Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fil‑21 ta’ Mejju 2026 (1)
Kawża C‑459/24 P
Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appeal – Għajnuna mill-Istat – Dritt fiskali Żvediż – Taxxa fuq ir-riskji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Selettività – Għan tal-miżura”
I. Introduzzjoni
1. Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u t-tassazzjoni, il-kwistjoni tas-selettività “toħloq diffikultajiet kunsiderevoli”, biex niċċita l-eżempju prinċipali tal-Avukata Ġenerali Kokott dwar l-arti tas-sottovalutazzjoni (2).
2. Fil-fatt, huwa ovvju li t-tassazzjoni ma hijiex sempliċement strument ta’ ġbir ta’ dħul intiż sabiex jiffinanzja l-infiq pubbliku. Hija taqdi wkoll sensiela ta’ għanijiet usa’, inkluża r-ridistribuzzjoni tad-dħul, il-promozzjoni tal-kompetittività internazzjonali, il-ġestjoni tad-dejn u, sfortunatament, ġieli l-għoti ta’ vantaġġi indebiti lil ċerti kategoriji ta’ kontribwenti. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tas-selettività bħala mezz sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ssir partikolarment importanti – u intrinsikament diffiċli – fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li, min-natura tagħhom stess, jimplikaw li ssir distinzjoni u li tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni.
3. Madankollu, dawn id-diffikultajiet ma għandhomx ifixklu bla bżonn l-applikazzjoni ta’ prinċipji stabbiliti sew tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Sa mis-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni – li sa fejn naf jien kienet l-ewwel kawża li indirizzat miżura fiskali fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat – il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat żewġ prinċipji fundamentali fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. L-ewwel, il-kunċett ta’ għajnuna huwa ta’ natura oġġettiva u ma jvarjax skont il-qasam ta’ kompetenza regolamentari nazzjonali li jaqa’ fih. It-tieni, l-eżistenza ta’ kompetenza nazzjonali f’qasam partikolari, inkluża t-tassazzjoni, ma teskludix l-eżerċizzju tagħha mill-iskrutinju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni (3).
4. Tali konstatazzjonijiet ma humiex ta’ interess purament storiku jew dottrinali. Huma għandhom rilevanza diretta u sinjifikattiva għal dan l-appell, billi jqajmu l-kwistjoni dwar jekk taxxa li tapplika esklużivament għal disa’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, f’suq kompetittiv li jinkludi iktar minn 100 operatur, hijiex selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
5. Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet (iktar ’il quddiem l-“appellanti”), assoċjazzjoni Żvediża ta’ bankiera, li tirrappreżenta l‑31 membru tagħha f’materji ta’ interess komuni, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, tfittex l-annullament tas-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Svenska Bankföreningen u Länsförsäkringar Bank vs IlKummissjoni (4) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni, imressqa mill-appellanti u minn wieħed mill-membri tagħha, Länsförsäkringar Bank AB, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2021) 8637 final tal‑24 ta’ Novembru 2021 dwar il-miżura tal-Istat SA.56348 (2021/N) – Żvezja: taxxa Żvediża fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, id-deċiżjoni kontenzjuża u s-sentenza appellata
6. Fit‑3 ta’ Settembru 2021, ir-Renju tal-Iżvezja, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, ikkomunika lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi dwar taxxa fuq ir-riskji dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll abbozzi ta’ emendi tal-Liġi dwar il-kreditu fuq taxxa barranija (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“abbozz ta’ liġi”) (5). Ir-Renju tal-Iżvezja qies madankollu li t-taxxa stabbilita (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq ir-riskji”) ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ selettività previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE u li din għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-abbozz ta’ liġi ġie adottat u l-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022.
7. Fuq il-bażi tal-punti 5 sa 9 tas-sentenza appellata, il-kontenut tal-abbozz ta’ liġi jista’ jiġi miġbur fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ dan l-appell.
8. Skont it-Taqsima 1 tal-punt 2.1 tal-abbozz ta’ liġi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għat-taxxa favur l-Istat.
