31992R3046



Official Journal L 307 , 23/10/1992 P. 0027 - 0036
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 20 P. 0024
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 20 P. 0024


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3046/92

tat-22 ta' Ottubru 1992

li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw u jemendaw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 dwar l-istatistika li ghandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Istati Membri

IL- KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Istati Membri [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi, bil-ħsieb li jistabbilixxu l-istatistiki relatati mal-kummerċ ta' l-oġġetti bejn l-Istati Membri, l-ambitu ta' l-applikazzjoni tas-sistema Intrastat ghandu jiġi definit b'mod preċiż fejn għandhom x'jaqsmu kemm l-oġġetti li għandhom jiġu nklużi kif ukoll dawk li għandhom jiġu esklużi;

Billi d-data, li minnha l-operatur intra-Komunitarju se jikkonforma fil-prattika ma'l-obbligazzjonijiet tiegħu li jissupplixxi tagħrif, għandha tiġi determinata; billi l-ambitu ta' l-obbligazzjonjiet tat-terza persuna, li lilha l-parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif tista' tittrasferixxi dan ix-xogħol, għandu jiġi definit;

Billi wħud mir-regoli li għandhom jiġu mħarsa mid-dipartimenti konċernati għandhom jiġu speċifikati fid-dettal b'mod partikolari bil-għan li jitmexxew b'mod effiċjenti r-reġistri tal-operat intra-Komunitarju; billi huwa siewi li wieħed jispeċifika d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti aspetti tat-tagħrif statistiku;

Billi għandu jkun hemm żidiet fid-definizzjoni tad-data li għandha tiġi rrapportata u fl-arranġamenti sabiex tiġi rrapportata l-istess data;

Billi għandha tiġi mfassla lista ta' l-oġġetti li għandhom jiġu eskluzi mill-prospetti statistiċi li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ ta' l-oġġetti;

Billi fil-bidu għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-proċeduri simplifikati eżistenti u tar-rekwiżiti speċjali ta' ċerti setturi;

Billi l-emendi tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE [2] permezz tad-Direttiva 91/680/KEE [3] jirrikjedu li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3330/91 għandhom jiġu adattati b'mod li jsegwu l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 33 tiegħu;

Billi l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-istatistika relatata mal-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Istati Membri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Bil-għan li jiġbru l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Istati Membri, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha se japplikaw ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala r-Regolament Bażiku, b'mod li jaqbel mar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

1. Dwar il-kummerċ bejn il-Komunità kif kostitwita fil-31 ta' Diċembru 1985 u Spanja jew il-Portugall, u bejn dawn iż-żewġ Stati Membri hawn imsemmija, is-sistema Intrastat se tapplika wkoll għal oġġetti li għad għandhom soġġetti għal ċerti dazji jew ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti jew li jibqgħu soġġetti għal miżuri oħrajn stabbiliti fl-Att ta' l-Adeżjoni.

2. Is-sistema Intrastat se tapplika għall-prodotti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE [4], hi x'inhi l-forma u l-kontenut tad-dokument li hemm magħhom, meta dawn imorru minn territorju għal ieħor fl-Istati Membri.

L-Artikolu 3

1. Is-sistema Intrastat ma tgħoddx:

(a) fil-każ ta' l-oġġetti mqiegħda jew miksuba taħt il-proċedura doganali ta' l-ipproċessar għad-dħul (is-sistema tas-sospensjoni) jew il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll tad-dwana;

(b) fil-każ ta' oġġetti li jiċċirkolaw bejn partijiet tat-territorju statistiku tal-Komunità, li almenu wieħed minnhom ma jkunx parti mit-territorju tal-Komunità, skond id-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE.

2. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġbir ta' data fuq l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 a bażi tal-proċeduri tad-dwana li japplikaw ghal dawn l-oġġetti.

3. Jekk il-kopja ta' l-istatistika tad-Dokument Uniku Amministrattiv li fih hemm id-data mniżżla fl-Artikolu 23 tar-Regolament Bażiku, bl-eċċezzjoni ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 (e) ta' dak l-Artikolu, ma tkunx aċċessibbli, id-dipartimenti tad-dwana għandhom almenu darba fix-xahar jibagħtu lid-dipartimenti relevanti ta' l-istatistika, lista perjodika ta' dik l-istess data skond it-tip ta' l-oġġetti, b'konformità ma' l-arrangamenti li dwarhom hemm qbil mill-istess dipartimenti.

4. L-Artikoli 2, 4, 8, 9, 12(1), (3), (4), (5), (6) u (7); 13, 14, 19, 21 u 22(3)(a) u (b), l-ewwel indent… mhux se jgħoddu għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1.

Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament se jgħoddu għal dawn l-oġġetti mingħajr preġudizzju għal xi regolamenti tad-dwana li f'każ ieħor japplikaw.

L-Artikolu 4

1. Kull persuna naturali jew legali li qed tattwa operazzjoni intra-Komunitarja ghall-ewwel darba, kemm jekk l-oġġetti jkunu qed jaslu kif ukoll jekk ikunu qed jintbagħtu, għandha tkun responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif rikjest skond it-tifsira ta' l-Artikolu 20(5) tar- Regolament Bażiku.

2. Il-parti msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tipprovdi d-data dwar l-operazzjonijiet intra-Komunitarji tagħha permezz tad-dikjarazzjonijiet perjodiċi msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku, sa mix-xahar li matulu jinqabeż il-limitu ta' l-assimilazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu li jsiru japplikaw għalih.

