1989L0665 — MT — 09.01.2008 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Diċembru 1989

dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi

(89/665/KEE)

(ĠU L 395, 30.12.1989, p.33)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992

  L 209

1

24.7.1992

►M2

DIRETTIVA 2007/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-11 ta’ Diċembru 2007

  L 335

31

20.12.2007




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Diċembru 1989

dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi

(89/665/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi d-Direttivi tal-Komunità dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi ( 4 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/440/KEE ( 5 ), u d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika ( 6 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/295/KEE ( 7 ), ma fihomx dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħhom;

Billi l-arranġamenti eżistenti f’livell kemm nazzjonali kemm tal-Komunità għall-assigurazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħhom mhumiex dejjem adegwati biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti Komunitarji partikolarment fi stadju meta l-ksur jista jiġi korrett;

Billi l-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni mill-Komunità jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni; billi, biex ikun hemm effetti tanġibbli, rimedji effettivi u rapidi għandhom ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi;

Billi f’ċerti Stati Membri l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza ta’ rimedji eżistenti jżommu lil intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti fl-Istat Membru li fih l-awtorità kuntrattwali hija stabbilita; billi, għalhekk, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni;

Billi, ladarba l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma ta’ tul daqshekk qasir, il-korpi kompetenti ta’ reviżjoni għandhom, fost ħwejjeġ oħra, jkunu awtorizzati jieħdu miżuri interim immirati lejn is-sospensjoni ta’ din il-proċedura jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tittieħed mill-awtorità kuntrattwali; billi ż-żmien qasir tal-proċeduri jfisser li l-ksur imsemmi qabel għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti;

Billi huwa neċessarju li jiġi assigurat li proċeduri adegwati jeżistu fl-Istati Membri kollha sabiex jippermettu t-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment u l-kumpens ta’ persuni milquta minn ksur;

Billi, meta intrapriżi ma jitolbux reviżjoni, ċertu ksur ma jistax jiġi korrett sakemm ma jkunux stabbilit mekkaniżmu speċifiku;

Billi, għalhekk, il-Kummissjoni, meta tikkunsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti tul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, għandha tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u ta’ l-awtorità kuntrattwali kkonċernata sabiex jittieħdu passi xierqa għall-korrezzjoni rapida ta’ kull ksur allegat;

Billi l-applikazzjoni fil-prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tiġi ri-eżaminata fi żmien erba’snin mill-implimentazzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membru li tikkonċerna l-funzjonament tal-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



▼M2

Artikolu 1

Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni

1.  Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi ( 8 ) sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn impriżi li jiddikjaraw li jkunu sofrew dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat tad- distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jkunu qed jimplimentaw liġi Komunitarja u regoli nazzjonali oħra.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

4.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ reviżjoni tkun innotifikat lill-awtorità kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni li tagħmel appell, sakemm dan ma jaffettwax il-perijodu sospensiv skond l-Artikolu 2a(2) jew kwalunkwe skadenza oħra għall-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2ċ.

5.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi adatti ta’ komunikazzjoni, inkluż faks jew mezzi elettroniċi, li għandhom jintużaw għall-applikazzjoni għal reviżjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta ta’ tweġiba.

Artikolu 2

Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a) jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b) jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ) jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.  Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.  Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti, jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikoli 2a(2) u 2d(4) u (5).

4.  Ħlief fejn previst fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

5.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji fl-interessi ta’ dawk kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll fl-interess pubbliku, u jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

Deċiżjoni li ma tingħatax miżuri intermedjarji m’għandha tippreġudika l-ebda pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed titlob tali miżuri.

6.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

7.  Ħlief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 1(5), paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv.

9.  Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat, u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni.

Il-membri ta’ tali korp indipendenti għandhom jiġu maħtura u jħallu l-kariga tagħhom taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-awtorità responsabbli mill-ħatra tagħhom, il-perijodu tagħhom fil-kariga, u t-tneħħija tagħhom. ta’ l-inqas il-President ta’ dan il-korp indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħall-membri tal-ġudikatura. Il-korp indipendenti għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu wara proċedura li fiha jinstemgħu ż-żewġ naħat, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, b’mezzi ddeterminati minn kull Stat Membru, ikunu jorbtu legalment.

