Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawżi C‑251/24 u C‑392/24

Axpo Energy Romania SA

vs

Agenția Națională de Administrare Fiscală,

Guvernul României,

fil-preżenza ta’:

Ministerul Energiei (C‑251/24)

u

PPC Renewables Romania SRL

vs

Agenția Națională de Administrare Fiscală,

Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

Guvernul României,

Ministerul Finanțelor,

fil-preżenza ta’:

Ministerul Energiei (C‑392/24)


 

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Regolament (UE) 2019/943 – Suq intern tal-elettriku – Artikolu 3 – Prinċipji dwar il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku – Iffissar liberu tal-prezzijiet – Direttiva (UE) 2019/944 – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Artikolu 5 – Prezzijiet tal-provvista bbażati fuq is-suq – Regolament (UE) 2022/1854 – Intervent ta’ emerġenza sabiex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija – Artikolu 8(1) – Miżuri nazzjonali fil-każ ta’ kriżi – Kunċett ta’ ‘dħul mis-suq’ – Artikolu 8(2) – Kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas ta’ kontribuzzjoni fuq l-impriżi li jwettqu attività ta’ negozju (trading) u tal-produtturi tal-elettriku – Impatt fuq il-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni”






 Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), jaqgħu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Axpo Energy Romania SA (iktar ’il quddiem “Axpo”) u PPC Renewables România SRL (iktar ’il quddiem “PPC”) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”) u, min-naħa l-oħra, amministrazzjonijiet Rumeni (2). Huma jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/943 (3), tad-Direttiva (UE) 2019/944 (4) u tar-Regolament (UE) 2022/1854 (5), fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ limitu massimu tad-dħul applikabbli għall-operaturi li jwettqu attivitajiet ta’ negozju (trading) fis-suq tal-elettriku u tal-gass naturali kif ukoll għall-produtturi tal-elettriku.

2.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu mmirati fuq l-analiżi tal-kwistjoni jekk l-introduzzjoni ta’ tali limitu massimu, minn naħa, tikkostitwixxix intervent fil-formazzjoni libera tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa, li jista’ jmur kontra l-prinċipji stabbiliti mir-Regolament 2019/943 u mid-Direttiva 2019/944, mingħajr madankollu ma dan l-intervent ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “miżura nazzjonali ta’ kriżi” fis-sens tar-Regolament 2022/1854, u, min-naħa l-oħra, twassalx għal tassazzjoni diskriminatorja tat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq nazzjonali meta mqabbla ma’ dawk intiżi għall-esportazzjoni.

3.        Dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, li huma estensjoni ta’ sensiela ta’ kawżi reċenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (6) wara l-kriżi tal-enerġija li affettwat is-swieq Ewropej tal-enerġija, joffru lil din tal-aħħar l-opportunità li tippreċiża iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 2022/1854, maħsub bħala strument eċċezzjonali u temporanju intiż li jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ tfixkil mingħajr preċedent ta’ dawn is-swieq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament 2019/943

4.        Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943, intitolat “Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku”:

“L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tas- suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)      il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista;

(b)      ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista;

[...]

(h)      għandhom jitneħħew b’mod progressiv l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u tas-servizzi relatati;

[...]

(p)      Ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ tal-prodotti madwar l-Unjoni, u l-bidliet regolatorji għandhom iqisu l-effetti fuq is-swieq u l-prodotti forward u futuri kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil;

[...]”

5.        L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Limiti tekniċi tal-offerti”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1, 4 u 5 tiegħu:

“1.      Ma għandu jkun hemm la limitu massimu u lanqas limitu minimu tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika, fost l-oħrajn, għall-offerti u l-ikklirjar fil-perjodi kollha ta’ żmien u tinkludi l-enerġija ta’ bbilanċjar u l-prezzijiet tal-iżbilanċ, mingħajr preġudizzju għal-limiti tekniċi tal-prezzijiet li jistgħu jiġu applikati fil-perjodu ta’ żmien tal-ibbilanċjar u għall-perjodi ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont il-paragrafu 2.

[...]

4.      L-awtoritajiet regolatorji jew, fejn Stat Membru ħatar awtorità kompetenti oħra għal dak l-iskop, dawn l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw b’mod indirett il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, anki bil-limitazzjoni tal-offerti relatati mal-attivazzjoni tal-enerġija ta’ bbilanċjar, tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, miżuri mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, miżuri maħsuba biex jisfidaw ir-riżultati tas-suq, jew biex jipprevjenu l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti jew taż-żoni tal-offerti ddefiniti b’mod ineffiċjenti.

5.      Meta awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti maħtura tidentifika politika jew miżura li tista’ tgħin biex tillimita l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, din għandha tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex telimina jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex tillimita l-impatt ta’ dik il-politika jew miżura fuq l-imġiba tal-offerti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni sal‑5 ta’ Jannar 2020 li jagħti dettalji dwar il-miżuri u l-azzjonijiet li ħadu jew li beħsiebhom jieħdu.”

 Id-Direttiva 2019/944

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Swieq tal-elettriku kompetittivi, iffokati fuq il-konsumatur, flessibbli u mhux diskriminatorji”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tagħhom ma tfixkilx bla bżonn il-kummerċ transkonfinali fl-elettriku, il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, inkluża dik permezz tar-rispons tad-domanda, investimenti b’mod partikolari fil-ġenerazzjoni varjabbli u flessibbli tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija, jew l-introduzzjoni tal-elettromobbiltà jew interkonnetturi ġodda bejn l-Istati Membri, u għandhom jiżguraw li l-prezzijiet tal-elettriku jirriflettu d-domanda u l-provvista attwali.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jeżisti l-ebda ostaklu bla bżonn fis-suq intern għall-elettriku fir-rigward tad-dħul fis-suq, it-tħaddim u l-ħruġ, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi li l-Istati Membri jżommu relattivament għal pajjiżi terzi.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw kondizzjonijiet ekwi fejn l- impriżi tal-elettriku huma soġġetti għal regoli, imposti u trattament trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, l-aċċess għal swieq bl-ingrossa, l-aċċess għad-data, il-proċessi tal-bdil u l-iskemi tal-kontijiet u, fejn applikabbli, l-għoti ta’ liċenzji.”

7.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prezzijiet tal-provvista bbażati fis-suq”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      Il-fornituri għandhom ikunu ħielsa li jiddeterminaw il-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti domestiċi foqra u vulnerabbli f’termini ta’ enerġija f’konformità mal-Artikoli 28 u 29 permezz tal-politika soċjali jew b’mezzi oħra li ma jkunux interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku.

3.      B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil klijenti domestiċi foqra jew vulnerabbli f’termini ta’ enerġija. Tali interventi pubbliċi għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

4.      Interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku għandhom:

(a)      ikunu mmirati lejn interess ekonomiku ġenerali u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiksbu dak l-interess ekonomiku ġenerali;

(b)      ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli;

(c)      jiggarantixxu aċċess ugwali lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-klijenti;

(d)      għandhom ikunu limitati fiż-żmien u jkunu proporzjonati fir-rigward tal-benefiċjarji tagħhom;

(e)      m’għandhomx jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali għall-parteċipanti fis-suq b’mod diskriminatorju.”

