SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
8 ta’ Mejju 2024 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2005/36/KE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Artikolu 3(1)(g) u (h) – Obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jiddeterminaw l-istatus tal-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jħejju ruħhom għal test ta’ kapaċità – Artikolu 7(3) – Obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw b’mod partikolari li l-veterinarji u l-periti jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu servizzi, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti – Artikolu 45(2)(ċ), (f) u, parti minn (e) – Obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-detenturi ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija f’livell universitarju jew f’livell rikonoxxut bħala ekwivalenti, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva jkunu tal-inqas awtorizzati li jaċċedu għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva, bla ħsara, jekk ikun il-każ, għal esperjenza professjonali supplimentari: – Artikolu 51(1) – Obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha terminu ta’ xahar biex tikkonferma l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tinforma lill-applikant dwar kwalunkwe dokument nieqes. – Assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali”
Fil-Kawża C‑75/22,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fl‑4 ta’ Frar 2022,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, M. Mataija u M. Salyková, bħala aġenti,
rikorrent,
vs
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn A. Edelmannová u L. Halajová, T. Müller, O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil,, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(1)(g) u (h), mal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, mal-Artikolu 7(3), mal-Artikolu 21(6), mal-Artikolu 31(3), mal-Artikolu 45(2)(ċ), (f) u, parzjalment, mal-punt (e), mal-Artikolu 45(3), mal-Artikolu 50(1), moqri flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII, kif ukoll fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”), ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36 u li tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
2 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/36, “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
L-istatus li tgawdi fi Stat Membru ta’ l-oriġini l-persuna li tgħaddi mill-perijodu ta’ prattika sorveljata, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ residenza kif ukoll obbligi, drittijiet soċjali u benefiċċji, allowances u ħlasijiet, għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat Membru skond id-dritt Komunitarju applikabbli;
Sabiex ikun jista’ jsir dan it-test, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta’ suġġetti li, abbażi ta’ paragun tal-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u dak miksub mill-applikant, mhumiex koperti minn diploma jew prova oħra ta’ kwalifiki formali li għandu l-applikant. It-test ta’ kapaċità għandu jieħu kont tal-fatt li l-applikant huwa professjonist kwalifikat fl-Istat Membru tal-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn jiġi l-applikant. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintgħażlu minn dawk fuq il-lista, li l-għarfien tagħhom huwa essenzjali sabiex wieħed ikun jista’ jeżerċita l-professjoni in kwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-test jista’ jkopri wkoll għarfien tar-regoli professjonali applikabbli għall-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni dettaljata tat-test ta’ kapaċità u l-istatus, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ l-applikant li jixtieq jipprepara lilu nniffsu għat-test ta’ kapaċità f’dak l-Istat għandha tiġi determinata mill-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat Membru; […]” |
|
3 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Il-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarju, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu, għal xi raġuni relatata ma’ kwalifiki professjonali, il-libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor:
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu għandhom japplikaw biss fejn il-fornitur tas-servizz imur fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, fuq bażi temporanja u ta’ kultant, il-professjoni msemmija fil-paragrafu 1. In-natura temporanja u ta’ kultant tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun stmata każ b’każ, b’tenut kont b’mod partikolari tat-tul taż-żmien, tal-frekwenza, tar-regolarità u tal-kontinwità tagħha.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, “Eżenzjonijiet”: “Skond l-Artikolu 5(1), l-Istat Membru ospitanti għandu jeżenta lil fornituri tas-servizz li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor mir-rekwiżiti li dan jimponi fuq professjonisti stabbiliti fit-territorju tiegħu rigward: […]
Madankollu l-fornitur ta’ servizz għandu jinforma bil-quddiem jew, f’każ urġenti, wara, lill-korp imsemmi f’punt (b) bis-servizzi li huwa pprovda.” |
|
5 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dikjarazzjoni li għandha ssir bil-quddiem, jekk fornitur ta’ servizz jemigra”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “3. Is-servizz għandu jiġi provdut taħt it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, safejn dak it-titolu jeżisti f’dak l-Istat Membru għall-attività professjonali in kwistjoni. Dak it-titolu għandu jkun indikat fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment b’mod li tiġi evitata kull konfużjoni mat-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti. Fejn ebda titolu professjonali bħal dan ma jeżisti fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, il-fornitur tas-servizz għandu jindika l-kwalifika formali tiegħu fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru. Eċċezzjonalment, is-servizz għandu jiġi provdut taħt titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti għal każijiet imsemmija fit-Titolu III, Kapitolu III.” |
|
6 |
L-Artikolu 21 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu: “1. Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala provi ta’ kwalifiki formali […] bħala kirurgu veterinarju, […] u bħala perit, […] għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, jagħti dawn il-provi l-istess effett fuq it-territorju tiegħu bħala provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess. […] 6. Kull Stat Membru għandu jissoġġetta l-aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta’ tobba, infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, professjonist tad-dentistrija, kirurgi veterinarji, qwiebel u spiżjara għall-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali msemmija fil-punti 5.1.1, 5.1.2, 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2 u 5.6.2 tal-Anness V rispettivament, li jagħtu prova li l-professjonist ikonċernat kiseb, matul it-taħriġ tiegħu, kif xieraq, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompertenzi msemmija fl-Artikoli 24(3), 31(6), 31(7), 34(3), 38(3), 40(3) u 44(3). Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress xjentifiku u tekniku ġeneralment rikonoxxut, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati fis-sens tal-Artikolu 57e sabiex jiġu aġġornati l-għarfien u l-ħiliet imsemmija fl-Artikoli 24(3), 31(6), 34(3), 38(3), 40(3), 44(3) u 46(4) biex b’hekk jiġi rifless l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni li jaffettwa direttament il-professjonalisti kkonċernati. Dawn l-aġġornamenti ma għandhomx jeħtiġu emenda tal-prinċipji leġislattivi fis-seħħ fl-Istati Membri relatati mal-istruttura ta’ professjonijiet għal dak li jikkonċerna t-taħriġ u l-kondizzjonijiet għal aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-aġġornamenti għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) [TFUE].” |
|
7 |
L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Taħriġ għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu: “3. It-taħriġ tal-infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali għandu jinvolvi tal-inqas total ta’ tliet snin ta’ studju, li jistgħu jiġu espressi wkoll bil-krediti tal-ECTS [Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti] ekwivalenti, u għandu jikkonsisti f’tal-inqas 4600 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u kliniku, fejn it-tul ta’ żmien tat-taħriġ teoretiku jirrappreżenta tal-inqas terz u t-tul ta’ żmien tat-taħriġ kliniku tal-inqas nofs it-tul minimu tat-taħriġ. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet parzjali lil professjonisti li diġà rċivew parti mit-taħriġ tagħhom f’korsijiet li huma tal-inqas ta’ livell ekwivalenti.” |
|
8 |
L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ infermiera responsabbli mill-kura ġenerali”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet professjonali ta’ infermiera responsabbli mill-kura ġenerali huma l-attivitajiet eżerċitati fuq bażi professjonali u msemmija fl-Anness V, punt 5.2.2.” |
|
9 |
L-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Taħriġ bħala spiżjar”, jipprevedi: “1. L-ammissjoni għal kors ta’ taħriġ bħala spiżjar għandu jkun jiddependi mill-pussess ta’ diploma jew ċertifikat li jagħti aċċess, fi Stat Membru, għall-istudji in kwistjoni, għal universitajiet jew istituti superjuri ta’ livell rikonoxxut bħala ekwivalenti. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 45 tal-istess direttiva, intitolat “L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ spiżjar”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-titolari ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija f’livell universitarju jew f’livell ikkunsidrat bħala ekwivalenti, li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44, jistgħu jgawdu aċċess għal u jwettqu mhux inqas minn l-attivitajiet li ġejjin, soġġett għar-rekwiżit, fejn xieraq, ta’ esperjenza professjonali supplimentari:
3. Jekk Stat Membru jagħmel l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ waħda mill-attivitajiet ta’ farmaċista jiddependi mill-esperjenza professjonali supplimentari, flimkien mal-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Anness V, punt 5.6.2, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti f’dan ir-rigward ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini li jiddikjara li l-persuna konċernata eżerċitat dawk l-attivitajiet fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għal perijodu simili.” |
|
11 |
L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Dokumentazzjoni u formalitajiet”, jipprevedi: “1. Fejn l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ospitanti jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni regolata in kwistjoni bis-saħħa ta’ dan it-Titolu, dawk l-awtoritajiet jistgħu jitolbu d-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Anness VII. Id-dokumenti msemmija fl-Anness VII, punt 1 (d), (e) u (f), m’għandhomx ikunu ta’ aktar minn tliet xhur sad-data li fiha jiġu ppreżentati. L-Istati Membri, korpi u persuni legali oħra għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li jirċievu. 2. Fil-każ ta’ dubji ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi konferma mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ l-awtentiċità ta’ l-attestazzjoni u tal-provi ta’ kwalifiki formali mogħtija f’dak l-Istat Membru l-ieħor, kif ukoll, fejn japplika, konferma tal-fatt li l-benefiċjarju jissodisfa, għall-professjonijiet li jirreferi għalihom il-Kapitolu III ta’ dan it-Titolu, r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 24, 25, 28, 31, 34, 35, 38, 40, 44 u 46. 3. F’każijiet ta’ dubju ġustifikat, fejn il-provi ta’ kwalifiki formali, kif definiti fl-Artikolu 3(1)(ċ), inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru u jinkludu t-taħriġ irċevut kompletament jew parzjalment fi stabbiliment li huwa legalment stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt li jivverifika mal-korp kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tal-ħruġ:
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf lill-applikant li tkun irċeviet l-applikazzjoni fi żmien xahar mir-riċevuta u għandha tinforma lill-applikant b’xi dokument li jista’ jkun nieqes.” |
|
13 |
L-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-użu ta’ titoli akkademiċi”, jipprevedi: Bla preġudizzju għall-Artikoli 7 u 52, l-Istat Membru ospitanti għandu jassigura li l-persuni konċernati jingħataw id-dritt sabiex jużaw titoli akkademiċi mogħtija lilhom fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, u possibilment il-forma mqassra tagħhom, fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini. L-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li t-titolu ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jkun segwit mill-isem u l-indirizz ta’ l-istabbiliment jew tal-bord ta’ l-eżami li jkun tah. Fejn titolu akkademiku ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini x’aktarx jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li, fl-Istat Membru ta’ l-aħħar, jirrikjedi taħriġ supplimentari mhux miksub mill-benefiċjarju, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-benefiċjarju juża t-titolu akkademiku ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini f’forma xierqa, li għandha tkun stabbilita mill-Istat Membru ospitanti.” |
|
14 |
L-Anness VII tal-istess direttiva, intitolat “Dokumenti u ċertifikati li jistgħu jkunu mitluba skond l-Artikolu 50(1)”, jipprevedi, fil-punt 1(d) u (e) tiegħu: “1. Dokumenti […]
Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma joħorġux id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, tali dokumenti għandhom jkunu sostitwiti b’dikjarazzjoni jew ġurament — jew, fi Stati fejn m’hemmx dispożizzjoni għal dikjarazzjoni b’ġurament, b’dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna interessata quddiem awtoritajiet ġudizzjarja jew amministrattivi kompetenti jew, fejn jixraq, quddiem nutar jew korp professjonali kwalifikat ta’ l-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru li minnu tiġi l-persuna; tali awtorità jew nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jagħti prova ta’ l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni b’ġurament jew tad-dikjarazzjoni solenni.