9. Skont it-Taqsima 4 tal-punt 2.1 tal-abbozz ta’ liġi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu Żvediżi huma suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskju meta s-somma tad-djun tagħhom fil-bidu tas-sena fiskali taqbeż il-valur tal-limitu minimu previst mill-abbozz ta’ liġi (6). Fil-motivi tal-abbozz ta’ liġi dwar din it-taqsima, sar riferiment għad-dritt Żvediż għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jiġifieri l-banek Żvediżi u l-kumpanniji Żvediżi attivi fis-suq tal-kreditu, kif ukoll il-kumpanniji bankarji barranin u l-kumpanniji ta’ kreditu barranin. Minn dan jirriżulta li disa’ stabbilimenti ta’ kreditu huma suġġetti għat-taxxa (punti 5 u 6 tas-sentenza appellata).
10. Fit-Taqsima 5 tal-punt 2.1 tal-abbozz ta’ liġi, il-limitu huwa stabbilit għal 150 biljun krone (SEK) (madwar EUR 13.3 biljun) għas-snin fiskali li jibdew fl‑2022. Għas-snin fiskali li jibdew fl‑2023 jew iktar tard, il-limitu jitla’ għal SEK 150 biljun immultiplikat b’ċifra li tirrappreżenta r-relazzjoni bejn l-ammont bażiku tal-prezz fl‑2022 u l-ammont bażiku tal-prezz għas-sena li matulha bdiet is-sena fiskali inkwistjoni, espressa fil-forma ta’ perċentwali b’żewġ deċimali arrotondata ’l isfel, miżjuda b’żewġ punti perċentwali (punt 7 tas-sentenza appellata).
11. It-Taqsima 6 tal-punt 2.1 tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw sitwazzjonijiet fejn istituzzjoni ta’ kreditu tagħmel parti minn grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (punt 8 tas-sentenza appellata).
12. It-Taqsima 9 tal-punt 2.1 tal-abbozz ta’ liġi jistabbilixxi r-rata ta’ tassazzjoni għal 0.05 % tal-ammont tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġett għat-taxxa. Il-punt 2.2 tal-abbozz ta’ liġi jipprevedi li r-rata hija ta’ 0.06 % għas-sena fiskali tal‑2023 (punt 9 tas-sentenza appellata).
13. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, adottata wara eżami preliminari skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (7), il-Kummissjoni kkonkludiet li t-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ selettività stabbilit f’din id-dispożizzjoni.
14. L-appellanti u wieħed mill-membri tagħha (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fl-ewwel istanza”) ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali. Huma invokaw motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Huma sostnew li, fl-analiżi tagħha tat-taxxa fuq ir-riskji, il-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji u tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2015/1589, li tagħtihom il-possibbiltà li jesprimu l-fehmiet tagħhom. F’dan il-kuntest, huma kkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tat-taxxa. Ir-Renju tal-Iżvezja intervjena insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
15. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux stabbilixxew li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni tat-taxxa fuq ir-riskji fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannathom għall-ispejjeż.
III. Analiżi
A. Il-kummenti preliminari
16. Konformement mal-prinċipji stabbiliti fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod konsistenti li l-azzjonijiet tal-Istati Membri f’oqsma mhux armonizzati mid-dritt tal-Unjoni jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar is-sorveljanza tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-Istati Membri huma obbligati jastjenu milli jadottaw kwalunkwe taxxa li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern (8). Din ma hijiex biss formulazzjoni vojta, iżda pjuttost tirrappreżenta manifestazzjoni speċifika ta’ prinċipju usa’ u li ilu stabbilit: il-kompetenza nazzjonali hija ristretta meta taffettwa l-eżerċizzju jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
17. Għalhekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma għandhomx jitqiesu bħala “sistema” separata. Pjuttost, dawn huma element essenzjali tal-governanza tas-suq intern tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn twettaq evalwazzjoni ddettaljata ta’ kull regola tal-Unjoni potenzjalment affettwata minn miżura nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet diversi drabi li għajnuna mill-Istat li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jew il-prinċipji ġenerali tagħha ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (9).
18. Fil-kawża ineżami, it-taxxa Żvediża fuq ir-riskji mhux biss tista’ manifestament taffettwa l-applikazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, iżda tippreġudika wkoll b’mod evidenti qasam tad-dritt tal-Unjoni li diġà kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni – b’mod konsiderevoli – jiġifieri, il-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni, intiż sabiex jippreserva l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni”).
