|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2473 |
20.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2473
tad-19 ta’ Settembru 2024
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/573 jipprevedi sistema elettronika għall-ġestjoni tas-sistema tal-kwoti, ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, u l-obbligi ta’ rapportar dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (il-“Portal tal-gassijiet F”). |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Portal tal-gassijiet F, u l-implimentazzjoni tal-kontrolli doganali u tas-sorveljanza tas-suq meħtieġa, huwa importanti li jiġu speċifikati r-rekwiżiti għall-impriżi li jeħtieġ li jkollhom reġistrazzjoni valida fil-portal qabel ma jwettqu ċerti attivitajiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-impriżi biex tiżgura l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni inkluża fil-Portal tal-gassijiet F. |
|
(3) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema tal-kwoti u l-liċenzjar, jiġu evitati distorsjonijiet tas-sistema tal-kwoti u jiġu evitati ċ-ċirkomvenzjoni u l-abbużi tar-regoli applikabbli, jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jipprovdu ċerta informazzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-post, l-attivitajiet kummerċjali u l-istatus legali u finanzjarju tagħhom. |
|
(4) |
F’konformità mar-Regolament (UE) 2024/573, il-Portal tal-gassijiet F għandu jkun interkonness mal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana permezz tat-Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana — Sistema ta’ Skambju taċ-Ċertifikati (CSW-CERTEX tal-UE). Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi jipprovdu ċerta informazzjoni li tippermetti l-kontrolli doganali previsti f’dak ir-Regolament. |
|
(5) |
L-impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni, li jitolbu allokazzjonijiet tal-kwoti, jużaw jew jittrasferixxu kwota, jew jawtorizzaw l-użu ta’ kwota minn impriżi oħra, jew jirċievu tali awtorizzazzjonijiet għall-użu tagħhom stess jew għad-delega lil impriżi rreġistrati oħra, huma meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2024/573 li jaħtru rappreżentant uniku stabbilit fl-Unjoni u jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu ċerta informazzjoni dwar ir-rappreżentant uniku. |
|
(6) |
Minħabba l-karatteristiċi differenti tal-attivitajiet tagħhom, l-awdituri li jivverifikaw ir-rapporti ppreżentati mill-impriżi f’konformità mal-Artikolu 19(3) u l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) 2024/573 jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni speċifika għall-fini ta’ reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F. |
|
(7) |
Sabiex jippermettu l-funzjonament bla xkiel tal-Portal tal-gassijiet F, it-twettiq ta’ kontrolli kif ukoll l-implimentazzjoni korretta tas-sistema tal-kwoti, jenħtieġ li l-impriżi jiżguraw li l-informazzjoni li jipprovdu tkun kompluta, preċiża u aġġornata. |
|
(8) |
B’kont meħud tal-liġijiet u r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-istabbiliment u l-operat tal-impriżi, il-Kummissjoni teħtieġ l-assistenza tal-Istati Membri sabiex tivvaluta l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-Kummissjoni għal tali finijiet. |
|
(9) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 (2) jistabbilixxi r-regoli li jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi, stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Peress li r-Regolament (UE) 2024/573 issostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 517/2014, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 jiġi sostitwit ukoll. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“sid benefiċjarju” tfisser sid benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 3(6), tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); |
|
(b) |
“indirizz fiżiku” tfisser l-indirizz fiżiku tal-istabbiliment tan-negozju permanenti kif definit fil-punt 32 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
Artikolu 2
Rekwiżiti ta’ informazzjoni għar-reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F
1. L-impriżi stabbiliti fl-Unjoni, għajr l-awdituri indipendenti msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) 2024/573, għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni għall-fini ta’ reġistrazzjoni fis-sistema elettronika għall-fini tal-ġestjoni tas-sistema tal-kwoti, ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, u l-obbligi ta’ rapportar dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (il-“Portal tal-gassijiet F”):
|
(a) |
l-isem u l-forma ġuridika tal-impriża kif jidher fid-dokumenti uffiċjali rilevanti f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali; |
|
(b) |
l-indirizz fiżiku tal-impriża, inkluż l-isem tat-triq u n-numru tal-bini, il-kodiċi postali, l-isem tal-belt u l-pajjiż, kif indikat fil-bażi tad-data tat-Tassazzjoni u tal-Unjoni Doganali (VIES) u l-bażi tad-data tar-Reġistrazzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI); |
|
(c) |
in-numru tat-telefon tal-impriża, inkluż il-kodiċi telefoniku internazzjonali; |
|
(d) |