 Ir-Regolament 2022/1854

8.        L-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ kriżi”, kien jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu:

(a)      iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji, kif ukoll id-dħul mis-suq ta’ parteċipanti oħra fis-suq, inklużi dawk attivi fil-kambju tal-elettriku;

(b)      jistabbilixxu limitu massimu ogħla fuq id-dħul mis-suq għall-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), dment li l-investimenti u l-kostijiet operattivi tagħhom jaqbżu l-massimu stabbilit fl-Artikolu 6(1);

[...]

2.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, f’konformità ma’ dan ir-Regolament:

(a)      ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;

(b)      ma jipperikolawx is-sinjali ta’ investiment;

(c)      jiżguraw li l-investimenti u l-ispejjeż operattivi jkunu koperti;

(d)      ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku, u b’mod partikolari, ma jaffettwawx l-ordni tal-mertu u l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi;

[...]”

 Id-dritt Rumen

9.        L-Artikolu 15 tal-OUG Nru 27/2022 (7), kif emendat bil-Liġi Nru 206/2022 (8) u bl-OUG Nru 119/2022 (9), huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Mill‑1 ta’ Settembru 2022, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, il-produtturi tal-elettriku, l-entitajiet aggregativi ta’ produzzjoni tal-elettriku, it-traders, il-fornituri li jeżerċitaw l-attività ta’ trading u aggregaturi li jinnegozjaw kwantitajiet ta’ elettriku u/jew gass naturali fis-suq bl-ingrossa għandhom iħallsu kontribuzzjoni għall-fond għal tranżizzjoni tal-enerġija, iddeterminata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness Nru 6, u fl-Anness Nru 6.1.

(2)      Il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni mqiegħda fis-servizz wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, kif ukoll l-impriżi li jipprovdu servizzi pubbliċi fil-qasam termali li jipproduċu l-enerġija ta’ koġenerazzjoni ma għandhomx jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1).

[...]

(13)      Għal kull tranżazzjoni ta’ bejgħ ta’ enerġija elettrika għall-esportazzjoni jew għall-kunsinna intra-Komunitarja mir-Rumanija tal-persuni msemmija fil-paragrafu (1), il-kontribuzzjoni għall-fond għal tranżizzjoni tal-enerġija (“C”) hija ddeterminata kif ġej: [...] C = (Pmt – Pa)  Qt  100 %, fejn: Qt = kwantità ta’ enerġija nnegozjata għall-esportazzjoni jew ikkunsinnata; Pmt = prezz medju ta’ skambju tal-enerġija fis-suq ta’ kuljum ta’ lejlet it-tranżazzjoni; Pa = prezz tax-xiri.” (10)

10.      Il-kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni għall-fond ta’ tranżizzjoni tal-enerġija dovuta mill-produtturi tal-elettriku ġie stabbilit fl-Anness Nru 6 tal-OUG Nru 27/2022 (kif emendat bl-Anness Nru 2 tal-OUG Nru 119/2022) (11), filwaqt li l-kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni għall-fond ta’ tranżizzjoni tal-enerġija dovuta mill-operaturi li jeżerċitaw l-attività ta’ negozju ġie stabbilit fl-Anness Nru 6.1 tal-OUG Nru 27/2022 (kif emendat bl-Anness Nru 3 tal-OUG Nru 119/2022) (12).

 Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, żewġ impriżi li joperaw fis-suq tal-elettriku u tal-gass naturali fir-Rumanija (13), ippreżentaw, kull waħda minnhom, rikors quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), intiż, b’mod partikolari, li tinkiseb il-kundanna ta’ diversi amministrazzjonijiet Rumeni sabiex jikkumpensaw id-dannu li huma jqisu li ġarrbu, mix-xahar ta’ Settembru 2022, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-OUG Nru 27/2022, kif emendat bl-OUG Nru 119/2022 (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”).

12.      Essenzjalment, il-miżura kontenzjuża stabbilixxiet kontribuzzjoni għall-fond ta’ tranżizzjoni tal-enerġija applikabbli għall-operaturi li jeżerċitaw l-attività ta’ negozju fis-suq tal-elettriku jew tal-gass naturali (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju”), kif ukoll għall-produtturi tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku”), rispettivament.

13.      B’mod iktar speċifiku, minn naħa, il-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju (Kawża C‑251/24) kienet ikkalkolata bħala d-differenza bejn il-prezz medju ponderat ta’ kull xahar tal-bejgħ tal-elettriku jew tal-gass naturali kkunsinnat fix-xahar ta’ riferiment u l-prezz medju ponderat ta’ kull xahar tax-xiri tal-elettriku jew tal-gass naturali kkunsinnat fix-xahar ta’ riferiment, miżjuda b’marġni ta’ profitt ta’ 2 %, skont il-metodoloġija prevista fl-Anness 6.1 tal-miżura kontenzjuża. B’kuntrast ma’ dan, f’dak li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tal-elettriku għall-esportazzjoni jew ta’ kunsinni intra-Komunitarji mit-territorju tar-Rumanija, din il-kontribuzzjoni kienet stabbilita fil-livell tad-differenza bejn il-prezz ta’ skambju tal-enerġija fis-suq ta’ kuljum lejlet it-tranżazzjoni u l-prezz tax-xiri, skont l-Artikolu 15(13) ta’ din il-miżura.

14.      Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku (Kawża C‑392/24) kienet ikkalkolata, skont il-metodoloġija prevista fl-Anness 6 tal-imsemmija miżura, bħala d-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ kull xahar u RON 450 (madwar EUR 90) għal kull MWh immultiplikata bil-kwantità ta’ kull xahar ikkunsinnata fiżikament mill-produzzjoni proprja jew ittrasferita mill-portafoll ta’ produzzjoni għall-portafoll ta’ provvista.

15.      Għal dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-miżura kontenzjuża tiksirx, minn naħa, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 u tad-Direttiva 2019/944, sa fejn tikkostitwixxi intervent fil-formazzjoni libera tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa, mingħajr ma tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854 (14). Hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk din il-miżura tiksirx l-Artikoli 28, 30 u 35 TFUE kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 u tad-Direttiva 2019/944, sa fejn tistabbilixxi tassazzjoni ddifferenzjata tat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq nazzjonali meta mqabbla ma’ dawk intiżi għall-esportazzjoni (15).

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha (16) u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑251/24, sitt domandi preliminari, li minnhom huma biss ir-raba’ u l-ħames domanda li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet immirati:

“4)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p) u tal-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-[Regolament 2019/943] ikkunsidrati flimkien mal-premessi 22 u 23 tal-preambolu [ta’ dan ir‑]regolament, mal-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll mal-Artikolu 8 tar-[Regolament 2022/1854], [li jirregolaw il-prinċipji dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa tal-enerġija,] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022? Fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni hija proporzjonali fil-kundizzjonijiet fejn ma tqisx l-ispejjeż operattivi tal-parteċipanti fis-suq b’attivitajiet ta’ kummerċ? Fl-interpretazzjoni [tal-imsemmija] dispożizzjonijiet, jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni ma hijiex diskriminatorja, peress li hija tapplika biss għal parti mill-parteċipanti fis-suq bl-ingrossa li jwettqu attivitajiet ta’ xiri u bejgħ mill-ġdid ta’ enerġija?