L-Istati Menbri għandhom jistabbilixxu d-data tal-iskadenza għat-trasmissjoni, b'konformità. mal-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom.

3. Meta n-numru ta' reġistrazzjoni tal-VAT ta' parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif jiġi emendat bħala riżultat ta' bdil ta' propjetarju, isem, indirizz, stat legali jew bdil simili li ma jaffettwax l-operazzjonijiet intra-Komunitarji tiegħu b'mod sinifikanti, ir-regola definita fil-paragrafu 1 m'hemmx għalfejn tiġi applikata lill-parti inkwistjoni fiż-żmien tal-bidla. Din għandha tibqa' soġġetta għall-obligazzjonijiet statistiki li għalihom il-bidla kienet soġġetta qabel.

L-Artikolu 5

1. It-terza persuna msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Bażiku hija minn hawn "il quddiem imsemmija bħala t-terza persuna dikjaranti."

2. It-terza persuna dikjaranti għandha tipprovdi lid-dipartimenti nazzjonali kompetenti t-tagħrif li ġej:

(a) skond l-Artikolu 6(1), it-tagħrif neċessarju:

- biex tidentifika ruħha,

- biex tidentifika kull waħda mill-partijiet responsabbli biex jipprovdu t-tagħrif u li dawn ikunu ttrasferew lilha din ir-responsabbiltà;

(b) għal kull parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif, id-data mitluba mir-Regolament Bażiku u l-implimentazzjoni tagħha.

L-Artikolu 6

1. It-tagħrif neċessarju biex wieħed jidentifika operatur intra-Komunitarju skond it-tifsira ta' l-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku ghandu jkun li ġej:

- l-isem sħiħ tal-persuna jew tal-kumpanija,

- l-indirizz sħiħ li jkun jinkludi l-kodiċi postali,

- taħt iċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 10(6) tar-Regolament Bażiku, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT.

Madankollu, id-dipartimenti ta' l-istatistika msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Bażiku, jistgħu jgħaddu mingħajr waħda jew iktar mill-affarijiet ta' tagħrif hawn fuq imsemmija, jew, taħt ċirkustanzi li jiġu determinati minnhom, jeżentaw l-operaturi intra-Komunitarji milli jipprovduhom.

Fl-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Bażiku, it-tagħrif li jservi biex jidentifika operatur intra-Komunitarju għandu jiġi mgħoddi lid-dipartimenti ta' l-istatistika msemmija hawn fuq mill-awtoritajiet tat-taxxa msemmija fl-istess Artikolu, kif u meta din tkun għad-dispożizzjoni ta' dawn ta' l-aħħar, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju bejn id-dipartimenti kkonċernati.

2. Il-minimu tad-data elenkata li tiġi miżmuma fir-reġistru ta' l-operaturi intra-Komunitarji, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku, għandu jkun fih, fil-każ ta' kull operatur intra-Komunitarju, dan li ġej:

(a) is-sena u x-xahar tad-dħul tiegħu fir-reġistru;

(b) it-tagħrif neċessarju biex l-operatur jiġi identifikat, hekk kif stabbilit fil-paragrafu 1;

(ċ) fejn ikun applikabbli, jekk l-operatur ikunx il-konsenjant, il-konsenjat jew id-dikjarant, jew, mill-1 ta' Jannar 1993, parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif jew terza persuna dikjaranti, jew fuq konsenja jew malli l-merkanzija tiġi riċevuta fl-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Bażiku, it-tagħrif stipulat fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu preżenti għandu juri jekk kull operatur inkwistjoni jkunx konsenjant jew konsenjat;

(d) fil-każ ta' konsenjant jew konsenjat jew, mill-1 ta' Jannar 1993, parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif, il-valur totali ta' l-operazzjonijiet intra-Komunitarji tiegħu, skond ix-xahar u l-moviment, flimkien ma', minn dik l-istess data, il-valur imsemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, iżda din l-informazzjoni m'għandhiex għalfejn titniżżel:

- qabel l-1993, f'dawk l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Bażiku,

- jekk l-iċċekkjar tat-tagħrif imniżżel bħala statistika, bl-użu tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku u l-funzjonament tal-limiti ta' l-istatistika msemmija fl-Artikolu 28 ta' l-imsemmi Regolament jiġu organizzati separatament mit-tmexxija tar-reġistru ta' l-operaturi intra-Komunitarji.

Id-dipartimenti nazzjonali kompetenti jistgħu jniżżlu data oħra fir-reġistru skond il-bżonnijiet tagħhom.

L-Artikolu 7

Bil-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 10(6) tar-Regolament Bażiku, il-każ fejn ir-responsabbiltà għat-tagħrif, għal operazzjonijiet speċifiċi, ma tistrieħx fuq l-operatur bħala entità legali per se, imma fuq parti kostitwenti ta' l-istess entità, per eżempju fergħa ta' uffiċċju, tip ta' attività jew unità lokali, dan jista' jitqies bħala eċċezzjoni ġustifikata.

L-Artikolu 8

Fil-listi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Bażiku, l-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli għandhom isemmu l-operaturi intra-Komunitarji, li bħala riżultat ta' diviżjoni, tagħqid jew waqfien ta' l-attività matul il-perjodu ta' l-eżami, ma jkunux sa jidhru iżjed fuq il-listi msemmija.

