SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT – Artikolu 2(1)(ċ) – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas’ – Servizzi kummerċjali pprovduti fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji – Prezz ta’ trasferiment – Artikoli 168 u 178 – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Dokumenti ġustifikattivi”

Fil-Kawża C‑726/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

SC Arcomet Towercranes SRL

vs

Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti,

Administraţia Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii Bucureşti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal SC Arcomet Towercranes SRL, minn M. Farcău u A. Slujitoru, avocaţi,

–

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiţă u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u E. A. Stamate, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) kif ukoll tal-Artikoli 168 u 178 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, SC Arcomet Towercranes SRL (iktar ’il quddiem “Arcomet Rumanija”) u, min-naħa l-oħra, id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija) u l-Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București (l-Awtorità tat-Taxxa għall-Persuni Taxxabbli Medji ta’ Bukarest, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Awtorità tat-Taxxa”), dwar talba għall-annullament tal-atti amministrattivi fiskali li permezz tagħhom ġie impost fuq din il-kumpannija ammont addizzjonali ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi u mal-penalitajiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(ċ)

il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

4

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5

L-Artikolu 168(a) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra.”

6

L-Artikolu 178(a) u (f) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

[…]

(f)

meta tkun meħtieġa tħallas il-VAT bħala konsumatur fejn japplikaw l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199, hi għandha tkun konformi mal-formalitajiet kif stabbiliti minn kull Stat Membru.”

7

L-Artikolu 199(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija l-persuna taxxabbli destinatarja tat-tranżazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (g) ta’ din id-dispożizzjoni.

Id‑dritt Rumen

Il-Kodiċi tat-Taxxa

8

L-Artikolu 11 tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003, li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa) tat‑22 ta’ Diċembru 2003, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ imposta, ta’ taxxa jew ta’ kontribuzzjoni soċjali obbligatorja, l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni tranżazzjoni li ma jkollhiex skop ekonomiku, billi jaġġustaw l-effetti fiskali tagħha, jew jirriklassifikaw tranżazzjoni jew attività b’mod li jirrifletti l-kontenut ekonomiku tagħha.”

9

Skont l-Artikolu 19(5) ta’ dan il-kodiċi:

“It-tranżazzjonijiet bejn persuni assoċjati għandhom jitwettqu skont il-prinċipju tal-prezzijiet tas-suq, fejn it-tranżazzjonijiet bejn persuni assoċjati għandhom jitwettqu taħt kundizzjonijiet stabbiliti jew imposti li ma jkunux differenti mir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji stabbiliti bejn impriżi indipendenti. Sabiex jiġu ddeterminati l-benefiċċji tal-persuni assoċjati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment.”

10

L-Artikolu 126(1)(a) tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Għall-finijiet tal-VAT, huma taxxabbli fir-Rumanija t-tranżazzjonijiet li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)

it-tranżazzjonijiet li, fis-sens tal-Artikoli 128 sa 130, jikkostitwixxu jew huma assimilati ma’ kunsinna ta’ oġġetti jew ma’ provvista ta’ servizzi, li jaqgħu taħt il-VAT, imwettqa bi ħlas.”

11

L-Artikolu 145(2)(a) tal-istess kodiċi jipprevedi:

“Kull persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas it-taxxa relatata max-xiri jekk dan tal-aħħar ikun jintuża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

a)

it-tranżazzjonijiet intaxxati”.

12

Skont l-Artikolu 146(1)(a) tal-Kodiċi tat-Taxxa:

“Sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis, il-persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

għat-taxxa dovuta jew imħallsa, relatata mal-oġġetti li ġew jew li għandhom jiġu kkunsinnati lilha, jew mas-servizzi li ġew jew li għandhom jiġu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli, ikollha fil-pussess tagħha fattura stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 155 kif ukoll il-prova tal-ħlas fil-każ ta’ xiri mwettaq minn persuni taxxabbli li jkunu japplikaw is-sistema tal-VAT fuq il-ġbir jew minn persuni taxxabbli li jkunu jixtru oġġetti jew servizzi mingħand persuni taxxabbli matul il-perijodu li matulu huma jkunu japplikaw is-sistema tal-VAT fuq il-ġbir.”