in-numru tal-VAT tal-impriża; |
|
(e) |
in-numru EORI tal-impriża, jekk applikabbli; |
|
(f) |
l-isem tal-persuna ta’ kuntatt li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin, u l-indirizz tal-posta elettronika individwali tagħha użat għal skopijiet professjonali li jkun fih, jekk applikabbli, link ċara mal-isem tal-impriża:
|
|
(g) |
deskrizzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tal-impriża; |
|
(h) |
konferma bil-miktub tal-intenzjoni tal-impriża li tirreġistra fil-Portal tal-gassijiet F datata u ffirmata minn sid benefiċjarju jew impjegat tal-impriża li jkun awtorizzat jagħmel dikjarazzjonijiet legalment vinkolanti f’isem l-impriża; |
|
(i) |
id-dettalji tal-kont bankarju tal-impriża fl-Unjoni li jintuża mill-impriża għall-attivitajiet tan-negozju tagħha vvalidati jew permezz ta’ dokument ittimbrat, datat u ffirmat minn rappreżentant tal-bank jew dikjarazzjoni bankarja uffiċjali oriġinali relatata ma’ dak il-kont bankarju fl-Unjoni ddatata mhux qabel l-aħħar 3 xhur. |
2. L-impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni li jkunu taw mandat lil rappreżentant uniku kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2024/573 għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni għall-fini ta’ reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F:
|
(a) |
l-isem u l-forma ġuridika tal-impriża u tar-rappreżentant uniku kif jidhru fid-dokumenti uffiċjali rilevanti f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali u dokument uffiċjali li fuqu jidhru l-isem u l-forma ġuridika flimkien ma’ traduzzjoni ċċertifikata ta’ dak id-dokument bl-Ingliż; it-traduzzjoni ċċertifikata għandha tkun datata u għandha tinkludi l-isem, it-timbru, il-firma tat-traduttur u dikjarazzjoni li t-traduzzjoni hija preċiża u kompluta; |
|
(b) |
l-indirizz fiżiku tal-impriża u tar-rappreżentant uniku, inkluż l-isem tat-triq u n-numru tal-bini, il-kodiċi postali, l-isem tal-belt u l-pajjiż; |
|
(c) |
in-numru tat-telefon tal-impriża u tar-rappreżentant uniku, inkluż il-kodiċi telefoniku internazzjonali; |
|
(d) |
in-numru tal-VAT tar-rappreżentant uniku; |
|
(e) |
id-dettalji tal-kont bankarju tar-rappreżentant uniku fl-Unjoni li jintuża mir-rappreżentant uniku għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu vvalidati jew permezz ta’ dokument ittimbrat, datat u ffirmat minn rappreżentant tal-bank jew dikjarazzjoni bankarja uffiċjali oriġinali relatata ma’ dak il-kont bankarju ddatata mhux qabel l-aħħar 3 xhur; |
|
(f) |
l-isem tal-persuna ta’ kuntatt tar-rappreżentant uniku li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin, u l-indirizz tal-posta elettronika individwali tiegħu użat għal skopijiet professjonali li jkun fih, jekk applikabbli, rabta ċara mal-isem tal-impriża:
|
|
(g) |
indirizz tal-posta elettronika tar-rappreżentant uniku; |
|
(h) |
deskrizzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tal-impriża; |
|
(i) |
konferma bil-miktub tal-intenzjoni tal-impriża li tirreġistra fil-Portal tal-gassijiet F datata u ffirmata minn sid benefiċjarju jew impjegat tal-impriża li jkun awtorizzat jagħmel dikjarazzjonijiet legalment vinkolanti f’isem l-impriża u minn sid benefiċjarju jew impjegat tar-rappreżentant uniku li jkun awtorizzat jagħmel dikjarazzjonijiet legalment vinkolanti f’isem ir-rappreżentant uniku; |
|
(j) |
in-numru EORI tal-impriża, jekk applikabbli. |
3. L-awdituri indipendenti msemmija fl-Artikolu 19(3) u fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) 2024/573 għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni għall-fini ta’ reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F:
|
(a) |
l-isem u l-forma ġuridika kif jidher fid-dokumenti uffiċjali rilevanti f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali; |
|
(b) |
isem l-awditur(i), li jiffirma/jiffirmaw ir-rapport ta’ verifika, u indirizz tal-posta elettronika individwali użat għal skopijiet professjonali esklużivament minn dik il-persuna; |
|
(c) |
l-indirizz, inkluż l-isem tat-triq u n-numru tal-bini, il-kodiċi postali, l-isem tal-belt u l-pajjiż; |
|
(d) |
in-numru tat-telefon, inkluż il-kodiċi telefoniku internazzjonali; |
|
(e) |
l-isem ta’ persuna ta’ kuntatt u indirizz tal-posta elettronika individwali użati għal finijiet professjonali esklużivament minn dik il-persuna; |
|
(f) |
dokumentazzjoni li tagħti prova tal-akkreditazzjoni tal-awditur kif stabbilit fl-Artikolu 19(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/573; |
|
(g) |
il-lista tal-Istati Membri li fihom l-awditur huwa awtorizzat li jwettaq l-awditu msemmi fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, jew fl-Artikolu 26(8), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/573, kif applikabbli, kif ukoll il-lingwi li bihom huwa awtorizzat iwettaq dak l-awditu. |
4. Sabiex ikunu eliġibbli għas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2024/573, l-importaturi u l-produtturi li mhumiex irreġistrati fil-Portal tal-gassijiet F għandhom jissottomettu talba għar-reġistrazzjoni sal-1 ta’ Frar tal-istess sena li fiha se tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni.