L-Artikolu 9

1. Il-parti responsabbli biex tipprovdi l-informazzjoni għandha tittrasmetti d-data meħtieġa taħt ir-Regolament Bażiku u l-implimentazzjoni tagħha:

(a) skond id-dispożizzjoni eżistenti tal-Komunità;

(b) direttament lid-dipartimenti nazzjonali kompetenti jew permezz ta' l-uffiċċji tal-ġbir li l-Istati Membri waqqfu għal dan l-iskop jew għal skopijiet oħra ta' statistika jew amministrazzjoni;

(ċ) għal perjodu sabbilit ta' referenza, fid-diskrezzjoni tiegħu:

- jew permezz ta' dikjarazzjoni unika, f'limitu ta' ħin li d-dipartimenti kompetenti nazzjonali għandhom jistabbilixxu fl-istruzzjonijiet tagħhom lill-partijiet responsabbli biex jipprovdu t-tagħrif, u li għandu jkun bejn il-ħames u l-għaxar ġurnata tax-xogħol wara t-tmiem ta' dak il-perjodu,

- jew permezz ta' għadd ta' dikjarazzjonjiet parzjali; f'dan il-każ, id-dipartimenti nazzjonali kompetenti jistgħu jeħtieġu li jintlaħaq ftehim magħhom fuq il-frekwenza tat-trasmissjoni u l-iskadenzi, iżda l-aħħar dikjarazzjoni parzjali għandha tiġi trasmessa fil-perjodu mniżżel fl-ewwel inċiż ta' hawn fuq.

2. B'deroga għall-paragrafu 1, parti responsabbli biex tipprovdi tagħrif li tibbenefika minn eżenzjoni permezz ta' l-applikazzjoni tal-limitu ta' assimilazzjoni kif provdut fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament Bażiku jrid, meta jittrasmetti t-tagħrif, jikkonforma biss mar-regolamenti ta' l-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli.

3. B'konformità ma' l-Artikolu 34 tar-Regolament Bażiku, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu li għandhom x'jaqsmu mal-lat perjodiku tad dikjarazzjoni m'għandhomx iżommu milli jintlaħaq ftehim li jipprovdi provvista ta' data dwar il-mument attwali, meta d-data tiġi trasmessa b'mezz elettroniku.

4. B'deroga ghall-paragrafu 1 ta' hawn fuq, f'dawk l-Istati Membri fejn id-dikjarazzjoni perjodika ta' l-istatistika tkun l-istess bħad-dikjarazzjoni perjodika tat-taxxa, id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-istatistika, għandhom isiru b'mod li jkunu jaqblu mar-regolamenti Komunitarji jew dawk nazzjonali tat-taxxa.

L-Artikolu 10

Fil-medium tat-tagħrif, l-Istati Membri li t-territorju statistiku tagħhom jiġi deskritt fin-nomenklatura tal-pajjiżi annessi mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1736/75 [5], għandhom jiġu mmarkati jew b'kodiċi alfabetika inkella b'dik numerika, kif ġej:

Franza: | FR | jew | 001, |

il-Belġju u l-Lussemburgu: | BL | jew | 002, |

l-Olanda: | NL | jew | 003, |

il-Ġermanja: | DE | jew | 004, |

l-Italja: | IT | jew | 005, |

ir-Renju Unit: | GB | jew | 006, |

l-Irlanda: | IE | jew | 007, |

id-Danimarka: | DK | jew | 008, |

il-Greċja: | GR | jew | 009, |

il-Portugall: | PT | jew | 010, |

Spanja: | ES | jew | 011. |

L-Artikolu 11

Meta l-kwantità ta' l-oġġetti li se jissemmew fuq il-medium tad-data jkun determinat:

(a) "il-massa globali" għandha tfisser il-massa attwali ta' l-oġġett mingħajr l-ebda ppakkjar; dan irid jingħata f'kilogrammi;

(b) "Unitajiet supplimentari" għandha tfisser l-unitajiet li jkejlu l-kwantità, barra mill-unitajiet li jkejlu t-toqol espress f'kilogrammi; dawn għandhom ikunu msemmija skond it-tagħrif imniżżel fil-verżjoni kurrenti tan-nomenklatura kombinata, in-naħa l-oħra tas-sotto-titoli konċernati, li l-lista tagħhom ġiet ippubblikata fil-Parti 1 "Dispożizzjonijiet Preliminari" ta' l-imsemmija nomenklatura.

L-Artikolu 12

1. Il-valur ta' l-oġġetti, kif imsemmi fl-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Bażiku, għandu jingħata kif ġej:

- skond it-tip ta' l-oġġett, il-valur statistiku,

- skond id-dikjarazzjoni statistika, l-ammont fatturat.

2. Il-valur statistiku għandu jiġi ffissat:

- malli jintbaghat l-oġġett, fuq l-ammont taxxabbli li jiġi determinat għal skopijiet ta' taxxa, skond id-Direttiva 77/388/KEE għal konsenji ta' oġġetti speċifikati taħt it-taqsima A(1)(a) u, fejn xieraq, għall-operazzjonijiet speċifikati taħt it-taqsima A(1)(b) ta' l-Artikolu 11 ta' l-istess Direttiva, mingħajr iżda, kwalunkwe taxxa deduċibbli minħabba li l-oġġett ikun intbaghat; dan għandu, min-naħa l-oħra, jinkludi l-ispejjeż tat-trasport u ta' l-assigurazzjoni li jkollhom x'jaqsmu ma' dik il-parti tat-traġitt li sseħħ fuq it-teritorju statistiku ta' l-Istat Membru li jkun jibgħat.