13

L-Artikolu 150(2) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“It-taxxa hija dovuta minn kull persuna taxxabbli, inkluż mill-persuna ġuridika mhux taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT konformement mal-Artikolu 153 jew 153a, li tkun tibbenefika mis-servizzi li l-post tal-provvista tagħhom ikun jinsab fir-Rumanija bis-saħħa tal-Artikolu 133(2) u li jkunu pprovduti minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fir-Rumanija jew li ma tkunx meqjusa li hija stabbilita hemm għal dawn is-servizzi skont l-Artikolu 125a(2), anki jekk hija tkun irreġistrata fir-Rumanija konformement mal-Artikolu 153(4) jew (5).”

14

L-Artikolu 155(4) u (5) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“(4)   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 30 sa 34, għandhom japplikaw ir-regoli dwar il-fatturazzjoni li ġejjin:

a)

għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi li l-post tagħhom jitqies li jkun jinsab fir-Rumanija, imsemmija fl-Artikoli 132 u 133, il-fatturazzjoni għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. […]

b)

b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt (a):

[…]

(5)   Il-persuna taxxabbli għandha toħroġ fattura lil kull destinatarju fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi mwettqa;

[…]”

Id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004 li Tapprova l-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa

15

Il-punt 2(2) tal-Hotărârea Guvernului nr. 44/2004 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a Legii nr. 571/2003 privind Codul fiscal (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004 li Tapprova l-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Fis-sens tal-Artikolu 126(1)(a) tal-Kodiċi tat-Taxxa, kunsinna ta’ oġġetti u/jew provvista ta’ servizzi għandhom jitwettqu bi ħlas. Il-kundizzjoni dwar il-‘ħlas’ timplika l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn it-tranżazzjoni u l-korrispettiv irċevut. Tranżazzjoni tkun taxxabbli meta tagħti vantaġġ lill-klijent u meta l-korrispettiv miksub ikun jikkorrispondi għall-vantaġġ irċevut, kif ġej:

a)

il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għal klijent tkun issodisfatta meta l-fornitur ta’ oġġetti jew il-fornitur ta’ servizzi jintrabat li jipprovdi oġġetti u/jew servizzi determinabbli lill-persuna li tagħmel il-ħlas jew, fl-assenza ta’ ħlas, meta t-tranżazzjoni tkun twettqet sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit tali impenn. Din il-kundizzjoni hija kompatibbli mal-fatt li s-servizzi kienu kollettivi, ma setgħux jitkejlu b’mod preċiż jew kienu parti minn obbligu legali;

b)

il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tranżazzjoni u l-korrispettiv irċevut tkun issodisfatta anki jekk il-prezz ma jkunx jirrifletti l-valur normali tat-tranżazzjoni, jiġifieri jkun jieħu l-forma ta’ kontribuzzjonijiet, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, ta’ tnaqqis fil-prezz, jew jekk ma jkunx imħallas direttament mill-benefiċjarju iżda minn terz.”

16

Il-punt 41 ta’ dik id-deċiżjoni jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment, l-awtoritajiet tat-taxxa Rumeni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, adottati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) (iktar ’il quddiem il-“prinċipji tal-OECD”).

Id-Digriet tal-Gvern Nru 92, li Jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura tat-Taxxa

17

L-Artikolu 64 tal-Ordonanța Guvernului nr. 92 privind Codul de procedură fiscală (id-Digriet tal-Gvern Nru 92 li Jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura tat-Taxxa), tal‑24 ta’ Diċembru 2003 (ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 513 tal‑31 ta’ Lulju 2007), jipprovdi:

“Id-dokumenti ta’ sostenn u l-kotba tal-kontijiet tal-persuna taxxabbli jikkostitwixxu provi għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli. Jekk jeżistu dokumenti oħra ta’ sostenn, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli.”

18

L-Artikolu 65(1) u (2) ta’ dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Hija l-persuna taxxabbli li għandha tipprova l-atti u l-fatti li fuqhom ikunu bbażati d-dikjarazzjonijiet tagħha u t-talbiet indirizzati lill-Awtorità tat-Taxxa.