5)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28, 30 u 35 TFUE, tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/944, li jipprevedu l-projbizzjoni tal-istabbiliment ta’ ostakoli leġiżlattivi għall-flussi transkonfinali tal-enerġija bejn l-Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022, li bejn l‑1 ta’ Settembru u s‑16 ta’ Diċembru 2022 kienet tipprevedi formula iktar oneruża għat-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni, li ma kienet tirrikonoxxi l-ebda profitt, filwaqt li fil-każ ta’ bejgħ domestiku kien irrikonoxxut profitt teoretiku ta’ 2 %? Fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-istabbiliment ta’ tali kontribuzzjoni li mis‑16 ta’ Diċembru 2022 tistabbilixxi l-ġbir tal-kontribuzzjoni biss fil-każ ta’ bejgħ ta’ kwantitajiet ta’ enerġija intiżi għall-esportazzjoni, iżda mhux fil-każ ta’ importazzjoni ta’ enerġija?”

17.      Fil-Kawża C‑392/24, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja seba’ domandi preliminari, li minnhom hija biss il-ħames domanda li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet immirati:

“5)      Fl-interpretazzjoni [tal-istess dispożizzjonijiet previsti fil-kuntest tar-raba’ domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑251/24], id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fuq id-dħul tal-produtturi tal-elettriku? Fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni hija proporzjonali sa fejn ma tqisx l-ispejjeż operattivi tal-produtturi tal-elettriku?” (17)

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea (18).

 Analiżi

19.      Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw, minn naħa, fuq ir-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24 kif ukoll fuq il-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑392/24, li ser nittratta flimkien, u, min-naħa l-oħra, fuq il-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24.

 Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C-251/24 u fuq il-ħames domanda fil-Kawża C-392/24 dwar il-prinċipju ta’ formazzjoni libera tal-prezzijiet

20.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑251/24 u tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑392/24, li huma essenzjalment identiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni libera tal-prezzijiet (19), u dwar il-miżuri nazzjonali fil-każ ta’ kriżi (20), kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità (fil-Kawżi C‑251/24 u C‑392/24) u ta’ nondiskriminazzjoni (fil-Kawża C‑251/24) jipprekludux il-miżura kontenzjuża, sa fejn din tkopri d-dħul mill-attività ta’ negozju (Kawża C‑251/24) jew id-dħul mill-produzzjoni tal-elettriku (Kawża C‑392/24).

21.      Essenzjalment, dik il-qorti, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, tesprimi l-biża’ li l-miżura kontenzjuża tista’, qabelxejn, tikkostitwixxi intervent fil-formazzjoni libera tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa, bi ksur tar-Regolament 2019/943 (21), sussegwentement, tiġi kklassifikata bħala miżura ekwivalenti għal iffissar tal-prezz tal-bejgħ li ma huwiex neċessarju u li barra minn hekk huwa ta’ natura diskriminatorja kif ukoll mhux proporzjonata, bi ksur tad-Direttiva 2019/944 (22), u, fl-aħħar nett, tikkostitwixxi “miżura nazzjonali mhux ikkoordinata” li tista’ taffettwa l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija fis-sens tar-Regolament 2022/1854.

22.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, infakkar li d-Direttiva 2019/944 u r-Regolament 2019/943 jistabbilixxu regoli u prinċipji komuni dwar il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku fl-Unjoni (23). F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-prinċipji li jirregolaw il-formazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, nirrileva li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-fornituri huma liberi li jiddeterminaw il-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti (paragrafu 1), filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri jwettqu interventi pubbliċi fl-iffissar ta’ dawn il-prezzijiet taħt ċerti kundizzjonijiet (paragrafi 2 sa 5), filwaqt li l-Artikolu 3(a) u (b) ta’ dan ir-regolament jinkoraġġixxi, essenzjalment, il-formazzjoni libera tal-prezzijiet abbażi tal-provvista u tad-domanda u l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprojbixxi, b’mod partikolari, kwalunkwe limitu, massimu jew minimu, għall-prezz bl-ingrossa tal-elettriku kif ukoll kwalunkwe politika jew miżura li tista’ tikkontribwixxi sabiex tirrestrinġi indirettament il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa (24).

23.      Barra minn hekk, nispeċifika li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944 u tar-Regolament 2019/943 ma japplikawx għal miżuri purament fiskali (25). Preliminarjament, tqum għaldaqstant il-kwistjoni jekk il-miżura kontenzjuża tistax tiġi kklassifikata bħala “miżura fiskali”, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti legali (26).

24.      F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-miżura kontenzjuża jirriżulta li din tal-aħħar tfittex li tilħaq prinċipalment l-għan li tadotta dispożizzjonijiet intiżi li jikkoreġu funzjonament ħażin ikkonstatat fis-swieq tal-gass naturali u tal-elettriku, li wassal għal żieda fil-prezzijiet ta’ tranżazzjoni f’dawn is-swieq (27). Għaldaqstant, din il-miżura ma tidhirx li kienet maħsuba mil-leġiżlatur nazzjonali bħala miżura purament fiskali, iżda pjuttost bħala strument ta’ regolamentazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass naturali.

25.      Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmija miżura, kif tenfasizza l-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala dritt jew bħala taxxa (28). Fil-fatt, iż-żewġ kontribuzzjonijiet inkwistjoni huma previsti mil-liġi, abbażi ta’ rati u ta’ kundizzjonijiet iddeterminati a priori, obbligatorji u dovuti mill-impriżi kollha kkonċernati. Madankollu, peress li l-istess miżura tfittex li tilħaq espliċitament għan ta’ regolamentazzjoni tas-suq tal-elettriku, inqis li din għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 2019/944 u tar-Regolament 2019/943, sa fejn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

26.      F’dan ir-rigward, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2019/944, nista’ biss nirrepeti l-evalwazzjoni żviluppata fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Secab (29), li fil-kuntest tagħha rrilevajt li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-interventi tal-Istati Membri fis-suq bl-imnut tal-elettriku u jikkonċerna l-prezzijiet tal-bejgħ tal-elettriku lill-konsumaturi finali mill-fornituri tal-elettriku. Konsegwentement, l-imsemmija direttiva ma għandha ebda rabta ma’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżaminata fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, tirrigwarda r-regolamentazzjoni tad-dħul miksub mill-produtturi tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa jew mill-operaturi ta’ negozju (30).

27.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament 2019/943, nikkonstata li l-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju la għandha effett dirett fuq il-prezz tax-xiri u lanqas fuq il-prezz tal-bejgħ tal-elettriku jew tal-gass naturali fis-swieq ta’ negozjar. Din il-kontribuzzjoni fil-fatt tirrigwarda d-differenza bejn dawn il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-marġni tal-operaturi, u mhux il-prezz li bih jinbiegħu l-elettriku u l-gass naturali (31). Bl-istess mod, il-kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku ma taffettwax direttament il-prezz bl-ingrossa tal-elettriku, iżda tirrigwarda l-marġni tal-operaturi, sa fejn tikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ kull xahar tal-elettriku u l-limitu massimu ta’ RON 450 (madwar EUR 90) għal kull MWh. Barra minn hekk, kif tafferma l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar il-kriterji li wasslu għall-iffissar ta’ dan il-limitu massimu mil-leġiżlatur Rumen.