Artikolu 3
Rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali għar-reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F
1. Il-Kummissjoni tista’ titlob lil impriża tipprovdi informazzjoni dwar l-identità tas-sidien benefiċjarji tal-impriża, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant uniku tal-impriża, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta’ sjieda benefiċjarja u t-tip u l-livell ta’ kontroll li kull sid bħal dan huwa intitolat li jeżerċita.
2. Il-Kummissjoni tista’, fejn ġustifikat wara valutazzjoni preliminari tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 2 u, jekk applikabbli, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, titlob lill-impriża tipprovdi dan li ġej:
|
(a) |
informazzjoni addizzjonali jew evidenza ta’ sostenn li turi l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 2 jew, skont il-każ, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-impriża jew għar-rappreżentant uniku tal-impriża; |
|
(b) |
il-pjan tan-negozju tal-impriża għal attivitajiet futuri u ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tan-negozju preċedenti; |
|
(c) |
dokument li jipprovdi prova tal-istruttura tal-ġestjoni tal-impriża; |
|
(d) |
informazzjoni dwar l-istatus legali jew finanzjarju tas-sid benefiċjarju tal-impriża jew tar-rappreżentant uniku; |
|
(e) |
informazzjoni dwar kwalunkwe rabta, bħal rabtiet legali, ekonomiċi jew fiskali, ma’ impriżi oħra, jew is-sidien benefiċjarji ta’ impriżi oħra, li jkunu ssottomettew talba għal reġistrazzjoni jew li jkunu diġà rreġistrati fil-Portal tal-gassijiet F; |
|
(f) |
kwalunkwe informazzjoni jew evidenza ta’ sostenn li l-importatur jew il-produttur għandu esperjenza fl-attivitajiet kummerċjali ta’ sustanzi kimiċi jew fis-servizzjar ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni, ta’ arja kundizzjonata, ta’ pompi tas-sħana jew ta’ tagħmir għall-protezzjoni min-nar għal 3 snin konsekuttivi; |
|
(g) |
kwalunkwe informazzjoni jew evidenza ta’ sostenn li tagħti prova tal-akkuratezza tal-indirizz fiżiku diġà pprovdut; |
|
(h) |
kwalunkwe informazzjoni addizzjonali jew evidenza ta’ sostenn li tagħti prova tal-akkuratezza tal-informazzjoni diġà pprovduta. |
3. Il-Kummissjoni tista’ titlob, fejn xieraq, li kwalunkwe informazzjoni jew evidenza ta’ sostenn addizzjonali mitluba skont il-paragrafu 2 mill-impriżi li jkunu taw mandat lil rappreżentant uniku tiġi akkumpanjata minn traduzzjoni ċċertifikata bl-Ingliż.
4. L-impriżi għandhom jissottomettu kwalunkwe informazzjoni jew evidenza mitluba skont dan l-Artikolu fi żmien 10 jiem ta’ xogħol wara d-data tat-talba jew fi żmien perjodu itwal li l-Kummissjoni tista’ taqbel dwaru wara talba debitament ġustifikata mill-impriża għal estensjoni.
Artikolu 4
Obbligu li tiġi aġġornata l-informazzjoni
L-impriżi rreġistrati fil-Portal tal-gassijiet F għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta minn jew f’isimhom skont dan ir-Regolament tinżamm aġġornata u għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata hekk kif kwalunkwe informazzjoni bħal din tinbidel jew ma tibqax kompluta jew preċiża.