- mal-wasla, fuq il-bażi ta' l-ammont taxxabbli li jrid jiġi determinat għal skopijiet ta' taxxa, skond l-Artikolu 28e tad-Direttiva hawn fuq imsemmija, għall-akkwist ta' l-oġġetti, iżda mingħajr it-taxxi dovuti minħabba r-rilaxx għall-konsum u l-ispejjeż tat-trasport u ta' l-assigurazzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' dik il-parti tat-traġitt li sseħħ fuq it-teritorju statistiku ta' l-Istat Membru tal-wasla.

Il-valur statistiku jrid jiġi ddikjarat skond kif stabbilit fl-ewwel sotto-paragrafu, anke jekk l-ammont taxxabbli ma jkollux għalfejn jiġi determinat għal skopijiet ta' taxxa.

Fil-każ ta' oġġetti li jkunu rriżultaw minn operazzjonijiet ta' l-ipproċessar, il-valur statistiku għandu jiġi stabbilit bħallikieku dawk l-oġġetti jkunu ġew maħduma interament fl-Istat Membru ta' l-ipproċessar.

3. L-ammont fatturat għandu jkun l-ammont totali (b'esklużjoni tal-VAT) ta' fuq il-fatturi jew id-dokumenti li jservu bħala fatturi li jkollhom x'jaqsmu ma' l-oġġetti kollha inklużi f'dikjarazzjoni statistika.

4. Il-parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif tista' tindika l-ammont fatturat, maqsum skond it-tip ta' oġġetti.

B'deroga għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-ammont fatturat jiġi maqsum skond it-tip ta' l-oġġetti. F'dan il-każ, huma għandhom jikkalkulaw il-valur statistiku u jeżentaw lill-parti responsabbli biex jipprovdi t-tagħrif statistiku mill-bżonn li jsemmuha. Madankollu, dawk responsabbli biex jipprovdu t-tagħrif jistgħu jkunu meħtieġa li jagħtu t-tagħrif dwar l-ispejjez anċillari fuq bażi kampjunarja.

It-tieni sotto-paragrafu għandu jgħodd jew għal dawk kollha meħtieġa biex jittrasmettu d-dikjarazzjonijiet perjodiċi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku jew biss lil dawk li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-limiti tas-simplifikazzjoni.

5. L-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw l-alternattiva mniżżla fit-tieni sotto-paragrafu tal-paragrafu 4, anki jekk l-organizzazzjoni amministrattiva partikolari tagħhom iżżommhom milli jieħdu l-miżura tas-simplifikazzjoni li, bis-saħħa ta' dan is-sotto-paragrafu, għandha takkompanja l-għażla ta' din l-alternattiva, prinċipalment, l-eżenzjoni mill-ħtieġa li jissemma l-valur statistiku.

Fl-istruzzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dikjarazzjoni statistika tal-partijiet responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni, ir-raġunijiet tekniċi għalfejn kemm il-valur statistiku kif ukoll l-ammont tal-ħlas għandhom jiġu msemmija, skond it-tip ta' l-oġġetti, ser jiġi indikat aktar' il quddiem.

L-Istati Membri għandhom jittrasmettu kopja ta' dawn l-istruzzjonijiet lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Novembru 1992, u minn hemm 'il quddiem, kull meta huma dawn jiġu aġġornati.

6. F'każ ta' xogħol b'kuntratt, l-ammont fatturat għandu jkun l-ammont imdaħħal fil-kontijiet tax-xogħol, u li jkun jinkludi l-ispejjeż anċillarji. Dan għandu jkun imsemmi biss fil-każ tat-tluq u l-wasla li jsegwu l-kuntratt tax-xogħol.

7. "Spejjez anċillari" tfisser l-ispejjeż li jintefqu fit-traġitt ta' l-oġġetti bejn l-Istat Membru li bagħat u l-Istat Membru li rċieva, bħalma huma l-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni.

L-Artikolu 13

1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "transazzjoni" għandha tfisser kull operazzjoni, kemm jekk kummerċjali kif ukoll jekk le, li twassal għal traġitt ta' oġġetti, kopert minn statistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Istati Membri;

(b) "natura tat-transazzjoni" għandha tfisser dawk il-karatteristiċi kollha li jiddistingwu transazzjoni minn oħra.

2. Għandha ssir distinzjoni bejn transazzjonijiet li huma differenti fin-natura tagħhom, skond il-lista fl-Anness 1.

In-natura tat-transazzjoni għandha tiġi speċifikata, fuq il-medium tat-tagħrif, skond in-numru tal-kodiċi li jikkorrispondi mal-kategorija xierqa tal-kolonna A tal-lista hawn fuq imsemmija.

3. Fil-limiti tal-lista msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu l-ġbir tad-data skond in-natura tat-transazzjoni sal-livell li huma jużaw għall-ġbir ta' data fuq kummerċ ta' pajjiżi terzi, tkun xi tkun ir-raġuni li għaliha jiġbruhom f'dan ir-rigward, tkunx bħala data dwar in-natura tat-transazzjoni jew bħala data dwar il-proċeduri tad-dwana.

L-Artikolu 14

1. Fil-każ ta' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "il-kundizzjonijiet tal-konsenja" għandha tfisser dawk id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-bejgħ li jistabbilixxu l-obbligazzjonijiet tal-bejjiegħ u tax-xerrej rispettivament, skond l-Incoterms tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali mniżżla fl-Anness II.

2. Fil-limiti tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3:

(a) dawk l-Istati Membri li japplikaw it-tieni sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 12(4) għandhom jistipulaw li d-data dwar il-kondizzjonijiet tal-konsenja għandha tinġabar fuq il-medium tat-tagħrif u għandhom jingħataw dettalji dwar kif dawn se jiġu msemmija;

(b) l-Istati Membri l-oħra jistgħu jistipulaw li d-data dwar il-kondizzjonijiet tal-konsenja għandha tinġabar fuq il-medium tat-tagħrif sal-livell sa fejn huma jiġbru d-data dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi.

