|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2359 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2359 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0087/2024), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (l-“Impriża Konġunta”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Novembru 2021 bir-Regolament (UE) 2021/2085 (1) (l-“Att Bażiku Uniku”) fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031; billi l-Impriża Konġunta ssostitwiet u ssuċċediet l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fl-Ajrunawtika, li ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 fil-qafas tas-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka għal perjodu ta’ għaxar snin (2) (Clean Sky 1) u ġiet estiża f’Mejju 2014 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (3) (Clean Sky 2); |
|
B. |
billi l-Impriża Konġunta hija sħubija pubblika-privata b’enfasi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għat-trasformazzjoni tal-avjazzjoni lejn futur sostenibbli u newtrali għall-klima; |
|
C. |
billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-organizzazzjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I tal-Att Bażiku Uniku; billi, barra minn hekk, l-Impriża Konġunta għandha membri assoċjati magħżula permezz ta’ sejħiet għal espressjoni ta’ interess; |
|
D. |
billi biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programmi; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu jkunu joperaw, l-Impriża Konġunta għandha tippreżenta, għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota mir-rapport tal-Qrati tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
2. |
Ifaħħar it-tnedija tal-programm Avjazzjoni Nadifa (il-“programm Avjazzjoni Nadifa”) fl-2022 u r-rwol tal-Impriża Konġunta fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-istorbju tal-inġenji tal-ajru; |
|
3. |
Jinnota li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta għall-2022 (li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid ta’ snin preċedenti, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena sussegwenti) kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 411,2-il miljun (meta mqabbel ma’ EUR 182,6 miljun fl-2021) u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 415,3-il miljun (meta mqabbel ma’ EUR 189,9 miljun fl-2021); |
|
4. |
Jinnota li l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-Impriża Konġunta fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni; jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta bdiet bl-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa u li, għalhekk, il-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit ta’ impenn għall-ewwel sejħiet ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2022, u l-baġit ta’ pagament għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati; |
|
5. |
Jinnota li fil-kontijiet annwali tagħha għall-2022, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-Unjoni u l-membri privati) ivarjaw sinifikattivament minn xulxin; jinnota li dan huwa minħabba li l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-Unjoni jiġu vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-Impriża Konġunta fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiġu rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż li jiġġarrbu u li jiġu ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett; jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza d-differenza bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus, minn naħa waħda, u kontribuzzjonijiet in natura, min-naħa l-oħra, billi tipprovdi informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-Impriża Konġunta fi tmiem is-sena; jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta li tindirizza l-kwistjoni bis-sħiħ fil-kontijiet annwali tas-sena d-dieħla; |
|
6. |
Jinnota, fir-rigward tal-programm Orizzont 2020, li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta impenjat bis-sħiħ EUR 1 716-il miljun mill-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati fil-qafas tal-programm u li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 70,1 miljun (jew 4,1 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti li għad iridu jitlestew; jinnota wkoll li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta ta’ EUR 968,3 miljun, u kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali ta’ EUR 1 223,1 miljun jew 101,6 % tal-mira minima ta’ EUR 2 154,9 miljun; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-ammonti impenjati ġew irrappurtati bis-sħiħ fl-aħħar tal-2022; |
|
7. |
Jinnota li, għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida, billi l-Impriża Konġunta kienet spiċċat l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament operattivi kienet ta’ 78 % (meta mqabbel mal-2021: 83 %); |