|
Id‑dritt Ċek
Il‑Liġi dwar ir‑Rikonoxximent tal‑Kwalifiki Professjonali
|
15 |
L-Artikolu 13(1) taż-zákon č. 18/2004 Sb., o uznávání odborné kvalifikace a jiné způsobilosti státních příslušníků členských států Evropské unie a některých příslušníků jiných států a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 18/2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali u Kapaċitajiet Oħra taċ-Ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea Kif Ukoll ta’ Ċerti Ċittadini ta’ Stati oħra u li Temenda Ċerti Liġijiet (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali”), jipprovdi: “(1) Perijodu ta’ adattament’ ifisser il-perijodu ta’ twettiq ta’ attivitajiet irregolati fir-Repubblika Ċeka minn applikant taħt is-superviżjoni ta’ persuna fiżika kkwalifikata professjonalment bl-għan li tissupplimenta l-għarfien tal-oqsma teoretiċi u prattiċi li jagħmlu parti mill-kontenut tal-edukazzjoni u mit-taħriġ li jwasslu għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ taħriġ meħtieġ fir-Repubblika Ċeka u li l-għarfien tiegħu huwa neċessarju għat-twettiq tal-attivitajiet irregolati. Il-perijodu ta’ adattament jista’ jinkludi wkoll studji jew taħriġ addizzjonali intiżi li jissupplimentaw kwalifiki professjonali.” |
|
16 |
L-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali jipprevedi: “(1) Test tal-kapaċità huwa eżami tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-ħiliet professjonali tal-applikant sabiex tiġi evalwata l-ħila tiegħu li jwettaq attività rregolata fir-Repubblika Ċeka. It-test tal-kapaċità għandu jsir quddiem awtorità ta’ rikonoxximent, awtorità amministrattiva oħra, f’università jew f’istituzzjoni edukattiva oħra fil-qasam ikkonċernat […]” |
|
17 |
L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprevedi li: “Regolament ta’ implimentazzjoni jew regolament professjonali jista’ jistipula, għal attivitajiet irregolati individwali jew grupp ta’ attivitajiet irregolati, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, il-metodu għad-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ adattament u l-kundizzjonijiet għat-twettiq u l-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ adattament u tat-test tal-kapaċità, inklużi l-forma, il-kontenut u l-portata tat-test tal-kapaċità.” |
|
18 |
Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi: “(1) Jekk l-eżerċizzju ta’ attività regolata fir-Repubblika Ċeka jirrikjedi prova tar-reputazzjoni tajba tal-applikant jew ma ġiex issanzjonat għal ksur amministrattiv jew ksur dixxiplinari relatat mal-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jipprova dan il-fatt għandu jitqies bħala suffiċjenti. Dan id-dokument huwa estratt mir-rekord ġudizzjarju jew mir-reġistru simili tal-Istat Membru ta’ oriġini jew dokument ekwivalenti maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini jew, jekk tali reġistru ma jinżammx fl-Istat Membru ta’ oriġini, dikjarazzjoni solenni ta’ reputazzjoni tajba tal-applikant. 2. Jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ attivitajiet regolati fir-Repubblika Ċeka, evidenza li għall-perjodu speċifikat f’regolamentazzjoni legali speċjali l-applikant ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ falliment, li ma ġiex iddikjarat fallut jew li t-talba għal insolvenza ma ġietx irrifjutata minħabba nuqqas ta’ assi, jew li l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ korp statutorju, ta’ membru ta’ korp statutorju jew ta’ korp ieħor ta’ persuna ġuridika mill-applikant ma jkunx prekluż mill-eżerċizzju preċedenti ta’ funzjoni komparabbli f’persuna ġuridika li l-assi tagħha jkunu ġew iddikjarati falluti jew li kontriha t-talba għal insolvenza tkun ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ assi, id-dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandu jitqies bħala li huwa suffiċjenti. (3). Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma joħorġux id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jiġu sostitwiti b’dikjarazzjoni solenni magħmula mill-applikant quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew quddiem nutar stabbilit f’dak l-Istat Membru. (4) Jekk l-istat ta’ kapaċità medika tal-applikant huwa meħtieġ sabiex tiġi eżerċitata attività regolata fir-Repubblika Ċeka, id-dokument ta’ kapaċità medika meħtieġ mill-Istat Membru ta’ oriġini għandu jitqies bħala suffiċjenti. Jekk l-Istat Membru ta’ oriġini ma jeħtieġx kapaċità medika sabiex jeżerċita l-attività inkwistjoni, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jipprova l-osservanza tal-kundizzjoni prevista minn leġiżlazzjoni legali speċjali tar-Repubblika Ċeka huwa kkunsidrat bħala suffiċjenti. […]” |
|
19 |
L-Artikolu 27(2) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej: “(2) L-applikant li jeżerċita professjoni regolata fir-Repubblika Ċeka b’mod temporanju jew okkażjonali […], għandu juża t-titolu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini f’konformità mal-liġi tiegħu u bil-lingwa jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini.” |
|
20 |
L-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali jipprovdi: “(1) Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ċeka għandha twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa u għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba fl-iqsar żmien possibbli. Jekk l-informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi pprovduta fi żmien 30 jum, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor għandha tiġi infurmata b’dan.” |
|
21 |
L-Artikolu 36a (1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “(1) Applikant li huwa ċittadin ta’ Stat Membru u li jwettaq skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini l-attività inkwistjoni, li hija attività rregolata fir-Repubblika Ċeka, huwa wkoll awtorizzat li jwettaq din l-attività temporanjament jew okkażjonalment fit-territorju tar-Repubblika Ċeka mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonforma mal-obbligu li jinkiteb, jirreġistra, jiġi awtorizzat minn jew jissieħeb ma’ korp professjonali skont ir-regoli speċifiċi u mingħajr ma jkollu għalfejn japplika għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu […]” |
Il‑Liġi Nru 95/2004
|
22 |
Skont l-Artikolu 2(g), taż-zákon č. 95/2004 Sb., o podmínkách získávání a uznávání odborné způsobilosti a specializované způsobilosti k výkonu zdravotnického povolání lékaře, zubního lékaře a farmaceuta (il-Liġi Nru 95/2004 dwar il-Kundizzjonijiet għall-Akkwist u r-Rikonoxximent ta’ Kompetenzi Professjonali u ta’ Kompetenzi Speċjalizzati għall-Eżerċizzju tal-Professjonijiet ta’ Tabib, ta’ Dentist u ta’ Spiżjar), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 95/2004”): “Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] […] ‘eżerċizzju indipendenti tal-professjoni ta’ dentist u ta’ spiżjar’ tfisser l-eżerċizzju tal-attivitajiet li għalihom id-dentist jew l-ispiżjar huwa awtorizzat, mingħajr sorveljanza professjonali u abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu u tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-pazjent u taċ-ċirkustanzi relatati.” |
|
23 |
L-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru 95/2004 jistabbilixxi: “(2) Wara l-kisba tal-kompetenzi professjonali, […] l-ispiżjar għandu d-dritt li jeżerċita b’mod indipendenti l-attivitajiet li jinvolvu l-provvista ta’ kura farmaċewtika skont iż-zákon č. 372/2011 Sb., o zdravotních službách a podmínkách jejich poskytování (zákon o zdravotních službách) (il-Liġi Nru 372/2011 dwar is-Servizzi tas-Saħħa u l-Kundizzjonijiet għall-Provvista tagħhom (il-Liġi dwar is-Servizzi tas-Saħħa)), tas‑6 ta’ Novembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Servizzi tas-Saħħa”), bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom indipendenti huwa suġġett għall-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati, fis-sens tal-Artikolu 11. L-ispiżjar huwa awtorizzat ukoll li jwettaq attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-forniment tal-kura tas-saħħa, u dan fil-kuntest tal-manifattura u l-ispezzjoni ta’ prodotti mediċinali kif ukoll il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali għand distributur tal-prodotti mediċinali f’konformità maż-zákon č. 378/2007 Sb., o léčivech a o změnách některých souvisejících zákonů (zákon o léčivech) (il-Liġi Nru 378/2007 dwar il-Prodotti Farmaċewtiċi u l-Emendi li Saru lil Ċerti Liġijiet Relatati (il-Liġi dwar il-Prodotti Farmaċewtiċi), tas‑6 ta’ Diċembru 2007.” |
|
24 |
L-Artikolu 11(1), (2) u (7) sa (12) tal-Liġi Nru 95/2004 jipprevedi li: “(1) Il-kwalifika speċjalizzata ta’ spiżjar tinkiseb billi:
(2) L-oqsma ta’ taħriġ speċjalizzat tal-ispiżjara, il-kwalifiki kif ukoll it-tul tat-taħriġ speċjalizzat huma deskritti fl-Anness 1 ta’ din il-liġi. […] […] (7) Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-paragrafu 1(a) hija kundizzjoni għat-twettiq indipendenti tal-attivitajiet
(8) Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-paragrafu 1 fil-qasam tal-ispiżeriji dispensatorji hija kundizzjoni għall-eżerċizzju indipendenti tal-attivitajiet marbuta mal-ġestjoni ta’ spiżerija […] (9) Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati fil-qasam tal-farmaċija klinika skont it-tifsira tal-paragrafu 1(a) hija kundizzjoni għat-twettiq indipendenti tal-attivitajiet ta’ spiżjar kliniku. (10) Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati partikolari fil-qasam tal-ispiżerija tal-isptarijiet huwa kundizzjoni għall-eżerċizzju indipendenti tal-attivitajiet marbuta mal-ġestjoni ta’ spiżerija li għandha bini speċjalizzat għall-preparazzjoni ta’ forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi: fit-tifsira ta’ din il-liġi, ‘forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi’ tfisser prodotti mediċinali sterili intiżi għall-applikazzjoni parenterali ppreparati f’postijiet speċjalizzati fl-ispiżeriji. (11) Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-paragrafu 1(a) fil-qasam tal-prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi jew tat-teknoloġiji farmaċewtiċi, jew il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati partikolari fil-qasam tal-farmaċija tal-isptarijiet hija kundizzjoni għall-eżerċizzju awtonomu tal-attivitajiet ta’ preparazzjoni ta’ forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi. (12) Qabel jikseb ħiliet speċjalizzati, l-ispiżjar għandu jwettaq l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 7 sa 11 taħt is-superviżjoni professjonali ta’ professjonist tas-saħħa b’ħiliet speċjalizzati korrispondenti.” |
|
25 |
Skont l-Artikolu 27(6) ta’ din il-liġi: “(6) It-tobba, id-dentisti jew l-ispiżjara li d-dokument ta’ sostenn tagħhom li jattesta l-kwalifika professjonali miksuba tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28a jew 28b huma awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tagħhom billi jużaw it-titolu professjonali tagħhom (iktar ’il quddiem it-‘titolu ta’ speċjalizzazzjoni’) imsemmi f’din il-liġi. Fil-każ fejn il-kwalifika professjonali tkun ġiet ivverifikata konformement mal-Artikolu 27b, il-professjoni medika hija eżerċitata taħt it-titolu ta’ speċjalità previst minn din il-liġi.” |
|
26 |
L-Artikolu 28a(5) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “(5) Fil-każ ta’ esperjenza professjonali supplimentari, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(b) [tal-Liġi Nru 95/2004], il-Ministeru għandu awtomatikament jirrikonoxxi bħala prova tal-kwalifika miksuba ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jipprova li l-persuna kkonċernata eżerċitat l-attivitajiet ikkonċernati fl-Istat Membru ta’ oriġini għal perijodu ugwali.” |
Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva
|
27 |
L-Artikolu 44(1) taż-zákon č. 500/2004 Sb., správní řád (il-Liġi Nru 500/2004 li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva”), tipprovdi: “(1) Il-proċedura ta’ applikazzjoni għandha tinfetaħ mill-jum li fih it-talba jew kull att ieħor li permezz tiegħu tinfetaħ il-proċedura […] jasal għand l-awtorità amministrattiva materjalment u territorjalment kompetenti.” |
|
28 |
L-Artikolu 45(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jiddikjara: “(2) Jekk l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji preskritti jew tkun ivvizzjata b’difetti oħra, l-awtorità amministrattiva għandha tgħin lill-applikant jirrimedja n-nuqqasijiet fil-post jew titolbu jirrimedjahom; biex tagħmel dan, hija għandha tagħtih terminu raġonevoli u tinformah dwar il-konsegwenzi ta’ jekk ma jirrimedjahiex f’dawn it-termini; […]” |
|
29 |
L-Artikolu 47(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “(1) L-awtorità amministrattiva għandha tinforma lill-parteċipanti kollha li tkun taf bihom fl-iqsar żmien possibbli bil-ftuħ tal-proċedura.” |
|
30 |
Skont l-Artikolu 71 tal-imsemmi kodiċi: “(1) L-awtorità amministrattiva għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fl-iqsar żmien possibbli. […] (3) Jekk ma jkunx possibbli li tittieħed deċiżjoni fl-iqsar żmien possibbli, l-awtorità amministrattiva hija marbuta li tagħti d-deċiżjoni tagħha mhux iktar tard minn 30 jum mill-ftuħ tal-proċedura, li magħhom għandu jiżdied terminu […] li jista’ jkun ta’ 30 jum fil-każ fejn seduta jew investigazzjoni fuq il-post tirriżulta neċessarja, jekk persuna jkollha ssejjaħ jew li persuna tidher jew tiġi informata b’avviż pubbliku meta jintwera li n-notifiki baqgħu mingħajr suċċess, jew meta jkun każ partikolarment kumpless, [jew terminu] […] neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kummissjoni rogatorja skont l-Artikolu 13(3) ta’ talba għal perizja jew notifika barra mill-pajjiż. […]” |
|
31 |
L-Artikolu 154 tal-istess kodiċi jindika: “Jekk l-awtorità amministrattiva toħroġ attestazzjoni, ċertifikat, twettaq investigazzjonijiet jew tagħmel dikjarazzjonijiet dwar il-persuni kkonċernati, hija għandha ssegwi […] id-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-tieni parti: Artikoli 10 sa 16, Artikoli 19 sa 26, Artikoli 29 sa 31, Artikoli 33 sa 35, Artikolu 37, Artikolu 40, Artikolu 62, Artikolu 63; u, b’mod analogu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-tielet parti: Artikolu 134, Artikolu 137 Artikolu 142(1) u (2); hija għandha tosserva b’mod xieraq id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-liġi, jekk l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta neċessarja.” |
Il‑Liġi dwar is‑Servizzi tas‑Saħħa
|
32 |
L-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar is-Servizzi tas-Saħħa jipprevedi: “(2) […]
[…]” |
|
33 |
Skont l-Artikolu 12(3) ta’ din il-liġi: “(3) Jekk jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa […]
[…]” |
Il‑Liġi dwar il‑Kura Veterinarja
|
34 |
L-Artikolu 59 taż-zákon č. 166/1999 Sb. o veterinární peči a o změně některých souvisejících zákonssel (veterinární zákon) (il-Liġi Nru 166/1999 dwar il-Kura Veterinarja u dwar it-Tibdil f’Ċerti Liġijiet Konnessi (il-Liġi dwar il-Kura Veterinarja)), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ, tipprovdi: “[…] (2) Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu wkoll bħala veterinarji:
[…]” (3) Persuni li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkollhom id-dritt li jużaw it-titolu ta’ taħriġ jew l-abbrevjazzjoni tiegħu li jkunu kisbu, fil-lingwa tal-Istat fejn ikun inkiseb it-titolu. […]” |
Il‑Liġi dwar l‑Assigurazzjoni għall‑Mard Pubblika
|
35 |