3. Il-kundizzjonijiet tal-konsenja għandhom jiġu indikati, għal kull tip ta' oġġett, b'waħda mill-abbrevjazzjonijiet fil-lista msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 15

1. "Il-mezz preżunt tat-trasport" għandha tindika, waqt it-tluq, il-mezz tat-trasport determinat mill-mezz attiv ta' trasport li bih presumibilment l-oġġetti ser jitilqu t-teritorju statistiku ta' l-Istat Membru li jibghat, u waqt il-wasla, il-mezz ta' trasport determinat mill-mezz attiv ta' trasport li bih l-oġġetti presumibilment daħlu fit-territorju statistiku ta' l-Istat Membru tal-wasla.

2. Il-mezzi ta' trasport li għandhom jissemmew fuq il-medium tat-tagħrif huma dawn li ġejjin:

Titolu | Kodiċi |

1 | Trasport bil-baħar |

2 | Trasport bil-ferrovija |

3 | Trasport bit-triq |

4 | Trasport bl-ajru |

5 | Konsenji bil-posta |

7 | Stallazzjonijiet fissi ta' trasport |

8 | Trasport bil-kanali interni |

9 | Propulsjoni propja |

Il-mezz ta' trasport għandu jiġi nominat fuq il-medium imsemmi skon in-numru tal-kodiċi korrispondenti.

L-Artikolu 16

1. "Il-pajjiż ta' l-oriġini" għandha tfisser il-pajjiż minn fejn joriġinaw l-oġġetti.

Oġġetti li jinkisbu kollha kemm huma f'pajjiż, joriġinaw minn dak il-pajjiż.

Oġġett li l-produzzjoni tiegħu tkun tinvolvi żewġ pajjiżi jew aktar, joriġina fil-pajjiż fejn iseħħ l-aħħar ipproċessar jew xogħol sinifikanti, ekonomikament ġustifikat u magħmul f'azjenda mgħammra għal dan l-iskop u li tkun twassal għall-manifattura ta' prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

2. Il-pajjiż ta' l-oriġini għandu jiġi identifikat min-numru tal-kodiċi mogħti lilu fil-verżjoni kurrenti tan-nomenklatura tal-pajjiż annessa mar-Regolament (KEE) Nru. 1736/75, mingħajr preġudizzju għall-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 47 ta' l-imsemmi Regolament.

L-Artikolu 17

1. "Ir-reġjun ta' l-oriġini" għandha tfisser ir-reġjun ta' l-Istat Membru li jkun jibgħat, fejn l-oġġetti ġew il-prodotti jkunu nbnew, ġew immuntati, ipproċessati, imsewwija jew tkun saritilhom manutenzjoni; fin-nuqqas ta' dan, ir-reġjun ta' l-oriġini għandu jiġi sostitwit jew bir-reġjun fejn seħħ il-proċess kummerċjali jew bir-reġjun minn fejn intbagħtu l-oġġetti.

2. "Ir-reġjun tad-destinazzjoni" għandha tfisser ir-reġjun ta' l-Istat Membru tal-wasla fejn l-oġġetti jkunu se jiġu kkunsmati jew mibnija, immuntati, ipproċessati, msewwija jew tkun saritilhom manutenzjoni; fin-nuqqas ta' dan, ir-reġjun tad-destinazzjoni għandu jkun sostitwit jew bir-reġjun fejn ikun se jseħħ il-proċess kummerċjali jew bir-reġjun fejn l-oġġetti jkunu se jiġu mibgħuta.

3. Kull Stat Membru li jeżerċita l-alternattiva pprovduta fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Bażiku għandu jagħmel lista tar-reġjuni tiegħu u jiddetermina l-kodiċi, li għandha jkollha massimu ta' żewġ ittri, li biha dawk ir-reġjuni għandhom jiġu indikati fuq il-medium tat-tagħrif.

L-Artikolu 18

1. "Il-port jew l-ajruport tat-tagħbija" għandha tfisser il-port jew l-ajruport li jkun qiegħed fit-territorju statistiku ta' l-Istat Membru li jkun jibgħat, fejn l-oġġetti jitgħabbew fuq il-mezz attiv tat-trasport li fuqu jew li fih ikunu preżunti li se jitilqu minn dak it-territorju.

2. "Il-port jew l-ajruport tal-ħatt" għandha tfisser il-port jew l-ajruport li qiegħed fit-teritorju statistiku ta' l-Isat Membru tal-wasla li fih l-oġġetti jinħattu minn fuq il-mezz attiv tat-trasport li fuqu jew li fih ikunu preżunti li daħlu f'dak it-territorju.

3. Kull Stat Membru li jeżerċita l-alternattiva pprovduta fl-Artikolu 23(2)(ċ) jew (d) tar-Regolament Bażiku għandu jagħmel lista tal-portijiet u l-ajruporti li għandhom jissemmew fuq il-medium tat-tagħrif u dan għandu jiffissa l-kodiċi li biha ikunu se jiġu indikati fuq dak il-medium.

L-Artikolu 19

1. "Il-proċedura statistika" għandha tfisser il-kategorija tat-tluq jew il-wasla li fiha sseħħ ċerta operazzjoni intra-Komunitarja u li ma tkunx imsemmija kif jixraq fil-kolonna A jew il-kolonna B tal-lista tat-transazzjonijiet fl-Anness 1.

2. Kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq jeżerċita l-alternattiva pprovduta fl-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Bażiku għandu jagħmel lista tal-proċeduri statistiċi li se jissemmew fuq il-medium tat-tagħrif u u dan għandu jiffissa l-kodiċi li biha dawn ikunu se jiġu indikati fuq dak il-medium.

L-Artikolu 20

Id-data li għandha x'taqsam ma' l-oġġetti mniżżla f'Anness III għandha tiġi eskluża milli tiġi kkompilata, u konsegwentement, skond l-Artikolu 25(4) tar-Regolament Bażiku, milli tinġabar.

L-Artikolu 21

1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "movimenti speċifiċi ta' oġġetti" għandha tfisser movimenti ta' oġġetti li jkollhom karatteristiċi speċifiċi ta' ċerta importanza għall-interpretazzjoni tat-tagħrif u li jkunu ġejjin jew mill-moviment stess jew min-natura ta' l-oġġetti jew mit-transazzjoni li tirriżulta fil-moviment ta' l-oġġetti jew mill-konsenjant jew il-konsenjat ta' l-oġġetti.

2. Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet imsawra taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri jistgħu japplikaw, fejn ikollha x'taqsam data ta' movimenti speċifiċi ta' oġġetti, il-proċeduri ssimplifikati li kienu applikati taħt ir-Regolament (KEE) Nru. 1736/75, qabel id-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 35 tar-Regolament Bażiku.

3. Dawk l-Istati Membri li jixtiequ jkollhom tagħrif aktar dettaljat minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament Bażiku jistgħu, b'deroga minn dak l-Artikolu, jorganizzaw il-ġbir ta' dak it-tagħrif, għal grupp speċifiku ta' prodotti wieħed jew aktar, kemm-il darba l-persuna responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif ikollha l-fakolta li tagħżel li tgħaddiha b'konformità jew man-nomenkaltura inkella mas-sotto-diviżjonijiet addizzjonali.

Dawk l-Istati Membri li jeżerċitaw dik l-alternattiva għandhom javżaw lill-Kummissjoni li qed jagħmlu hekk. Fl-istess ħin, huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom, jgħaddu l-lista relevanti tan-nomenklatura kkombinata tas-sotto-titoli u jiddeskrivu l-metodu ta' ġbir li qed jużaw.

L-Artikolu 22

1. Ir-referenzi għad-Direttiva 77/388/KEE fir-Regolament Bażiku qed jiġu emendati kif ġej:

- fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5, "skond l-Artikolu 28(7) tad-Direttiva hawn fuq imsemmija" qed tinbidel ma' "skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE [6],"

- fl-Artikolu 10(3)(b) "skond it-tifsira tad-Direttiva 77/388/KEE, bi qbil ma l-Artikolu 28(7) ta' dik id-Direttiva" qed tiġi sostitwita bi "skond it-tifsira tad-Direttiva 91/680/KEE",

- fl-Artikolu 11(3) u (7) "l-Artikolu 28(7) tad-Direttiva 77/338/KEE" qed tiġi sostitwita b'dan li ġej: "Id-Direttiva 91/680/KEE".

- fl-Artikolu 20, il-punti 3 u 4, "l-ewwel inċiż u — sakemm id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 28(7) tad-Direttiva 77/388/KEE jgħoddu għalihom — it-tieni inċiż" qed tiġi mħassra.

2. "Il-partijiet istituzzjonali ma humiex eliġibbli biex jagħtu rendikont għall-VAT" u "l-partijiet eżenti mill-VAT" li jidhru fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5, l-Artikolu 10(3)(6), u l-Artikolu 11(2)(6) u (7) tar-Regolament Bażiku qed jiġu sostitwiti rispettivament b'dan li ġej: "persuni legali mhux responsabbli li jagħtu rendikont għall-VAT" u "persuni responsabbli li jagħtu rendikont li jagħmlu biss transazzjonijiet li ma jobbligawhomx għal tnaqqis fil-VAT".

3. Fl-Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku:

(a) fil-punt 5 (a) u (b), "jirrisjedi" qed tiġi sostitwita b'dan li ġej: "irreġistrat għat-taxxa fuq il-valur miżjud";

(b) il-punt 7 qed jinbidel b'dan li ġej:

"(7) il-perjodu tar-referenza msemmi fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 13 għandu jkun:

- fil-każ ta' l-oġġetti li għalihom tapplika s-sistema Intrastat, ix-xahar tas-sena li matulu t-taxxa fuq il-valur miżjud tkun dovuta fuq konsenji jew xiri ta' oġġetti intra-Komunitarji li l-movimenti tagħhom għandhom jiġu rreġistrati skond dan l-Artikolu; meta l-perjodu li għalih tgħodd id-dikjarazzjoni perjodika fiskali ta' parti li tkun responsabbli biex tagħti rendikont għall-VAT, ma jikkorrispondix ma' xahar kalendarju, tliet xhur, sitt xhur jew sena sħiħa, l-Istati Membri jistgħu jadattaw il-perjodiċità ta' l-obbligazzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mad-dikjarazzjonijiet statistiċi ta' dik il-persuna, mal-perjodiċità ta' l-obbligazzjonijiet tiegħu li jkollhom x'jaqsmu mad-dikjarazzjonijiet fiskali,

- fil-każ ta' oġġetti li għalihom ma tkunx tapplika s-sistema Intrastat, skond iċ- ċirkostanzi:

- ix-xahar kalendarju li matulu l-oġġetti jkunu jew ġew imqiegħda jew miżmuma taħt il-proċedura doganali għall-ipproċessar għad-dħul (sistema sospensiva) jew il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll tad-dwana jew imqiegħda għaċ-ċirkolazzjoni libera bħala riżultat ta' waħda minn dawn il-proċeduri,

- ix-xahar kalendarju li matulu, l-oġġetti li jiċċirkolaw bejn partijiet tat-territorju statistiku tal-Komunità, li almenu wieħed minnhom ma jkunx parti mit-territorju tal-Komunità, skond id-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, kienu soġġetti għall-proċeduri tat-tluq jew il-wasla."