(2)   L-Awtorità tat-Taxxa għandha l-obbligu li tissostanzja d-deċiżjoni ta’ tassazzjoni abbażi ta’ provi jew ta’ konstatazzjonijiet tagħha stess.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Arcomet Rumanija tagħmel parti mill-grupp Arcomet, grupp dinji indipendenti fil-qasam tal-kiri ta’ krejnijiet. Fil-kuntest tal-attività tagħha, Arcomet Rumanija tixtri jew tikri krejnijiet sabiex terġa’ tbigħhom jew tikrihom lill-klijenti tagħha fir-Rumanija. Arcomet Service NV Belġju (iktar ’il quddiem “Arcomet Belġju”) tfittex fornituri għas-sussidjarji kollha tagħha, fosthom Arcomet Rumanija, u tinnegozja ma’ dawn il-fornituri l-kundizzjonijiet kuntrattwali li japplikaw għas-sussidjarji tagħha. Madankollu, il-kuntratti ta’ bejgħ u ta’ kiri huma, għall-attività eżerċitata fir-Rumanija, konklużi minn Arcomet Rumanija kemm mal-fornituri tagħha kif ukoll mal-klijenti tagħha.

20

Studju tal-prezzijiet ta’ trasferiment għar-relazzjonijiet bejn Arcomet Belġju u s-sussidjarji tagħha, imwettaq f’Diċembru 2010, wera li, fis-suq ta’ riferiment, is-sussidjarji kellhom jirreġistraw, skont ir-regoli dwar il-prezz ta’ trasferiment, marġni operattiv ta’ bejn -0.71 % u 2.74 %.

21

Fl‑24 ta’ Jannar 2012, ġie konkluż kuntratt bejn Arcomet Belġju u Arcomet Rumanija, li permezz tiegħu kull parti impenjat ruħha li twettaq ċertu numru ta’ servizzi favur l-oħra (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012”). Minn naħa, Arcomet Belġju impenjat ruħha li tassumi, b’mod partikolari, minn perspettiva operattiva, il-parti l-kbira tar-responsabbiltajiet kummerċjali, bħall-istrateġija u l-ippjanar, in-negozjar ta’ kuntratti (qafas) ma’ fornituri terzi, in-negozjar tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta’ finanzjament, l-inġinerija, il-finanzi, il-ġestjoni tal-flotta tal-vetturi fuq livell ċentrali, kif ukoll il-ġestjoni tal-kwalità u tas-sigurtà. Barra minn hekk, hija sostniet ir-riskji ekonomiċi prinċipali marbuta mal-attività ta’ Arcomet Rumanija. Min-naħa l-oħra, din tal-aħħar impenjat ruħha li tixtri u li tippossjedi l-prodotti kollha neċessarji għall-eżerċizzju tal-attività tagħha u li tkun responsabbli għall-bejgħ u għall-kiri ta’ dawn il-prodotti kif ukoll għall-provvista ta’ servizzi.

22

Skont it-termini tiegħu stess, il-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012 kien jipprevedi remunerazzjoni tal-attivitajiet eżerċitati mill-partijiet ugwali għall-ammont neċessarju sabiex Arcomet Rumanija titqiegħed f’sitwazzjoni li tikkorrispondi għall-attivitajiet li hija kienet teżerċita u għar-riskji li hija kienet tassumi, u li din il-pożizzjoni kellha tiġi ddeterminata bi ftehim komuni bejn il-partijiet u tkun ibbażata fuq il-metodu tat-tranżazzjoni tal-marġni nett, previst mill-prinċipji tal-OECD. Għalhekk, kien previst li, fil-każ li Arcomet Belġju kellha d-dritt li tirċievi remunerazzjoni mingħand Arcomet Rumanija għall-attivitajiet tagħha deskritti f’dan il-kuntratt, Arcomet Belġju kellha tibgħat fattura lil Arcomet Rumanija fl-aħħar ta’ kull sena, fejn din l-aħħar kumpannija kellha ġġarrab l-ammont tal-VAT relatat mar-remunerazzjoni rċevuta minn Arcomet Belġju skont il-leġiżlazzjoni fiskali Rumena. Skont il-modalitajiet ta’ determinazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni, stabbiliti fl-anness tal-istess kuntratt, kellha tinħareġ fattura ta’ aġġustament annwali minn Arcomet Belġju jekk il-marġni operattiv ta’ Arcomet Rumanija kien ta’ iktar minn 2.74 % sabiex jiġi rkuprat il-profitt eċċessiv, jew minn Arcomet Rumanija jekk tali marġni kien inqas minn -0.71 % sabiex jiġi kopert kull telf eċċessiv. B’differenza minn dan, l-ebda remunerazzjoni ma kienet dovuta meta l-marġni operattiv inkwistjoni kien ta’ bejn -0.71 % u 2.74 %.

