European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1223

20.6.2025

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1223

tal-10 ta’ April 2025

li temenda d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-professjoni ta’ kirurgu veterinarju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (1) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21(6), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ għall-professjoni ta’ kirurgu veterinarju huma stabbiliti fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2005/36/KE kif ukoll fil-punt 5.4.1 tal-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Fil-Green Paper tagħha tal-2011 dwar il-modernizzazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE (2), il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati r-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ f’fażijiet differenti.

(3)

Fil-kuntest tal-emenda tad-Direttiva 2005/36/KE permezz tad-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet akkademiċi, u l-organizzazzjonijiet professjonali indikaw li l-professjonijiet koperti mit-Titolu III, il-Kapitolu III tad-Direttiva evolvew b’mod sinifikanti minn meta r-rekwiżiti minimi rispettivi ta’ taħriġ tagħhom ġew armonizzati.

(4)

Filwaqt li d-Direttiva 2013/55/UE rrevediet sa ċertu punt l-għarfien u l-ħiliet għall-professjoni ta’ kirurgu veterinarju kif stabbilit fl-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2005/36/KE, ma saret l-ebda bidla sostanzjali fis-suġġetti tal-programm ta’ studju elenkati fil-punt 5.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36/KE.

(5)

L-Artikolu 21(6) tad-Direttiva 2005/36/KE, kif emendat, jagħti lill-Kummissjoni setgħat delegati biex tintroduċi, f’konformità mal-Artikolu 57c tad-Direttiva 2005/36/KE, aġġornamenti għar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali sabiex jirriflettu l-evoluzzjoni tal-liġi tal-UE li taffettwa direttament lill-professjonisti kkonċernati.

(6)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-professjoni ta’ kirurgu veterinarju, kif stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE, jenħtieġx li jiġu aġġornati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali.

(7)

Sar studju biex jgħin lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha. L-għan tal-istudju kien li jesplora l-iżviluppi fir-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-professjoni ta’ kirurgu veterinarju fl-Istati Membri u l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-EFTA) kollha. Għal dak l-għan inġabret data fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali permezz ta’ riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni u konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati. Il-ġbir tad-data ffoka fuq żviluppi fir-rekwiżiti tat-taħriġ fil-livell nazzjonali: (i) l-avvanzi xjentifiċi u tekniċi li jaffettwaw il-professjoni ta’ kirurgu veterinarju; (ii) il-programmi ta’ taħriġ u l-għarfien u l-ħiliet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE u li jirriflettu kwalunkwe adattament għall-avvanzi xjentifiċi u tekniċi.

(8)

Waqt l-istudju twettqet valutazzjoni komparattiva tad-data miġbura. Din iffokat fuq l-iżviluppi fir-rekwiżiti tat-taħriġ fl-Istati Membri u l-Istati tal-EFTA kollha, u fuq l-aspetti komuni tagħhom, fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali. Għal dak l-għan, ġiet żviluppata definizzjoni operattiva ta’ progress xjentifiku u tekniku “rikonoxxut b’mod ġenerali”, li tikkonsisti f’avvanzi xjentifiċi u tekniċi li ġew osservati f’mill-inqas 16-il Stat Membru u Stat tal-EFTA.

(9)

Ir-riżultati tal-istudju ġew ippreżentati lill-partijiet ikkonċernati matul sessjoni ta’ ħidma u waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Abbażi tal-feedback riċevut, ġew abbozzati l-konklużjonijiet tal-istudju, li jissuġġerixxu aġġornamenti għar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tal-programmi ta’ taħriġ kif ukoll l-għarfien u l-ħiliet.

(10)

L-istudju (4) identifika l-avvanzi xjentifiċi u tekniċi rikonoxxuti b’mod ġenerali li ġejjin fil-programmi ta’ taħriġ fl-Istati Membri u fl-Istati tal-EFTA li ma kinux rappreżentati jew li ma kinux rappreżentati biżżejjed fir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE: il-kunċett ta’ “Saħħa Waħda”; is-sostenibbiltà u t-transdixxiplinarjetà; l-interdixxiplinarjetà, il-ħiliet multidixxiplinari u personali; it-trattamenti u t-terapiji; is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali; is-saħħa pubblika: l-iġjene u s-sikurezza tal-ikel; il-bijoloġija, id-diġitalizzazzjoni u d-data diġitali, kif ukoll l-għodod u t-tekniki dijanjostiċi u tal-laboratorju.

(11)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (5), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar biex jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2005/36/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi tad-Direttiva 2005/36/KE

Id-Direttiva 2005/36/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 38, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-taħriġ tal-kirurgi veterinarji għandu jagħti l-garanzija li l-professjonist inkwistjoni jkun kiseb l-għarfien u l-kompetenzi li ġejjin:

(a)

għarfien tax-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-kirurgu veterinarju u tad-dritt tal-UE relatat ma’ dawk l-attivitajiet;

(b)

għarfien adegwat tal-istruttura, il-funzjonijiet, l-imġiba u l-bżonnijiet fiżjoloġiċi tal-annimali, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-trobbija, l-għalf, il-benessri, ir-riproduzzjoni u l-iġjene inġenerali tagħhom;

(c)

il-ħiliet u l-kompetenzi kliniċi, epidemjoloġiċi, u analitiċi meħtieġa għall-prevenzjoni, id-dijanjożi, u t-trattament tal-mard tal-annimali, kif ukoll għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-uġigħ, it-twettiq sikur ta’ kirurġija mhux settika, is-sedazzjoni, l-anesteżija, u l-ewtanażja, kemm jekk jitqiesu individwalment kif ukoll jekk jitqiesu fi gruppi, inkluż għarfien speċifiku dwar il-mardiet li jistgħu jiġu trażmessi lill-bnedmin;

