European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/754

1.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/754

tad-29 ta’ Frar 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1762 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tat-tjur għat-tismin jew imrobbija għall-bajd jew għat-tgħammir (detentur tal-awtorizzazzjoni: Chr. Hansen A/S)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għall-modifika ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1762 (2) awtorizza l-użu ta’ preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tat-tjur għat-tismin jew imrobbija għall-bajd jew għat-tgħammir għal perjodu ta’ 10 snin.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, fl-24 ta’ April 2022 tressqet applikazzjoni għall-modifika tat-termini tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tat-tjur għat-tismin jew imrobbija għall-bajd jew għat-tgħammir, li titlob li jkun permess l-użu simultanju ta’ dik il-preparazzjoni mal-koċċidjostati monensina, salinomiċina, narażina, taħlita ta’ nikarbażina u narażina, u lażaloċid, li huma awtorizzati bħala addittivi tal-għalf. Flimkien mat-talba, intbagħtet id-data ta’ sostenn rilevanti.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-5 ta’ Lulju 2023 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-modifika proposta fit-termini tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 ma kinitx se timmodifika l-konklużjonijiet li nsiltu qabel fir-rigward tas-sikurezza tal-addittiv. Ikkonkludiet ukoll li l-użu ta’ dik il-preparazzjoni huwa kompatibbli mal-koċċidjostati monensina, salinomiċina, narażina, taħlita ta’ nikarbażina u narażina, u lażaloċid.

(5)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li l-preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 meta timmodifika t-termini tal-awtorizzazzjoni billi tispeċifika l-kompatibbiltà tal-użu ta’ dik il-preparazzjoni mal-koċċidjostati monensina, salinomiċina, narażina, taħlita ta’ nikarbażina u narażina, u lażaloċid. Barra minn hekk, meta jitqies li dawk il-koċċidjostati ma jistgħux jiġu awtorizzati bħala addittivi tal-għalf għal kull waħda mill-ispeċijiet jew kategoriji elenkati fl-Anness, l-użu simultanju tagħhom fil-preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 jenħtieġ li jkun possibbli biss f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1762 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1762

Fil-kolonna, “dispożizzjonijiet oħra”, tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1762, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘‘3.

L-addittiv jista’ jintuża simultanjament mal-koċċidjostati li ġejjin, f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf: diklażuril, dekokinat, alofuġinon, monensina, salinomiċina, narażina, taħlita ta’ nikarbażina u narażina, u lażaloċid.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1762 tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Bacillus subtilis DSM 32324, Bacillus subtilis DSM 32325 u Bacillus amyloliquefaciens DSM 25840 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tat-tjur għat-tismin jew imrobbija għall-bajd jew għat-tgħammir (detentur tal-awtorizzazzjoni Chr. Hansen A/S) (ĠU L 397, 26.11.2020, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1762/oj).

(3)   EFSA Journal 2023;21(8):8179.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/754/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)