23

Fl‑2011, fl‑2012 u fl‑2013, Arcomet Rumanija rreġistrat marġni operattiv ikbar minn 2.74 % previsti fil-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012. Għal kull waħda minn dawn is-snin, hija rċeviet mingħand Arcomet Belġju fattura li kienet tinkludi ammont mingħajr VAT, peress li din tal-aħħar, wara aġġustament, iddikjarat dawn il-fatturi bħala relatati ma’ provvisti ta’ servizzi. Arcomet Rumanija ddikjarat l-ewwel żewġ fatturi bħala relatati ma’ xiri intra-Komunitarju ta’ servizzi li għalihom hija applikat il-mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT dovut fuq dan ix-xiri, iżda qieset li t-tielet fattura kienet inħarġet fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

24

Arcomet Rumanija kienet is-suġġett ta’ kontroll tat-taxxa li kien jirrigwarda b’mod partikolari s-snin ta’ ħruġ ta’ dawn it-tliet fatturi, li fi tmiemu ntalbet tħallas ammont addizzjonali ta’ VAT minħabba tnaqqis irrifjutat fir-rigward tal-fatturi maħruġa minn Arcomet Belġju kif ukoll interessi u penalitajiet. Id-dritt għal tnaqqis ġie rrifjutat minħabba li Arcomet Rumanija ma kinitx iġġustifikat ir-realtà tal-provvisti ta’ servizzi ffatturati u n-neċessità tagħhom għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha.

25

Arcomet Rumanija adixxiet lit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha dirett kontra r-rapport tal-kontrolluri tat-taxxa, id-deċiżjoni li tistabbilixxi VAT addizzjonali u l-interessi u l-penalitajiet korrispondenti. Dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2017.

26

Arcomet Rumanija appellat minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju.

27

Fil-kuntest tat-tilwima li hija adita biha, dik il-qorti għandha, fl-ewwel lok, dubji dwar jekk ammont iffatturat mill-ewwel kumpannija lil kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji, li jippermetti li jiġi aġġustat il-marġni operattiv ta’ din tal-aħħar skont il-metodu tat-tranżazzjoni tal-marġni nett, konformement mal-prinċipji tal-OECD, jikkostitwixxix il-korrispettiv effettiv għal servizz ipprovdut mill-ewwel kumpannija, u, konsegwentement, jimplikax l-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

28

Fil-fatt, tqum il-kwistjoni dwar jekk fatturi ta’ aġġustament bħal dawk li l-qorti tar-rinviju hija adita bihom jikkostitwixxux mezz formali sabiex jiġi aġġustat il-marġni operattiv tal-kumpannija li lilha huma indirizzati, mingħajr ma teżisti ebda rabta ma’ provvista ta’ servizzi. Fin-nuqqas ta’ servizz identifikabbli b’mod ċar ipprovdut minn Arcomet Belġju lil Arcomet Rumanija, dan l-aġġustament tal-marġni operattiv ta’ din tal-aħħar ma jaqax għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