28.      Fit-tieni lok, nirrileva li r-Regolament 2022/1854, li kien fis-seħħ matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 2022 u t‑30 ta’ Ġunju 2023, jikkostitwixxi intervent ta’ emerġenza intiż li jindirizza ż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, li jfittex li jilħaq b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi limitu massimu tad-dħul mis-suq miġbur minn ċerti produtturi tal-elettriku u li jippermetti r-ridistribuzzjoni mmirata tiegħu lill-klijenti finali (32). L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament għaldaqstant jintroduċi limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku mis-sorsi ta’ enerġija elenkati fl-Artikolu 7 tiegħu, iffissat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku prodott. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jippermetti lill-Istati Membri jadottaw, fil-każ ta’ kriżi, miżuri li jistabbilixxu limitu jew limitu massimu għad-dħul mis-suq miksub mill-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku minn dawn is-sorsi ta’ enerġija, inkluż billi jwettqu distinzjoni bejn it-teknoloġiji kif ukoll fir-rigward tad-dħul miġbur minn parteċipanti oħra fis-suq, sakemm dawn il-miżuri josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) (33), u fl-Artikolu 10 tal-istess regolament (34).

29.      F’dan il-każ, infakkar, preliminarjament, li l-miżura kontenzjuża ġiet introdotta qabel l-adozzjoni tar-Regolament 2022/1854 (35) u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha jikkoinċidi biss parzjalment ma’ dak ta’ dan ir-regolament, jiġifieri għall-perijodu bejn l‑1 u s‑16 ta’ Diċembru 2022 (36). Għaldaqstant, l-imsemmi regolament japplika għal din il-miżura biss għal dan il-perijodu, peress li l-Istati Membri għaldaqstant iżommu l-kompetenzi tagħhom sabiex jadottaw miżuri analogi għal dawk previsti mill-istess regolament, iżda li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħhom huwa differenti (37).

30.      Fir-rigward tal-kuntest ratione temporis li fih kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/1854 previsti mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi evalwat jekk il-miżura kontenzjuża tistax tiġi kklassifikata, fid-dawl tan-natura tagħha u tal-għan tagħha, bħala “miżura nazzjonali ta’ kriżi” fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 8(2) kif ukoll ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

31.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-miżura kontenzjuża tikkostitwixxix miżura nazzjonali konformi mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2022/1854, inqis li din il-miżura ta’ emerġenza, adottata bil-għan li jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, tikkostitwixxi prima facie “miżura nazzjonali ta’ kriżi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk din għandhiex l-għan li jiġi stabbilit limitu massimu għad-“dħul mis-suq” skont l-imsemmija dispożizzjoni.

32.      Infakkar li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2022/1854, il-kunċett ta’ “dħul mis-suq” huwa ddefinit bħala “introjtu realizzat li produttur jirċievi bi skambju għall-bejgħ u l-konsenja tal-elettriku fl-Unjoni” (38). Għaldaqstant, il-limiti massimi ta’ dħul stabbiliti mill-Istati Membri skont dan ir-regolament ma jistgħux, bħala prinċipju, japplikaw għal dħul purament teoretiku li ma jikkorrispondix għar-realtà tas-suq, iżda għandhom jirriflettu r-realtà tal-profitti effettivament imwettqa mill-produtturi kkonċernati (39). Fl-istess ħin, skont il-premessa 37 tal-imsemmi regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw “stimi raġonevoli” għall-kalkolu tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, mingħajr ma jkunu meħtieġa spjegazzjonijiet addizzjonali f’dan ir-rigward. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali stimi jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta’ preżunzjonijiet, sakemm dawn jippermettu li jsiru stimi raġonevoli ta’ dan id-dħul, li jirrappreżentaw ir-realtà tas-suq matul il-perijodu kkunsidrat (40).

33.      Dan premess, ir-Regolament 2022/1854 ma jipprovdix indikazzjonijiet oħra u jħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu (41). Fi kwalunkwe każ, fl-assenza ta’ kwalunkwe metodu vinkolanti previst minn dan ir-regolament li l-Istati Membri huma obbligati jsegwu meta jistabbilixxu limitu massimu, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan tal-aħħar, huma l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) li għandhom jiġu osservati (42).

34.      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda dawn il-kundizzjonijiet, nosserva, preliminarjament, li għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-miżura kontenzjuża tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u tekniċi kollha li jikkaratterizzaw mhux biss is-sitwazzjoni tal-operaturi u tal-impjanti kkonċernati, iżda wkoll is-suq nazzjonali tal-elettriku (43), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward.

35.      Nirrileva wkoll li l-evalwazzjoni ta’ miżura nazzjonali fid-dawl tal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament 2022/1854 għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-miżuri previsti minn dan ir-regolament jikkostitwixxu interventi ta’ darba intiżi li jindirizzaw ċirkustanzi eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, it-tul taż-żmien tal-miżura kif ukoll in-natura eċċezzjonali tagħha jikkostitwixxu elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tagħha sabiex tiġi evalwata l-portata tal-effetti tagħha (44).

36.      Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-miżuri previst fl-Artikolu 8(2)(a) tal-imsemmi regolament, nosserva, minn naħa, li l-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju timponi imposta ta’ 98 % tad-differenza bejn il-prezzijiet tal-bejgħ u tax-xiri fis-swieq tan-negozju tal-elettriku, li tiżdied għal 100 % għat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni jew ta’ kunsinna intra-Komunitarja mir-Rumanija. Din il-kontribuzzjoni, ikkalkolata abbażi ta’ prezz fittizju, ma hijiex marbuta direttament mad-dħul mill-bejgħ jew mal-provvista tal-elettriku. Barra minn hekk, hija tikkostitwixxi imposta partikolarment għolja sa fejn tassorbi kważi d-differenza kollha bejn il-prezzijiet tal-bejgħ u tax-xiri tal-elettriku jew tal-gass naturali (45), u tħalli biss marġni ta’ profitt ta’ 2 % għat-tranżazzjonijiet interni u ma tħalli ebda marġni għall-esportazzjonijiet jew għall-kunsinni intra-Komunitarji. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tivverifika, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija kontribuzzjoni tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż sostnuti mill-impriżi kkonċernati (li jistgħu jeċċedu l-marġni ta’ profitt ta’ 2 %) (46) u jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, din tistax twassal għal tnaqqis sinjifikattiv tal-volumi kkummerċjati, kif ukoll tan-numru ta’ operaturi attivi fis-swieq ta’ negozju, b’riskju ta’ distorsjonijiet fis-suq bl-ingrossa. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku, filwaqt li hija kkalkolata abbażi tad-dħul effettivament imwettaq mill-impriżi kkonċernati, hija bbażata fuq limitu massimu fiss ta’ RON 450 (madwar EUR 90) għal kull MWh, li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-leġiżlatur nazzjonali speċifika l-modalitajiet ta’ ffissar tiegħu.