L-Artikolu 11(1) taż-zákon č. 48/1997 Sb. o veřejném zdravotním pojištění a o změně a doplnění některých souvisejících zákonġ (il-Liġi Nru 48/1997 dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard Pubblika u dwar l-Emendi u ż-Żidiet f’Ċerti Liġijiet Relatati), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard Pubblika”), tipprovdi: “(1) Il-persuna assigurata għandha d-dritt:
[…]” |
|
36 |
L-Artikolu 17(1) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard Pubblika jipprevedi: “(1) Sabiex jiġu assigurati s-servizzi in natura fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi rrimborsati lill-persuni assigurati, il-Všeobecná zdravotní pojišťovna České republiky (il-Fond Ġenerali tal-Assigurazzjoni għall-Mard tar-Repubblika Ċeka) u l-fondi l-oħra tal-assigurazzjoni għall-mard għandhom jikkonkludu kuntratti mal-fornituri dwar il-provvista u r-rimbors tas-servizzi rrimborsati. […] Ma humiex meħtieġa kuntratti f’każ ta’ għoti ta’ (a) kura ta’ emerġenza lill-persuna assigurata, […]” |
Il‑Liġi dwar l‑Awtorizzazzjonijiet
|
37 |
L-Artikolu 13 taż-zákon č. 360/1992 Sb., České národní rady o výkonu povolání autorizovaných architektheba o výkonu povolání autorizovaných inženýrheba technikých činných ve výstavbě (autorizační zákon) (il-Liġi Nru 360/1992 tal-Kunsill Nazzjonali Ċek dwar l-Eżerċizzju Professjonali ta’ Perit Awtorizzat u dwar l-Eżerċizzju tal-Professjoni ta’ Inġinier u ta’ Tekniku Awtorizzati fil-Qasam tal-Kostruzzjoni (il-Liġi dwar l-Awtorizzazzjoni), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Awtorizzazzjoni”), huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-persuna awtorizzata għandha d-dritt, skont it-tip ta’ awtorizzazzjoni mogħtija, li tuża t-titolu “perit awtorizzat” […] u dan, b’rabta mal-isem tal-qasam, possibbilment tal-ispeċjalizzazzjoni, li għalih jew għaliha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni. […]” |
|
38 |
L-Artikolu 30c (2) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi: “(2) […] Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11 tal-Artikolu 13(1) […] japplikaw b’mod xieraq għall-persuni milqugħa. […]” |
Il‑Liġi dwar l‑Ordni tal‑Veterinarji
|
39 |
L-Artikolu 5a (1) taż-zákon č. 381/1991 Sb. České národní rady o Komoře veterinárních lékařheb České republiky (il-Liġi Nru381/1991 tal-Kunsill Nazzjonali Ċek dwar l-Ordni tal-Veterinarji tar-Repubblika Ċeka), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ordni tal-Veterinarji”), jipprevedi: “(1) Il-veterinarju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea […] li għandu l-intenzjoni li jeżerċita fit-territorju tar-Repubblika Ċeka l-attività ta’ kura veterinarja preventiva u kurattiva b’mod temporanju jew okkażjonali [(iktar ’il quddiem ‘veterinarju milqugħ’)] ma għandux l-obbligu li jsir membru tal-Ordni, madankollu huwa għandu l-obbligu li jinforma minn qabel lill-Ordni bl-eżerċizzju tal-attività ta’ kura veterinarja preventiva u kurattiva fit-territorju tar-Repubblika Ċeka skont il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali. […]” |
Id‑Digriet Nru 39/2005
|
40 |
L-Artikolu 4 tal-vyhláška č. 39/2005 Sb., kterou se stanoví minimální požadavky na studijní programy k získání odborné způsobilosti k výkonu nelékařského zdravotnického povolání (id-Digriet Nru 39/2005, li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ studju sabiex tinkiseb kompetenza professjonali sabiex tiġi eżerċitata professjoni tas-saħħa mhux medika), fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ, intitolat “Eżerċizzju tal-attività ta’ infermier ġeneralista”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “(2) Il-programm ta’ studji previst fil-paragrafu 1 għandu jseħħ jew
|
|
41 |
L-Artikolu 20c tad-Digriet Nru 39/2005, fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ, intitolat “Eżerċizzju tal-attività ta’ infermier prattikant”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “(2) Il-programm ta’ studju għandu jkollu perijodu ta’ studju standard ta’ mill-inqas erba’ snin, inkluż taħriġ kliniku li jirrappreżenta mill-inqas 1200 siegħa. Il-programm ta’ taħriġ għandu jinkludi mill-inqas 700 siegħa ta’ studju teoretiku u mill-inqas 600 tagħlim kliniku.” |
Il‑fażi prekontenzjuża
|
42 |
Id-Direttiva 2005/36 ġiet emendata b’mod partikolari bid-Direttiva 2013/55, li kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Jannar 2016, skont l-Artikolu 3 tagħha. |
|
43 |
F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Ċeki nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni. |
|
44 |
Fil‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka dwar il-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36. |
|
45 |
Fit‑28 ta’ Novembru 2019, peress li qieset li r-risposta tal-awtoritajiet Ċeki dwar l-ilmenti mqajma f’din l-ittra ta’ intimazzjoni ma kinitx suffiċjenti, il-Kummissjoni bagħtitilhom opinjoni motivata. |
|
46 |
Fit‑28 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika Ċeka bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni motivata. |
|
47 |
Fit‑18 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ċeka b’opinjoni motivata addizzjonali. |
|
48 |
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti fl‑4 ta’ Frar 2022. |
Fuq ir‑rikors
Osservazzjonijiet preliminari
|
49 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru, u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa minnha, jiddelimitaw is-suġġett tat-tilwima, li għalhekk ma jistax jiġi estiż ulterjorament. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat, u l-osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk tal-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑525/14, EU:C:2016:714, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Jekk dan ma huwiex il-każ, irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effettiva minħabba l-fatt li l-Istat Membru jkun ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata (sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑64/11, EU:C:2013:264, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Madankollu, għalkemm l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi, dan ir-rekwiżit ma jistax madankollu jwassal sabiex jimponi f’kull każ koinċidenza perfetta bejn l-ilmenti msemmija fl-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, peress li s-suġġett tal-kawża ma jkunx ġie estiż jew mibdul. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tippreċiża l-ilmenti inizjali tagħha fir-rikors, bil-kundizzjoni li hija ma tibdilx is-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Qbiż tal-valuri tal-limitu għall-PM10), C‑638/18, EU:C:2020:334, punt 49). |
|
52 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu u wkoll sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sotto-evalwazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq it‑traspożizzjoni inkorretta tal‑Artikolu 3(1)(g) u (h) tad‑Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
53 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36, li jipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jiddeterminaw l-“istatus” tal-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jippreparaw ruħhom għal test ta’ kapaċità. |
|
54 |
Il-Kummissjoni tqis li l-għan prinċipali tal-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 huwa li jiggarantixxi lill-persuni kkonċernati li jkollhom status ġuridiku fl-Istat Membru ospitanti sabiex ma jinsabux f’sitwazzjoni ta’ “vojt ġuridiku”, li jeħtieġ li dan l-istatus jiġi ddefinit b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. |
|
55 |
Skont il-Kummissjoni, traspożizzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tippreżupponi, pereżempju, li jiġi previst li dan id-dritt jippermetti li l-imsemmi status ikun ippreċiżat jew stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
56 |
Il-Kummissjoni tammetti li l-istess status jista’ jiġi ddeterminat ukoll permezz ta’ leġiżlazzjoni ġenerali bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun suffiċjentement ċara u preċiża f’dan ir-rigward. |
|
57 |
Barra minn hekk, l-Artikoli 13 sa 15 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali invokati mill-awtoritajiet Ċeki ma jispjegawx l-istatus ġuridiku ta’ dawn il-persuni u dawn l-awtoritajiet jammettu barra minn hekk li dan l-istatus huwa diffiċli li jiġi ddeterminat fil-prattika. |
|
58 |
Il-Gvern Ċek isostni li l-ewwel ilment huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
59 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel ilment, il-Gvern Ċek isostni li dan l-ilment, kif stabbilit fir-rikors, ma jikkorrispondix għal dak ifformulat fl-opinjoni motivata. |
|
60 |
Fil-fatt, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni rreferiet esklużivament għall-fatt li d-dritt Ċek ma jispjegax l-istatus tal-persuni kkonċernati filwaqt li, fir-rikors, hija issa tikkritika lir-Repubblika Ċeka li ma introduċietx fid-dritt intern tagħha obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti, li jiddeterminaw l-istatus ta’ dawn il-persuni. |
|
61 |
Il-Gvern Ċek iqis li l-ewwel ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn ma huwiex ifformulat b’mod koerenti u preċiż. Fil-fatt, fil-punt 23 tar-rikors, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem li dan l-istatus jista’ jiġi pprovdut lil kull persuna kkonċernata mill-awtorità kompetenti filwaqt li, fil-punt 22 tagħha, hija donnha tammetti li l-imsemmi status għandu jkun previst mil-liġi. |
|
62 |
Il-Kummissjoni tiċħad il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek. Hija ssostni li s-suġġett tal-kawża la ġie estiż u lanqas emendat meta mqabbel mal-ittra ta’ intimazzjoni u li din tirrigwarda b’mod ċar il-fatt li r-Repubblika Ċeka ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36, f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jiddeterminaw l-istatus legali tal-persuni msemmija minn din id-dispożizzjoni. |
|
63 |
Fuq il-mertu, il-Gvern Ċek isostni li l-ewwel ilment huwa fi kwalunkwe każ infondat. |
|
64 |
Dan il-gvern ifakkar li l-Istati Membri ma humiex obbligati jittrasponu dispożizzjoni ta’ direttiva b’mod letterali. |
|
65 |
Huwa jsostni li l-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 ma jsemmix id-drittijiet u l-obbligi konkreti li għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-persuni kkonċernati u lanqas ma jipprevedi li għandu jiġi rriżervat lilhom status speċifiku. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix li dawn ir-regolamenti jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-każ fid-dritt Ċek. |
|
66 |
Il-Gvern Ċek jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkopri b’mod espliċitu lill-persuni kkonċernati. Fil-fehma tiegħu, tali rekwiżit huwa bbażat fuq il-preżunzjoni żbaljata li dawn jikkostitwixxu grupp omoġenju li jista’ jkun is-suġġett ta’ status speċifiku uniku filwaqt li l-istatus tagħhom jiddependi neċessarjament fuq is-sitwazzjoni personali tagħhom. |
|
67 |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Ċek isostni li dan l-istatus ma jistax jiġi ddeterminat, każ b’każ, minn awtorità, inkella tinħoloq inċertezza legali kbira. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
68 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel ilment, jirriżulta b’mod ċar kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll mir-rikors li l-Kummissjoni ssostni, fil-każijiet kollha, in-natura insuffiċjentement ċara u preċiża tad-determinazzjoni tal-“istatus ġuridiku”, fl-Istat Membru ospitanti, tal-migrant taħt superviżjoni u tal-applikant li jixtieq jipprepara ruħu għalt-test ta’ kapaċità, imsemmija, rispettivament, fil-punt (g) u fil-punt (h) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/36. |
|
69 |
Fir-rigward tal-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li l-ilment jiġi ppreżentat b’mod koerenti u preċiż, mill-argumenti tal-Kummissjoni, miġbura fil-qosor fil-punti 53 sa 57 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Kummissjoni ssostni mingħajr ekwivoku fir-rikors li d-dritt Ċek ma jippermettix li jiġi ddeterminat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-istatus ġuridiku tal-persuni kkonċernati. |
|
70 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek, tali analiżi ma tistax tiġi kkontestata mill-qari tal-punti 22 u 23 tar-rikors. Fil-fatt, fil-punt 22 tagħha, il-Kummissjoni sempliċement tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Ċeka “ġenerali” ma tippermettix li jiġi ddeterminat preċiżament l-istatus tal-persuni kkonċernati. Fir-rigward tal-punt 23 tar-rikors, il-Kummissjoni tirreferi, bħala eżempju, għal każ li fih, fil-fehma tagħha, jista’ jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 3(1)(h) u (g) tad-Direttiva 2005/36 ġie korrettament traspost. |
|
71 |
Konsegwentement, il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek għandhom jiġu miċħuda. |
|
72 |
Fir-rigward tal-fondatezza tal-ewwel ilment, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2005/36 jiddefinixxi l-“perijodu ta’ adattament”, fis-sens ta’ din id-direttiva, bħala l-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti taħt ir-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat li jista’ jkollu miegħu taħriġ addizzjonali. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li dan il-perijodu ta’ prova huwa suġġett għal evalwazzjoni u li l-modalitajiet tiegħu, l-evalwazzjoni tiegħu u l-istatus tal-migrant taħt superviżjoni huma ddeterminati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. |
|
73 |
Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li l-istatus li jgawdi minnu l-migrant taħt superviżjoni fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt ta’ residenza kif ukoll tal-obbligi, tad-drittijiet u tal-benefiċċji soċjali, ta’ allowances u ta’ remunerazzjoni, huwa stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru skont id-dritt tal-Unjoni |
|
74 |
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2005/36, dan jiddefinixxi t-“test tal-kapaċità” bħala test tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi professjonali tal-applikant, li jsir jew jiġi rrikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u li għandu l-għan li jevalwa l-kapaċità tal-applikant li jeżerċita professjoni rregolata f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-istatus li jgawdi minnu, fl-Istat Membru ospitanti, l-applikant li jixtieq jipprepara ruħu għal din it-test f’dan l-Istat Membru għandu jiġi ddeterminat mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu. |
|
75 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-persuni kkonċernati jkollhom status, peress li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jiggarantixxi lill-persuni kkonċernati drittijiet u obbligi li din id-direttiva tillimita ruħha għalihom madankollu li jipprevedu li għandhom jirrigwardaw b’mod partikolari d-dritt ta’ residenza, id-drittijiet u l-vantaġġi soċjali, l-allowances u r-remunerazzjoni kif ukoll josservaw id-dritt tal-Unjoni. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-metodi, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom, madankollu, jiġu implimentati b’forza vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, U.I. (Rappreżentant doganali indirett),C‑714/20, EU:C:2022:374, punti 58 u 59). |
|
77 |
Minn dan jirriżulta li l-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 għandhom ikunu jistgħu faċilment ikunu jafu, fl-Istat Membru ospitanti, bl-“istatus” applikabbli għalihom, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplika l-eżistenza ta’ regoli ċari, li jirrigwardaw speċifikament is-sitwazzjoni tagħhom. |
|
78 |
Issa, f’dan il-każ, mill-proċess li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ma huwiex il-każ. |
|
79 |