19. Il-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni jinkludi, inter alia (10), il-qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, jiġifieri, id-Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (11) (iktar ’il quddiem id-“DRIB”), il-qafas ta’ rekwiżiti prudenzjali, jiġifieri r-Regolament dwar ir-rekwiżiti tal-kapital (12) (iktar ’il quddiem l-“RRK”) u d-Direttiva dwar ir-rekwiżiti tal-kapital (13) (iktar ’il quddiem id-“DRK”), kif ukoll il-qafas għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti, li jikkonsisti fid-Direttiva dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (iktar ’il quddiem id-“DSGD”) (14). Dan jinkludi wkoll ir-Regolament (UE) Nru 806/2014, li japplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Unjoni Bankarja (15).
20. L-RRK flimkien mad-DRK jiffurmaw il-qafas għar-rekwiżiti kapitali prudenzjali (16), li jirregolaw, b’mod partikolari, ir-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Wara l-kriżi finanzjarja globali tal‑2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jippreserva l-ambjent bankarju fl-Unjoni billi jimponi rekwiżiti ta’ kapitali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, proporzjonati għar-riskji ttrattati (17). Fir-rigward tad-DSGD, din għandha l-għan li ssaħħaħ is-suq intern billi tiffaċilita l-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji, filwaqt li ssaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema bankarja u tiżgura l-protezzjoni tad-depożitanti (18). Permezz tad-DRIB, il-leġiżlatur ried jipprovdi lill-awtoritajiet b’sett kredibbli ta’ għodod biex jintervjeni kmieni u malajr biżżejjed f’istituzzjoni mhux robusta jew li qiegħda tfalli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi kritiċi tal-istituzzjoni, filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt tal-falliment ta’ istituzzjoni fuq l-ekonomija u s-sistema finanzjarja (19).
21. Din id-diverżjoni twila fil-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni sempliċement tafferma li, fil-fehma tiegħi, għalkemm ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tillimita espressament id-dritt tal-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ natura fiskali bħat-taxxa fuq ir-riskji, l-adozzjoni ta’ tali miżuri ma tistax tippreġudika l-għanijiet imfittxija minn dan il-qafas (20). Jidhirli li, minkejja l-awtonomija tal-Istati Membri fil-qasam fiskali, il-kompletezza tal-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni kellha tiġġustifika attenzjoni partikolari min-naħa tal-Kummissjoni fl-eżami ta’ miżura fiskali nazzjonali li tista’ tinterferixxi ma’ dawn ir-regoli, inkluż fl-istadju tal-evalwazzjoni tas-selettività tagħha.
22. Dan premess, infakkar li, minkejja l-isfidi partikolari maħluqa mill-miżuri fiskali nazzjonali, l-evalwazzjoni tas-selettività skont l-Artikolu 107(1) TFUE għandha dejjem tkun sitwata fil-kuntest tat-test fi tliet stadji, li huwa stabbilit sew, u li ġie żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (21). Dan it-test jiffunzjona b’mod uniformi fid-diversi miżuri nazzjonali, irrispettivament mill-kompetenzi nazzjonali speċifiċi kkonċernati, u huwa adattabbli biżżejjed biex jakkomoda l-ispeċifiċitajiet tal-miżuri fiskali.
23. Skont it-test ta’ selettività fi tliet stadji, sabiex miżura fiskali nazzjonali tiġi kklassifikata bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha, l-ewwel, tibda billi tidentifika s-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, bħala tieni stadju, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jkoprix miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema legali kkonċernata, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u jkunu, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri, fit-tielet stadju, li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li dawn il-miżuri jiffurmaw parti minnha (22).
24. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza fil-kuntest tal-ewwel stadju tat-test ta’ selettività għandha importanza partikolari fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ tassazzjoni “normali” (23). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, meta l-miżura fiskali inkwistjoni tkun inseparabbli mis-sistema fiskali ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jsir riferiment għal din is-sistema. Għall-kuntrarju, meta jidher li din il-miżura tista’ tiġi sseparata b’mod ċar minn din is-sistema ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li s-sistema ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni tista’ tkun iktar limitata minn din is-sistema ġenerali, jew saħansitra li tista’ tiġi assimilata mal-miżura nnifisha, meta din tidher bħala regola li għandha loġika ġuridika proprja u meta ma jkunx possibbli li jiġi identifikat sett konsistenti ta’ regoli esterni għal din il-miżura (24).
