejn il-Parlament fil-fatt ma jkunx adotta opinjoni.

62.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ir-regolament inkwistjoni.

63.      Għalhekk, nistgħu niddeduċu mid-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li twettaq evalwazzjoni ex post dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Parlament kinitx ser tbiddel il-kontenut sostantiv tal-miżura adottata mill-Kunsill. Il-fatt li l-Parlament ma ġiex ikkonsultat kien l-element kruċjali, u mhux il-fatt li l-opinjoni tiegħu ma kinitx tkun vinkolanti xorta waħda.

64.      Fil-ġurisprudenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement segwiet is-sentenza Roquette Frères. Fl-istess ħin, hija enfasizzat li d-djalogu interistituzzjonali, li fuqu hija bbażata l-proċedura ta’ konsultazzjoni b’mod partikolari, huwa suġġett għall-istess dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali bħal dawk li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (40). Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-Kunsill talab l-opinjoni tal-Parlament, fejn speċifikament talab il-proċedura urġenti (41) u fejn il-Parlament naqas milli jirrispondi fi żmien raġonevoli għat-talba għal konsultazzjoni, peress li l-ewwel iddeċieda li jibgħat lura l-proposta lil kumitat u mbagħad aġġorna l-vot finali fil-plenarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Parlament kien kiser id-dmir ta’ kooperazzjoni istituzzjonali u għalhekk kien prekluż milli jallega li l-Kunsill adotta l-miżura mingħajr ma stenna l-opinjoni tiegħu (42). Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors imressaq mill-Parlament (43).

65.      Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat biss miżuri fir-rigward tad-dritt ta’ konsultazzjoni tal-Parlament. Huwa minnu li hemm ukoll dispożizzjonijiet fit-Trattat FUE li jipprevedu konsultazzjoni obbligatorja ta’ istituzzjonijiet jew korpi oħra, fl-oqsma tal-kompetenza u għarfien espert tagħhom, bħall-Qorti tal-Awdituri (44), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (45) jew il-Kumitat tar-Reġjuni (46). Madankollu, il-ġurisprudenza sal-lum tidher li tiżvela biss obiter dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn huwa affermat li dak li issa huwa l-Artikolu 156 TFUE (47) jobbliga lill-Kummissjoni tikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (48).

66.      Sabiex niġbru fil-qosor dan il-passaġġ, fejn il-Parlament ma jkunx ġie kkonsultat minkejja li kien hemm obbligu li jsir dan, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-miżura inkwistjoni abbażi ta’ ksur ta’ rekwiżit essenzjali ta’ proċedura skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

b)      Meta awtorità nazzjonali taġixxi bi ksur ta’ dispożizzjoni proċedurali

67.      X’jiġri meta l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu bi ksur ta’ dispożizzjoni proċedurali tal-Unjoni? X’inhuma l-konsegwenzi? Hemm rimedji disponibbli?

1)      Kawża C‑380/87, Enichem Base

68.      It-tilwima qamet meta sindku muniċipali adotta deċiżjoni li kienet tipprojbixxi l-użu ta’ basktijiet tal-plastik mhux bijodegradabbli fil-muniċipalità. Enichem Base ikkontestat din il-miżura, billi argumentat li l-liġi lokali kienet tikser dispożizzjoni ta’ dik li kienet Direttiva KEE, li kienet teħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar abbozzi ta’ regoli rigward ir-rimi tal-iskart.

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjoni inkwistjoni tad-direttiva kien jeħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe abbozz ta’ regoli qabel l-adozzjoni (49). Dan ir-rekwiżit kien maħsub sabiex jiżgura li l-Kummissjoni tkun infurmata dwar kwalunkwe pjan għal miżuri nazzjonali rigward ir-rimi tal-iskart sabiex hija tkun tista’ tikkunsidra l-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni jew tkun tista’ teżamina jekk l-abbozzi ta’ regoli kinux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (50). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “la l-kliem u lanqas l-iskop tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jipprovdu appoġġ għall-fehma li n-nuqqas mill-Istati Membri li josservaw l-obbligu tagħhom li jagħtu avviż minn qabel fih innifsu jagħmel ir-regoli adottati b’dan il-mod illegali” (51).

2)      CIA Security International

70.      CIA Security International (52) kienet tikkonċerna digriet irjali Belġjan li kien jistabbilixxi sistema ta’ approvazzjoni għal sistemi ta’ allarm u installaturi. Dak id-digriet kien “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 83/189 (53), u r-Renju tal-Belġju kien naqas milli jinnotifika l-abbozz lill-Kummissjoni u ma kienx irrispetta l-perijodu ta’ status quo. L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189 kienu jirrikjedu li l-Istati Membri jinnotifikaw l-abbozzi kollha tar-regolamenti tekniċi lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, u jipposponu l-adozzjoni għal sitt xhur jekk opinjoni ddettaljata tingħata fi żmien tliet xhur, jew għal tnax-il xahar jekk il-Kummissjoni tħabbar proposta ta’ armonizzazzjoni. Il-kwistjoni kienet jekk parti privata setgħetx tistrieħ fuq dak in-nuqqas f’litigazzjoni, u x’kienu l-implikazzjonijiet għall-miżura mhux innotifikata.

71.      Sabiex tirrispondi għal dik id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet analiżi f’żewġ stadji: l-ewwel, hija ddeċidiet li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189 kienu jistabbilixxu obbligu preċiż fuq l-Istati Membri li jinnotifikaw l-abbozzi tar-regolamenti tekniċi qabel l-adozzjoni tagħhom. Din sabet li “peress illi […] huma inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, dawn jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali” (54).

72.      It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[g]ħadhom iridu jiġu eżaminati l-kosegwenzi ġuridiċi li hemm lok li jinħarġu minn nuqqas ta' l-Istati Membri li jwettqu l-obbligu tagħhom ta’ notifika u, b’mod iktar preċiż, jekk id-Direttiva 83/189 għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu ta’ notifika, li jikkostitwixxi difett proċedurali fl-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, iwassal għall-inapplikabbiltà ta’ dawn ir-regolamenti tekniċi, b’tali mod li huma ma jistgħux jiġu applikati fir-rigward ta’ individwi” (55).