B’mod partikolari, għalkemm l-Artikoli 13 sa 15 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali jipprevedu l-modalitajiet tal-perijodu ta’ adattament u tal-test ta’ kapaċità, huma ma jinkludu ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-istatus tal-persuni kkonċernati u lanqas ma jirreferu għal leġiżlazzjonijiet oħra għad-determinazzjoni ta’ dan l-istatus. |
|
80 |
Fir-rigward tar-regoli tal-leġiżlazzjoni “ġenerali” li jinvoka l-Gvern Ċek, dan tal-aħħar jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-migrant taħt superviżjoni jew għall-applikant li jixtieq jipprepara ruħu għat-test ta’ kapaċità lanqas ma tippermetti li jiġi ddeterminat faċilment l-imsemmi status. |
|
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36, billi ma adottatx, skont l-Artikolu 3(1)(g) u (h) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jiddeterminaw l-istatus tal-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jixtiequ jippreparaw ruħhom għal test ta’ kapaċità. |
Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq it‑traspożizzjoni inkorretta tal‑punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
82 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jeżenta lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mir-rekwiżiti imposti fuq il-professjonisti stabbiliti fit-territorju tiegħu u li jirrigwardaw ir-“reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali pubbliku bl-għan li jiġu ssettiljati l-kontijiet ma’ assiguratur li huma relatati ma’ l-attivitajiet eżerċitati għall-benefiċċju ta’ persuni assigurati”, kif ukoll dawk imposti fuqu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-fornitur ta’ servizzi kkonċernat għandu jinforma, madankollu, minn qabel jew, f’każ ta’ emerġenza, sussegwentement, lill-korp imsemmi f’dan il-punt (b), bil-provvista ta’ servizzi tiegħu. |
|
83 |
Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali invokat mill-awtoritajiet Ċeki ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi traspost b’mod korrett il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 peress li l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 17(1) tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni għall-mard pubblika jissuġġettaw fi kwalunkwe każ, fil-każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2005/36, ir-rimbors tal-assigurat għall-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-fornitur ta’ servizzi u fond ta’ assigurazzjoni tas-saħħa Ċek. |
|
84 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi l-obbligu għall-Istat Membru ospitanti li jeżenta lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mill-obbligu li jirreġistraw ruħhom ma’ organu tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku sabiex tiġi assigurata l-kopertura tal-assigurati soċjali, din id-dispożizzjoni tipprekludi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw ir-rimbors tal-kura mogħtija f’dan il-kuntest għal tali reġistrazzjoni. |
|
85 |
Il-Kummissjoni tqis li din ir-“reġistrazzjoni”, imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, tikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, li huwa li tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
86 |
Għalhekk, dan il-kunċett isemmi mhux biss ir-reġistrazzjoni, fis-sens proprju tal-kelma, mal-korp identifikat mill-Istat Membru ospitanti bħala l-korp prinċipali tas-sigurtà soċjali tiegħu, iżda wkoll ir-rekwiżiti amministrattivi jew legali l-oħra li jipproduċu effetti simili, li għandhom eventwalment jiġu osservati mill-fornituri ta’ servizzi mal-korpi l-oħra ta’ dan l-Istat Membru li jikkontribwixxu, b’xi mod jew ieħor, għall-funzjonament tas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali. |
|
87 |
Il-Kummissjoni tirrileva li, skont l-informazzjoni li hija għandha, is-sistema Ċeka tal-assigurazzjoni tas-saħħa hija organizzata b’tali mod li meta t-tobba ma jkunux ikkonkludew kuntratt mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-persuna assigurata, il-pazjenti ma jiġux irrimborsati għall-kura mogħtija minkejja li huma jkunu jħallsu l-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom. |
|
88 |
Il-Kummissjoni żżid li l-konklużjoni ta’ tali kuntratt hija suġġetta għal proċess kumpless u hija s-suġġett ta’ għażla eżiġenti. |
|
89 |
Il-Kummissjoni tqis li s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑232/99, EU:C:2002:291), li għaliha jirreferi l-Gvern Ċek, ma kinitx tikkonċerna sitwazzjoni paragunabbli għal dik inkwistjoni f’dan il-każ. |
|
90 |
Fir-replika, il-Kummissjoni tammetti li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, lil Stat Membru milli jissuġġetta r-rimbors ta’ kura għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, iżda tqis li l-ewwel paragrafu tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 jipprekludi rekwiżiti amministrattivi bħar-“reġistrazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jrendu fihom innifishom assolutament impossibbli kull rimbors tas-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi. |
|
91 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “korp tas-sigurtà soċjali pubbliku”, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, ikopri wkoll il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, peress li dawn tal-aħħar huma inkarigati mir-rimbors tas-servizzi mediċi pprovduti lill-pazjenti fil-kuntest tal-assigurazzjoni għall-mard. |
|
92 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2005/36, dwar il-ftehim, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment, filwaqt li dan l-artikolu jippreċiża barra minn hekk li huwa japplika bla ħsara għall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. |
|
93 |
Fir-rigward tal-portata tal-premessa 38 tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tindika li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi espliċitament li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE tobbliga lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom. |
|
94 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, darbtejn, fl-2007, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Ċeka għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-istess dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mit-tobba u mid-dentisti previsti minn direttivi preċedenti (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑203/06, EU:C:2007:41, u tat‑18 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑204/06, EU:C:2007:42). |
|
95 |
Il-Gvern Ċek iqajjem żewġ motivi ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tieni lment. |
|
96 |
Il-Gvern Ċek isostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma llimitatx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonċernat fl-ittra ta’ intimazzjoni u ma osservatx ir-rekwiżiti dwar preżentazzjoni koerenti u preċiża tal-ilment f’dan l-istadju tal-fażi prekontenzjuża. |
|
97 |
Il-Gvern Ċek iżid li l-Kummissjoni lanqas ma osservat, fl-opinjoni motivata, l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li r-Repubblika Ċeka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, peress li din l-istituzzjoni ma spjegatx li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, previst fid-dritt Ċek, għandu jiġi assimilat mar-reġistrazzjoni tat-tabib fl-assigurazzjoni għall-mard. |
|
98 |
Fir-realtà, kien biss fil-kuntest tar-rikors li l-Kummissjoni ppreċiżat, għall-ewwel darba, is-sustanza tal-ilment tagħha f’dan ir-rigward u identifikat id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, u għalhekk il-Gvern Ċek seta’ jwieġeb, għall-ewwel darba, għal dan l-ilment biss fl-istadju tar-risposta. |
|
99 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonċernat fl-istadju tar-rikors. |
|
100 |
Il-Gvern Ċek isostni, sussegwentement, li, fir-rigward tal-parti tal-ilment dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, il-Kummissjoni ma semmietx din id-dispożizzjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata u fir-rikors, b’tali mod li din il-parti tal-ilment għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli. |
|
101 |
Barra minn hekk, it-tieni lment ma jidhirx li ssemma fl-istadju tal-ittra ta’ intimazzjoni, b’tali mod li ż-żieda tagħha fl-opinjoni motivata, imbagħad fir-rikors tikkostitwixxi wkoll estensjoni tas-suġġett ta’ dan l-ilment li jirrendih inammissibbli. |
|
102 |
Minn dan jirriżulta wkoll nuqqas ta’ koerenza u ta’ preċiżjoni tal-opinjoni motivata. |
|
103 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn iż-żewġ motivi ta’ inammissibbiltà. |
|
104 |
Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li, mill-ittra ta’ intimazzjoni, il-kontenut tat-tieni lment baqa’ l-istess, jiġifieri jirrigwarda n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jeżenta lill-fornituri ta’ servizz mir-reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolata mid-dritt pubbliku sabiex jirregola ma’ organizzazzjoni tal-assigurazzjoni l-kontijiet relatati mal-attivitajiet imwettqa għall-benefiċċju tal-persuni assigurati, previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36. |
|
105 |
Il-Kummissjoni tindika li l-elementi ta’ risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni pprovduti mill-Gvern Ċek juru li dan tal-aħħar kien fehem is-suġġett tat-tieni lment, anki jekk ma sostniex id-dikjarazzjonijiet tiegħu b’riferiment għal dispożizzjonijiet konkreti tad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija kellha tfittex hija stess id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ċek b’tali mod li l-fatt li ssemmihom fl-istadju tar-rikors ma jistax jitqies li huwa emenda ta’ dan l-ilment. |
|
106 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-parti tat-tieni lment dwar ir-rekwiżit li l-fornitur ta’ servizzi jinforma lil dan l-organu tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku, il-Kummissjoni tammetti li hija kellha tirreferi għat-“tieni paragrafu tal-Artikolu 6” tad-Direttiva 2005/36, u mhux biss għall-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tagħha, iżda tindika li hija, fi kwalunkwe każ, fakkret il-kontenut ta’ din l-ewwel dispożizzjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata u li r-Repubblika Ċeka bagħtet osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett. |
|
107 |
Sussidjarjament, il-Gvern Ċek isostni li t-tieni lment huwa infondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
108 |
Fir-rigward tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek, għandu jiġi rrilevat li, fl-istadju tal-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, dwar l-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ma’ korp tas-sigurtà soċjali, ma kienx ġie traspost fid-dritt Ċek. Fl-opinjoni motivata, hija indikat li dan l-obbligu ta’ eżenzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel mill-fornitur ta’ servizzi, li jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, iżda li huwa marbut b’mod żbaljat mal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tagħha, ma ġewx trasposti. Barra minn hekk, tali lment ma huwiex indirizzat fl-opinjoni motivata addizzjonali. |
|
109 |
Min-naħa l-oħra, fl-istadju tar-rikors, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-obbligu għall-fornitur ta’ servizzi li jikkonkludi kuntratt mal-fond għall-mard tal-pazjent sabiex jiżguralu r-rimbors tal-kura, previst fid-dritt Ċek, jikkorrispondi għal obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali li, konsegwentement, imur kontra l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36. |
|
110 |
Għaldaqstant, dan l-ilment huwa differenti, minħabba l-għan tiegħu, minn dak inizjalment imsemmi, li, kif ammettiet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni lil korp tas-sigurtà soċjali previst f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod validu li l-kontenut tal-imsemmi lment baqa’ l-istess wara l-ittra ta’ intimazzjoni. |
|
111 |
Il-Kummissjoni tiġġustifika tali differenza bil-fatt li r-Repubblika Ċeka ma pprovditilhiex l-indikazzjonijiet rilevanti suffiċjenti dwar dan is-suġġett u li hija kellha, għalhekk, tfittex hija stess, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni li hija qieset rilevanti. |
|
112 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, billi tipproduċi l-provi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din l-istituzzjoni tiddependi ħafna fuq il-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, li għandu, skont l-Artikolu 4(3) TUE, jiffaċilitalha t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) TUE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu. (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, (Impjanti ta’ Trattament ta’ Ilma Mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punti 143 u 144 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
113 |
Madankollu, f’dan il-każ, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tar-Repubblika Ċeka invokati mill-Kummissjoni fir-rikors iqajmu kwistjonijiet ġodda, dwar il-konformità tar-rekwiżiti li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu mal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, hemm lok li jitqies li t-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda dawn il-kwistjonijiet, peress li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx, iżda bidlet b’mod sostanzjali s-suġġett ta’ dan l-ilment fl-istadju tal-opinjoni motivata u tar-rikors. |
|
114 |
L-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq dan l-Istat Membru, u mfakkar fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, ma jistax għalhekk jiġi invokat b’mod validu mill-Kummissjoni f’sitwazzjoni fejn hija ma osservatx l-obbligi tagħha relatati mad-delimitazzjoni tas-suġġett tat-tilwima, kif imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. |
|
115 |
Fir-rigward tal-parti tat-tieni lment dwar l-assenza ta’ traspożizzjoni tal-obbligu, impost fuq il-fornitur ta’ servizzi, li jinforma lill-korp tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, il-Gvern Ċek qajjem motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni rreferiet għall-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 filwaqt li dan l-obbligu huwa previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tagħha. |
|
116 |
Il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni madankollu ġiet imfakkra fl-istadju tal-ittra ta’ intimazzjoni b’tali mod li dan il-motiv ma jistax jintlaqa’. |
|
117 |
Min-naħa l-oħra, tali impreċiżjoni fin-numerazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ċċitata ma tippermettix li jiġi ddeterminat faċilment sa fejn l-argumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-ksur tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 huma invokati jew le insostenn tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. |
|
118 |
Issa, għalkemm l-obbligu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, li l-fornitur ta’ servizzi għandu jinforma minn qabel lill-korp imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bil-provvista ta’ servizzi tiegħu, huwa marbut mal-eżenzjoni, prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni, għal dan il-fornitur ta’ servizzi mir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma żewġ obbligi distinti, li l-ksur allegat tiegħu għandu jidher b’mod ċar mill-istadju tal-ittra ta’ intimazzjoni, iktar u iktar peress li, kif tfakkar fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, it-tieni lment kien inizjalment jirrigwarda l-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ tali eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u mhux dik mill-obbligu ta’ informazzjoni. |