▼M2

Artikolu 2a

Perijodu sospensiv

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.  Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tiġi mibgħuta lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk ikun għadhom ma ġewx definittivament esklużi. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerent ikkonċernat u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

Il-kandidati għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata b’dan li ġej:

— sommarju tar-raġunijiet rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE, soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 41(3) ta’ dik id-Direttiva, u;

— dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu eżatt ta’ waqfien applikabbli b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.

Artikolu 2b

Derogi mill-perijodu sospensiv

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perijodi msemmija fl-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każi li ġejjin:

(a) jekk id-Direttiva 2004/18/KE ma tirrikjedix pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(b) jekk l-uniku offerent ikkonċernat fis-sens ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva huwa dak li jingħata l-kuntratt u m’hemmx kandidati kkonċernati;

(ċ) fil-każ ta’ kuntratt ibbażat fuq ftehim qafas kif previst fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18/KE u fil-każ ta’ kuntratt speċifiku bbażat fuq sistema dinamika ta’ akkwist kif previst fl-Artikolu 33 ta’ din id-Direttiva.

Jekk tkun invokata din id-deroga, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ikun ineffettiv skond l-Artikoli 2d sa 2f ta’ din id-Direttiva, fejn:

— ikun hemm ksur tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(4) jew ta’ l-Artikoli 33(5) jew (6) tad-Direttiva 2004/18/KE, u

— il-valur tal-kuntratt ikun stmat li huwa ugwali għal jew jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE.

Artikolu 2ċ

Termini ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ reviżjoni

Meta Stat Membru jipprovdi li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju, b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

Artikolu 2d

Ineffettività

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

(a) jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea meta dan ma jkunx permissibbli skond id-Direttiva 2004/18/KE;

(b) fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli jitlob reviżjoni tal-possibbiltà ta’ rimedji pre-kuntrattwali, fejn dak il-ksur ikun sar flimkien ma’ ksur tad-Direttiva 2004/18/KE, jekk dan il-ksur ikun affettwa l-opportunità ta’ l-offerent li qed japplika għal reviżjoni, biex jikseb il-kuntratt;

(ċ) fil-każi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu sospensiv għall-kuntratti li huma bbażati fuq ftehim qafas u sistema dinamika ta’ xiri.

2.  Il-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għall- annullament retroattiv tal-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-iskop tal-annullament għal dawk l-obbligi li xorta jkunu għad iridu jitwettqu. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2).

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt ineffettiv, minkejja li jkun ingħata kontra l-liġi għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali alternattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2), li għandhom jiġu applikati minnflok.

L-interessi ekonomiċi f’kuntratt effettiv jistgħu jitqiesu biss bħala raġuni ewlenija biss jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati.

Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet superjuri li jirrigwardaw interess ġenerali. L-interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dewmien fit-twettiq tal-kuntratt, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ appalt ġdida, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bdil ta’ l-operatur ekonomiku li jwettaq il-kuntratt u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi legali minħabba l-ineffettività.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu ma japplikax, fejn:

— l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa permess skond id-Direttiva 2004/18/KE,

— l-awtorità kontraenti ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a ta’ din id-Direttiva fejn esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u

— il-kuntratt ma ġiex konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż.

5.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

— l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt ikun skond it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(4) jew ma’ l-Artikoli 33(5) u (6) tad-Direttiva 2004/18/KE,

— l-awtorità kontraenti tkun bagħtet deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt flimkien ma’ sommarju tar-raġunijiet kif imsemmi fl-ewwel inċiż tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, lill-offerenti kkonċernati, u

— il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 2e

Ksur ta’ din id-Direttiva u penali alternattivi

1.  Fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2), li ma jaqax taħt l-Artikolu 2d(1)(b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikoli 2d(1) sa (3) jew għal penali alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun evalwa l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi.

2.  Il-penali alternattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. Penali alternattivi għandhom ikunu:

— l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità kontraenti; jew

— it-tnaqqis tat-tul tal-kuntratt.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-korp ta’ reviżjoni diskrezzjoni wiesgħa biex jieħu kont tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tal-ksur, l-imġieba ta’ l-awtorità kontraenti u, fil-każi msemmija fl-Artikolu 2d(2), sa meta l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ.