73.      Ninnota f’dan l-istadju li l-kelma importanti hawnhekk hija “jekk”.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ċaħdet l-argument li d-Direttiva 83/189 kienet tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li sempliċement ħolqot obbligi proċedurali li l-Istati Membri kellhom josservaw meta jadottaw regolamenti tekniċi, filwaqt li l-kompetenza tagħhom li jadottaw ir-regolamenti inkwistjoni wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni ma tiġix affettwata, u li ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni espressa relatata ma’ xi effetti marbuta man-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi proċedurali (56).

75.      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li ma kienet meħtieġa l-ebda dispożizzjoni espressa relatata ma’ dawn l-effetti u li “huwa kostanti li l-għan tad-Direttiva huwa l-ħarsien tal-moviment liberu tal-merkanzija permezz ta’ kontroll preventiv u li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq ta’ dan il-kontroll Komunitarju. L-effettività ta’ dan il-kontroll Komunitarju jkun ħafna ikbar jekk id-Direttiva tkun interpretata fis-sens illi n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli tekniċi in kwistjoni fir-rigward ta’ individwi” (57).

76.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad għamlet distinzjoni bejn il-każ quddiemha u s-sentenza Enichem Base, fejn sostniet li l-interpretazzjoni tagħha kienet “konformi” (58) mas-sentenza ta’ qabel, u waslet għall-konklużjoni li regolament tekniku nazzjonali li kellu jiġi nnotifikat iżda ma kienx, ma huwiex applikabbli u ma huwiex infurzabbli kontra individwi (59).

77.      Il-ġurisprudenza sussegwenti konsistentement tenniet li n-nuqqas ta’ notifika (jew li tiġi rrispettata il-klawżola ta’ status quo) huwa difett proċedurali sostanzjali li jrendi r-regolament tekniku nazzjonali inapplikabbli għall-individwi (60).

78.      F’dan l-istadju, għal raġunijiet ta’ ċarezza fit-terminoloġija, nixtieq nindirizza l-kwistjoni tal-“effett dirett”. Il-ġurisprudenza deskritta iktar ’il fuq għandha l-oriġini tagħha fil-kwistjoni dwar taħt liema ċirkustanzi d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, jiġifieri, att ta’ dritt sekondarju (61), li fihom obbligi għall-Istati Membri, jista’ jkollhom effett dirett b’implikazzjonijiet orizzontali, jiġifieri, f’tilwima bejn żewġ partijiet privati (62). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat b’mod espliċitu li l-effett dirett huwa prekundizzjoni għad-dmir tal-qrati nazzjonali li ma japplikawx dispożizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (63).

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li f’kunflitt vertikali bejn operatur ekonomiku u Stat Membru, l-individwu jista’ jinvoka d-dritt tal-Unjoni sabiex ma tiġix applikata l-miżura nazzjonali (64). Nifhem li dan huwa konferma tal-fatt li l-inapplikabbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali hija l-konsegwenza ta’ difett proċedurali (in casu nuqqas ta’ notifika) u mhux tan-natura tat-tilwima (bejn individwi jew bejn awtorità u individwu). Konsegwentement, in-natura tat-tilwima preżenti (stħarriġ kostituzzjonali) ma hijiex il-fattur determinanti fil-każ preżenti.

80.      Fl-aħħar nett, filwaqt li l-analiżi f’dawn il-konklużjonijiet iffokat fuq l-applikazzjoni u l-infurzar deċentralizzati tad-dritt tal-Unjoni, għall-fini tal-kompletezza għandu jiġi osservat li hemm evidentement il-possibbiltà għall-Kummissjoni (65) jew għal Stat Membru (66) li jibdew proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru li l-awtorità nazzjonali tiegħu allegatament kisret id-dispożizzjoni proċedurali. Dawn il-konklużjonijiet ma humiex il-post fejn għandhom jitfakkru l-karatteristiċi kollha magħrufa tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Biżżejjed insemmu li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni kważi libera fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tressaq jew iżżomm proċedimenti, kemm fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fil-fażi kontenzjuża u li, f’każ li l-Kummissjoni finalment tirnexxi, hemm sentenza dikjaratorja tal-Qorti tal-Ġustizzja li tobbliga lill-Istat Membru inkwistjoni jirrimedja s-sitwazzjoni. Din hija proċedura kostituzzjonali li tinvolvi entitajiet pubbliċi fejn id-drittijiet ta’ individwi jew ta’ partijiet privati oħra ma humiex direttament inkwistjoni.

2.      Il-każ inkwistjoni: hemm obbligu li ma tiġix applikata l-liġi kkontestata?

a)      Argumenti favur

81.      Il-BĊE u SEB banka essenzjalment jipproponu li tiġi applikata is-sentenza f’CIA Security International għall-każ inkwistjoni.

82.      Il-BĊE jargumenta li n-nuqqas mill-awtoritajiet nazzjonali li jikkonsultawh dwar abbozzi ta’ regolamenti fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, kif meħtieġ mill-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415, jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali li jagħmel dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inapplikabbli. Huwa jqabbel dak il-ksur ma’ “difett proċedurali sostanzjali” skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħmel il-miżuri nazzjonali inapplikabbli għall-individwi (67). F’dan ir-rigward, il-BĊE jagħmel paragun mas-sentenza CIA Security International, fejn in-nuqqas ta’ notifika ta’ liġijiet lill-Kummissjoni (68) jwassal għall-inapplikabbiltà ta’ dawk il-liġijiet. Il-BĊE jargumenta li l-konsultazzjoni mal-BĊE, peress li hija dmir ibbażat fuq it-Trattat, a fortiori għandu jkollha effetti saħansitra iktar b’saħħithom mill-obbligu li jiġu nnotifikati regolamenti tekniċi. B’mod partikolari, il-BĊE jsostni li l-obbligu ta’ konsultazzjoni jissodisfa t-testijiet għal “formalità sostanzjali”, peress li jipprovdi salvagwardji ta’ prudenza, jippermetti li l-kompetenza tal-BĊE tinfluwenza l-kontenut, u jtejjeb il-kwalità leġiżlattiva fi kwistjonijiet monetarji u bankarji. Fuq skala iktar wiesgħa, il-BĊE jindika l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE, fis-sens li l-interpretazzjoni proposta tirrispetta l-kompetenza esklużiva tal-politika monetarja tal-Unjoni, u tipprevjeni miżuri li jdgħajfu l-funzjonijiet tal-BĊE jew l-istabbiltà finanzjarja sistemika.