|
119 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formulazzjoni tal-parti tat-tieni lment li tirrigwarda l-assenza ta’ traspożizzjoni tal-obbligu, impost fuq il-fornitur ta’ servizzi, li jinforma lill-korp tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti hija nieqsa mill-koerenza u mill-preċiżjoni u għandha, għaldaqstant, titqies li hija inammissibbli. |
|
120 |
Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ traspożizzjoni tal‑Artikolu 7(3) tad‑Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
121 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/36, billi ma ttrasponietx, għall-veterinarji u għall-periti, il-possibbiltà li tipprovdi servizzi, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti. |
|
122 |
Il-Kummissjoni ssostni li, meta fornitur imur minn Stat Membru għal ieħor sabiex jipprovdi servizz, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi li dan is-servizz huwa pprovdut taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, bl-eċċezzjoni tal-professjonijiet irregolati, bħal dawk ta’ veterinarji u ta’ periti, li l-provi ta’ kwalifiki formali huma rrikonoxxuti awtomatikament, fejn l-imsemmi servizz jiġi għalhekk ipprovdut taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti. |
|
123 |
Il-Kummissjoni tqis li d-dritt Ċek jipprevedi espliċitament tali regola għal ċerti professjonijiet, iżda li ma teżisti ebda dispożizzjoni speċifika għall-veterinarji, b’tali mod li għandha tiġi applikata r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 27(2) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali, li tipprovdi li l-applikant li jeżerċita attività rregolata fir-Repubblika Ċeka b’mod temporanju jew okkażjonali juża t-titolu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-veterinarji għalhekk tmur kontra l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/36. |
|
124 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi dwar il-Kura Veterinarja, fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ, invokata mill-Gvern Ċek, ma tinkludi ebda riferiment għal titolu professjonali u lanqas għal provvista ta’ servizzi pprovduti minn veterinarji ta’ Stati Membri oħra u li l-Artikolu 59(3) ta’ din il-liġi, li jirreferi għall-użu ta’ titolu akkademiku u jawtorizza l-użu ta’ dan tal-aħħar biss fil-lingwa tal-Istat li fih inkiseb dan it-titolu, jista’ jqarraq fir-rigward tal-iskema tat-titolu professjonali kkonċernat. |
|
125 |
Fir-rigward tal-Liġi dwar l-Ordni tal-Veterinarji, din lanqas ma tirregola l-użu ta’ titolu professjonali minn veterinarju u t-titolu ta’ “veterinarju milqugħ” li għalih hija tirreferi huwa, fi kwalunkwe każ, differenti minn dak ta’ “veterinarju”. |
|
126 |
Il-Kummissjoni ssostni, permezz ta’ argumenti simili, li l-istess jgħodd għall-periti. |
|
127 |
Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, għandha tiġi applikata r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 27(2) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali. |
|
128 |
Fir-rigward tal-Artikolu 30c (2) tal-Liġi dwar l-Awtorizzazzjoni, li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ perit u li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi, dwar l-użu tat-titolu professjonali ta’ “perit approvat”, japplikaw “b’mod xieraq” għall-persuni milqugħa, dan huwa redatt f’termini wisq impreċiżi sabiex jippermetti li jitqies li dan jittrasponi korrettament l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/36 fid-dritt Ċek. |
|
129 |
Il-Kummissjoni tfakkar li, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma timponix riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva waqt it-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar fid-dritt nazzjonali, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali għandu madankollu jiġi ssodisfatt permezz ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni suffiċjentement ċari u preċiżi. |
|
130 |
Il-fatt li d-dritt Ċek “ma joħloqx diffikultajiet fil-prattika”, kif isostni l-Gvern Ċek, ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk id-Direttiva 2005/36 hijiex trasposta b’mod korrett. |
|
131 |
Il-Gvern Ċek isostni li t-tielet ilment huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
132 |
Fil-kontroreplika, il-Gvern Ċek isostni li l-argumenti invokati mill-Kummissjoni fir-replika jiġġustifikaw li t-tielet ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli, fid-dawl tal-assenza ta’ preċiżjoni tiegħu u tal-fatt li l-Kummissjoni biddlet l-argument tagħha f’dan l-istadju tal-proċedura sa fejn hija tqis li l-persuni milqugħa huma kostretti, fid-dritt Ċek, jużaw it-titolu professjonali ta’ “veterinarju milqugħ” jew ta’ “perit approvat milqugħ”. |
|
133 |
Il-Gvern Ċek isostni li l-Istati Membri ma humiex obbligati jirriproduċu litteralment id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fl-ordinament ġuridiku tagħhom u li d-dritt intern tiegħu ma jħalli ebda dubju dwar il-possibbiltà għall-veterinarji u għall-periti ta’ Stati Membri oħra li jużaw it-titoli professjonali tal-Istat Membru ospitanti. |
|
134 |
Il-Gvern Ċek jirrileva li l-liġi dwar l-Ordni tal-Veterinarji tikklassifika l-veterinarju li joriġina minn Stat Membru ieħor, li jipprovdi temporanjament jew okkażjonalment servizzi fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, bħala “veterinarju milqugħ”. |
|
135 |
Fir-rigward tal-periti, il-Gvern Ċek jirreferi għall-Artikolu 13 tal-Liġi dwar l-Awtorizzazzjoni, li tintroduċi t-titolu professjonali ta’ “perit awtorizzat”. Barra minn hekk, dan il-gvern ifakkar li, skont l-Artikolu 30c (2) ta’ din il-liġi, l-Artikolu 13 tagħha japplika “b’mod xieraq” għall-persuni kkonċernati. |
|
136 |
Fil-prattika, il-leġiżlazzjoni Ċeka għalhekk ma tqajjimx “diffikultajiet” u l-periti “milqugħa” bl-ebda mod ma huma preklużi milli jużaw it-titolu ta’ “perit awtorizzat”. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
137 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Gvern Ċek, peress li bl-ebda mod ma jidher li t-tielet ilment huwa fformulat b’mod impreċiż wisq jew li l-Kummissjoni biddlet il-kontenut tiegħu fl-istadju tar-replika. |
|
138 |
Fir-rigward tal-analiżi tat-tielet ilment fuq il-mertu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/36 jirrigwarda l-każ ta’ trasferiment ta’ fornitur ta’ servizzi. L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jindika, mhux biss, li s-servizz għandu jiġi pprovdut taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment meta tali titolu jeżisti f’dan l-Istat Membru għall-attività professjonali kkonċernata, b’mod li tiġi evitata kull konfużjoni mat-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti, iżda wkoll li, b’deroga, is-servizz għandu jiġi pprovdut taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti fil-każijiet imsemmija fil-Kapitolu III tat-Titolu III tal-imsemmija direttiva. |
|
139 |
Minn dan jirriżulta li, kif issostni l-Kummissjoni, għall-professjonijiet li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku skont il-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36, is-servizz jitwettaq taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti, li huwa, b’mod partikolari, il-każ għall-veterinarji u l-periti, fid-dawl tal-Artikolu 21(1) ta’ din id-direttiva li jirrigwarda dawn iż-żewġ professjonijiet. |
|
140 |
Fir-rigward tal-veterinarji, l-Artikolu 5a (1) tal-Liġi dwar l-Ordni tal-Veterinarji jirreferi għall-każ ta’ veterinarju ta’ Stat Membru tal-Unjoni li għandu l-intenzjoni li jeżerċita fit-territorju tar-Repubblika Ċeka attività ta’ kura veterinarja preventiva u kurattiva b’mod temporanju jew okkażjonali u jindika lil dan il-veterinarju bħala “veterinarju milqugħ”. Madankollu, ma jidhirx li din id-dispożizzjoni tirregola l-użu tat-titolu professjonali minn veterinarju li jiċċaqlaq minn Stat Membru lejn ir-Repubblika Ċeka sabiex jeżerċita hemmhekk l-attività tiegħu. |
|
141 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali jipprevedi, b’mod ġenerali, li l-applikant li jeżerċita professjoni rregolata fir-Repubblika Ċeka b’mod temporanju jew okkażjonali għandu juża t-titolu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini konformement mal-leġiżlazzjoni u bil-lingwa jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan tal-aħħar. |
|
142 |
Konsegwentement, ma jidhirx li l-veterinarji li jeżerċitaw l-attività tagħhom okkażjonalment jew b’mod temporanju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka għandhom id-dritt li jużaw it-titolu professjonali ta’ dan l-Istat Membru kif jeżiġi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/36. |
|
143 |
Anki jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix dejjem ir-riproduzzjoni formali tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva f’dispożizzjoni legali espressa u speċifika, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ fejn dispożizzjoni tagħha tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn id-drittijiet għandha tkun suffiċjentement preċiża u ċara u l-benefiċjarji għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
144 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’forza vinkolanti indiskutibbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑648/13, EU:C:2016:490, punt 78). |
|
145 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/36, li jipprevedi li s-servizz għandu jiġi pprovdut taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti fil-każijiet imsemmija fil-Kapitolu III tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, huwa intiż li joħloq tali drittijiet għall-professjonisti kkonċernati, u b’mod partikolari għall-veterinarji. |
|
146 |
Konsegwentement, l-assenza ta’ preċiżjoni, fid-dritt nazzjonali, dwar l-użu tat-titolu professjonali tar-Repubblika Ċeka mill-veterinarji li jibdew jeżerċitaw l-attività tagħhom b’mod temporanju u okkażjonali fit-territorju tagħha, filwaqt li dan id-dritt jipprevedi r-regola ġenerali tal-użu tat-titolu tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza meħtieġa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 143 ta’ din is-sentenza. |
|
147 |
Il-fatt, invokat mir-Repubblika Ċeka, li, fil-prattika, il-veterinarji ma jiġux ikkonfrontati b’ostakoli għall-użu tat-titolu professjonali tar-Repubblika Ċeka, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. |
|
148 |
Fil-fatt, minn sempliċi prattiċi amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jinbidlu skont il-volontà tal-amministrazzjoni u li huma neqsin minn pubbliċità adegwata, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu t-twettiq validu tal-obbligi ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑648/13, EU:C:2016:490, punt 79). |
|
149 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-periti li jeżerċitaw l-attività tagħhom b’mod temporanju u okkażjonali fir-Repubblika Ċeka, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, b’differenza mill-veterinarji, id-dritt Ċek jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tat-titolu professjonali f’dan l-Istat Membru, madankollu dawn lanqas ma jidhru suffiċjentement ċari u preċiżi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 143 ta’ din is-sentenza. |
|
150 |
Fil-fatt, l-Artikolu 30c (2) tal-Liġi dwar l-Awtorizzazzjoni, li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ perit u li jindika li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi, dwar it-titolu professjonali ta’ “perit awtorizzat”, japplikaw “b’mod xieraq” għall-persuni milqugħa, jippreżenta impreċiżjoni ċerta fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom din ir-regola għandha tiġi applikata. |
|
151 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li, fil-prattika, is-sistema prevista fid-dritt Ċek ma tqajjimx diffikultà lanqas ma tista’ tikkontesta din l-analiżi. |
|
152 |
Minn dan isegwi li għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36, billi ma adottatx, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex il-veterinarji u l-periti jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu servizzi, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti. |
Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq it‑traspożizzjoni inkorretta tal‑Artikolu 21(6) u tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
153 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21(6) u l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2005/36, billi ppermettiet fid-dritt intern tagħha l-eżerċizzju ta’ professjonijiet “paralleli” ta’ infermiera madankollu paragunabbli, li waħda minnhom hija suġġetta għal rekwiżiti ta’ kwalifiki inferjuri għal dawk meħtieġa fid-Direttiva 2005/36. |
|
154 |
Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt intern li jippermettu l-eżerċizzju ta’ dawn il-professjonijiet “paralleli” jippreġudikaw l-effettività ta’ din id-direttiva u jistgħu jwasslu għal użu ħażin tar-regoli dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ professjonali u ta’ rikonoxximent awtomatiku. |
|
155 |
Fil-fatt, id-dritt Ċek jipprevedi l-professjoni ta’ “infermiera ġeneralista”, li tikkorrispondi għal dik ta’ “infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali”, imsemmija fl-Artikolu 21(6) tad-Direttiva 2005/36, u dik ta’ “infermier prattikant”, li fir-rigward tagħha r-rekwiżiti ta’ taħriġ professjonali previsti fid-dritt Ċek huma inferjuri għal dawk meħtieġa fl-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva għall-“infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali”. |
|
156 |
Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl mhux biss ta’ isimhom, iżda wkoll tan-natura paragunabbli ħafna tal-attivitajiet korrispondenti, l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ professjonijiet “paralleli” toħloq konfużjoni kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-persuni li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni ta’ infermiera. |
|
157 |
Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2005/36, li huwa li tiġi evitata l-konfużjoni tal-provi ta’ kwalifiki formali miksuba fl-Istat Membru ta’ oriġini u dawk miksuba fl-Istat Membru ospitanti. |
|
158 |
Il-Gvern Ċek isostni li r-raba’ lment huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
159 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ lment, il-Gvern Ċek isostni, qabelxejn, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-fatt li dan l-ilment ma ssemmiex fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u lanqas f’dak tal-opinjoni motivata addizzjonali, peress li tali żball ma jistax jiġi rregolarizzat fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, (C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 28). |
|
160 |
Il-Gvern Ċek jopponi, sussegwentement, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni estendiet is-suġġett tar-raba’ lment fl-istadju tar-rikors peress li, matul il-proċedura prekontenzjuża, dan l-ilment kien jirrigwarda biss il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-isem ta’ professjoni ta’ “infermier prattikant” u dik ta’ “infermier ġeneralista”, prevista wkoll fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru, peress li din l-aħħar professjoni tikkorrispondi għal dik ta’ “infermiera responsabbli mill-kura ġenerali” prevista mid-Direttiva 2005/36. B’hekk, fil-fehma tiegħu, l-imsemmi lment bl-ebda mod ma kien jirrigwarda l-kwistjoni, imqajma fir-rikors, dwar jekk l-Istati Membri jistgħux joħolqu żewġ professjonijiet paragunabbli li waħda minnhom biss taqa’ fil-kamp tad-Direttiva 2005/36. |