25. Naturalment, huwa l-Istat Membru li għandu jiddeċiedi l-karatteristiċi kostituttivi ta’ kull taxxa. Dawn jinkludu r-rata tat-taxxa, il-bażi taxxabbli, il-metodi ta’ kalkolu, l-avvenimenti taxxabbli u l-limiti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat f’sentenza reċenti li l-eżenzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll bħala tali. (25). Dawn il-karatteristiċi, bħala prinċipju, jiddefinixxu s-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, sabiex tiġi analizzata l-kundizzjoni ta’ selettività (26). Madankollu, dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà li jiġi kkonstatat li l-kuntest ta’ riferiment innifsu, kif jirriżulta mid-dritt nazzjonali, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minħabba li s-sistema fiskali inkwistjoni tkun ġiet ikkonfigurata skont parametri manifestament diskriminatorji, maħsuba sabiex jiġi evitat dan id-dritt (27).
B. L-appell
26. Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji.
27. L-ewwel aggravju, l-ewwel parti tat-tieni aggravju u r-raba’ aggravju huma diretti kontra l-punti 39 sa 43 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar id-determinazzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji. Għalhekk, ser neżaminahom flimkien.
1. Fuq l-ewwel aggravju, l-ewwel parti tat-tieni aggravju u r-raba’ aggravju
28. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet b’mod żbaljat l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji u għalhekk wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeterminat l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji bħala li jikkonsisti fit-tassazzjoni tal-“istituzzjonijiet ta’ kreditu li jippreżentaw riskju sistemiku”, filwaqt li l-Iżvezja, fl-abbozz ta’ liġi, u l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, identifikaw dan l-għan bħala t-tassazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu “kbar” u mhux “ta’ importanza sistemika”. Skont l-appellanti, dan l-iżball ta’ liġi jivvizzja l-analiżi kollha tas-sistema ta’ referenza u huwa biżżejjed, waħdu, sabiex jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.
29. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni, u konsegwentement il-Qorti Ġenerali, aċċettaw ir-raġunament spiss mhux trasparenti u vag tar-Renju tal-Iżvezja li jispjega l-għan u r-raġunament tat-taxxa fuq ir-riskji. Din l-impreċiżjoni kellha tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE sabiex tifhem aħjar il-miżura. Skont l-appellanti, is-sentenza appellata hija, għal din ir-raġuni, ivvizzjata bi żball ta’ liġi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-ewwel aggravju jintlaqax mill-Qorti tal-Ġustizzja.
30. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi meta ddeterminat b’mod żbaljat l-għan tat-taxxa inkwistjoni fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata. L-appellanti tirreferi għall-argumenti tagħha żviluppati insostenn tal-ewwel aggravju tagħha.
31. Sussegwentement, ser neżamina l-merti tal-argumenti tal-appellanti wara li neżamina, l-ewwel, il-livell xieraq ta’ stħarriġ li għandu jiġi applikat għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji.
a) Il-livell ta’ stħarriġ li għandu jiġi applikat għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji
32. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-parti tal-abbozz ta’ liġi li fiha l-leġiżlatur Żvediż spjega r-raġunijiet għall-introduzzjoni tat-taxxa fuq ir-riskji u l-għanijiet tagħha. Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tali talba tkun ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti għandha turi żnaturament tal-fatti.
33. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, appell minn deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat biss għal punti ta’ liġi u għandu jsir “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut”. F’lista li telenka l-aggravji li jistgħu jiġu invokati f’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippreċiża li appell jista’ jkun ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (28).
34. Ċertament li, fir-rigward tal-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali – li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatt – il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija kompetenti biss sabiex tiddetermina jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (29).
35. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tistħarreġ jekk tali evalwazzjonijiet jikkostitwixxux huma stess ksur tad-dritt tal-Unjoni (30). Fil-punt 78 tas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-argumenti [...] intiżi li jikkontestaw l-għażla tal-qafas ta’ riferiment jew it-tifsira tiegħu fl-ewwel stadju tal-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv kienu ammissibbli, peress li din l-analiżi kienet tirriżulta minn klassifikazzjoni ġuridika tad-dritt nazzjonali abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni”.