29

Fit-tieni lok, jekk madankollu kellu jitqies li Arcomet Belġju pprovdiet lil Arcomet Rumanija provvista ta’ servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-VAT tal-input imħallsa fir-rigward ta’ din il-provvista tistax titnaqqas għar-raġuni li l-ewwel kumpannija allegatament ipprovdiet dawn is-servizzi għall-bżonnijiet tal-attività taxxabbli tat-tieni kumpannija. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tippreċiża li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Rumen jeżiġu biss l-eżistenza ta’ fattura għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, tistaqsi dwar il-konformità, mal-Artikoli 168 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prassi amministrattiva Rumena li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għall-preżentazzjoni, mill-persuna taxxabbli, ta’ dokumenti li ma humiex fatturi.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-[Direttiva dwar il-VAT], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont iffatturat minn kumpannija (il-kumpannija kontraenti) lil kumpannija assoċjata (il-kumpannija operattiva), ugwali għall-ammont meħtieġ sabiex il-profitt tal-kumpannija operattiva jiġi allinjat mal-attivitajiet imwettqa u mar-riskji assunti skont il-metodu tal-marġni tal-Linji Gwida tal-prinċipji tal-OECD applikabbli dwar il-prezzijiet tat-trasferiment, huwa ħlas għal servizz li għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 168 u tal-Artikolu 178 tad-[Direttiva dwar il-VAT], l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom id-dritt li jitolbu, minbarra l-fattura, dokumenti (bħala eżempju, rapporti ta’ attività, rapporti dwar il-progress ta’ xogħol, eċċ.) li jiġġustifikaw l-użu tas-servizzi mixtrija għall-benefiċċju tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli jew din l-analiżi tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għandha tkun ibbażata esklużivament fuq ir-rabta diretta bejn ix-xiri u l-kunsinna/provvisti jew l-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li r-remunerazzjoni għal servizzi fi ħdan grupp, ipprovduti minn kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha u ddettaljati kuntrattwalment, li hija kkalkolata skont metodu rrakkomandat mill-prinċipji tal-OECD u li tikkorrispondi għall-parti tal-marġni operattiv ta’ iktar minn 2.74 % imwettqa minn din is-sussidjarja, tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

32

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” huma suġġetti għall-VAT.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, provvista ta’ servizzi tkun titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, u għalhekk tkun suġġetta għal din it-taxxa, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwalizzabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ jekk tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, EU:C:1988:120, punt 12, u tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Weatherford Atlas Gip,C‑527/23, EU:C:2024:1024, punt 23).

34

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jagħtux lok għal tranżazzjoni bi ħlas, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-elementi tal-proċess li hija għandha quddiemha, li għandha tipprovdi lil dik il-qorti indikazzjonijiet utli fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

35

Fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju u mfakkra fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, jidher li, fil-kuntest tal-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012, iż-żewġ partijiet daħlu f’impenji reċiproċi. Għalhekk, minn naħa, Arcomet Belġju impenjat ruħha li tipprovdi ċertu numru ta’ servizzi kummerċjali u li ssostni r-riskji ekonomiċi prinċipali marbuta mal-attività ta’ Arcomet Rumanija bħala kumpannija operattiva u, min-naħa l-oħra, Arcomet Rumanija impenjat ruħha li tħallas fl-aħħar ta’ kull sena ammont li jikkorrispondi għall-parti tal-marġni operattiv ta’ iktar minn 2.74 % imwettqa minnha. L-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, dwar l-eżistenza bejn il-fornitur u l-benefiċjarju ta’ relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, tidher li ġiet issodisfatta.

36

Minn dawn l-istess elementi jirriżulta li l-pagamenti mwettqa minn Arcomet Rumanija skont il-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012 kienu jikkostitwixxu r-remunerazzjoni tal-attivitajiet eżerċitati minn Arcomet Belġju. Barra minn hekk, il-benefiċċji rċevuti bħala korrispettiv ta’ dawn il-pagamenti kienu ta’ natura li jagħtu vantaġġ konkret lil Arcomet Rumanija peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-servizzi pprovduti minn Arcomet Belġju, komuni fil-kuntest ta’ relazzjoni fi ħdan grupp, kellhom effett fuq il-marġni operattiv ta’ Arcomet Rumanija permezz tal-iffrankar li ppermettielha twettaq jew it-titjib tas-servizz mogħti lill-klijenti finali.

37

Konsegwentement, it-tieni kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, dwar il-fatt li r-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur ta’ servizzi tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju tidher, hija wkoll, li ġiet issodisfatta. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali teżisti, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-ammonti rċevuti.

38

L-argumenti mressqa minn Arcomet Rumanija ma humiex ta’ natura li jinvalidaw din il-kunsiderazzjoni.