|
161 |
Il-Gvern Ċek jippreċiża li s-sempliċi ċitazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva fit-titolu ta’ lment ma tfissirx li l-Kummissjoni inkludiet fih il-ksur kollu konċepibbli ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
162 |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Ċek jikkontesta t-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-fatt li r-raba’ lment ma ġiex ifformulat b’mod koerenti u preċiż, b’mod partikolari, peress li, fil-punt 115 tar-rikors, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor l-analiżi tagħha bis-sempliċi riferiment għad-denominazzjoni tal-professjoni ta’ “infermiera prattikant”. |
|
163 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn il-motivi ta’ inammissibbiltà. |
|
164 |
Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ josserva l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni jew li jiddefendi ruħu b’mod effikaċi kontra l-ilmenti fformulati, iżda li dan ma jimplikax koinċidenza perfetta bejn il-formulazzjoni ta’ dawn l-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, bil-kundizzjoni li s-suġġett tal-kawża, kif dan tal-aħħar huwa ddefinit fl-opinjoni motivata, ma jiġix estiż jew emendat. |
|
165 |
Il-fatt li r-raba’ lment ma ssemmiex fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u lanqas f’dak tal-opinjoni motivata addizzjonali jirriżulta minn “żball amministrattiv” li ma kellux effett fir-rigward tal-osservanza, mir-Repubblika Ċeka, tal-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u lanqas fuq id-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru. |
|
166 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet motivi ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li hija ma biddlitx il-kontenut tar-raba’ lment fl-istadju tar-rikors peress li, fl-ittra ta’ intimazzjoni, hija kienet semmiet l-Artikolu 21(6), l-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2005/36. |
|
167 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija indikat, sa mill-proċedura prekontenzjuża, li din id-direttiva ma tipprekludix li ċerti attivitajiet tal-professjoni ta’ infermier jistgħu jiġu eżerċitati wkoll minn persuni oħra inqas ikkwalifikati, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm ebda ambigwità fir-rigward tal-livelli differenti ta’ taħriġ u ta’ kompetenza tal-professjonisti kkonċernati. |
|
168 |
Fl-aħħar nett, fir-risposta tagħhom, l-awtoritajiet Ċeki sostnew id-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ professjonijiet u għaldaqstant fehmu perfettament li l-Kummissjoni kkritikat il-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ professjonijiet. |
|
169 |
Fuq il-mertu, il-Gvern Ċek isostni li r-raba’ lment huwa fi kwalunkwe każ infondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
170 |
Fir-rigward tal-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tar-raba’ lment ġie effettivament mibdul fl-istadju tar-rikors. |
|
171 |
Fil-fatt, fl-opinjoni motivata, ir-raba’ lment kien jirrigwarda essenzjalment l-isem ta’ “infermier prattikant” mogħti mir-Repubblika Ċeka lil professjoni, minħabba li dan l-isem kien joħloq konfużjoni ma’ dak, previst ukoll fid-dritt nazzjonali, ta’ “infermier ġeneralista”, li jikkorrispondi għall-professjoni ta’ “infermiera responsabbli mill-kura ġenerali”, imsemmija fl-Artikolu 21(6) tad-Direttiva 2005/36. |
|
172 |
Min-naħa l-oħra, fir-rikors, ir-raba’ lment jikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni distinta tal-konformità mad-Direttiva 2005/36 tal-eżistenza stess fid-dritt Ċek ta’ professjoni “parallela” għal dik tal-infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali msemmija f’din id-direttiva, iżda suġġetta għal rekwiżiti ta’ taħriġ inqas għoljin minn dawk previsti fl-Artikolu 31(3) tal-imsemmija direttiva għal din il-professjoni, kwistjoni li timplika, barra minn hekk, li ssir analiżi komparattiva u ddettaljata tal-attivitajiet mogħtija lil kull waħda minn dawn iż-żewġ professjonijiet fir-Repubblika Ċeka. |
|
173 |
B’dan il-mod, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għalhekk ma llimitatx ruħha li tippreċiża r-raba’ lment, iżda biddlet b’mod sostanzjali s-suġġett tiegħu. |
|
174 |
Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li din tal-aħħar semmiet fir-rikors l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 bħal dawk li hija kienet semmiet matul il-proċedura prekontenzjuża ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni, peress li ċ-ċitazzjoni ta’ dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tiddefinixxi, waħedha, l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni. |
|
175 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ traspożizzjoni tal‑Artikolu 45(2) tad‑Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
176 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45(2)(ċ)(f) u, parzjalment, taħt il-punt (e) tad-Direttiva 2005/36, billi ssuġġettat l-eżerċizzju indipendenti ta’ ċerti attivitajiet ta’ spiżjar għal rekwiżit ta’ “ħiliet speċjalizzati” li jimplikaw taħriġ supplimentari. |
|
177 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 jimponi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lill-ispiżjara, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ kwalifiki professjonali stabbiliti fl-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, l-aċċess għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tagħha, suġġett biss, fejn xieraq, għall-osservanza tar-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali supplimentari. |
|
178 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma ttrasponietx korrettament din l-aħħar dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2)(c), (f) u, parzjalment, (e) ta’ din id-direttiva, peress li d-dritt Ċek jissuġġetta l-eżerċizzju indipendenti ta’ dawn l-attivitajiet għall-akkwist ta’ kompetenzi speċjalizzati addizzjonali, previsti fil-paragrafi 7 sa 11 tal-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 95/2004, li jirrigwardaw l-attivitajiet relatati mat-teknoloġiji farmaċewtiċi, il-metodi ta’ laboratorju u ta’ analiżi fil-qasam tas-saħħa, il-prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi, l-ispiżerija prattika, l-ispiżerija klinika kif ukoll l-ispiżerija tal-isptar. |
|
179 |
Il-Kummissjoni tqis li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek, l-attivitajiet imsemmija fil-ħames ilment jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikolu 45(2)(c), (f) u, parzjalment, (e) tad-Direttiva 2005/36, peress li dan l-Artikolu 45(2) jirreferi għall-attivitajiet kollha tradizzjonalment eżerċitati mill-ispiżjara. |
|
180 |
Il-Kummissjoni żżid li s-sistema legali tar-Repubblika Ċeka ma hijiex daqstant ċara daqs l-Artikolu 12(3)(c) tal-Liġi dwar is-Servizzi tas-Saħħa jipprevedi li, jekk jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa fil-qasam tal-farmaċija jew fl-oqsma tat-taħriġ speċjalizzat tal-ispiżjara, tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju indipendenti tal-professjoni ta’ spiżjar f’mill-inqas wieħed mill-oqsma tat-taħriġ speċjalizzat tal-ispiżjara. |
|
181 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-argument invokat mill-Gvern Ċek, li d-Direttiva 2005/36 ma tirrikjedix, fi kwalunkwe każ, li l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tagħha jiġu eżerċitati b’mod indipendenti, ma jistax jintlaqa’, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi, fil-fehma tagħha, għall-kuntrarju, li l-ispiżjara jkollhom aċċess sħiħ għall-attivitajiet ikkonċernati. |
|
182 |
Il-Kummissjoni tfakkar li n-natura speċifika tal-professjonijiet irregolati msemmija fil-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36 timplika rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali u li dan ir-rikonoxximent awtomatiku huwa wieħed mill-prinċipji u mill-għanijiet fundamentali ta’ din id-direttiva. |
|
183 |
Il-Kummissjoni tiċħad l-argument invokat mill-Gvern Ċek li t-taħriġ meħtieġ sabiex jinkisbu kompetenzi speċjalizzati jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi ssostitwit b’esperjenza professjonali supplimentari, skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36. |
|
184 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid li, anki jekk għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 11(7) sa (11) tal-Liġi Nru 95/2004 ma jsemmix l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2)(c), (f) u, parzjalment, (e) tad-Direttiva 2005/36, xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt Ċek jibqa’ mhux ċar u preċiż biżżejjed dwar is-suġġett peress li l-Artikolu 12(3)(c) tal-Liġi dwar is-Servizzi tas-Saħħa jidher li jeżiġi awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju indipendenti tal-professjoni ta’ spiżerija f’mill-inqas qasam wieħed sabiex l-ispiżjara jkunu jistgħu jeżerċitaw attivitajiet ikunu xi jkunu. |
|
185 |
Il-Gvern Ċek jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ħames ilment. |
|
186 |
Il-Gvern Ċek isostni li l-Kummissjoni ma indikatx b’mod koerenti u preċiż l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni u li hija ma identifikatx b’mod ċar, matul il-fażi prekontenzjuża, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li hija tqis li jmorru kontra l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36. B’mod partikolari, fir-rikors, il-Kummissjoni ma ssemmix iktar lill-vyhláška č. 187/2009 Sb., o minimálních požadavcích na studijní programy všeobecné lékařství, Zubní lékařství, farmacie a na vzdělávací program všeobecné praktické lékařství (id-Digriet Nru 187/2009, dwar ir-Rekwiżiti Minimi għall-Programmi ta’ Studju ta’ Mediċina Ġenerali, Dentistrija u għall-Programm ta’ Taħriġ tal-Mediċina Ġenerali, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 187/2009”), li madankollu kien invokat insostenn tal-ħames ilment fl-ittra ta’ intimazzjoni. |
|
187 |
Barra minn hekk, il-Gvern Ċek isostni f’dan ir-rigward estensjoni tas-suġġett tal-ħames ilment. |
|
188 |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-rikors innifsu lanqas ma jippermetti li tiġi ddefinita l-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa fejn dan kultant jagħmel riferiment għall-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 fl-intier tiegħu u, kultant, għall-punti (c), (e) u (f) biss ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
189 |
Il-Gvern Ċek iżid li s-sempliċi ċitazzjoni tal-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva ma hijiex biżżejjed sabiex tesponi b’mod ċar ilment u li l-Kummissjoni għandha tindika, mill-fażi prekontenzjuża, ir-raġunijiet u l-argumenti konkreti li fuqhom hija bbażata l-analiżi tagħha. |
|
190 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn il-motivi ta’ inammissibbiltà. |
|
191 |
Il-Kummissjoni ssostni li, sa mill-ittra ta’ intimazzjoni, hija kkritikat lir-Repubblika Ċeka talli ma ttrasponietx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 u li hija rreferiet għal-Liġi Nru 95/2004 fl-opinjoni motivata fid-dawl tal-osservazzjonijiet mibgħuta mir-Repubblika Ċeka fuq din l-ittra. |
|
192 |
Il-Kummissjoni tirrileva li l-Liġi Nru 95/2004, fi kwalunkwe każ, kienet ukoll is-suġġett ta’ diskussjonijiet sa mill-bidu tal-proċedura prekontenzjuża u li huwa żbaljat li jiġi allegat li l-ittra ta’ intimazzjoni kienet tirreferi biss għad-Digriet Nru 187/2009. |
|
193 |
Il-Kummissjoni żżid li, wara l-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika Ċeka dwar l-ittra ta’ intimazzjoni, hija finalment illimitat il-portata tal-ħames ilment għall-Artikolu 45(2)(ċ), (f) u, parzjalment, (e) tad-Direttiva 2005/36 fl-opinjoni motivata u li l-portata ta’ dan l-ilment ma nbidlitx fir-rikors. |
|
194 |
Il-Gvern Ċek isostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-ħames ilment ma huwiex fondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
195 |
Fir-rigward tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rreferiet, fl-ittra ta’ intimazzjoni, għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, essenzjalment għar-raġuni li d-Digriet Nru 187/2009 “ma [kien] jittrasporta xejn” il-punti (c) u (f), u (h) sa (j) ta’ dan l-Artikolu 45(2), u li dan id-digriet kien jittrasponi “b’mod inkomplet” il-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
196 |
Fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni rreferiet, min-naħa l-oħra, għar-rekwiżiti ta’ taħriġ speċjalizzat previst fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 95/2004 sabiex jiġu eżerċitati b’mod indipendenti ċerti attivitajiet ta’ spiżjar, imsemmija fl-Artikolu 45(2)(ċ)(f) u, parzjalment, fil-punt (e) tad-Direttiva 2005/36, sabiex issostni li dawn ir-rekwiżiti ma humiex konformi ma’ dan l-Artikolu 45(2). |
|
197 |
Fl-opinjoni motivata addizzjonali, il-Kummissjoni rreferiet mill-ġdid għall-imsemmija rekwiżiti, iżda sabiex issostni li r-Repubblika Ċeka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2005/36. |
|
198 |
Minn dan jirriżulta li, bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, is-suġġett tal-ħames ilment ġie mibdul, dan il-fatt iqajjem kwistjonijiet ġodda, bħal dik dwar jekk l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 huwiex intiż li japplika b’mod eżawrjenti għall-attivitajiet kollha ta’ spiżjar jew jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lill-Istati Membri, għall-attivitajiet li ma humiex dawk li huwa jsemmi espressament, li jimponu rekwiżiti supplimentari u, jekk ikun il-każ, jekk l-attivitajiet suġġetti għar-rekwiżit ta’ kompetenzi speċjalizzati, previst fl-Artikolu 11(7) sa (11) tal-Liġi Nru 95/2004, jaqgħux jew le taħt l-attivitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu 45(2)(ċ), (f) u, parzjalment, (e) ta’ din id-direttiva. |
|
199 |
Għalhekk, dawn id-domandi ġodda jirrigwardaw punti sostanzjalment differenti minn dawk dwar jekk l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2005/36 ġietx trasposta fid-dritt Ċek. |
|
200 |
Għaldaqstant, il-ħames ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ traspożizzjoni tal‑Artikolu 45(3) tad‑Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
201 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2005/36, dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-esperjenza professjonali supplimentari tkun rekwiżit, hija rrikonoxxuta fl-Istat Membru ospitanti għall-ispiżjara. |
|
202 |
Il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 45(2) tagħha, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu esperjenza professjonali supplimentari fuq l-ispiżjar. |
|
203 |
Il-Kummissjoni tirreferi, sussegwentement, kif għamlet fil-ħames ilment, għall-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 95/2004, li jissuġġetta, fil-paragrafu 1 (a) tiegħu, l-aċċess awtonomu għal ċerti attivitajiet ta’ spiżjar għal taħriġ speċjalizzat addizzjonali, jew, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, għall-kisba li r-Repubblika Ċeka tippreżenta bħala “esperjenza professjonali supplimentari”, iżda li, fil-prattika, tippreżupponi t-twettiq ta’ programm ta’ taħriġ li jista’ jiġi segwit biss fi stabbiliment approvat li jagħti lill-applikant ċertifikat ta’ tlestija. |
|
204 |
Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit dwar it-“taħriġ addizzjonali speċjalizzat”, previst f’dan l-Artikolu 11(1)(a), ma huwiex konformi mad-Direttiva 2005/36, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-kuntest tal-ħames ilment. |
|
205 |