36. Il-Kummissjoni ssostni li dawn il-preċiżazzjonijiet huma limitati għall-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza fl-ewwel stadju tal-kriterju ta’ selettività u ma japplikawx għall-identifikazzjoni tal-għan ta’ taxxa li għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
37. L-ewwel, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 78 ta’ Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika b’mod ċar għall-analiżi globali tas-selettività, u għalhekk għal kull wieħed mit-tliet stadji tagħha.
38. It-tieni, il-limitazzjoni allegata mill-Kummissjoni ma hijiex sostnuta mil-loġika li fuqha huwa bbażat ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif stabbilit fil-punt 79 tas-sentenza Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni. F’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li “[j]ekk jiġi aċċettat li [hi] ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina jekk huwiex mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali adottat id-delimitazzjoni tal-qafas ta’ riferiment rilevanti, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu bħala parametru deċiżiv għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv ikun ifisser li tiġi aċċettata l-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tkun wettqet, jekk ikun il-każ, ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma dan il-ksur ikun jista’ jiġi ssanzjonat fl-ambitu tal-appell, u dan imur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE” (32).
39. Skont ir-raġunament wara l-punti 78 u 79 tas-sentenza Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, inqis għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali dwar id-definizzjoni tal-għan ta’ miżura fiskali għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
40. Minn dan isegwi li l-eżami tal-argumenti tal-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha ma għandux ikun limitat għall-kwistjoni dwar jekk ġietx prodotta l-prova ta’ żnaturament tat-taqsima rilevanti tal-abbozz ta’ liġi.
b) Fuq l-ewwel aggravju
41. Sabiex neżamina l-argumenti tal-appellanti, ser neżamina suċċessivament id-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif ġiet adottata fis-sentenza appellata, fid-deċiżjoni inkwistjoni u fl-abbozz ta’ liġi.
1) Fuq l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji fis-sentenza appellata
42. Fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-abbozz ta’ liġi kien jirriżulta li l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kien “li jissaħħu l-finanzi pubbliċi permezz tat-titjib tagħhom u permezz tal-preżervazzjoni tad-dejn pubbliku f’livell baxx sabiex jiġi pprovdut marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri billi jiġi impost il-ħlas tat-taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar, li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom ikun joħloq, individwalment u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali, b’tali mod li jikkawża spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà”. L-istess definizzjoni wiesgħa ħafna tinsab fil-punti 58, 80, 81, 93 u 120 tas-sentenza appellata. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll, fis-sentenza appellata, li “[i]t-taxxa [fuq ir-riskji] ma hijiex intiża sabiex tipprevjeni jew tirrimedja r-riskji li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrappreżentaw” (33), l-enfasi hija b’mod ċar fuq ir-“riskju sistemiku” li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu responsabbli jistgħu jippreżentaw “għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja” “minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom”.
2) Fuq l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji fid-deċiżjoni kontenzjuża
43. Fil-premessi 6 sa 8 tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-taxxa fuq ir-riskji hija ddefinita bħala “taxxa annwali applikabbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar li joperaw fl-Isvezja”, li l-għan tagħha huwa li “jissaħħu l-finanzi pubbliċi permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar li jistgħu jiġġeneraw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà, u b’hekk tinħoloq firxa li tista’ tilqa’ għal dawk l-ispejjeż indiretti li jistgħu jirriżultaw minn kriżijiet finanzjarji futuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-persuni suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji huma deskritti bħala “istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar”, li, “fid-dawl tad-daqs u tal-importanza tagħhom, jirriskjaw li jwasslu għal spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà f’każ ta’ kriżi finanzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma hemm l-ebda riferiment għall-kunċetti ta’ “riskju sistemiku” jew ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu “ta’ importanza sistemika” fid-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji li tinsab f’dawn il-premessi.