Artikolu 5
Rifjut, sospensjoni u kanċellazzjoni tar-reġistrazzjonijiet
1. Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tivvalida reġistrazzjoni ta’ impriża fil-Portal tal-gassijiet F, jew tista’ tissospendi r-reġistrazzjoni ta’ impriża fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament (UE) 2024/573 fir-rigward ta’ dik l-impriża; |
|
(b) |
jekk kwalunkwe informazzjoni jew evidenza pprovduta skont dan ir-Regolament minn jew f’isem l-impriża ma tkunx preċiża jew kompluta; |
|
(c) |
jekk tkun ġiet ipprovduta informazzjoni deliberatament falza. |
Minbarra ċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ tissospendi r-reġistrazzjoni ta’ impriża fil-Portal tal-gassijiet F jekk ikun hemm evidenza ta’ mġiba ħażina relatata mat-tranżazzjonijiet fil-Portal tal-gassijiet F inkluż meta jkun hemm evidenza li mhumiex iwieġbu lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jew lil impriżi oħra rreġistrati fit-talbiet għall-informazzjoni tal-Portal tal-gassijiet F.
L-impriża kkonċernata u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti għandhom jiġu infurmati, permezz tal-Portal tal-gassijiet F, bir-raġunijiet għar-rifjut li tiġi vvalidata reġistrazzjoni jew sospensjoni tar-reġistrazzjoni.
2. Meta r-reġistrazzjoni ta’ impriża tiġi sospiża skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni u tirrestawra r-reġistrazzjoni fil-każ li sussegwentement ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament (UE) 2024/573, kif applikabbli, fir-rigward tal-impriża jew, kif applikabbli, l-informazzjoni jew l-evidenza pprovduta skont dan ir-Regolament minn jew f’isem l-impriża sussegwentement tiġi aġġornata sabiex tkun preċiża u kompluta.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkanċella r-reġistrazzjoni ta’ impriżi fejn tkun ġiet ipprovduta informazzjoni deliberatament falza jew jekk impriża, wara s-sospensjoni, tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni jew l-evidenza meħtieġa jew milli taġġorna l-informazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament. L-impriża kkonċernata u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti għandhom jiġu infurmati, permezz tal-Portal tal-gassijiet F, bir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tikkanċella wkoll ir-reġistrazzjoni tal-impriżi fuq talba tagħhom, inkluż fuq talba tar-rappreżentant uniku fil-każ ta’ impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni.
4. Meta r-reġistrazzjonijiet tal-impriżi ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2024/573 fir-rigward tal-indirizz fiżiku tagħhom, il-Kummissjoni għandha żżomm ir-reġistrazzjoni tal-impriża rreġistrata l-ewwel biss, sakemm l-impriża li rreġistrat l-ewwel ma tkunx indikat li impriża oħra għandha tinżamm u għandha tikkanċella r-reġistrazzjoni tal-bqija.
Meta t-talbiet għar-reġistrazzjoni tal-impriżi ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2024/573 fir-rigward tal-indirizz fiżiku tagħhom, il-Kummissjoni għandha tivvalida biss it-talba għar-reġistrazzjoni li tkun ġiet sottomessa l-ewwel, sakemm l-impriża li ppreżentat l-ewwel talba ma tkunx indikat li talba oħra għar-reġistrazzjoni għandha tiġi vvalidata.
5. Meta reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F tiġi kkanċellata, kwalunkwe kwota disponibbli u l-awtorizzazzjonijiet għandhom isiru nulli u kwalunkwe attività li għaliha kienet meħtieġa reġistrazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/573 ma għandhiex titwettaq mill-mument tal-kanċellazzjoni. L-impriża li fir-rigward tagħha tkun ġiet ikkanċellata r-reġistrazzjoni fil-Portal tal-gassijiet F għandha tiżgura li l-obbligi ta’ rapportar dwar attivitajiet preċedenti msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/573 jiġu ssodisfati.
Artikolu 6
Skambju ta’ informazzjoni
Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-Kummissjoni meta dan ikun meħtieġ għall-valutazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni skont dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Proċessar ta’ data personali
1. Id-data personali ta’ impriża pproċessata fil-Portal tal-gassijiet F tista’ tinżamm għal perjodu massimu ta’ 5 snin wara l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(3).
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura permezz ta’ mezzi tekniċi t-tneħħija tad-data personali f’konformità mal-paragrafu 1.
Artikolu 8
Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 jitħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 tal-25 ta’ April 2019 li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ idrofluworokarburi (ĠU L 112, 26.4.2019, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/661/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/517/oj).
(4) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
|
Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikolu 1 |
— |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 3 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 3 |
|
Artikolu 5 |
Artikolu 4 |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 5 |
|
Artikolu 7 |
— |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 9 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 10 |
Artikolu 9 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2473/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)