Fir-rigward tal-Artikolu 11(1)(b) tal-Liġi Nru 95/2004, il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżistu żewġ possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
206 |
L-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi “programm ta’ taħriġ alternattiv”, sabiex jinkisbu l-ispeċjalizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tal-Liġi Nru 95/2004, li huma s-suġġett tal-ħames ilment, fatt li barra minn hekk ġie kkonfermat mir-Repubblika Ċeka. F’dan il-każ, l-Artikolu 11(1)(b) ta’ din il-liġi jmur kontra l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-kuntest tal-ħames ilment. |
|
207 |
Interpretazzjoni oħra possibbli hija li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 11(1)(b) tal-Liġi Nru 95/2004 jistabbilixxi “rekwiżit ta’ esperjenza professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 45(2) u (3) tad-Direttiva 2005/36. Madankollu, peress li d-dritt Ċek jipprevedi barra minn hekk it-twettiq ta’ programm ta’ taħriġ li jista’ jitwettaq biss fi stabbiliment approvat u li għandu jagħti lok għal ċertifikat ta’ tlestija, il-kontenut ta’ dan l-Artikolu 11(1)(b) imur lil hinn minn dak li jipprevedi dan l-Artikolu 45(2) u (3). |
|
208 |
Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 28a tal-Liġi Nru 95/2004, invokat mill-Gvern Ċek, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) tagħha, jeċċedi għalhekk il-limitu ta’ sempliċi rikonoxximent tat-tul tal-esperjenza professjonali. |
|
209 |
Il-Gvern Ċek isostni li r-rekwiżiti fil-qasam tal-kompetenzi speċjalizzati tal-ispiżjara previsti fid-dritt Ċek ma jaqgħux taħt l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 peress li l-attivitajiet ikkonċernati ma humiex dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, dawn ir-rekwiżiti lanqas ma jaqgħu taħt l-Artikolu 45(3) ta’ din id-direttiva. |
|
210 |
Il-Gvern Ċek iżid li barra minn hekk ma hemmx lok li din l-aħħar dispożizzjoni tiġi trasposta fi Stat Membru meta dan ma jipprevedix l-applikazzjoni ta’ “esperjenza professjonali supplimentari”, fis-sens tal-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva. |
|
211 |
Fi kwalunkwe każ, indipendentement anki mill-mistoqsijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, il-formulazzjoni tal-Artikolu 28a (5) tal-Liġi Nru 95/2004 tirriproduċi litteralment l-Artikolu 45(3) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li, “[f]il-każ ta’ esperjenza professjonali supplimentari, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(b) [tal-Liġi Nru 95/2004], il-Ministeru għandu awtomatikament jirrikonoxxi bħala prova tal-kwalifika miksuba ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jipprova li l-persuna kkonċernata eżerċitat l-attivitajiet ikkonċernati fl-Istat Membru ta’ oriġini għal perijodu ugwali.” |
|
212 |
Fl-aħħar nett, jekk il-Kummissjoni tqis li diversi interpretazzjonijiet tad-dritt nazzjonali huma possibbli, hija għandha turi li, fil-prattika, dan id-dritt huwa applikat b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
213 |
Skont l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2005/36, “[j]ekk Stat Membru jagħmel l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ waħda mill-attivitajiet ta’ farmaċista jiddependi mill-esperjenza professjonali supplimentari, flimkien mal-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali […], dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti f’dan ir-rigward ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini li jiddikjara li l-persuna konċernata eżerċitat dawk l-attivitajiet fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għal perijodu simili”. |
|
214 |
Kif indikat il-Kummissjoni, l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 45(2) tagħha, li jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-aċċess għall-attivitajiet imsemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni għal “esperjenza professjonali supplimentari”. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ rikonoxximent, mill-Istat Membru ospitanti, tal-esperjenza professjonali supplimentari miksuba fl-Istat Membru ta’ oriġini, imsemmi f’dan l-Artikolu 45(3), japplika biss għall-attivitajiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 45(2). |
|
215 |
F’dan il-każ, il-Gvern Ċek jinvoka l-Artikolu 28a (5) tal-Liġi Nru 95/2004, li jipprevedi li, “[f]il-każ ta’ esperjenza professjonali supplimentari, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(b) [ta’ din il-liġi], il-Ministeru jirrikonoxxi awtomatikament bħala prova tal-klassifikazzjoni miksuba ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jipprova li l-persuna kkonċernata eżerċitat l-attivitajiet ikkonċernati fl-Istat Membru ta’ oriġini għal perijodu ugwali”. |
|
216 |
Madankollu, l-Artikolu 11(1)(b) tal-Liġi Nru 95/2004 jirreferi għall-kisba ta’ “esperjenza professjonali supplimentari skont il-programm ta’ taħriġ korrispondenti f’istituzzjoni approvata għall-qasam ta’ taħriġ speċjalizzat korrispondenti jew għall-qasam ta’ esperjenza professjonali supplimentari korrispondenti, li għandha toħroġ ċertifikat li jattesta t-tlestija għall-applikant”. |
|
217 |
Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 28a (5) tal-Liġi Nru 95/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ din il-liġi, jimponix kundizzjoni supplimentari għal dik dwar l-“esperjenza professjonali supplimentari”, fis-sens tal-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2005/36, għandu, qabel kollox, jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek jikkonċernawx attivitajiet ta’ spiżjar li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva. Issa, din id-domanda tagħmel parti mill-ħames ilment u dan tal-aħħar ġie miċħud bħala inammissibbli peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 198 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni bidlet is-suġġett ta’ dan il-ħames ilment, billi qajmet kwistjonijiet ġodda bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata. Konsegwentement, sa fejn, matul il-proċedura prekontenzjuża, id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Ċeka ma ġewx irrispettati fil-kuntest tal-imsemmi ħames ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija f’pożizzjoni li twettaq, fil-kuntest tas-sitt ilment, tali eżami. |
|
218 |
Konsegwentement, is-sitt ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq is‑seba’ lment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ traspożizzjoni tal‑Artikolu 50(1) tad‑Direttiva 2005/36, moqri flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tagħha
L‑argumenti tal‑partijiet
|
219 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Ċek naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36, moqri flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tagħha, fir-rigward tal-obbligu impost fuq l-Istat Membru ta’ oriġini li jibgħat, f’terminu massimu ta’ xahrejn, id-dokumenti msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet u li l-produzzjoni tagħhom tista’ tintalab mill-applikant mill-Istat Membru ospitanti għall-aċċess għal professjoni rregolata. Dawn id-dokumenti jirrigwardaw, rispettivament, ir-reputazzjoni tajba, il-moralità, li ma jkunux ġew iddikjarati falluti, tal-applikant jew il-prova li dan tal-aħħar ma kienx is-suġġett ta’ miżura ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ tali professjoni minħabba nuqqas professjonali serju jew ta’ reat kriminali, minn naħa, u s-saħħa fiżika jew psikoloġika tal-applikant, min-naħa l-oħra. |
|
220 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati mill-awtoritajiet Ċeki ma humiex biżżejjed sabiex jittrasponu korrettament l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36, moqri flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII ta’ din id-direttiva. |
|
221 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 71(1) u (3) u l-Artikolu 154 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, invokati mill-awtoritajiet Ċeki, huma wisq ġenerali u mhux ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jiggarantixxu tali dritt lill-applikant. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 154, li jirrigwarda l-ħruġ mill-amministrazzjoni ta’ ċertifikat jew ta’ ċertifikat, ma jirreferix espliċitament għat-terminu ta’ trażmissjoni previst f’dan l-Artikolu 71, peress li jipprevedi li dan tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni “b’mod xieraq” u biss jekk l-applikazzjoni tiegħu “tkun meħtieġa”. |
|
222 |
Fir-rigward tal-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, li jipprevedi terminu għall-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, dan lanqas ma huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jiggarantixxi drittijiet lill-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippermetti li jinqabeż it-terminu ta’ xahar li hija tipprevedi, mingħajr limitu ratione temporis. |
|
223 |
Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss il-ħruġ ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-osservanza tat-terminu ta’ xahrejn li huwa s-suġġett tas-seba’ lment jikkonċerna, bħala prinċipju, ir-relazzjoni bejn l-applikant li jixtieq jeżerċita professjoni fi Stat Membru ieħor u l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36 ma jsemmi espressament ebda kooperazzjoni amministrattiva bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri dwar id-dokumenti mitluba, peress li din il-kooperazzjoni hija espressament prevista biss, fil-każ ta’ dubji fondati, fil-paragrafi 2, 3 u 3a ta’ dan l-artikolu. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dokumenti kkonċernati għandhom, l-ewwel nett, jintalbu mill-Istat Membru ospitanti direttament lill-applikant li, għal dan l-għan, għandu jkollu l-possibbiltà li jiksibhom mingħand l-amministrazzjonijiet tal-Istat Membru ta’ oriġini fit-terminu ta’ xahrejn previst għal dan l-għan. |
|
224 |
Il-Kummissjoni tfakkar li, fi kwalunkwe każ, anki jekk l-Istati Membri jibbenefikaw mill-għażla tal-forma u tal-mezzi ta’ implimentazzjoni tad-direttivi, huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali jiggarantixxi effettivament l-applikazzjoni sħiħa tagħhom mill-amministrazzjoni nazzjonali u li s-sitwazzjoni ġuridika kkonċernata tkun suffiċjentement ċara u preċiża. |
|
225 |
Fir-rigward tal-argumenti invokati mill-Gvern Ċek fil-kuntest tar-risposta, li jgħidu li d-dokumenti kkonċernati jistgħu fil-prattika jinkisbu permezz ta’ mezzi oħra, il-Kummissjoni tfakkar li din tiddependi ħafna fuq il-provi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkontrolla t-traspożizzjoni effettiva ta’ direttiva u li dan l-Istat Membru għandu jinnotifikaha bil-miżuri adottati. Issa, xejn minn dan ma sar fir-rigward tal-miżuri l-ġodda hekk imsemmija. |
|
226 |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2005/36 jimponi fuq l-Istati Membri li jagħmlu riferiment għal din id-direttiva fid-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tagħha. |
|
227 |
Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li s-seba’ lment huwa fondat, minkejja l-osservazzjonijiet addizzjonali fformulati mill-Gvern Ċek. |
|
228 |
Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li, għal dak li jikkonċerna l-provi dwar ir-reputazzjoni tajba u l-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment li għalihom jirreferi l-Gvern Ċek fir-risposta, dan il-gvern ma weriex li l-professjonisti kollha, b’mod partikolari dawk li jeżerċitaw professjoni bħala impjegati, huma rreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u lanqas li l-possibbiltà li jintalbu dokumenti b’mod elettroniku hija suffiċjenti fiha nnifisha peress li mhux il-persuni kollha għandhom neċessarjament il-possibbiltà materjali li jkollhom aċċess għalihom. |
|
229 |
B’hekk, il-Kummissjoni tqis li s-seba’ lment huwa fondat tal-inqas sa fejn jirrigwarda d-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36. |
|
230 |
Il-Gvern Ċek jeċċepixxi l-inammissibbiltà tas-seba’ lment, minħabba li l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36 ma huwiex imsemmi mill-Kummissjoni fir-rikors u li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jipprovdu d-dokumenti elenkati fil-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII ta’ din id-direttiva f’terminu partikolari. Fil-kontroreplika, il-Gvern Ċek isostni li din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà ma hijiex ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma fakkritx il-kliem tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36, iżda fuq il-fatt li din l-istituzzjoni ma tispjegax il-portata tal-ksur allegat fil-konfront tal-Istat Membru abbażi ta’ din id-dispożizzjoni peress li din ma tipprevedix it-terminu li huwa s-suġġett tal-ilment. |
|
231 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi motiv ta’ inammissibbiltà huwa infondat peress li ċ-ċitazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħhom huwa invokat ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ lment. Barra minn hekk, is-seba’ lment jirreferi għall-kontenut tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36 u jirreferi, fi kwalunkwe każ, ukoll għall-punt 1 (d) u (e) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36, li jipprevedi t-terminu ta’ xahrejn inkwistjoni f’dan l-ilment. |
|
232 |
Sussidjarjament, il-Gvern Ċek iqis li s-seba’ lment huwa infondat. |
|
233 |
Il-Gvern Ċek isostni li l-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36 ma jispeċifikax il-benefiċjarju tat-terminu ta’ xahrejn, jiġifieri l-persuna li lilha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tipprovdi d-dokumenti kkonċernati f’dan it-terminu. |
|
234 |
Fi kwalunkwe każ, id-dritt Ċek jiggarantixxi l-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti fit-terminu ta’ xahrejn kemm fir-rigward tal-persuna li tkun għamlet it-talba lill-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fir-rigward tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jekk din tal-aħħar tkun bagħtet din it-talba. |
|
235 |
Għalhekk, meta tkun il-persuna kkonċernata li titlob il-ħruġ tal-imsemmija dokumenti lill-awtoritajiet Ċeki, huwa l-Artikolu 154 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikolu 71(1) u (3) ta’ dan il-kodiċi, li japplika u jobbliga lill-awtorità amministrattiva Ċeka tiddeċiedi jew toħroġ ċertifikat fl-iqsar żmien possibbli, sa mhux iktar tard minn terminu ta’ 30 jum li jista’ jiġi estiż bi 30 jum oħra. |
|
236 |
Barra minn hekk, id-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36, dwar ir-reputazzjoni tajba, il-moralità jew li ma jkunux ġew iddikjarati falluti, jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta’ estratt mir-reġistru kummerċjali u f’dan il-każ ikunu, skont id-dritt applikabbli, maħruġa fuq talba tal-persuna kkonċernata. |
|
237 |
Barra minn hekk, il-prova tal-assenza ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali tista’ tiġi prodotta permezz ta’ estratt ta’ rekord ġudizzjarju, anki maħruġ fuq talba tal-persuna kkonċernata. |
|
238 |
Teżisti wkoll possibbiltà li jinkiseb estratt mir-reġistru tal-kummerċ jew estratt mir-rekord ġudizzjarju, b’mod elettroniku, fuq il-portal tal-amministrazzjoni pubblika kkonċernata. |
|
239 |
Fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 1(e) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36, li jirrigwardaw id-dokumenti ta’ sostenn relatati mas-saħħa fiżika jew psikoloġika tal-applikant, il-ħruġ tagħhom huwa rregolat miż-zákon č. 373/2011 Sb., o specifických zdravotních službách (il-Liġi Nru 373/2011 dwar is-Servizzi tas-Saħħa Speċifiċi). Issa, l-Artikolu 43(1)(a) ta’ din il-liġi jimponi li d-dokument relatat mal-perizja medika għandu jinħareġ fl-għaxart ijiem ta’ xogħol wara li tiġi rċevuta t-talba. |