L-Artikolu 23

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dawk id-dispożizzjonijiet tiegħu li għandhom x'jaqsmu ma' l-Artikoli msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 35 tar-Regolament Bażiku għandhom jgħoddu mill-istess data bħall-Artikoli msemmija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-22 ta' Ottubru 1992.

Għall-Kummissjoni

Henning Christophersen

Viċi-President

[1] ĠU L 316, tas-16.11.1991, p. 1.

[2] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

[3] ĠU L 376, tal-31.12.1991, p. 1.

[4] ĠU L 76, tat-23.3.1992, p. 1.

[5] ĠU L 183, ta' l-14.7.1975, p. 3.

[6] ĠU L 376, tal-31.12.1991, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS 1

Il-lista ta' transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2)

Il-kolonna A | Il-kolonna B |

1.It-transazzjonijiet li jinvolvu t-trasferiment attwali jew intenzjonat ta' pussess b'kumpens (finanzjarju jew mod ieħor) (ħlief għat-transazzjonijiet elenkati taħt 2, 7, 8) | 1.Xiri/bejgħ assolut2.Il-provvista għall-bejgħ wara li l-oġġetti jkunu ngħoġbu jew wara li jkunu ġew ippruvati, bil-konsenja jew bl-intervent ta' kommissjonant3.Il-kummerċ bi tpartit (meta jitħallas bl-oġġetti)4.Ix-xiri personali mill-vjaġġaturi5.Il-kiri finanzjarj |

2.Ir-ritorn ta' l-oġġetti wara r-reġistrazzjoni tat-transazzjoni oriġinali taħt il-kodiċi 1; il-bdil ta' l-oġġetti mingħajr ebda ħlas | 1.Ir-ritorn ta' oġġetti2.Il-bdil ta' l-oġġetti ritornati lura3.Il-bdil (eż. taħt il-garanzija) ta' oġġetti li ma jkunux qed jiġu rritornati |

3.It-transazzjonijiet (mhux temporanji) li jkunu jinvolvu t-trasferiment ta' pussess imma mingħajr kumpens (finazjarju jew mod ieħor) | 1.L-oġġetti konsenjati taħt programmi ta' għajnuna jew finanzjati parzjalment jew interament2.Konsenji ġenerali oħra ta' l-għajnuna governattiva3.Konsenji oħra ta' għajnuna (individwi, organizzazzjonijiet mhux governattivi) |

4.L-operazzjonijiet bil-għan ta' l-ipproċessar taħt kuntratt jew it-tiswija (ħlief għal dawk imniżżla taħt 7) | 1.L-ipproċessar taħt kuntratt2.It-tiswija u l-manutenzjoni bi ħlas3.It-tiswija u l-manutenzjoni bla ħlas |

5.L-operazzjonijiet li jiġu wara l-ipproċessar taħt kuntratt jew it-tiswija (ħlief għal dawk imniżżla taħt 7) | 1.L-ipproċessar taħt kuntratt2.It-tiswija u l-manutenzjoni bi ħlas3.It-tiswija u l-manutenzjoni bla ħlas |

6.It-transazzjonijiet li ma ma jkunux jinvolvu t-trasferiment tal-pussess ez. Il-kiri, is-self, il-kera operazzjonaliu użu temporanju ieħor ħlief l-ipproċessar taħt kuntratt jew it-tiswija (il-konsenja jew ir-ritorn lura) | 1.Il-kiri, is-self, il-kiri operazzjonali2.L-oġġetti l-oħra għall-użu temporanju |

7.L-operazzjonijiet taħt il-proġetti konġunti ta' difiża jew taħt il-programmi kunġunti l-oħra inter-governattivi ta' produzzjoni (ez. l-Airbus) | |

8.Il-konsenja ta' materjal għall-bini u tagħmir għal xogħolijiet li jkunu parti minn kostruzzjoni ġenerali jew kuntratt ta' inġinerija | |

9.It-transazzjonijiet l-oħra | |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Il-lista tal-kundizzjonijiet tal-konsenja msemmija fl-Artikolu 14

L-ewwel sotto-kaxxa | Tifsira | Post li għandu jiġi indikat |

il-kodiċi Incoterm | il-kodiċi Incoterm ICC/ECE Ginevra |

EXW | ex-works/kif joħorġu mill-fabbrika | post tax-xogħol |

FCA | franco carrier/bla ħlas fil-ġarr | … il-post miftiehem |

FAS | free alongside ship/bla ħlas maġenb il-vapur | fil-port miftiehem tat-tagħbija |

FOB | free on board/bla ħlas fuq il-vapur | fil-port tat-tagħbija miftiehem |

CFR | cost and freight (C & F)- il-valur u l-ispejjeż tat-trasport (C & F) | fil-port ta’ destinazzjoni miftiehem |

CIF | cost, insurance, freight/ il-valur, l-assigurazzjoni, it-trasport tal-merkanzija | port ta' destinazzjoni miftiehem |