(d)

għarfien, ħiliet, u kompetenzi adegwati għall-mediċina preventiva, inklużi kompetenzi fir-rigward tal-bijosigurtà, tal-mistoqsijiet, u taċ-ċertifikazzjoni;

(e)

għarfien adegwat tal-iġjene u t-teknoloġija involuti fil-produzzjoni, fabbrikazzjoni u tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-ikel tal-annimali jew l-ikel li joriġina mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-fehim u l-ispjegazzjoni tal-prattiki tajba f’dan ir-rigward;

(f)

l-għarfien, il-ħiliet, u l-kompetenzi meħtieġa għall-użu responsabbli u raġjonevoli ta’ prodotti mediċinali veterinarji, sabiex jiġu trattati l-annimali u jiġu żgurati s-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent;

(g)

għarfien u fehim adegwati tal-kunċett ta’ “Saħħa Waħda”, inklużi l-ħiliet u l-kompetenzi għall-applikazzjoni u l-integrazzjoni tiegħu fis-saħħa pubblika veterinarja;

(h)

għarfien tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni relatati ma’ negozju veterinarju, inklużi l-ġestjoni tal-prattika u l-ekonomija tas-saħħa tal-annimali; għarfien, ħiliet, u kompetenzi adegwati dwar l-interazzjoni interpersonali u interprofessjonali, il-komunikazzjoni, il-ħidma f’tim, u l-kollaborazzjoni multidixxiplinari;

(i)

għarfien adegwat tal-ġestjoni tad-data, tat-teknoloġija tal-informazzjoni, u tat-teknoloġiji diġitali, u tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-applikazzjoni prattika tagħhom fil-qasam veterinarju.”

(2)

L-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-10 ta’ April 2027. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/36/oj.

(2)  Green Paper, Nimmodernizzaw id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali, COM(2011)367 finali tat-22 ta’ Ġunju 2011.

(3)  Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/55/oj).

(4)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Mapping and assessment of developments of one of the sectoral professions under Directive 2005/36/KE – The profession of veterinary surgeon – Final study, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022.

(5)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Fl-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE, il-Punt 5.4.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.4.1.   Programm ta’ studju għall-kirurgi veterinarji

Il-programm ta’ studji li jwassal għall-provi ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja għandu jinkludi mill-inqas is-suġġetti li ġejjin.

It-tagħlim f’suġġett wieħed jew aktar minn dawn jista’ jingħata bħala parti, jew flimkien ma’ korsijiet oħra.

A.

Suġġetti bażiċi

—

Il-fiżika

—

Il-kimika

—

Il-bijoloġija tal-annimali u taċ-ċelloli

—

Il-bijoloġija tal-pjanti

—

Il-bijomatematika

B.

Suġġetti speċifiċi

a.

Ix-xjenzi bażiċi:

—

L-anatomija (inklużi l-istoloġija u l-embrijoloġija)

—

Il-fiżjoloġija

—

Il-bijokimika

—

Il-ġenetika u l-ġenetika molekulari

—

Il-farmaċija, il-farmakoloġija, u l-farmakoterapija (inkluża r-reżistenza antimikrobika)

—

It-tossikoloġija

—

Il-mikrobijoloġija

—

L-immunoloġija

—

L-epidemjoloġija

—

L-etika professjonali

b.

Ix-xjenzi kliniċi:

—

L-ostetriċja

—

Il-patoloġija (inkluża l-anatomija patoloġika)

—

Il-parasitoloġija

—

Il-mediċina u l-kirurġija kliniċi (inkluża l-anestetika)

—

Il-lezzjonijiet kliniċi dwar id-diversi annimali domestiċi, pollam, u speċijiet oħrajn ta’ annimali

—

Il-mediċina preventiva

—

Id-dijanjostika permezz tal-immaġnijiet

—

Ir-riproduzzjoni u l-problemi fir-riproduzzjoni

—

Il-mediċina veterinarja tal-istat u s-saħħa pubblika

—

Il-leġiżlazzjoni veterinarja u l-mediċina veterinarja forensika

—

It-terapewtika

—

Il-propedewtika

c.

Il-produzzjoni tal-annimali

—

Il-produzzjoni tal-annimali

—

In-nutrizzjoni tal-annimali

—

L-agronomija

—

L-ekonomija rurali

—

It-trobbija tal-annimali u l-ġestjoni tas-saħħa tal-merħliet

—

L-iġjene veterinarja

—

Il-benesseri, l-etoloġija, u l-protezzjoni tal- annimali

d.

L-iġjene tal-ikel

—

L-ispezzjoni u l-kontroll tal-għalf tal-annimali u tal-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali

—

L-iġjene tal-ikel, it-teknoloġija, u l-mikrobijoloġija tal-ikel

—

Ix-xogħol prattiku (inkluż xogħol prattiku f’postijiet fejn issir il-qatla u fejn jiġu pproċessati l-oġġetti tal-ikel)

It-taħriġ prattiku jista’ jkun fil-forma ta’ perjodu ta’ taħriġ, kemm-il darba t-taħriġ ikun full-time u taħt il-kontroll dirett tal-awtorità kompetenti, u ma jaqbiżx 6 xhur fil-perjodu aggregat tat-taħriġ ta’ 5 snin studju.

It-tqassim tat-taħriġ teoretiku u ta’ dak prattiku fost il-gruppi differenti tas-suġġetti għandu jkun bilanċjat u kkoordinat b’tali mod li l-għarfien u l-esperjenza jkunu jistgħu jinkisbu b’mod li lill-kirurgi veterinarji jippermettilhom iwettqu d-dmirijiet kollha tagħhom.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/1223/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)