L-għoti tad-danni ma jikkostitwixxix piena adegwata għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 2f

Termini ta’ żmien

1.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir

(a) qabel l-iskadenza ta’ mill-anqas 30 jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha

— l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat avviż ta’ għoti ta’ kuntratt skond l-Artikoli 35(4), 36 u 37 tad-Direttiva 2004/18/KE, sakemm dan l-avviż jinkludi ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti biex tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea; jew

— l-awtorità kontraenti infurmat lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati bil-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm din l-informazzjoni ikun fiha sommarju tar-raġunijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 41(2) ta’ din id-Direttiva 2004/18/KE, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 41(3) ta’ dik id-Direttiva. Din l-għażla tapplika wkoll għall-każi imsemmija fl-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva;

(b) u fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

2.  Fil-każi l-oħra kollha, inklużi applikazzjonijiet għal reviżjoni skond l-Artikolu 2e(1), l-iskadenzi għall-applikazzjoni għal reviżjoni għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi nazzjonali, kif soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2ċ.

▼M2

Artikolu 3

Mekkaniżmu korrettiv

1.  Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 5 meta, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, tqis li jkun seħħ ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond id-Direttiva 2004/18/KE.

2.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li jkun sar ksur serju u titlob il-korrezzjoni tiegħu b’mezzi xierqa.

3.  Fi żmien 21 jum kalendarju minn meta jkun irċieva n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni:

(a) il-konferma tiegħu li l-ksur ġie korrett;

(b) sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni; jew

(ċ) notifika li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġiet sospiża mill-awtorità kontraenti fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi tas-setgħat speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a).

4.  Sottomissjoni raġunata ikkomunikata skond il-paragrafu 3(b) tista’ sserraħ fost kwistjonijiet oħra fuq il-fatt li l-ksur allegat huwa diġà suġġett għal proċedura ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew oħra jew għal appell kif imsemmi fl-Artikolu 2(9). F’tali każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri hekk kif isir magħruf.

5.  Fejn ikun ingħata avviż li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni meta s-sospensjoni titneħħa jew meta proċedura ta’ kuntratt oħra relatata kompletament jew parzjalment ma’ l-istess suġġett tkun ġiet mibdija. Dik in-notifika għandha tikkonferma li l-ksur allegat ġie korrett jew tkun tinkludi sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni.

▼M2

Artikolu 3a

Kontenut ta’ avviż għal trasparenza ex-ante volontarja

L-avviż imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2d(4), li l-format tiegħu għandu jkun adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3b(2), għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-awtorità kontraenti;

(b) deskrizzjoni ta’ l-oġġett tal-kuntratt;

(ċ) ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti li tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-operatur ekonomiku li favur tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt; u

(e) fejn xieraq, kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala meħtieġa mill-awtorità kontraenti.

Artikolu 3b

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi stabbilit mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 ( 9 ) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 10 ) għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

▼M2

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.  Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Kumitat, biex jagħtuha informazzjoni dwar it-tħaddim tal-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali t-test tad-deċiżjonijiet kollha, flimkien mar-raġunijiet għalihom, li jkunu ttieħdu mill-korpi ta’ reviżjoni tagħhom b’konformità ma’ l-Artikolu 2d(3).

▼M2

Artikolu 4a

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tagħha, u partikolarment dwar l-effettività tal-penali alternattivi u t-termini ta’ żmien.

▼B

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, qabel l-1 ta’ Diċembru 1991, il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali ewlenija li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 230, tat-28.8.1987, p. 6 u ĠU C 15,tad-19.1.1989, p. 8.

( 2 ) ĠU C 167,tas-27.6.1988, p. 77 u ĠU C 323,tas-27.12. 1989.

( 3 ) ĠU C 347, tat-22.12.1987, p. 23.

( 4 ) ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 5.

( 5 ) ĠU L 210, tal-21.7.1989, p. 1.

( 6 ) ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1.

( 7 ) ĠU L 127, ta’ l-20.5.1988, p. 1.

( 8 ) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).

( 9 ) ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 77/63/KEE (ĠU L 13, 15.1.1977, p. 15).

( 10 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).