37.      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 8(2)(a) tal-istess regolament, nirrileva li l-miżura kontenzjuża ma tapplikax għal ċerti kategoriji ta’ produtturi, jiġifieri l-operaturi ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni u l-fornituri pubbliċi ta’ servizzi termali li jipproduċu l-elettriku mill-koġenerazzjoni, ħaġa li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, tista’ tagħtiha natura diskriminatorja. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju, id-differenza fit-trattament magħmula bejn, minn naħa, it-tranżazzjonijiet interni kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-esportazzjonijiet u l-kunsinni intra-Komunitarji, li hija s-suġġett tal-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24, tista’ wkoll tagħti natura diskriminatorja lil din il-kontribuzzjoni.

38.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(b), (c) u (d) tar-Regolament 2022/1854, għandu jiġi vverifikat li l-miżura kontenzjuża ma tikkompromettix is-sinjali ta’ investiment, tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ investiment u ta’ funzjonament u ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, b’mod partikolari, billi la taffettwa l-ordni tal-mertu u lanqas il-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa (47). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix elementi suffiċjenti sabiex tipprovdi indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward (48).

39.      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-użu tas-surplus tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża (49), nikkonstata li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2022/1854, is-surplus tad-dħul kollu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq għandu jintuża sabiex jiffinanzja, b’mod immirat, miżuri ta’ sostenn favur il-klijenti finali tal-elettriku, intiżi li jtaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq dawn tal-aħħar.

40.      F’dan il-każ, u bla ħsara għall-evalwazzjoni fattwali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tidher li taffettwa d-dħul li jirriżulta mill-miżura kontenzjuża għall-benefiċċju tal-klijenti finali tal-elettriku (50). Fil-fatt, skont l-Artikolu 15(6) sa (8) tal-OUG Nru 27/2022, kif emendat bl-OUG Nru 119/2022, l-ammonti miġbura taħt din il-miżura huma intiżi li jiffinanzjaw il-mekkaniżmu ta’ limitu massimu tal-prezzijiet tal-provvista tal-elettriku u tal-gass naturali stabbilit mill-istess att favur il-konsumaturi finali.

41.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑251/24 u għall-ħames domanda fil-Kawża C‑392/24 għandha tkun li l-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p), kif ukoll l-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament 2019/943, moqrija fid-dawl tal-premessi 22 u 23 tiegħu, l-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2019/944 u l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, minn naħa, kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju u, min-naħa l-oħra, kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku, fl-assenza ta’ elementi li juru li dawn il-kontribuzzjonijiet jaffettwaw il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku, sakemm l-imsemmija kontribuzzjonijiet josservaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C-251/24 dwar l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali

42.      Permezz tal-ħames domanda fil-Kawża C‑251/24, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu l-ostakoli leġiżlattivi marbuta mal-kummerċ transkonfinali fl-elettriku bejn l-Istati Membri (51) jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju. B’mod iktar partikolari, dik il-qorti tfittex li ssir taf jekk din il-kontribuzzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “miżura li tistabbilixxi restrizzjonijiet diretti jew li għandhom effett ekwivalenti għall-kummerċ transkonfinali bejn l-Istati Membri”, peress li taffettwa iktar l-esportazzjonijiet tal-elettriku milli l-bejgħ intern (52).

43.      Minn naħa, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-qorti tar-rinviju, nirrileva li l-Artikolu 28(1) u l-Artikoli 30 u 35 TFUE jistabbilixxu, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe miżura li għandha l-effett li tirrestrinġi l-esportazzjoni ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943 kif ukoll l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2019/944 ifittxu, essenzjalment, li jneħħu l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali fl-elettriku.

44.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, infakkar li, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Settembru u s‑16 ta’ Diċembru 2022, il-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju kienet tipprevedi tassazzjoni differenti skont jekk it-tranżazzjonijiet twettqux fis-suq intern jew kinux intiżi għall-esportazzjoni (53) u, mis‑16 ta’ Diċembru 2022, din il-kontribuzzjoni kienet dovuta biss għall-esportazzjoni tal-elettriku u mhux għall-importazzjonijiet (54).

45.      Għalhekk huwa inkontestabbli li l-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju tistabbilixxi trattament differenzjat bejn it-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq intern u dawk intiżi għall-esportazzjoni. Għaldaqstant, sa fejn is-suq Rumen tal-elettriku huwa integrat fis-suq tal-Ewropa kontinentali, inqis li l-applikazzjoni ddifferenzjata ta’ din il-kontribuzzjoni għat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni tista’ taffettwa l-kummerċ transkonfinali u, għaldaqstant, tikkostitwixxi ostakolu għal dan il-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2019/944 u tal-Artikolu 3(p) tar-Regolament 2019/943. Barra minn hekk, ebda ġustifikazzjoni għal din id-differenza fit-trattament ma tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kif esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju.

46.      Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ wkoll tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE (55). Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-istess kontribuzzjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni dwar l-ostakoli għall-kummerċ, previsti mid-Direttiva 2019/944 u mir-Regolament 2019/943, jiena tal-fehma li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt primarju tal-Unjoni (56). Barra minn hekk, peress li din il-kontribuzzjoni, fil-fehma tiegħi, la tista’ tiġi kklassifikata bħala dazju doganali u lanqas bħala taxxa fuq l-esportazzjoni, għandu jiġi konkluż li l-Artikoli 28 u 30 TFUE ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

47.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑251/24 għandha tkun li l-Artikolu 35 TFUE, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/944 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni għal formola iktar oneruża minn dik applikabbli għat-tranżazzjonijiet interni u għall-importazzjonijiet, mingħajr barra minn hekk ma din id-differenza tkun iġġustifikata minn wieħed mill-motivi stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u lanqas ma tkun proporzjonata għall-għan imfittex.

 Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għar-raba’ u għall-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24 u għall-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑392/24 magħmula mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija):

1)      L-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p) u l-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku, moqrija fid-dawl tal-premessi 22 u 23 tiegħu, l-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE u l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, minn naħa, kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju fis-suq tal-elettriku u tal-gass naturali fil-livell ta’ 100 % tad-differenza bejn il-prezz medju ponderat ta’ kull xahar tal-bejgħ tal-elettriku jew tal-gass naturali kkunsinnat fix-xahar ta’ riferiment u l-prezz medju ponderat ta’ kull xahar tax-xiri tal-elettriku jew tal-gass naturali kkunsinnat fix-xahar ta’ riferiment, miżjuda b’marġni ta’ profitt ta’ 2 % kif ukoll ta’ 100 % tad-differenza bejn il-prezz ta’ skambju tal-enerġija fis-suq ta’ kuljum lejlet it-tranżazzjoni u l-prezz tax-xiri għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tal-elettriku għall-esportazzjoni jew ta’ kunsinna intra-Komunitarja mir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku fil-livell tad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ kull xahar u 450 leu Rumen (RON) (madwar EUR 90) għal kull MWh immultiplikata bil-kwantità ta’ kull xahar ikkunsinnata fiżikament mill-produzzjoni proprja jew ittrasferita mill-portafoll ta’ produzzjoni għall-portafoll ta’ provvista, fl-assenza ta’ elementi li juru li dawn il-kontribuzzjonijiet jaffettwaw il-prezz bl-ingrossa tal-elettriku, sakemm l-imsemmija kontribuzzjonijiet josservaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament 2022/1854.