83.      B’mod simili, SEB banka targumenta li l-ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 jammonta għal difett proċedurali sostanzjali, li jagħmel id-dispożizzjonijiet nazzjonali Latvjani inapplikabbli. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza CIA Security International, SEB banka tenfasizza ukoll l-importanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE.

84.      Barra minn hekk, huwa argumentat, notevolment fid-duttrina legali, li jekk ksur proċedurali jista’ saħansitra jkollu impatt f’tilwima legali bejn individwi privati, dan għandu jkun iktar sinjifikattiv meta l-Istat Membru li jkun wettaq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun jixtieq jinvoka l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kontra ċittadin affettwat (69).

85.      Il-konsegwenza ta’ raġunament bħal dan tkun li l-Artikolu 84 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur ma għandux jiġi applikat mill-qrati nazzjonali.

b)      Argumenti kontra

86.      Hemm tabilħaqq it-tentazzjoni li wieħed jagħmel paragun mas-sentenza CIA Security International. Madankollu, fil-fehma tiegħi, is-sentenza CIA Security International ma għandhiex tiġi applikata b’analoġija, għaliex ir-raġunament deskritt iktar ’il fuq ma jieħux inkunsiderazzjoni biżżejjed is-sentenza kollha f’CIA Security International: jekk napplikaw ir-raġunament f’żewġ stadji tal-Qorti tal-Ġustizzja deskritt iktar ’il fuq għall-kawża preżenti, ser naraw li l-ewwel stadju biss huwa ssodisfatt.

87.      Ikun tabilħaqq diffiċli li wieħed jargumenta li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 127(4) TFUE u fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 ma humiex preċiżi biżżejjed u mingħajr kundizzjonijiet. Kif ġie diskuss, hemm l-obbligu ċar li jiġi kkonsultat il-BĊE, li, min-naħa tiegħu, jikkostitwixxi dritt għal din l-istituzzjoni. Madankollu, it-tieni stadju, jiġifieri l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn dan, huma ħafna inqas ċari. Kif ġie diskuss iktar ’il fuq, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża kien iggwidat mill-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fis-sentenza CIA Security International kienu mezz ta’ kontroll preventiv fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija.

88.      Il-garanzija ta’ kontroll preventiv f’qasam li, billi jifforma parti mis-suq intern (70), jikkonċerna qasam ewlieni tal-politika tal-Unjoni u wieħed li mid-definizzjoni tiegħu jiddependi fuq tħaddim bla xkiel permezz tal-azzjoni u l-interazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi li, sabiex jaħdem dak is-suq, jeħtieġ li jkunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari kontra Stati Membri li joħolqu ostakoli għall-kummerċ, huwa, fl-opinjoni tiegħi, ħaġa differenti ħafna minn dispożizzjoni proċedurali li sservi sabiex ittejjeb u tilleġittima proċedura leġiżlattiva nazzjonali f’qasam ta’ kompetenza tal-BĊE.

89.      Fi kliem ieħor, f’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-portata tad-Direttiva 83/189 inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza CIA Security International, l-Istati Membri, bħala prinċipju, għandhom permess li jilleġiżlaw. Huma għandhom biss jinnotifikaw abbozzi ta’ leġiżlazzjoni lill-Kummissjoni sabiex jippermettu lil din l-istituzzjoni tidentifika ostakoli potenzjali għall-kummerċ intra-Unjoni u, possibbilment, titlob lill-Istati Membri jemendaw l-abbozzi. Madankollu, il-kompetenza ta’ leġiżlazzjoni tibqa’ tal-Istati Membri. Il-kompetenza tal-Kummissjoni ma hijiex inkwistjoni. Dak li jiġri huwa, sempliċement, li f’qasam ta’ kompetenza kondiviża, il-Kummissjoni tfittex li tikkalibra l-interessi tal-Unjoni (is-suq intern) ma’ dawk nazzjonali potenzjalment konfliġġenti (protezzjoni ta’ raġuni prevalenti relatata mal-interess pubbliku). B’kuntrast, kif spjegat iktar ’il fuq, l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE skont l-Artikolu 127(4) TFUE jservi sabiex jipproteġi l-prerogattivi u l-kompetenzi tal-BĊE.

90.      Barra minn hekk, in-natura tal-konsultazzjoni fil-kuntest ta’ notifika teknika hija differenti minn dik fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-portata tal-Artikolu 127(4) TFUE. Meta l-Kummissjoni teżamina abbozz ta’ dispożizzjoni skont direttiva dwar in-notifika, hija tevalwa l-kontenut tal-miżura prevista bil-għan li tistabbilixxi l-legalità ta’ din il-miżura skont id-dritt tal-Unjoni (71). Il-Kummissjoni tevalwa s-sustanza ta’ abbozz ta’ miżura sabiex taċċerta ruħha jekk hijiex kompatibbli mal-libertà fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija. B’riżultat ta’ dan, jekk il-parir tal-Kummissjoni ma jiġix segwit, l-abbozz ta’ miżura potenzjalment ma jkunx kompatibbli ma’ dispożizzjoni materjali tat-Trattat.

91.      B’kuntrast ma’ dan, fil-konsultazzjoni skont l-Artikolu 127(4) TFUE, il-BĊE joħroġ opinjoni dwar il-merti ekonomiċi. Huwa ma jivvalutax jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex legali jew le. Dan jimplika li abbozz ta’ miżura nazzjonali ma jistax ikun potenzjalment inkompatibbli ma’ dispożizzjoni materjali tat-Trattat bħala riżultat tal-konsultazzjoni mal-BĊE. Ma huwiex importanti jekk il-parir tal-BĊE jiġix segwit jew le. Kulma jgħodd huwa li l-BĊE jkun ġie kkonsultat.