39

L-ewwel nett, ma tistax tiġi kkontestata l-analiżi preċedenti li r-remunerazzjoni dovuta lill-kumpannija omm hija intiża sempliċement sabiex taġġusta, konformement mal-prinċipji tal-OECD, il-marġni operattiv tas-sussidjarja sabiex tosserva l-prinċipju ta’ distakkament, stabbilit minn dawn il-prinċipji, mingħajr ma jkollha bħala korrispettiv attività konkreta li għandha tiġi pprovduta bħala korrispettiv.

40

L-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw, b’mod konkret, it-tranżazzjoni kkonċernata, fosthom b’mod partikolari r-realtà ekonomika u kummerċjali tagħha, li hija kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark,C‑90/20, EU:C:2022:37, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fil-preżenza ta’ tali elementi li jimmilitaw favur l-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, minkejja li prezz ta’ trasferiment bejn żewġ kumpanniji fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji kien stabbilit b’mod li jiġi osservat il-prinċipju ta’ distakkament, konformement ma’ metodu rrakkomandat mill-prinċipji tal-OECD imfassla għall-finijiet tat-tassazzjoni diretta, dan il-prezz ta’ trasferiment jista’ jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz ipprovdut.

42

It-tieni nett, attivitajiet bħal dawk imwettqa minn Arcomet Belġju għandhom jiġu distinti mill-akkwist ta’ ishma ta’ kumpannija holding f’kumpanniji oħra mingħajr ma din il-kumpannija holding tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji, bla ħsara għad-drittijiet li l-imsemmija kumpannija holding għandha fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista jew ta’ soċju. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi akkwist u s-sempliċi żamma ta’ ishma ma jikkostitwixxux attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, u ma jimplikawx, konsegwentement, l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT bis-saħħa tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands,C‑60/90, EU:C:1991:268, punt 16, kif ukoll tal‑5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations,C‑320/17, EU:C:2018:537, punti 27 u 28).

43

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma japplikax meta s-sehem jinkludi involviment dirett jew indirett fil-ġestjoni tal-kumpanniji li fihom ikun sar l-akkwist ta’ ishma, bla ħsara għad-drittijiet li jżomm il-proprjetarju tal-ishma bħala azzjonist jew bħala soċju (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, mid-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, b’differenza minn kumpannija holding li l-attivitajiet tagħha huma limitati għal akkwisti ta’ holdings finanzjarji f’kumpanniji oħra mingħajr ma hija involuta direttament jew indirettament fil-ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji, Arcomet Belġju tintervjeni b’mod attiv fil-ġestjoni ta’ Arcomet Rumanija fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT, bħall-provvista ta’ servizzi kummerċjali lis-sussidjarja tagħha.

45

It-tielet nett, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn dawn is-servizzi u l-korrispettiv irċevut ma tistax tiġi affettwata mill-modalitajiet ta’ remunerazzjoni previsti mill-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012, li abbażi tiegħu l-ammont dovut lil Arcomet Belġju kien jikkorrispondi, għall‑2011, għall‑2012 u għall‑2013, għall-parti tal-marġni operattiv imwettqa minn Arcomet Rumanija li hija ta’ iktar minn 2.74 %.

46

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura inċerta tal-eżistenza stess ta’ remunerazzjoni hija ta’ natura li tikser ir-rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju u r-remunerazzjoni rċevuta skont il-każ (sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1994, Tolsma,C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 19, u tad‑9 ta’ Frar 2023, Finanzamt X (Provvisti tal-proprjetarju ta’ stalla), C‑713/21, EU:C:2023:80, punt 32).

47

F’dan il-każ, huwa minnu li l-ammont tar-remunerazzjoni miftiehem fil-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012 huwa fih innifsu varjabbli, sa fejn ir-remunerazzjoni tippreżumi l-eżistenza ta’ marġni operattiv pożittiv u għalhekk tiddependi mir-riżultat ta’ Arcomet Rumanija matul sena partikolari. Madankollu, din ir-remunerazzjoni la hija voluntarja, la aleatorja u lanqas diffiċilment kwantifikabbli jew inċerta fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1994, Tolsma,C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 19, u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová,C‑432/15, EU:C:2016:855, punti 35 u 37). Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-modalitajiet ta’ din ir-remunerazzjoni huma stabbiliti minn qabel f’dan il-kuntratt u skont kriterji preċiżi, b’tali mod li, bħala tali, l-imsemmija remunerazzjoni hija nieqsa minn riskju (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Finanzamt X (Provvisti tal-proprjetarju ta’ stalla), C‑713/21, EU:C:2023:80, punti 46, 48 u 50).