44. Madankollu, sabiex jiġi evalwat jekk l-għażla tal-persuni taxxabbli u l-metrika użata sabiex jiġu identifikati dawn il-persuni kinux jindikaw elementi manifestament diskriminatorji, il-Kummissjoni ssostni li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar jistgħu jippreżentaw “importanza sistemika” u li l-livell tad-djun huwa “metrika xierqa sabiex tirrappreżenta r-riskju sistemiku li jista’ jiġi kkawżat minn istituzzjoni ta’ kreditu” kif ukoll “indikatur rilevanti kemm tal-importanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll tal-kontribuzzjoni tagħha għar-riskju li tista’ tirrappreżenta” (34). Ċertament, fil-kuntest ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni rrilevat li l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kien li jiġu mmirati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jistgħu jiġġeneraw spejjeż indiretti sinjifikattivi (35). Madankollu, premessi oħra tad-deċiżjoni kontenzjuża huma inqas ċari. Għalkemm il-Kummissjoni qatt ma tafferma b’mod miftuħ li l-għan tal-leġiżlatur Żvediż kien li jintaxxa l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jippreżentaw riskju sistemiku għas-sistema finanzjarja, uħud mill-evalwazzjonijiet tagħha jidhru diffiċilment konċiljabbli ma’ definizzjoni differenti ta’ dan l-għan (36), li juri nuqqas sostanzjali ta’ ċarezza dwar dan il-punt.
3) L-għan tat-taxxa fuq ir-riskju fl-abbozz ta’ liġi
45. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlatur Żvediż fl-abbozz ta’ liġi juru nuqqas ta’ ċarezza saħansitra ikbar dwar l-għan innifsu tar-ratio legis tat-taxxa fuq ir-riskji.
46. Mix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni ta’ din it-taxxa, inklużi fil-proċess tal-Qorti Ġenerali (37), jirriżulta li l-pjan ta’ introduzzjoni ta’ taxxa fuq is-settur finanzjarju jmur lura għall‑2015 (38). Fl‑2020 immaterjalizzat proposta għal żieda fit-tassazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, f’każ ta’ kriżi finanzjarja, tista’ twassal għal spejjeż indiretti għas-soċjetà, meta l-Ministru tal-Finanzi Żvediż ippreżenta memorandum intitolat “Taxxa fuq ir-riskji għal ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu”, li ġie rivedut fl‑2021 u sussegwentement innotifikat lill-Kummissjoni.
47. It-Taqsima 5.1 tal-abbozz ta’ liġi, li tagħti dettalji dwar ir-raġunijiet għall-proposta leġiżlattiva għal taxxa fuq ir-riskji, tispjega li l-istituzzjonijiet il-kbar tant huma parti essenzjali mis-sistema finanzjarja li l-falliment jew it-tfixkil serju tal-operazzjonijiet tagħhom ikollhom konsegwenzi negattivi għas-sistema finanzjarja jew għall-ekonomija. Skont din it-taqsima, dawn l-istituzzjonijiet għandhom “importanza sistemika” u l-falliment tagħhom jikkostitwixxi “riskju sistemiku”, iddefinit bħala theddida għall-istabbiltà finanzjarja (39). Huwa spjegat li s-sistema finanzjarja hija vulnerabbli u li, minkejja r-regolamenti li jirregolaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – bħal dawk relatati mal-adegwatezza tal-kapital u r-riżoluzzjoni – u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huwa dejjem possibbli li fil-futur iseħħu kriżijiet finanzjarji. L-abbozz ta’ liġi jenfasizza li l-kriżijiet finanzjarji jistgħu jiswew ħafna flus u jkollhom konsegwenzi negattivi fuq l-unitajiet domestiċi, in-negozji u s-settur pubbliku fuq perijodu twil ta’ żmien. It-tnaqqis tat-tkabbir ekonomiku wara kriżi finanzjarja jwassal, min-naħa tiegħu, għal spejjeż indiretti fl-ekonomija (40). Dawn il-konsegwenzi jagħmlu raġonevoli, skont it-Taqsima 5.1 tal-abbozz ta’ liġi, żieda fit-tassazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, f’każ ta’ kriżi finanzjarja, jistgħu jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Din it-taqsima tal-abbozz ta’ liġi tenfasizza wkoll li r-riskju li, f’xenarju ta’ kriżi finanzjarja, istituzzjoni tista’ tiġġenera spejjeż indiretti għas-soċjetà, ivarja wkoll skont id-daqs u l-importanza tal-istituzzjoni. F’dan is-sens, l-istituzzjonijiet żgħar ma għandhomx impatt fuq l-iżviluppi makroekonomiċi bl-istess mod bħall-kbar. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, minħabba d-daqs tagħhom, l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-suq finanzjarju u l-evoluzzjoni makroekonomika, “jirriskjaw li jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi f’każ ta’ kriżi finanzjarja, għandhom iħallsu taxxa addizzjonali”.