92.      Għalhekk, jiena nemmen li ma huwiex biżżejjed li kemm “is-sitwazzjoni CIA Security International” kif ukoll il-każ preżenti għandhom inkomuni l-kwistjoni tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi involuta istituzzjoni tal-Unjoni fil-proċess tal-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali sabiex jiġi kkunsidrat, kif jagħmlu l-BĊE u SEB banka, li l-kawża CIA Security International għandha tiġi applikata a fortiori peress li l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE jirriżulta mid-dritt primarju, filwaqt li l-obbligu li tiġi nnotifikata l-Kummissjoni jirriżulta minn sors ta’ liġi ta’ livell iktar baxx fil-forma ta’ direttiva. Dak li huwa importanti ma huwiex is-sors formali tal-obbligu, iżda l-iskop li jservi dak l-obbligu.

c)      Konklużjoni

93.      Bħala konklużjoni, nemmen li r-raġunament tal-BĊE u SEB banka ma għandux jintlaqa’. Għar-raġunijiet li spjegajt iktar ’il fuq, nikkunsidra li d-difett proċedurali sostanzjali ma għandux l-effett li jagħmel id-dispożizzjonijiet nazzjonali inapplikabbli.

94.      Fil-qosor, kif inhu d-dritt tal-Unjoni bħalissa, fir-rigward tar-rimedji, is-sitwazzjoni hija kif ġej: fir-rigward tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-miżuri adottati bi ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE jistgħu, potenzjalment, jiġu annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’kuntrast ma’ dan, il-miżuri nazzjonali adottati bi ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE ma jistgħux jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-uniku rimedju dirett disponibbli huwa li l-Kummissjoni (jew Stat Membru ieħor) tressaq proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat. Fil-każ li tali proċeduri jkunu ta’ suċċess, “kulma” hemm fl-aħħar mill-aħħar hija sentenza dikjaratorja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tobbliga lill-Istat Membru inkwistjoni jirrimedja s-sitwazzjoni. Taħt it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tannulla dritt nazzjonali.

95.      Nista’ nikkonkludi f’dan il-punt li l-ġurisprudenza analizzata sa issa ma taqbilx bl-eżatt mal-kawża preżenti. L-għażla tal-kawża Roquette Frères hija limitata għal proċeduri leġiżlattivi ċentrali tal-Unjoni, filwaqt li l-għażla tal-kawża CIA Security International, għalkemm tista’ tidher attraenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn, xorta ma hijiex adatta, peress li tipprovdi s-soluzzjoni għal problema differenti ħafna. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, la Roquette Frères u lanqas CIA Security International ma jgħinu sabiex tiġi solvuta l-kawża inkwistjoni.

96.      Ir-risposta li nipproponi għat-tieni domanda hija, għaldaqstant, li l-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali adottat bi ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

3.      Rimedji oħra possibbli

97.      Madankollu, il-konstatazzjoni li għadha kif saret ma timplikax li l-qorti tar-rinviju ma tistax tannulla l-liġi kkontestata.

98.      Huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tannulla miżura meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, għas-sempliċi raġuni li ebda kompetenza bħal din ma ngħatatilha mit-Trattati (72). Il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura madankollu, fil-kompetenzi u l-mandat tagħha, li d-dritt ta’ konsultazzjoni mal-BĊE jkun salvagwardjat fil-proċeduri nazzjonali.

99.      Ovvjament, huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Il-kompetenza sabiex jiġi ddeterminat liema qorti għandha kompetenza sabiex tistħarreġ il-leġiżlazzjoni nazzjonali u sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att ta’ dritt nazzjonali hija tal-Istati Membri. Madankollu, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 għandu jkun protett fi proċeduri bħal dik preżenti, fejn id-dritt nazzjonali jagħti kompetenza lill-qorti nazzjonali relevanti sabiex tistħarreġ il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-protezzjoni ta’ dak id-dritt għandha tiġi żgurata fuq il-livell nazzjonali, peress li l-kuntest jinvolvi proċedura leġiżlattiva nazzjonali. Minn din il-perspettiva, huma l-Istati Membri, in casu r-Repubblika tal-Latvja, li għandhom jipprovdu rimedji u proċeduri sabiex jipproteġu tali dritt. F’dan ir-rigward, nuża t-terminoloġija ta’ Walter Van Gerven, li qal li “il-kunċett ta’ dritt jirreferi [...] għal pożizzjoni legali li persuna [...] jista’ jkollha u li fl-istat normali tiegħu jista’ jiġi infurzat minn dik il-persuna kontra [...] oħrajn quddiem qorti tal-ġustizzja permezz ta’ rimedju wieħed jew iktar, dawk huma klassijiet ta’ azzjoni, maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għal ksur tad-drittijiet ikkonċernati, skont il-proċeduri li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ tali klassijiet ta’ azzjoni u maħsuba sabiex jagħmlu r-rimedju kkonċernat operattiv” (73).

100. Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha tesplora l-possibbiltajiet proċedurali kollha inkluż l-għoti ta’ locus standi (attiv) lill-BĊE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE. Dan jippermetti lill-BĊE jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-proċedura nazzjonali. Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju għandha tesplora l-possibbiltà li l-BĊE jintervjeni fi proċeduri nazzjonali, bħal dawk fil-proċedura prinċipali meta tkun fir-riskju l-legalità ta’ att nazzjonali li jaqa’ fil-portata tal-Artikolu 127(4) TFUE inkwistjoni.

D.      It-tielet domanda

101. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tordna ż-żamma tal-effetti legali tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi matul il-perijodu ta’ validità tagħhom.

102. Fi kliem ieħor, it-tielet domanda hija dwar jekk il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tistax, skont id-dritt tal-Unjoni, tagħmel possibbli li liġi nazzjonali tiġi adottata bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jkompli jipproduċi l-effetti legali tiegħu għall-perijodu kollu li matulu kien fis-seħħ, anki jekk dik il-liġi hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

103. Abbażi tar-risposta proposta tiegħi għat-tieni domanda, ma hemmx bżonn li tiġi indirizzata t-tielet domanda. L-analiżi li ġejja għalhekk proposta sabiex tiġi kkunsidrata fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward tat-tieni domanda.

104. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja lil regola ta’ dritt tal-Unjoni tiċċara u tiddefinixxi t-tifsira u l-portata ta’ dik ir-regola kif għandha jew kif kellha tiġi mifhuma u applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (74). Minn dan isegwi li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qrati għal relazzjonijiet legali li nħolqu u ġew stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni, sakemm f’aspetti oħra l-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima relatata mal-applikazzjoni ta’ dik ir-regola quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni jkunu ssodisfatti (75). Huwa biss b’mod pjuttost ta’ eċċezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tkun imġiegħla tirrestrinġi għal kwalunkwe persuna kkonċernata l-opportunità li tinvoka dispożizzjoni li interpretat bil-għan li tpoġġi f’dubju relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide (76).

105. Fi kwalunkwe każ, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni possibbli (77) u dan għal raġuni valida: inkella, qorti nazzjonali tkun tista’ tipposponi l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni, u b’hekk taffettwa n-natura erga omnes tagħha, li l-għan ewlieni tagħha huwa li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u ċ-ċertezza legali fl-Istati Membri kollha u toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri, iċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi. F’dan ir-rigward, ir-regoli tad-dritt nazzjonali, anki ta’ ordni kostituzzjonali, ma jistgħux jitħallew idgħajfu l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (78).

106. Żewġ kriterji essenzjali għandhom jiġu ssodisfatti qabel ma tkun tista’ tiġi imposta tali limitazzjoni, jiġifieri li dawk ikkonċernati għandhom ikunu aġixxew in bona fide u li għandu jkun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji (79).

107. Għandu jingħad ukoll li huwa biss b’mod ta’ eċċezzjoni (80) li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet tali soluzzjoni u dan kien biss f’ċirkustanzi pjuttost speċifiċi: fejn kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji minħabba b’mod partikolari l-għadd kbir ta’ relazzjonijiet legali li saru in bona fide abbażi ta’ regoli kkunsidrati bħala validament fis-seħħ u fejn ikun deher li individwi u awtoritajiet nazzjonali kienu twasslu sabiex jadottaw prattiki li ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva rigward l-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, li għalihom setgħet saħansitra kkontribwiet l-imġiba ta’ Stati Membri oħra jew tal-Unjoni (81).

108. Fir-rigward tal-każ preżenti, niddubita li, f’sitwazzjoni fejn dik il-leġiżlazzjoni kellha tiġi ddikjarata inapplikabbli, ikun hemm raġunijiet konvinċenti ta’ ċertezza legali jew ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma tagħha. Id-diffikultajiet baġitarji ċċitati mill-qorti tar-rinviju, marbuta ma’ dik l-inapplikabbiltà, li jimplikaw li, fejn applikabbli, l-ammont totali ta’ madwar EUR 97 miljun imħallas fil-baġit tal-Istat minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollu jiġi rrimborsat, fil-fehma tiegħi, ma humiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxu tali raġunijiet.

109. Fir-rigward tal-kriterju tal-bona fide, abbażi tal-analiżi tal-ewwel domanda f’dawn il-Konklużjonijiet, ma narax kif l-interpretazzjoni tal-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415, tista’ raġonevolment tiġi interpretata bħala li tawtorizza lil parlament nazzjonali sabiex jadotta miżuri leġiżlattivi qabel ma l-BĊE jkun ippreżenta l-opinjoni tiegħu jew qabel ma jkun skada t-terminu sabiex jagħmel dan, meta wieħed jikkunsidra l-kliem ċar ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

110. Fl-aħħar nett, rigward il-kriterju tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, filwaqt li huwa minnu li mid-digriet tar-rinviju jidher li għadd kbir ta’ relazzjonijiet legali ġew konklużi abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ riskju ta’ tfixkil serju, fil-fehma tiegħi, ma tidhirx li ġiet murija a priori, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis dawn id-dispożizzjonijiet bħala inapplikabbli. Ir-raġunijiet ekonomiċi mressqa mill-qorti tar-rinviju – jiġifieri, li sentenza li tiddikjara d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kkontestati nulli u bla effett mill-adozzjoni tagħhom x’aktarx li jkollha impatt sinjifikattiv fuq l-interessi baġitarji tar-Repubblika tal-Latvja – fil-fehma tiegħi, ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji għal dak l-Istat Membru.

111. Għandu jitfakkar fl-aħħar nett, kif jargumenta b’mod konvinċenti l-BĊE, li r-riskju ta’ telf finanzjarju li jistgħu jsofru l-mutwatarji ipotekarji fil-Latvja bħala riżultat ta’ deċiżjoni f’dak is-sens mill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li huwa limitat. Jekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-kumpanniji kapitali awtorizzati li jagħtu self lill-klijenti tagħhom kellhom jitolbu ħlas lura mingħand mutwatarji ipotekarji fil-Latvja, dawk il-mutwatarji ipotekarji jistgħu possibbilment jippreżentaw rikors għad-danni kontra dak l-Istat Membru sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom.

112. Konsegwentement, ir-risposta li nipproponi għat-tielet domanda hija li l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tiddeċiedi fis-sentenza tagħha li l-effetti legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jinżammu matul il-perijodu ta’ validità tagħhom.

V.      Konklużjoni

113. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li

f’sitwazzjoni li taqa’ taħt l-oqsma tal-kompetenza tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-obbligu li l-Bank Ċentrali Ewropew jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva skont dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunx issodisfatt f’sitwazzjoni fejn il-parlament ta’ Stat Membru jadotta liġi qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, fejn ikun hemm proċedura nazzjonali li taħtha l-liġi inkwistjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-parlament qabel il-promulgazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha.

(2)      L-Artikolu 127(4) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415

ma għandhomx jiġu interpretati li jfissru li qorti nazzjonali għandha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali adottata bi ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

(3)      Il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali

ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tiddeċiedi fis-sentenza tagħha li l-effetti legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jinżammu matul il-perijodu ta’ validità tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 446.