CPT | carriage paid to/il-ġarr imħallas sal- | post ta' destinazzjoni miftiehem |

CIP | carriage and insurance paid to/il-ġarr u l-assigurazzjoni mħallsa sal- | post tad-destinazzjoni miftiehem |

DAF | delivered at frontier/imwassal sal-fruntiera | fil-post miftiehem tal-konsenja fil-fruntiera |

DES | delivered ex-ship/imwassal mill-vapur sal- | port tad-destinazzjoni miftiehem |

DEQ | delivered ex-quay/imwassal mal-moll | wara li jkun ġie rilaxxat mid-dwana fil-port miftiehem |

DDU | delivered duty unpaid/imwassal mingħajr ma t-taxxa tkun imħallsa | sal-post miftiehem tad-destinazzjoni fil-pajjiż importatur |

DDP | delivered duty paid/imwassal bid-dazju mħallas | sal-post tad-destinazzjoni miftiehem fil-pajjiż impurtatur |

XXX | il-kundizzjonijiet tal-konsenja ta’ xorta oħra minn dawk id-dikjarazzjonijiet preċiżi | dwar kundizzjonijiet speċifikati hawn fuq imsemmija fil-kuntratt |

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

Il-lista ta' l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20

Mhix meħtieġa data għall-oġġetti li ġejjin:

(a) il-mezzi tal-ħlas li jkunu valuta legali, u l-garanziji;

(b) l-għajnuna ta' l-emerġenza għall-postijiet milquta b'diżastru;

(ċ) minħabba n-natura diplomatika jew simili ta' l-użu maħsub għalihom:

1. l-oġġetti li jibbenefikaw minn immunità diplomatika u konsulari jew simili;

2. ir-rigali lil Kap ta' Stat jew lil membri tal-gvern jew tal-Parlament;

3. l-oġġetti li jiġu ċċirkolati fil-qafas ta' l-għajnuna amministrattiva reċiproka;

(d) kemm-il darba l-kummerċ ikun temporanju, fost affarijiet oħra;

1. l-oġġetti maħsuba għall-fieri u l-wirjiet;

2. ix-xeni tat-teatru;

3. il-karuselli u l-attrazzjonijiet l-oħra tal-fieri tad-divertiment;

4. l-apparat professjonali fis-sens tal-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Dwana tat-8 ta' Ġunju 1968;

5. il-pellikola ċinematografika;

6. l-apparat u t-tagħmir għall-għanijiet sperimentali;

7. l-annimali tal-wiri, tat-tgħammir, tat-tiġrija, eċċ;

8. il-kampjuni kummerċjali;

9. il-mezzi tat-trasport, il-kontenituri u l-apparat relatat mat-trasport;

10. il-materjal ta' l-ippakkjar;

11. l-oġġetti tal-kiri;

12. l-impjanti u l-apparat għax-xogħlijiet ta' inġinerija ċivili;

13. l-oġġetti destinati għall-eżamijiet, l-analiżi jew għal skopijiet ta' ttestjar;

(e) kemm-il darba dawn jkunux is-suġġett ta' transazzjoni kummerċjali:

1. id-dekorazzjonijiet, id-distintivi onorarji, il-premjijiet, il-badges u l-medalji kommemorattivi;

2. it-tagħmir għall-vjaġġi; il-proviżjon u l-oġġetti oħra, li jinkludu t-tagħmir għall-isport, intenzjonat għall-użu jew il-konsum personali li jakkumpanja, jippreċedi jew isegwi l-vjaġġatur;

3. l-ilbiesi tat-tieġ, l-oġġetti li jintużaw fil-ġarr minn dar għall-oħra, jew il-wirt tal-familja;

4. it-twiebet; l-urni funerarji, l-oġġetti ornamentali funerarji u l-oġġetti għall-manutenzjoni ta' l-oqbra u l-monumenti funerarji;

5. il-materjal pubbliċitarju stampat, l-istruzzjonijiet kif wieħed jagħmel użu, il-listi tal-prezzijiet u oġġetti pubbliċitarji oħra;

6. l-oġġetti li ma għadhomx jintużaw, jew li ma jistgħux jintużaw għal skopijiet industrijali;

7. is-saborra;

8. ir-ritratti, il-pellikoli esposti u żviluppati, l-abbozzi, it-tpinġijiet, il-kopji ta' pjanti, il-manuskritti, il-fajls u rekords, il-materjal uffiċjali stampat u l-provi ta' l-istampar, kif ukoll kull mezz ta' infomazzjoni użat għall-iskambju intra-Komunitarju ta' l-informazzjoni;

9. il-bolol tal-posta;

10. il-prodotti farmaċewtiċi użati f'okkażjonijiet internazzjonali ta' l-isport;

(f) il-prodotti użati taħt ftehim li jipprovdu għal miżuri komuni għall-protezzjoni tal-persuni jew ta' l-ambjent;

(g) l-oġġetti li jkunu soġġetti għal skambju ta' natura mhux kummerċjali bejn persuni residenti f'żoni li jmissu ma' l-Istati Membri; il-prodotti mkabbra minn produtturi agrikoli fi proprjetajiet li jinsabu barra, imma jmissu mat-territorju statistiku li fih ikollhom għandhom ix-xogħol prinċipali tagħhom;

(h) l-oġġetti li jitilqu minn teritorju statistiku partikolari u li fih jirritornaw wara li jaqsmu teritorju barrani, kemm direttament kif ukoll b'waqfiet inerenti fit-trasport.

--------------------------------------------------