48

Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li sostniet Arcomet Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ipoteżi prevista mill-kuntratt tal‑24 ta’ Jannar 2012 li, fil-każ ta’ marġni operattiv ta’ inqas minn -0.71 %, hija dovuta remunerazzjoni minn Arcomet Belġju lil Arcomet Rumanija, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura li tikser ir-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni u l-korrispettiv irċevut. Fil-fatt, il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali deskritt mill-qorti tar-rinviju huwa differenti mill-imsemmija ipoteżi u jirrigwarda l-ipoteżi kuntrarja, prevista wkoll minn dan il-kuntratt, tal-ħlas ta’ remunerazzjoni lil Arcomet Belġju fl-aħħar tas-sena minn Arcomet Rumanija, peress li din tal-aħħar irreġistrat matul kull waħda mit-tliet snin ikkonċernati mill-fatturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali marġni operattiv pożittiv ikbar minn dak previst f’dan il-kuntratt.

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li r-remunerazzjoni għal servizzi fi ħdan grupp, ipprovduti minn kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha u ddettaljati kuntrattwalment, li hija kkalkolata skont metodu rrakkomandat mill-prinċipji tal-OECD u li tikkorrispondi għall-parti tal-marġni operattiv ta’ iktar minn 2.74 % imwettqa minn din is-sussidjarja, tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 168 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-Awtorità tat-Taxxa teżiġi li l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa tippreżenta dokumenti oħra minbarra l-fattura sabiex tipprova l-eżistenza tas-servizzi msemmija f’din il-fattura u l-użu tagħhom għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli ta’ din il-persuna taxxabbli.

51

Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT huwa suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali.

52

Fir-rigward, l-ewwel, tal-kundizzjonijiet formali dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, l-Artikolu 178 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi, fil-punt (a) tiegħu, li l-persuna taxxabbli għandu jkollha fattura maħruġa konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva u, fil-punt (f) tiegħu, li, meta hija obbligata tħallas it-taxxa bħala konsumatur jew xerrej fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 194 sa 197 u tal-Artikolu 199 tal-imsemmija direttiva, il-persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-formalitajiet stabbiliti minn kull Stat Membru.

53

Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatturi relatati mal-provvisti ta’ servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jinkludu indikazzjonijiet dwar in-natura tas-servizzi akkwistati minn Arcomet Rumanija, dwar in-numru ta’ sigħat ipprovduti għal kull tranżazzjoni, dwar ir-riżorsi umani u materjali użati kif ukoll dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi. Il-Gvern Rumen ippreċiża f’dan ir-rigward waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-fatturi la kienu juru l-kwantità u lanqas in-natura tas-servizzi mogħtija. Għalhekk jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li dawn il-fatturi ma kinux jissodisfaw ir-regoli formali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Rumen li ttrasponew id-Direttiva dwar il-VAT.

54

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Awtorità tat-Taxxa ma tistax tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li fattura ma tissodisfax ċerti kundizzjonijiet formali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva dwar il-VAT, jekk hija għandha l-informazzjoni kollha sabiex tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi relatati ma’ dan id-dritt huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 43). B’kuntrast ma’ dan, meta l-awtoritajiet tat-taxxa jaslu għall-konklużjoni li l-fatturi prodotti mill-persuna taxxabbli ma jissodisfawx ir-rekwiżiti formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva dwar il-VAT, huma jistgħu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, mingħajr ma l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi dan, jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet sostantivi ta’ dan id-dritt humiex issodisfatti u jeżiġu għal dan l-għan il-produzzjoni ta’ provi addizzjonali mill-persuna taxxabbli.