2)      L-Artikolu 35 TFUE, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/944

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni għal formola iktar oneruża minn dik applikabbli għat-tranżazzjonijiet interni u għall-importazzjonijiet, mingħajr ma din id-differenza tkun iġġustifikata minn wieħed mill-motivi stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u lanqas ma tkun proporzjonata għall-għan imfittex.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      B’mod iktar partikolari, l-amministrazzjonijiet Rumeni konvenuti fil-kawżi prinċipali huma, fil-Kawża C‑251/24, il-Gvern Rumen u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Awtorità tat-Taxxa, ir-Rumanija), kif ukoll, fil-Kawża C‑392/24, il-Gvern Rumen, il-Ministerul Finanțelor (il-Ministeru għall-Finanzi, ir-Rumanija), l-Aġenzija Nazzjonali tal-Awtorità tat-Taxxa u d-Direcția generală de administrare a marilor contribuabili (id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti l-Kbar, ir-Rumanija), filwaqt li l-Ministerul Energiei (il-Ministeru għall-Enerġija, ir-Rumanija) huwa intervenjent fiż-żewġ kawżi prinċipali.


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).


5      Regolament tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261 I, p. 1).


6      F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Electrabel et (C‑633/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Electrabel et”, EU:C:2025:991), kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab (C‑423/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Secab”, EU:C:2026:32), kawżi li fihom ifformulajt il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-kawżi pendenti 2Valorise Ham et (C‑467/24), li l-konklużjonijiet tiegħi fihom ser jingħataw fis‑16 ta’ Lulju 2026, kif ukoll Varo Energy Belgium et (C‑358/24), Vermilion Energy Ireland et (C‑533/24) u Acea Produzione et (C‑153/25), li għalihom il-konlużjonijiet tiegħi ser jinqraw fit‑22 ta’ Ottubru 2026. Fl-aħħar nett, għall-kompletezza, ara l-kawżi ENV Bulgaria Renewables (C‑187/25), VETS Svoge (C‑327/25), ARERA (C‑878/25), ARERA‑II (C‑879/25), ARERA‑III (C‑880/25) u GSE (C‑881/25), li, fid-data ta’ dawn il-konklużjonijiet, għadhom fl-istadju tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.


7      Ordonanța de urgență a guvernului nr. 27 privind măsurile aplicabile clienților finali din piața de energie electrică și gaze naturale în perioada 1 aprilie 2022‑31 martie 2023, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul energiei (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 27/2022 dwar Miżuri Applikabbli għall-Klijenti Finali fis-Suq tal-Elettriku u tal-Gass Naturali matul il-Perijodu mill‑1 ta’ April 2022 sal‑31 ta’ Marzu 2023, li Jemenda u Jissupplimenta Ċerti Atti Normattivi fil-Qasam tal-Enerġija), tat‑18 ta’ Marzu 2022 (Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 274 tat‑22 ta’ Marzu 2022) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 27/2022”).


8      Legea nr. 206/2022 pentru aprobarea Ordonanței de urgență a Guvernului nr. 27/2022 privind măsurile aplicabile clienților finali din piața de energie electrică și gaze naturale în perioada 1 aprilie 2022 – 31 martie 2023, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul energiei (il-Liġi Nru 206/2022 li Tapprova d-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 27/2022 dwar Miżuri Applikabbli għall-Klijenti Finali fis-Suq tal-Elettriku u tal-Gass Naturali matul il-Perijodu mill‑1 ta’ April 2022 sal‑31 ta’ Marzu 2023 kif ukoll li Jemenda u Jissupplimenta Ċerti Atti Normattivi fil-Qasam tal-Enerġija), tat‑8 ta’ Lulju 2022  (Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 692 tal‑11 ta’ Lulju 2022).


9      Ordonanța de urgență nr. 119/2022 pentru modificarea și completarea Ordonanței de urgență a Guvernului nr. 27/2022 privind măsurile aplicabile clienților finali din piața de energie electrică și gaze naturale în perioada 1 aprilie 2022 – 31 martie 2023, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul energiei (id-Digriet ta’ Urġenza Nru 119/2022 li Jemenda u Jissupplimenta d-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 27/2022 dwar Miżuri Applikabbli għall-Klijenti Finali fis-Suq tal-Elettriku u tal-Gass Naturali matul il-Perijodu mill‑1 ta’ April 2022 sal‑31 ta’ Marzu 2023 kif ukoll li Jemenda u Jissupplimenta Ċerti Testi Leġiżlattivi fil-Qasam tal-Enerġija) (Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 864 tal‑1 ta’ Settembru 2022) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 119/2022”). L-OUG Nru 119/2022 ġie approvat permezz tal-Legea no 357/2022 privind aprobarea Ordonanței de urgență a Guvernului nr. 119/2022 pentru modificarea și completarea Ordonanței de urgență a Guvernului nr. 27/2022 privind măsurile aplicabile clienților finali din piața de energie electrică și gaze naturale în perioada 1 aprilie 2022 – 31 martie 2023, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul energiei, (il-Liġi Nru 357/2022 li Tapprova d-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2022, li Jemenda u Jissupplimenta d-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 27/2022 dwar Miżuri Applikabbli għall-Klijenti Finali fis-Suq tal-Elettriku u tal-Gass Naturali matul il-Perijodu mill‑1 ta’ April 2022 sal‑31 ta’ Marzu 2023 kif ukoll li Jemenda u Jissupplimenta Ċerti Atti Normattivi fil-Qasam tal-Enerġija) (Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 1198 tat‑13 ta’ Diċembru 2022) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 357/2022”).


10      Għal kull fini utli, għandu jiġi osservat li dan il-paragrafu 13 tħassar, mis‑16 ta’ Diċembru 2022, permezz tal-punt 22 tal-Artikolu I tal-Liġi Nru 357/2022.


11      Skont dan l-anness, il-kontribuzzjoni għall-fond ta’ tranżizzjoni tal-enerġija dovuta mill-produtturi tal-elettriku kienet ikkalkolata bħala d-differenza (eventwali) bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ kull xahar u 450 leu Rumen (RON) (madwar EUR 90) għal kull MWh immultiplikata bil-kwantità ta’ kull xahar ikkunsinnata fiżikament mill-produzzjoni proprja jew ittrasferita mill-portafoll ta’ produzzjoni għal dak ta’ provvista.


12      Skont dan l-anness, il-kontribuzzjoni għall-fond ta’ tranżizzjoni tal-enerġija dovuta mill-operaturi li jeżerċitaw l-attività ta’ negozju kienet ikkalkolata skont id-differenza bejn, minn naħa, il-prezz medju ponderat ta’ kull xahar tal-bejgħ tal-elettriku jew tal-gass naturali kkunsinnat fix-xahar ta’ riferiment u, min-naħa l-oħra, il-prezz medju ponderat ta’ kull xahar tax-xiri tal-elettriku jew tal-gass naturali kkunsinnat fix-xahar ta’ riferiment, miżjuda b’marġni ta’ profitt ta’ 2 %.


13      B’mod iktar partikolari, Axpo teżerċita l-attività ta’ negozjant u ta’ fornitur tal-enerġija mal-konsumaturi finali, filwaqt li PPC topera bħala produttur tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, u tikkontribwixxi fil-livell ta’ 2 % għall-produzzjoni nazzjonali tal-elettriku.