3      Latvijas Vēstnesis, 1993, Nru 43; Latvijas Republikas Saeimas un Ministru Kabineta Ziņotājs, 1994, Nru 6; Valdības Vēstnesis, 1922, Nru 141 ; u Diena, 1993, Nru 81.


4      Latvijas Vēstnesis, 1994, Nru 96; u Latvijas Republikas Saeimas un Ministru Kabineta Ziņotājs, 1994, Nru 17.


5      Latvijas Vēstnesis, 1999, Nru 104/105; u Latvijas Republikas Saeimas un Ministru Kabineta Ziņotājs, 1999, Nru 9.


6      Ara l-punt 11 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


7      Ara l-Artikolu 13(1) TUE.


8      Konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 219 TFUE.


9      Tal-inqas fir-rigward tal-verżjoni Ingliża, Franċiża u dik Ġermaniża.


10      Kif jista’ jiġi dedott mill-użu tat-terminu “għandu”.


11      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE.


12      It-tieni inċiż tal-Artikolu 127(4) TFUE.


13      B’mod imperfett għaliex it-terminu “responsabbiltajiet” huwa legalment inqas preċiż mill-kliem “oqsma tal-kompetenza”. L-opinjoni opposta ssostni li “responsabbiltajiet” (Artikolu 282(5) TFUE) tipikament ipoġġi f’termini konkreti l-“oqsma tal-kompetenza” (Artikolu 127(4) TFUE), u huwa għalhekk li l-ewwel terminu huwa allegatament iktar preċiż minn dawk tal-aħħar. Madankollu, anki dawn l-opinjonijiet ma jaslu għal ebda konklużjoni legali minn din il-konstatazzjoni semantika dwar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija. Ara Manger-Nestler, C., f‘Pechstein, M., Nowak, C. u Häde, U. (edi), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, it-tieni edizzjoni, Vol. IV, Mohr Siebeck, Tübingen, 2023, Art. 282 AEUV, punt 17. Din id-differenza terminoloġika ma hijiex riflessa fil-verżjoni Latvjana ta’ dawn id-dispożizzjoniiet.


14      Ara wkoll, f’dan is-sens, Häde, U., f‘Calliess, Chr. u Ruffert, M. (edi.), EUV/AEUV Kommentar, C.H. Beck, Munich, is-sitt edizzjoni, 2022, Art. 282 AEUV, punt 49.


15      Ara wkoll, f’dan is-sens, Kempen, B., f‘Streinz, R. (ed.), EUV/AEUV Kommentar, C.H. Beck, Munich, it-tielet edizzjoni, 2018, Art. 127 AEUV, punt 24.


16      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 110). Xi mkien ieħor, għalkemm mhux fil-kuntest tal-obbligu ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 127(4) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kompetenza ekonomika tal-BĊE, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015 fil-kawża Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 75).


17      Ara f’dan is-sens; fir-rigward tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2002:556, punt 140), li jindika wkoll l-għarfien jew il-kompetenza partikolari tal-BĊE, b’mod partikolari, fil-politika monetarja u jenfasizza li l-involviment tal-BĊE skont l-Artikolu 127(4) TFUE jfittex li jtejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-vantaġġ tal-politika Ewropea kollha kemm hi.


18      Ara l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415.


19      Bħala eżempju, is-sitwazzjoni hija kif ġej f’xi pajjiżi magħżula - il-Polonja: skont l-Artikolu 118 tal-Kostituzzjoni Pollakka, is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva jappartjeni lill-Membri tal-Parlament, lis-Senat, lill-President tar-Repubblika u lill-Kunsill tal-Ministri (punt 1), kif ukoll lil grupp ta’ mill-inqas 100 000 ċittadin li għandhom id-dritt li jivvutaw, fejn il-proċedura għal tali inizjattiva taċ-ċittadini hija ddefinita minn liġi (punt 2); Franza: skont l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni Franċiża, is-setgħa tal-inizjattiva leġiżlattiva tappartjeni b’mod konġunt lill-Prim Ministru u lill-Membri tal-Parlament. Il-Ġermanja: skont il-Liġi Bażika, id-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva għal-liġijiet federali jappartjeni lill-Bundesregierung (il-Gvern Federali), lill-Bundesrat (il-Kunsill Federali) u lill-Bundestag (il-Parlament Federali) “minn fostu”, jiġifieri, permezz ta’ grupp parlamentari jew mill-inqas 5 % tal-membri tiegħu. Il-Portugall: skont l-Artikolu 167(1) tal-Kostituzzjoni Portugiża, l-inizjattiva leġiżlattiva u r-referenda hija tal-Membri tal-Parlament, il-gruppi parlamentari u l-Gvern, u wkoll, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, tal-gruppi ta’ votanti eliġibbli.


20      Sabiex nieħdu l-istess pajjiżi magħżula min-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti – Il-Polonja: is-Sejm (il-Parlament) jadotta liġijiet (Artikolu 120 tal-Kostituzzjoni Pollakka) u s-Senat japprovahom, jemendahom jew jirrifjutahom (Artikolu 121(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka); Franza: iż-żewġ kmamar tal-Parlament, jiġifieri, l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat (Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni Franċiża) jadottaw liġijiet, u l-President tar-Repubblika jipproklama l-liġijiet (Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni Franċiża); il-Ġermanja: skont l-Artikoli 76 u 77 tal-Liġi Bażika, primarjament il-Parlament Federali, għalkemm il-Kunsill Federali għandu jagħti l-kunsens tiegħu f’ċerti każijiet speċifikati b’mod speċifiku mil-Liġi Bażika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 82 tal-Liġi Bażika, fil-każijiet kollha l-Bundespräsident (il-President Federali) jipparteċipa sa fejn liġi tista’ tidħol fis-seħħ biss ladarba tkun ġiet iffirmata u pproklamata mill-President Federali; il-Portugall: skont it-tip ta’ liġi adottata, jew mill-Parlament (Artikolu 168 tal-Kostituzzjoni Portugiża) jew mill-Kunsill tal-Ministri (Artikolu 198(1) u Artikolu 200(1)(d) tal-Kostituzzjoni Portugiża). Fiż-żewġ każijiet, il-President tar-Repubblika jipproklama l-liġijiet (Artikolu 136(1) u (4) tal-Kostituzzjoni Portugiża).