55

Fir-rigward, it-tieni, tal-kundizzjonijiet sostantivi, mill-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn dan id-dritt, jeħtieġ, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi għal dan id-dritt jintużaw fi tranżazzjoni tal-output mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u li, fi tranżazzjoni tal-input, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Weatherford Atlas Gip,C‑527/23, EU:C:2024:1024, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fil-kawża prinċipali, l-Awtorità tat-Taxxa ma kkontestatx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli ta’ Arcomet Belġju u ta’ Arcomet Rumanija. Hija rrifjutat lil din tal-aħħar id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minħabba li din il-kumpannija ma kinitx ipproduċiet il-prova li s-servizzi msemmija fil-fatturi kienu effettivament ingħatawlha u li dawn kienu neċessarji għall-bżonnijiet tal-attivitajiet taxxabbli tagħha.

57

Issa, skont il-ġurisprudenza, fl-assenza ta’ twettiq effettiv tas-servizzi tal-input imwettqa minn persuna taxxabbli oħra, l-ebda dritt għal tnaqqis ma jista’ jitnissel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (VAT – Akkwist fittizju), C‑114/22, EU:C:2023:430, punti 31 u 37). Għaldaqstant, il-punt dwar jekk is-servizz invokat bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis ġiex effettivament ipprovdut u ntużax fi tranżazzjonijiet tal-output mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk it-tieni kundizzjoni sostantiva ta’ dan id-dritt, imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, hijiex issodisfatta. B’kuntrast ma’ dan, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-servizzi pprovduti kinux neċessarji jew opportuni għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li d-Direttiva dwar il-VAT ma tissuġġettax l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għal kriterju ta’ profittabbiltà ekonomika tat-tranżazzjoni tal-input (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Weatherford Atlas Gip,C‑527/23, EU:C:2024:1024, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, l-Awtorità tat-Taxxa setgħet teżiġi minn Arcomet Rumanija li hija tistabbilixxi li s-servizzi kkonċernati tal-input kienu effettivament ġew ipprovduti minn Arcomet Belġju u li Arcomet Rumanija effettivament użathom għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess, iżda din tal-aħħar ma setgħetx tkun meħtieġa tistabbilixxi n-neċessità jew l-opportunità ta’ dawn is-servizzi għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha.

59

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-oneru tal-prova li għandha l-persuna taxxabbli, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT li għandha tistabbilixxi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti sabiex tibbenefika minnu (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Weatherford Atlas Gip,C‑527/23, EU:C:2024:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

L-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu għalhekk jeżiġu li l-persuna taxxabbli tipproduċi l-provi neċessarji sabiex huma jevalwaw jekk hemmx lok jew le li jingħata t-tnaqqis mitlub, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit li s-servizzi invokati bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis intużaw bħala output mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess. F’din l-evalwazzjoni, dawn ma humiex limitati għal eżami tal-fattura nnifisha. Dawn il-provi jistgħu jinkludu dokumenti li jinsabu fil-pussess tal-fornitur ta’ servizzi li mingħandu l-persuna taxxabbli akkwistat servizzi li għalihom ħallset il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Ferimet,C‑281/20, EU:C:2021:910, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-provi meħtieġa għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt għal tnaqqis humiex issodisfatti, li hija ħaġa li għandha, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 168 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-Awtorità tat-Taxxa teżiġi li l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa tippreżenta dokumenti oħra minbarra l-fattura sabiex tipprova l-eżistenza tas-servizzi msemmija f’din il-fattura u l-użu tagħhom għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli ta’ din il-persuna taxxabbli, sakemm il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tkun neċessarja u proporzjonata għal dan l-għan.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-remunerazzjoni għal servizzi fi ħdan grupp, ipprovduti minn kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha u ddettaljati kuntrattwalment, li hija kkalkolata skont metodu rrakkomandat mill-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, adottati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u li tikkorrispondi għall-parti tal-marġni operattiv ta’ iktar minn 2.74 % imwettqa mill-imsemmija sussidjarja, tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

 

2)

L-Artikoli 168 u 178 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li l-Awtorità tat-Taxxa teżiġi li l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa tippreżenta dokumenti oħra minbarra l-fattura sabiex tipprova l-eżistenza tas-servizzi msemmija f’din il-fattura u l-użu tagħhom għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli ta’ din il-persuna taxxabbli, sakemm il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tkun neċessarja u proporzjonata għal dan l-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.