|
8. |
Jinnota li għal għadd konsiderevoli ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020 li għadhom għaddejjin, l-attivitajiet tekniċi ġew imdewma jew imnaqqsa minħabba l-COVID-19 u l-gwerra tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u li, għalhekk, dawn il-proġetti kellhom jiġu emendati jew estiżi u l-pagamenti finali kellhom jiġu posposti għall-2023; |
|
9. |
Jinnota, fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa, li fl-2022, il-Kummissjoni għamlet kontribuzzjonijiet fi flus ta’ EUR 178 miljun u li l-Impriża Konġunta kważi użat bis-sħiħ il-kontribuzzjoni operattiva ta’ EUR 176 miljun għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati mal-ewwel ftehimiet ta’ għotja konklużi fil-qafas ta’ dak il-programm; |
|
10. |
Jinnota li, fi tmiem l-2022, ir-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit amministrattiv tal-Impriża Konġunta għall-pagamenti (it-Titolu 2) kienet baxxa b’livell ta’ 54 %; jinnota li, skont ir-rapport tal-Impriża Konġunta dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, dan kien prinċipalment minħabba s-servizzi tal-IT u tal-komunikazzjoni pprovduti matul l-aħħar tliet xhur tal-2022, u li kellhom jitħallsu fl-2023, u minħabba spejjeż imnaqqsa għas-servizzi li ġew ipprovduti mill-Kummissjoni; |
Akkwist u persunal
|
11. |
Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 tal-Impriża Konġunta, li fl-2022, l-Impriża Konġunta ppubblikat żewġ proċeduri miftuħa ta’ sejħiet għall-offerti li l-ewwel waħda minnhom tnediet biex tkopri l-ħtiġijiet tagħha stess u t-tieni waħda tnediet f’isem sitt Impriżi Konġunti bħala sejħa għall-offerti interistituzzjonali (Servizzi tal-IT Ġestiti); barra minn hekk jinnota li, fil-bidu tal-2022, l-Impriża Konġunta tat u ffirmat ħdax-il kuntratt ta’ servizz qafas interistituzzjonali fil-komunikazzjoni, li kienu riżultat tal-proċedura miftuħa ta’ sejħiet għall-offerti interistituzzjonali mnedija f’isem tliet Impriżi Konġunti fl-2021; |
|
12. |
Jilqa’ l-ewwel sejħa miftuħa għal proposti mill-Impriża Konġunta, li rriżultat fi 19-il ftehim ta’ għotja sa tmiem is-sena, li b’kollox jammontaw għal EUR 654 miljun, madwar tliet assi prinċipali: inġenji tal-ajru reġjonali elettriċi ibridi, inġenji tal-ajru li jaħdmu bl-idroġenu u inġenji tal-ajru ultraeffiċjenti fuq medda qasira u medja; is-sejħa għal proposti kienet tinkludi 14-il suġġett li jkopru 13-il Azzjoni ta’ Innovazzjoni u Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Koordinazzjoni waħda; b’kollox intgħażlu 244 parteċipant minn 24 pajjiż differenti; |
|
13. |
Jilqa’ l-20 proġett biex l-avjazzjoni tiġi ggwidata lejn futur sostenibbli; jinnota li s-sejħa għal proposti ġabret flimkien firxa wiesgħa ta’ sħab pubbliċi u privati, ċentri ta’ riċerka u akkademiċi biex jinstabu soluzzjonijiet li jħallu impatt u li jistgħu jirriżultaw f’inġenji tal-ajru sostenibbli u futur tal-avjazzjoni newtrali għall-klima appoġġjati b’baġit ta’ EUR 654 miljun f’finanzjament ta’ għotjiet tal-Unjoni; |
|
14. |
Jinnota li t-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta għall-2022 kien fiha total ta’ 44 membru tal-persunal statutorju (aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati) b’40 pożizzjoni okkupati fi tmiem l-2022; jinnota li ż-żewġ pożizzjonijiet tal-esperti nazzjonali sekondati ma mtlewx minħabba li t-tabella tal-persunal għall-2023 tipprevedi biss 41 pożizzjoni u l-ebda espert nazzjonali sekondat; |
Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
|
15. |
Jinnota li, għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni (DĠ RTD) wettaq l-awditi ex post; jinnota li għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta rrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,6 % u rata tal-iżball residwu ta’ 0,4 % (4) u li għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post, peress li l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024; |
|
16. |
Jinnota li biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (5); jinnota li, għal każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball serju li rriżulta minn spiża tal-persunal mitluba b’mod eċċessiv minħabba li l-benefiċjarju ppreżenta dikjarazzjoni tal-ispiża bbażata fuq spejjeż tal-persunal ibbaġitjati; |
|
17. |