21      Ma hemmx għalfejn jingħad li l-istess jgħodd għall-Unjoni, fejn, tipikament, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadottaw dritt sekondarju permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 294 TFUE.


22      Ara l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 98/415.


23      Ara l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 98/415.


24      Ara l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 98/415.


25      Ara l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 98/415.


26      Ara l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 98/415.


27      Ara l-punt 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


28      Ara l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Latvjana.


29      Skont dik id-dispożizzjoni, il-Parlament Latvjan, kif ukoll il-poplu, għandhom id-dritt li jilleġiżlaw, skont il-proċeduri, u sal-portata, prevista minn dik il-kostituzzjoni.


30      Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja, xi kultant, irreferiet għaż-żewġ sentenzi bħala tali. Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1995, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 21 et seq.).


31      Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/78, EU:C:1980:249) (is-‘sentenza Roquette Frères’) u Maizena vs Il‑Kunsill (139/79, EU:C:1980:250). Peress li s-sentenzi fihom konstatazzjonijiet identiċi għall-finijiet tal-analiżi f’dawn il-Konklużjonijiet u għall-faċilità ta’ referenza ser nirreferi biss għas-sentenza Roquette Frères.


32      Kif inhu magħruf sew, kien biss bl-Att Uniku Ewropew (dħul fis-seħħ: l-1 ta’ Lulju 1987) li l-Parlament ipparteċipa fil-proċess leġiżlattiv permezz tal-proċedura ta’ kooperazzjoni u biss bit-Trattat ta’ Maastricht (dħul fis-seħħ: l-1 ta’ Novembru 1993) li ġie introdott il-mekkaniżmu ta’ kodeċiżjoni, dak li inizjalment seta’ jiġi deskritt bħala ‘doża omeopatika’. Il-mekkaniżmu ġie estiż gradwalment bit-Trattati ta’ Amsterdam (dħul fis-seħħ: l-1 ta’ Mejju 1999) u ta’ Nizza (dħul fis-seħħ: l‑1 ta’ Frar 2003), sabiex laħaq il-qofol tiegħu fil-liġi kif inhi bit-Trattat ta’ Lisbona (dħul fis-seħħ: l‑1 ta’ Diċembru 2009) fil-forma tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 294 TFUE.


33      Issa l-Artikolu 43(2) TFUE.


34      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980 fil-kawża Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/79, EU:C:1980:249, punt 33).


35      Ibid.


36      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980 fil-kawża Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/79, EU:C:1980:249, punt 35). Il-verżjoni Ingliża tas-sentenza tirreferi wkoll, fil-punt 33, għal “formalità essenzjali” li nifhem li tfisser l-istess ħaġa.


37      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980 Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/79, EU:C:1980:249, punt 33). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Reischl fil-kawża Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/79, EU:C:1980:213, p. 3375), li skonthom is-setgħa konsultattiva tal-Parlament “ma tistax issir prattikament ineffettiva billi tiġi prekluża kompletament mingħajr ebda konsegwenzi legali.”


38      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980 fil-kawża Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/79, EU:C:1980:249, punt 34). Enfasi miżjuda minni.


39      Ibid.


40      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 1983 fil-kawża Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (230/81, EU:C:1983:32, punt 38); is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 fil-kawża Il‑Greċja vs Il‑Kunsill (204/86, EU:C:1988:450, punt 16); u s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1995 fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 23).


41      Skont dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 75 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.


42      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1995 fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 23).


43      Ta’ min jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi adotta l-linja ta’ azzjoni deskritta, il-Parlament kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkoopera b’mod leali mal-Kunsill. Ir-rekwiżit proċedurali essenzjali tal-konsultazzjoni Parlamentari ma kien ġie osservat minħabba n-nuqqas tal-Parlament li jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkoopera b’mod leali mal-Kunsill. Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1995, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑65/93, EU:C:1995:91, punti 27 u 28).


44      Ara l-Artikolu 322(1) u (2) TFUE.


45      Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 304 TFUE, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-TFUE, bħall-Artikoli 43(2) TFUE. Għal lista sħiħa, ara Breuer, M., f’Pechstein, M., Nowak, C., u Häde, U. (edi), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, it-tieni edizzjoni, Vol. IV, Mohr Siebeck, Tübingen, 2023, Art. 304 AEUV, punt 4.


46      Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 TFUE, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-TFUE, bħall-Artikolu 91(1) TFUE. Għal lista indikattiva kompluta, ara Breuer, M., f’Pechstein, M., Nowak, C., u Häde, U. (edi), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, it-tieni edizzjoni, Vol. IV, Mohr Siebeck, Tübingen, 2023, Art. 307 AEUV, punt 4.


47      Dak li qabel kien l-Artikolu 118 Trattat KEE.


48      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 1987, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, EU:C:1987:351, punt 38 et seq.).


49      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Enichem Base et (380/87, EU:C:1989:318, iktar ’il quddiem is-“sentenza Enichem Base”, EU:C:1989:318, punt 14).


50      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989 fil-kawża Enichem Base et (380/87, EU:C:1989:318, punt 21).


51      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989 fil-kawża Enichem Base et (380/87, EU:C:1989:318, punt 22).


52      Sentenza tat‑30 ta’ April 1996 (C‑194/94, iktar ’il quddiem is-“sentenza CIA Security International’, EU:C:1996:172).


53      Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat‑28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi (ĠU 1983 L 109, p. 8). Din id-direttiva ġiet sussegwentement sostitwita bid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), li mbagħad ġiet hija wkoll issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 241, p. 1).


54      Ara s-sentenza CIA Security International (punt 44).


55      Ara s-sentenza CIA Security International (punt 45). Enfasi miżjuda minni.


56      Dan l-argument sar mill-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit. Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 1996 fil-kawża CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 46).