14      Dawn huma r-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24 u l-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑392/24, rispettivament.


15      Din hija l-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24.


16      Il-qorti tar-rinviju adixxiet ukoll il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) sabiex tiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tal-istess dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.


17      Il-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑392/24 hija, essenzjalment, identika għar-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑251/24. Infakkar, għal finijiet ta’ informazzjoni, li d-domandi preliminari l-oħra magħmula mill-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi jikkonċernaw, essenzjalment, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament 2019/943 u tad-Direttiva 2019/944, tal-Artikoli 49 u 56, tal-Artikolu 63(1), tal-Artikoli 101 u 102, tal-Artikolu 107(1), tal-Artikolu 108 u tal-Artikolu 191(2) TFUE, kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 1, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37 u fil-ĠU L, 2025/90854), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).


18      Dawn il-partijiet wieġbu wkoll għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.


19      Dawn huma, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll l-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p), u l-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament 2019/943, moqrija fid-dawl tal-premessi 22 u 23 ta’ dan tal-aħħar.


20      Dan huwa l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854.


21      Il-kontribuzzjonijiet applikati għall-operaturi ta’ negozju u għall-produtturi tal-elettriku jiksru r-rekwiżiti ta’ sistema flessibbli ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet abbażi tal-provvista u tad-domanda, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943, kif ukoll l-obbligu li jitneħħew il-limiti massimi amministrattivi applikati għall-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa stabbiliti mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.


22      Il-miżura kontenzjuża, sa fejn timponi limiti massimi ta’ prezzijiet fis-suq bl-ingrossa, tistabbilixxi indirettament limiti massimi ta’ prezzijiet għall-konsumaturi mhux residenzjali. Il-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju timponi, b’mod diskriminatorju, spejjeż addizzjonali fuq dawn tal-aħħar, u mhux fuq il-parteċipanti kollha fis-suq li jixtru u jbigħu mill-ġdid l-elettriku fis-suq bl-ingrossa, filwaqt li l-kontribuzzjoni applikata għall-produtturi tal-elettriku timponi, b’mod diskriminatorju, spejjeż addizzjonali fuq dawn tal-aħħar bl-esklużjoni ta’ produtturi oħra (il-produtturi tal-elettriku u tas-sħana permezz tal-koġenerazzjoni u dawk li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom tqiegħdu fis-servizz wara l‑1 ta’ April 2022). Barra minn hekk, dawn il-kontribuzzjonijiet jiksru wkoll ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità tal-miżuri ta’ intervent fuq il-prezzijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4)(b) u (d) tad-Direttiva 2019/944, peress li dawn ġew introdotti mingħajr studju tal-impatt minn qabel, b’mod partikolari, fir-rigward tal-marġni ta’ 2 % jew tal-limitu ta’ RON 450 (madwar EUR 90) għal kull MWh, rispettivament, u mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż reali ta’ funzjonament tal-kumpanniji kkonċernati. Barra minn hekk, il-produtturi tal-elettriku jibqgħu suġġetti għall-obbligu li jħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji, minbarra l-kontribuzzjoni imposta fuqhom, u jibqgħu wkoll suġġetti għal obbligu ta’ servizz pubbliku, filwaqt li, skont il-premessa 22 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw strumenti politiċi oħra sabiex jiggarantixxu l-aċċessibbiltà taċ-ċittadini għall-provvista tal-elettriku.


23      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/943.


24      Il-premessa 22 tar-Regolament 2019/943 tispeċifika, b’mod partikolari, li d-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku skont il-provvista u d-domanda għandha tiġi stabbilita fil-prinċipji bażiċi tas-suq.


25      Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa speċjali applikabbli għall-produtturi tal-elettriku, li tfittex li tilħaq ukoll għan ta’ tkabbir tad-dħul għall-benefiċċju tal-baġit tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068, punti 37 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, hija qieset li taxxa fuq id-dħul tal-produtturi tal-elettriku, ikkalkolata abbażi tad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ medju ta’ kull xahar tal-elettriku u l-prezz ta’ RON 450 (madwar EUR 90) għal kull MWh, li tfittex li tilħaq tal-inqas parzjalment għan baġitarju u li la hija intiża li tirregola l-provvista tal-elettriku u lanqas li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi jew iż-żamma tal-kompetizzjoni libera, ma tistax tikkostitwixxi miżura ekwivalenti għal “miżura ta’ ffissar tal-prezz tal-bejgħ” tal-elettriku jew għal limitazzjoni tal-libertà tal-produtturi tal-elettriku li jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2025, Braila Winds, C‑391/23, EU:C:2025:799, punti 52 u 53).


26      Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ tassazzjoni, ta’ taxxa, ta’ dritt jew ta’ imposta fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni hija kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-karatteristiċi oġġettivi tal-impożizzjoni, indipendentement mill-klassifikazzjoni li tingħatalha fid-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park, C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Minn din l-espożizzjoni tal-motivi jirriżulta wkoll li, skont il-leġiżlatur nazzjonali stess, il-miżuri introdotti minn dan l-att setgħu b’mod partikolari jmorru kontra ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944 u tar-Regolament 2019/943.


28      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 143).


29      C‑423/23, EU:C:2025:63 (punt 36), evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfermat fis-sentenza Secab (punt 52).


30      Barra minn hekk, għalkemm ma huwiex eskluż li, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Secab, il-miżura kontenzjuża tista’ tipproduċi effett indirett fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-elettriku lill-konsumaturi finali (ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Secab, C‑423/23, EU:C:2025:63, punt 37), l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju f’dan ir-rigward ma tippermettix li jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi assimilata ma’ intervent tal-Istat fl-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-elettriku lill-klijenti finali, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/944.


31      Huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ tipproduċi effett indirett fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa f’dawn is-swieq, peress li l-impossibbiltà li jinkiseb marġni suffiċjenti sabiex jiġu ġġenerati profitti – jew saħansitra sabiex jiġu sempliċement koperti l-ispejjeż – jista’ jkollha effett dissważiv fuq l-attività tal-operaturi u tista’ twassal għal tnaqqis fil-volumi tal-elettriku jew tal-gass naturali nnegozjati. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan l-effett.


32      Kuntrarjament għad-Direttiva 2019/944 u għar-Regolament 2019/943, adottati abbażi tal-Artikolu 194 TFUE dwar il-politika enerġetika tal-Unjoni, intiż li jistabbilixxi qafas ġenerali li jirregola l-funzjonament globali tas-suq tal-elettriku, ir-Regolament 2022/1854, adottat abbażi tal-Artikolu 122 TFUE, ma għandux l-għan li jistabbilixxi miżuri permanenti fis-suq, iżda li jipprevedi miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien, intiżi li jirrispondu għal sitwazzjoni okkażjonali partikolari fis-swieq tal-enerġija.


33      L-Artikolu 8(2)(a) sa (e) tar-Regolament 2022/1854 jeżiġi, essenzjalment, li dawn il-miżuri jkunu proporzjonati u nondiskriminatorji, li ma jikkompromettux is-sinjali ta’ investiment, ikopru l-ispejjeż ta’ investiment u ta’ funzjonament, ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq bl-ingrossa tal-elettriku u jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.