Jilqa’ l-fatt li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta kienet żviluppat u implimentat approċċ sħiħ ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante f’konformità mal-gwida taċ-Ċentru ta’ Implimentazzjoni Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tar-riskju speċifiċi għall-Impriża Konġunta; jinnota li, għal dan il-fini, l-Impriża Konġunta identifikat il-kriterji tar-riskju l-aktar rilevanti u fasslet, abbażi tagħhom, approċċ ta’ monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju; jinnota li dan l-approċċ ippermetta lill-Impriża Konġunta tivvaluta l-livell ta’ riskju ta’ kull proġett u benefiċjarju matul il-fażijiet prinċipali tal-implimentazzjoni tal-proġett, bħat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja, l-emenda tal-ftehim ta’ għotja, ir-rapportar, u l-pagament; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-Impriża Konġunta fasslet ukoll linji gwida interni dwar l-approċċ tagħha bbażat fuq ir-riskju, u ħarrġet u ggwidat lill-persunal tagħha dwar l-applikazzjoni xierqa u konsistenti tiegħu; |
|
18. |
Jinnota li l-analiżi dettaljata mill-Qorti ta’ kampjun tal-każijiet ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tal-Impriża Konġunta żvelat diversi dgħufijiet, li pprevenew il-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tagħhom; jinnota li mal-iskadenza tad-data ta’ skadenza definita, il-marka ta’ monitoraġġ imsaħħaħ la ġiet imġedda u lanqas magħluqa u li l-livell ta’ riskju ma ġiex ivvalutat mill-ġdid mill-uffiċjal wara l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kontroll; |
|
19. |
Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ imsaħħaħ kollha jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi mmirati lejn ir-riskji identifikati, u li dawn jingħatalhom segwitu f’data ta’ skadenza predefinita; |
|
20. |
Jisħaq, kif tagħmel il-Qorti, li l-importanza li l-Impriża Konġunta timplimenta l-approċċ speċifiku tagħha bbażat fuq ir-riskju għall-ġestjoni tal-għotjiet żdied fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa; |
|
21. |
Jissottolinja li l-benefiċjarju u/jew l-istruttura tal-proġett tal-Impriża Konġunta qed tinbidel b’mod sinifikanti fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, bħaż-żieda fl-għadd ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), ta’ parteċipanti ġodda u konsorzji akbar, kif ukoll ir-rekwiżit li jintużaw biss proċeduri ta’ sejħiet miftuħa għall-attivitajiet ta’ Orizzont Ewropa u li, b’riżultat ta’ dan, il-fatturi ta’ riskju identifikati fi programmi preċedenti ma jistgħux jibqgħu rilevanti u jistgħu jitfaċċaw fatturi ta’ riskju ġodda; |
|
22. |
Jilqa’ l-fatt li f’Settembru 2022, l-Avjazzjoni Nadifa saret membru fundatur tal-Alleanza għall-Avjazzjoni b’Emissjonijiet Żero (AZEA) li tlaqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati mis-settur ajrunawtiku kollu biex tappoġġja l-introduzzjoni ta’ inġenji tal-ajru li jaħdmu bl-idroġenu u dawk elettriċi; |
|
23. |
Jinnota t-tranżizzjoni tal-programm CS2 għall-fażi ta’ twettiq u jirrikonoxxi ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol fl-2022 minħabba l-ġestjoni simultanja ta’ diversi proġetti CS2 flimkien mat-tnedija tal-programm Avjazzjoni Nadifa; |
|
24. |
Jinnota studju indipendenti li żvela benefiċċju soċjoekonomiku stmat ta’ EUR 8,6 biljun għall-Programm Europe from Clean Sky 2; jenfasizza wkoll is-sejbiet tal-istudju li l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni tal-programm Avjazzjoni Nadifa hija kemm “reżiljenti” kif ukoll “adatta għall-iskop”; jirrimarka li dan japplika anke f’firxa wiesgħa ta’ xenarji ekonomiċi possibbli, żviluppi potenzjali u bidliet strutturali fis-sistema tal-avjazzjoni; |
|
25. |
Jappella biex tiġi estiża u mrawma l-integrazzjoni tal-ktajjen tal-valur tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni newtrali għall-klima, inklużi l-akkademja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-industrija u l-SMEs, billi jittieħed vantaġġ mis-sinerġiji ma’ programmi nazzjonali u Ewropej, u billi tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-ħiliet relatati mal-industrija tul il-katina tal-valur; |
Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti
|
26. |
Jinnota li l-“osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriżi Konġunti huma fil-fatt “rakkomandazzjonijiet mhux f’waqthom” mill-Qorti; jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”; |
|
27. |
Jinnota li mit-tliet osservazzjonijiet tal-Qorti (waħda fl-2020 u tnejn fl-2022), tnejn huma magħluqa: jinnota li l-osservazzjoni miftuħa tirreferi għall-użu ta’ persunal interim, li l-Impriża Konġunta tiġġustifika bil-limitazzjonijiet tat-tabella tal-persunal fissa u l-ammont ta’ xogħol ikkawżat mill-implimentazzjoni parallela tal-programmi Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77).
(4) Ir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa, il-Kapitolu 4.1.1.
(5) Għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rappurtar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2359/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)