|
240 |
Għalhekk, kemm id-dritt amministrattiv ġenerali Ċek kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Ċek jippermettu li jiġi ggarantit li l-persuna kkonċernata tirċievi d-dokumenti kkonċernati f’terminu sostanzjalment iqsar minn dak meħtieġ fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36, moqri flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tagħha. |
|
241 |
Barra minn hekk, jekk id-dokumenti kkonċernati jintalbu direttament mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, dawn tal-aħħar għandhom jikkomunikaw dawn id-dokumenti fl-iqsar żmien possibbli skont l-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali. |
|
242 |
Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ċek huma ċari u preċiżi biżżejjed. |
|
243 |
Fil-kontroreplika, il-Gvern Ċek jiċħad l-argumenti tal-Kummissjoni li huwa ma osservax l-obbligu li jipprovdi informazzjoni ċara u preċiża fin-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni u jżid li l-ksur tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2005/36 ma huwiex is-suġġett ta’ din il-proċedura. |
|
244 |
Il-Gvern Ċek jippreċiża wkoll li, meta persuni ma humiex irreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ nazzjonali, huma jistgħu wkoll juru r-reputazzjoni tajba tagħhom u l-ineżistenza ta’ proċedura ta’ falliment fil-konfront tagħhom permezz ta’ estratt mir-reġistru ta’ insolvenza, li jinħarġilhom fuq talba tagħhom fil-mument din tiġi ppreżentata lill-amministratur ta’ dan ir-reġistru, ma’ fornituri oħra jew fuq l-internet. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
245 |
Fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda r-raġuni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek li s-seba’ lment ma huwiex preċiż sa fejn jirrigwarda l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix it-terminu ta’ xahrejn previst għat-trażmissjoni tad-dokumenti kkonċernati li huma s-suġġett ta’ dan l-ilment. |
|
246 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi lment, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-punt 1 (d) u (e) tal-Anness VII ta’ din id-direttiva, li għalih hija tirreferi b’mod espliċitu għad-determinazzjoni tad-dokumenti u taċ-ċertifikati li jistgħu jintalbu lill-applikant mill-Istat Membru ospitanti u li tipprevedi terminu ta’ xahrejn għat-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti u ċertifikati mill-Istat Membru ta’ oriġini. |
|
247 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu ġiex traspost b’mod korrett fid-dritt Ċek, mir-risposta jirriżulta li dan huwa l-każ kemm fir-rigward tar-regoli tad-dritt amministrattiv ġenerali kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-kisba ta’ tali dokumenti. |
|
248 |
F’dan ir-rigward, għandu, preliminarjament, jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek, mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 50 tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li a priori, bħala prinċipju, hija l-persuna kkonċernata li għandha titlob dawn id-dokumenti mingħand l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini. |
|
249 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-paragrafu 1 tal-Artikolu 50 tad-Direttiva 2005/36, il-paragrafi 2, 3 u 3a ta’ dan l-artikolu jsemmu espliċitament il-każijiet fejn l-informazzjoni hija mitluba mill-Istat Membru ospitanti mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
250 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek imsemmija mill-Gvern Ċek, minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ talba mill-persuna kkonċernata għal wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36 lill-awtoritajiet Ċeki, għandhom jiġu applikati r-regoli tad-dritt amministrattiv ġenerali, jiġifieri l-Artikolu 154 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikolu 71(1) u (3) ta’ dan il-kodiċi, li jimponi fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tieħu deċiżjoni “fl-iqsar żmien possibbli” u, fin-nuqqas ta’ dan, mhux iktar tard minn terminu ta’ 30 jum, mill-ftuħ ta’ proċedura, li magħhom jista’ jiżdied terminu addizzjonali f’ċerti ċirkustanzi. |
|
251 |
Madankollu, il-Kummissjoni ġustament issostni n-natura impreċiża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
252 |
Fil-fatt, jekk tali talba tintbagħat, l-Artikolu 154 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71 ta’ dan il-kodiċi għandhom jiġu segwiti “b’mod xieraq” u “jekk l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta neċessarja”, li jikkaratterizza ċerta inċertezza dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-terminu previst minn dan l-Artikolu 71. |
|
253 |
Minn dan jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li ttrasponew b’mod suffiċjentement ċar u preċiż ir-rekwiżit tat-terminu ta’ xahrejn impost fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-każ fejn persuna titlob wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36. |
|
254 |
Madankollu, fir-risposta tiegħu, il-Gvern Ċek isostni wkoll l-applikazzjoni ta’ miżuri u regoli oħra tad-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, il-fatt li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li tikseb id-dokument li jiċċertifika r-reputazzjoni tajba tagħha, il-moralità tagħha jew l-assenza ta’ falliment tagħha, imsemmija fil-punt 1(d) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36, billi titlob estratt mir-reġistru kummerċjali nazzjonali jew estratt ta’ rekord ġudizzjarju, u tali dokument għandu għalhekk jinħareġ fuq talba jew jinkiseb online. Dan il-gvern jispjega, f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu d-dokument ikkonċernat fil-mument li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni u li, fil-każ ta’ applikazzjoni online, il-persuna kkonċernata tista’ tniżżel l-imsemmi dokument direttament. |
|
255 |
Fir-rigward tad-dokument dwar is-saħħa fiżika jew psikoloġika tal-applikant, imsemmi fil-punt 1(e) tal-Anness VII ta’ din id-direttiva, il-Gvern Ċek jirreferi għal-Liġi Nru 373/2011 dwar is-Servizzi tas-Saħħa Speċifiċi, li l-Artikolu 43(1)(a) tagħha jipprevedi l-għoti ta’ perizja medika fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol wara li tiġi rċevuta l-applikazzjoni ppreżentata. |
|
256 |
Il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jikkostitwixxu miżuri ta’ traspożizzjoni li ma ġewx innotifikati mir-Repubblika Ċeka, b’tali mod li l-Gvern Ċek ma jistax jinvokahom. Hija żżid li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2005/36 jimponi wkoll fuq l-Istati Membri li jagħmlu riferiment għal din id-direttiva fid-dispożizzjonijiet li jittrasponuha. |
|
257 |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll, minn naħa, li l-persuni li huma impjegati ma humiex irreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u, min-naħa l-oħra, li l-possibbiltà li jintalbu dokumenti b’mezz elettroniku hija insuffiċjenti peress li ħadd ma għandu aċċess għalihom. |
|
258 |
Il-Gvern Ċek iwieġeb li l-informazzjoni kkonċernata tista’ tingħata permezz ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-pubbliku u li l-aċċess għall-internet ma huwiex l-uniku mezz sabiex din tinkiseb. |
|
259 |
Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti l-ġodda, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, jiffaċilitaw lill-Kummissjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) TUE, f’li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu. B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi proprji f’dan il-qasam, tiddependi ħafna fuq il-provi prodotti minn eventwali lanjanti kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 144). |
|
260 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Hija għandha tipproduċi l-provi neċessarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Impjanti ta’ Trattament ta’ Ilma Mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
261 |
Issa, f’dan il-każ, l-argumenti invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-replika tagħha ma jippermettux li jiġu stabbiliti b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il-miżuri u r-regoli tad-dritt nazzjonali, invokati mill-Gvern Ċek fl-istadju tar-risposta, li minnhom jirriżulta li dawn kienu applikabbli qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ma humiex suffiċjenti sabiex it-terminu ta’ xahrejn previst sabiex jiġu pprovduti d-dokumenti msemmija fil-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36 jiġi traspost korrettament. |
|
262 |
Konsegwentement, is-seba’ lment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it‑tmien ilment, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ traspożizzjoni tal‑Artikolu 51(1) tad‑Direttiva 2005/36
L‑argumenti tal‑partijiet
|
263 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36, sa fejn dan jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha terminu ta’ xahar sabiex tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u sabiex tinforma, jekk ikun il-każ, lill-applikant b’kull dokument nieqes. |
|
264 |
Il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36 fid-dritt Ċek ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed. |
|
265 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 45(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva ma jagħtix dritt speċifiku lill-applikant sabiex jikseb, f’terminu stabbilit, l-informazzjoni fuq id-dokumenti eventwalment neqsin. |
|
266 |
L-Artikolu 47(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi biss obbligu li l-persuna kkonċernata tiġi informata bil-ftuħ tal-proċedura wara t-talba tagħha “fl-iqsar żmien possibbli”. |
|
267 |
Fir-rigward tal-Artikolu 71(1) u (3) tal-imsemmi kodiċi, dan jawtorizza lill-awtorità amministrattiva kkonċernata tieħu d-deċiżjoni tagħha wara t-terminu ta’ xahar li huwa jipprevedi. |
|
268 |
Il-Gvern Ċek isostni li t-tmien ilment ma huwiex fondat, peress li d-dritt Ċek jipprevedi l-obbligu li l-persuna kkonċernata tiġi informata bil-ftuħ tal-proċedura f’terminu ta’ xahar u dak li tiġi rrikonoxxuta r-riċezzjoni tal-fajl, skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36. |
|
269 |
Il-Gvern Ċek isostni li, skont l-Artikolu 47(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, l-awtorità amministrattiva kkonċernata hija obbligata tinforma, “fl-iqsar żmien possibbli”, lill-partijiet kollha fil-proċedura dwar it-talba għall-ftuħ ta’ din tal-aħħar, li jfisser li, fil-prattika, dan it-“terminu” huwa biss ta’ ftit jiem, kif ikkonfermaw il-qrati Ċeki. |
|
270 |
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar id-dokumenti neqsin, il-Gvern Ċek iżid li, skont l-Artikolu 45(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, l-awtorità amministrattiva kkonċernata għandha tgħin lill-applikant jirrimedja n-nuqqasijiet eventwali tat-talba tiegħu u tagħtih sabiex jagħmel dan terminu raġonevoli. |
|
271 |
Il-Gvern Ċek isostni wkoll li l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jimponi fuq din l-awtorità amministrattiva li tittratta l-każ ikkonċernat “mingħajr dewmien żejjed”. |
|
272 |
Barra minn hekk, il-Gvern Ċek jirrileva li, skont l-Artikolu 71(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, l-imsemmija awtorità amministrattiva hija obbligata tieħu deċiżjoni “fl-iqsar żmien possibbli” jew, f’każ ta’ impossibbiltà, “f’terminu ta’ 30 jum”. |
|
273 |
Għalhekk, il-Gvern Ċek jikkunsidra li mill-istruttura tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jirriżulta li l-applikant għandu jiġi informat bl-eventwali nuqqasijiet tal-applikazzjoni tiegħu ferm qabel ma jkun skada t-terminu ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36. |
|
274 |
Il-Gvern Ċek iżid li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-suġġett huma ċari u konformi ma’ din id-direttiva u li, fi kwalunkwe każ, hija din l-istituzzjoni li għandha turi li, fil-prattika, id-dritt Ċek huwa applikat b’mod kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. |
|
275 |
Il-Gvern Ċek ifakkar ukoll li Stat Membru ma huwiex obbligat li jirriproduċi espressament id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu sabiex jittrasponiha b’mod korrett u li kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun biżżejjed. |
|
276 |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Ċek isostni li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ diffikultajiet fil-prattika f’dan ir-rigward. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
277 |
L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36 jimponi terminu ta’ xahar fuq l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u sabiex tinforma lill-applikant bil-lakuni eventwali tagħha. |
|
278 |
Issa, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi invokati mill-Gvern Ċek ma jipprevedu xejn minn dan. |
|
279 |
B’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli tad-dritt amministrattiv ġenerali invokati mill-Gvern Ċek, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 71 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, li jipprovdi li l-amministrazzjoni Ċeka għandha tieħu deċiżjoni “fl-iqsar żmien possibbli” u mhux iktar tard minn terminu ta’ 30 jum minn talba, li miegħu jista’ jiżdied terminu addizzjonali f’ċerti ċirkustanzi, ma jittrasponix l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36, peress li ma jagħmilx riferiment għall-obbligu li tiġi kkonfermata l-irċevuta tal-applikazzjoni u lanqas għal dak li jiġu indikati d-dokumenti eventwalment neqsin. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, dan l-Artikolu 71 jippermetti lill-amministrazzjoni tiddeċiedi dwar talba f’terminu li jista’ jkun ta’ iktar minn xahar. |
|
280 |
Fir-rigward tal-Artikolu 45(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, li jipprovdi li l-awtorità amministrattiva għandha tgħin lill-applikant jirrimedja n-nuqqasijiet tal-applikazzjoni tiegħu u tagħtih “terminu raġonevoli” għal dan l-għan, lanqas ma jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġu trasposti b’mod sħiħ ir-rekwiżiti preċiżi tal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36 f’dan ir-rigward. |
|
281 |
L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, li jipprovdi li l-amministrazzjoni għandha tittratta talba “mingħajr dewmien żejjed”, u tal-Artikolu 47(1) ta’ dan il-kodiċi, li jipprovdi li l-awtorità amministrattiva għandha tinforma “fl-iqsar żmien possibbli” bil-ftuħ ta’ proċedura “il-parteċipanti kollha” li hija tkun taf bihom, peress li dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jikkorrispondu għar-rekwiżiti preċiżi stabbiliti fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36. |
|
282 |
Fl-aħħar nett, l-argument tal-Gvern Ċek li d-dritt Ċek ma jqajjimx diffikultajiet fil-prattika ma jistax, kif ġie rrilevat fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, jikkumpensa għall-assenza ta’ traspożizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża hekk ikkonstatata. |
|
283 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36, billi ma adottatx, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha terminu ta’ xahar sabiex tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u sabiex tinforma, jekk ikun il-każ, lill-applikant b’kull dokument nieqes. |
|
284 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36, billi ma adottatx:
|
Fuq l‑ispejjeż
|
285 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Peress li r-rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.