34      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2022/1854 jipprovdi, essenzjalment, li s-surplus tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din il-miżura għandu jintuża sabiex jiġu ffinanzjati, b’mod immirat, miżuri ta’ sostenn għall-klijenti finali tal-elettriku intiżi li jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku.


35      Il-miżura kontenzjuża ġiet introdotta mill-OUG Nru 119/2022, b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2022.


36      Nixtieq nispeċifika li, għalkemm ir-Regolament 2022/1854 daħal fis-seħħ fit‑8 ta’ Ottubru 2022, skont l-Artikolu 22(1) tiegħu, l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ dan tal-aħħar japplikaw biss għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 2022 u t‑30 ta’ Ġunju 2023, kif jipprovdi l-Artikolu 22(2)(c) tiegħu.


37      Għalkemm l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854 jippermetti lill-Istati Membri mhux biss li jintroduċu iżda wkoll li “iżommu” miżuri nazzjonali fil-każ ta’ kriżi, adottati qabel dan tal-aħħar, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tirregola l-validità ta’ dawn il-miżuri għall-perijodu qabel l‑1 ta’ Diċembru 2022. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda dan il-perijodu, il-miżura kontenzjuża taqa’ esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jistgħux, bħala tali, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali għal perijodu li matulu dan ma kienx applikabbli (ara s-sentenza Secab, punt 38, kif ukoll, fl-istess sens, is-sentenza Electrabel et, punt 58).


38      Korsiv miżjud minni. Barra minn hekk, il-premessa 30 tar-Regolament 2022/1854 tispeċifika li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq għandu japplika biss għad-dħul mis-suq li jkun twettaq.


39      F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Electrabel et (C‑633/23, EU:C:2025:131, punt 38).


40      Ara s-sentenza Electrabel et (punt 48).


41      Pereżempju, kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Electrabel et (C‑633/23, EU:C:2025:131, punt 43), l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-metodi li huma jqisu teknikament u amministrattivament neċessarji u xierqa għall-karatteristiċi speċifiċi tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom sabiex jimplimentaw bl-iktar mod effikaċi u bl-iktar mod xieraq il-miżuri eċċezzjonali li huma ta’ natura urġenti.


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Secab (punt 60).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Electrabel et (punti 52 u 53).


44      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Secab (C‑423/23, EU:C:2025:63, punti 49 sa 51). Għandu jitfakkar ukoll li dawn il-miżuri ta’ stabbiliment ta’ limitu massimu jfittxu li jilħqu, skont ir-Regolament 2022/1854, l-għan ta’ protezzjoni tal-klijenti finali tal-elettriku (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Electrabel et, punt 51).


45      Fir-rigward, minn naħa, tad-differenza bejn il-prezzijiet (tal-bejgħ u tax-xiri) medji ponderati ta’ kull xahar fix-xahar ta’ riferiment u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-elettriku għall-esportazzjoni u l-kunsinni intra-Komunitarji mir-Rumanija, tad-differenza bejn il-prezzijiet ta’ skambju tal-enerġija (tal-bejgħ u tax-xiri) fis-suq ta’ kuljum lejlet it-tranżazzjoni.


46      Pereżempju, fis-sentenza tagħha Electrabel et (punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, li jiġi vverifikat jekk jeżistix mekkaniżmu korrettiv li jippermetti, jekk ikun il-każ, lill-operaturi jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul reali sabiex jirrettifikaw ir-riżultat ta’ dawn il-preżunzjonijiet, meta dawn tal-aħħar ma jwasslux għal stimi raġonevoli u li jirrappreżentaw ir-realtà tas-suq matul il-perijodu kkunsidrat.


47      L-aħħar kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(2)(e) tar-Regolament 2022/1854 tikkonċerna, b’mod ġenerali ferm, il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, li tirrigwarda b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti (bħalma huma d-Direttiva 2019/944 u r-Regolament 2019/943, li ġew eżaminati fl-ewwel parti tal-analiżi tiegħi), kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.


48      Madankollu, infakkar li l-premessi 27 sa 29 tar-Regolament 2022/1854 jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti billi jippreċiżaw, b’mod partikolari, li l-prezzijiet ta’ riferiment għandhom jiġu ffissati f’livell ogħla mill-aspettattivi ta’ investitur raġonevoli, li l-livell tal-limiti massimi fuq id-dħul għandu jħalli marġni meta mqabbel mal-prezzijiet li l-investituri jistgħu raġonevolment jistennew, li dawn ma għandhomx jiġu ffissati għal prezzijiet medji, iżda għal livell li jikkorrispondi għall-ogħla prezzijiet, u li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jirreferu għall-“kost livellat tal-produzzjoni ta’ enerġija (LCOE)” tat-teknoloġija kkonċernata.


49      Il-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2022/1854 jiddefinixxi s-“surplus tad-dħul” bħala “differenza pożittiva bejn id-dħul mis-suq tal-produtturi għal kull MWh ta’ elettriku u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku previst fl-Artikolu 6(1) [ta’ dan ir-regolament]”. Għalkemm din id-definizzjoni tirrigwarda biss il-limitu massimu previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, inqis li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar għandu japplika wkoll għal-limitu massimu stabbilit minn Stat Membru skont l-Artikolu 8(1) tal-istess regolament.


50      Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mit-tweġibiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.


51      Dawn huma l-Artikoli 28, 30 u 35 TFUE, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/944.


52      Infakkar li, matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Settembru u s‑16 ta’ Diċembru 2022, il‑formola għall-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjoni kienet tipprevedi trattament inqas favorevoli għat-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni milli għat-tranżazzjonijiet interni sa fejn ma kienet tinkludi ebda marġni ta’ profitt, filwaqt li dik applikabbli għat-tranżazzjonijiet interni kienet tinkludi marġni ta’ 2 %. Mis‑16 ta’ Diċembru 2022, l-istess kontribuzzjoni saret applikabbli biss għall-esportazzjonijiet tal-elettriku u mhux għall-importazzjonijiet.


53      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-esportazzjonijiet jew il-bejgħ intra-Komunitarju tal-elettriku mir-Rumanija, il-kontribuzzjoni applikata għall-operaturi ta’ negozju kienet tinġabar fil-livell ta’ 100 % fuq id-differenza bejn il-prezz ta’ skambju tal-elettriku fis-suq ta’ kuljum nazzjonali lejlet it-tranżazzjoni u l-prezz tax-xiri, filwaqt li l-bejgħ imwettaq fis-suq nazzjonali kien jibbenefika minn marġni ta’ profitt (potenzjali) ta’ 2 %.


54      Fil-fatt, l-importazzjonijiet tal-elettriku ma kinux għadhom suġġetti għall-kontribuzzjoni inkwistjoni, filwaqt li din tal-aħħar baqgħet applikabbli għall-esportazzjonijiet tal-elettriku għal kull ammont li jeċċedi 2 % tal-prezz tax-xiri.


55      Barra minn hekk, għalkemm dan l-aspett ma huwiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑251/24, il-kontribuzzjoni kontenzjuża, kif tirrileva l-Kummissjoni, tista’ wkoll tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, sa fejn din, filwaqt li tapplika mingħajr distinzjoni għat-tranżazzjonijiet interni u għall-importazzjonijiet, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż speċifiċi għall-importazzjoni.


56      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).