57      Ara s-sentenza CIA Security International (punt 48).


58      Ara s-sentenza CIA Security International (punt 49).


59      Ara s-sentenza CIA Security International (punt 54).


60      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496, punt 49); tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Sapod Audic (C‑159/00, EU:C:2002:343, punt 51); tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 67); tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821, punt 64); tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela (C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 36); tat‑12 ta’ Settembru 2019, VG Media (C‑299/17, EU:C:2019:716, punt 39), tat‑13 ta’ Marzu 2025, fil-kawża Unigames (C‑120/24, EU:C:2025:174, punt 62).


61      Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.


62      Huwa minn dan l-angolu li din il-ġurisprudenza tradizzjonalment tikseb l-iktar attenzjoni (akkademika). Ara, fost ħafna u bħala eżempju, Dougan, M., “When worlds collide! Competing versions of the relationship between direct effect and supremacy”, fil-Common Market Law Review, Nru 44, Issue 4, 2007, p. 931 sa 963, b’mod partikolari p. 957 sa 963. Ara wkoll Gallo, D., “Direct Effect in EU Law”, Oxford University Press, Oxford, 2025, p. 107 et seq.


63      Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019 Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 60 et seq.): “il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal sabiex tiddaħħal inkwistjoni d-distinzjoni essenzjali bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett u dawk li ma għandhomx tali effett dirett, u għalhekk lanqas ma jista’ jwassal sabiex jistabbilixxi sistema unika għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali […] kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, hija, bħala korp ta’ Stat Membru, obbligata ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha.” Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37).


64      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023 fil-kawża Vapo Atlantic (C‑604/21, EU:C:2023:175, punt 44), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola Portugiża li teħtieġ mira ta’ inkorporazzjoni ta’ 10 % ta’ bijokarburanti għall-karburanti rrilaxxati għall-konsum kienet regolament tekniku skont id-Direttiva 98/34 u, minħabba li l-abbozz tagħha ma ġiex innotifikat, ma setgħetx tiġi infurzata, mill-Istat, kontra individwi.


65      Ara l-Artikolu 258 TFUE.


66      Ara l-Artikolu Artikolu 259 TFUE.


67      Dan huwa b’kuntratt mal-atti tal-Unjoni, li jistgħu jiġu annullati taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.


68      Skont id-Direttivi 98/34/KE u 2015/1535.


69      Ara, f’dan is-sens, Häde, U., ‘Die Pflicht zur Anhörung der Europäischen Zentralbank nach Art. 105 Abs. 4 EGV’, in Gornig, G.H., Schöbener, B., Bausback, W. u Irmscher, T.H. (edi), Iustitia et Pax. Gedächtnisschrift für Dieter Blumenwitz, Duncker & Humblot, Berlin, 2008, p. 1027 sa 1046, f’p. 1041. Ara wkoll Hahn, H.J. u Häde, U., Währungsrecht, it-tieni edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2010, § 17, punt 92. Insostenn ta’ din is-soluzzjoni, ara wkoll Zilioli, C. u Selmayr, M., La Banca centrale europea, Giuffrè Editore, Milan, 2007, p. 194; Manger-Nestler, C., f’Pechstein, M., Nowak, C. u Häde, U. (edi), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, it-tieni edizzjoni, Vol. III, Mohr Siebeck, Tübingen, 2023, Art. 127 AEUV, punt 49; Griller, S., fi Grabitz, E., Hilf, M. u Nettesheim, M. (edi), Das Recht der Europäischen Union, 82. EL., aġġornat Mejju 2024, C.H. Beck, Munich, Art. 127 AEUV, punt 99; Waldhoff, C., f’Siekmann, H. (ed.), The European Monetary Union – A Commentary on the Legal Foundations, Hart Publishing, Oxford, 2021, Article 127 TFUE, punt 209; u Arda, A., ‘Consulting the European Central Bank. Legal aspects of the Community and national authorities’ obligation to consult the ECB pursuant to Article 105(4) EC’, Revue européenne de droit bancaire et financier, 2004, p. 111 sa 152, f’p. 151.


70      Li ddeskrivejt xi mkien ieħor bħala l-pedament legali storiku tat-Trattati u l-prinċipju organizzattiv ċentrali tagħhom, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 1).


71      Ara s-sentenza CIA Security International (punt 40), u s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Vapo Atlantic (C‑604/21, EU:C:2023:175, punt 42).


72      Ara, a contrario, l-Artikolu 5(2) TUE, flimkien mal-Artikoli 258 et seq. TFUE. Jista’ jingħad li l-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju hija l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE. Ara, dwar din il-proċedura pjuttost partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punti 65 sa 77).


73      Ara Van Gerven, W., “Of rights, remedies and procedures”, fil-Common Market Law Review, Nru 37, p. 501 sa 536, fil-p. 502.


74      Dan huwa komunement imsejjaħ l-effett ex tunc tad-deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.


75      Din il-ġurisprudenza tmur lura ħafna deċennji (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, EU:C:1980:100, punt 16), tas‑27 ta’ Marzu 1980, Meridionale Industria Salumi et (66/79, 127/79 u 128/79, EU:C:1980:101, punt 9) u hija mtennija regolarment (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 125); tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 44), u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Bundesrepublik Deutschland (Determinazzjoni tar-rati tat-tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi) (C‑321/19, EU:C:2020:866, punt 54)).


76      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2015 fil-kawża Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 45), u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Bundesrepublik Deutschland (Determinazzjoni tar-rati tat-tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi) (C‑321/19, EU:C:2020:866, punt 55).


77      Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 67), u tad‑19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, EU:C:2009:719, punt 84). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2007 fil-kawża Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 3), u tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 61).


79      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 45), u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Bundesrepublik Deutschland (Determinazzjoni tar-rati tat-tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi) (C‑321/19, EU:C:2020:866, punt 55).


80      Ara fid-dettall Düsterhaus, D., “Eppur Si Muove! The Past, Present, and (possible) Future of Temporal Limitations in the Preliminary Ruling Procedure”, Yearbook of European Law, 2016, p. 237 sa 274.


81      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital (C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).