48. It-Taqsima 6 tal-abbozz ta’ liġi, li fiha l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Żvediżi dwar il-kompatibbiltà tat-taxxa fuq ir-riskji proposta mad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, tistabbilixxi li din it-taxxa għandha l-għan li tikkumpensa r-riskju li ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu jippreżentaw għall-kundizzjonijiet makroekonomiċi fl-Iżvezja, minħabba d-daqs u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma “sinjifikattivi” u għalhekk għandhom jiġu ntaxxati. L-analiżi mwettqa f’din it-taqsima tenfasizza wkoll li, f’konformità mal-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni, il-grad ta’ importanza tal-impatt ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fuq is-sistema finanzjarja jiddependi mid-daqs u l-kumplessità tagħha, kif ukoll mill-firxa tal-attivitajiet tagħha. Skont il-memorandum, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom jiġu ntaxxati huma biss l-istituzzjonijiet li jippreżentaw riskju potenzjali ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà, minħabba d-daqs tagħhom. Huwa mfakkar li l-għan tat-taxxa huwa li jiġu ntaxxati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, f’każ ta’ kriżi finanzjarja, jirriskjaw li jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.
49. Minkejja l-ambigwità tal-abbozz ta’ liġi dwar l-għan innifsu tat-taxxa fuq ir-riskju, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-persuni li huma suġġetti għaliha, nemmen li huwa xieraq li jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.
50. L-ewwel, l-awtoritajiet Żvediżi jirreferu għal istituzzjonijiet ta’ kreditu “sistemikament importanti” biss fit-Taqsima 5.1 tal-abbozz ta’ liġi (41). Il-bqija tal-abbozz ta’ liġi jirreferi għall-“importanza” tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew, b’mod iktar ġenerali, għad-“daqs u l-importanza” tagħhom.
51. It-tieni, it-taqsima msemmija iktar ’il fuq tal-abbozz ta’ liġi tindirizza l-kunċetti ta’ “istituzzjonijiet ta’ kreditu sistemikament importanti” u “riskju sistemiku” b’mod li jirrifletti d-definizzjonijiet korrispondenti tal-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni (42). Madankollu, dawn il-kunċetti jissemmew biss sabiex issir distinzjoni bejn “istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar” u “istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar”, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ dawk tal-ewwel għas-sistema finanzjarja meta mqabbla ma’ dawk tal-aħħar. B’mod partikolari, l-aġġettivi “ta’ importanza sistemika”, “sinjifikattivi” u “kbar” jintużaw b’mod interkambjabbli mill-awtoritajiet Żvediżi.
52. It-tielet, il-kriterju użat matul l-abbozz ta’ liġi sabiex jiġi ddeterminat liema istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji jirreferi għad-“daqs u l-importanza” tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, iktar milli għall-kwistjoni dwar jekk jippreżentawx riskju sistemiku.
53. Ir-raba’, l-abbozz ta’ liġi jenfasizza ripetutament li l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji huwa li jiġu ntaxxati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jirriskjaw li jikkawżaw “spejjeż indiretti” sinjifikattivi għas-soċjetà fl-Iżvezja f’każ ta’ kriżi finanzjarja.
4) Konklużjoni intermedjarja
54. Minkejja n-nuqqas ta’ ċarezza tal-abbozz ta’ liġi u ta’ ċerti inkonsistenzi fid-deċiżjoni kontenzjuża, jista’ jiġi konkluż li, fir-rigward tal-persuni responsabbli, l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji stabbilita minn dawn l-atti ma kienx li jiġu ntaxxati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jippreżentaw riskju sistemiku għas-sistema finanzjarja – kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza appellata u mtenni matul l-analiżi tagħha – iżda li jiġi impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqbżu limitu ta’ djun iddeterminat minn qabel, imsejħa “istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar”.
55. L-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Iżvezja, fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, sabiex juru l-konsistenza tal-Qorti Ġenerali mad-deċiżjoni kontenzjuża u mal-abbozz ta’ liġi fir-rikostruzzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji ma humiex konvinċenti u, fil-fatt, juru b’mod ċar id-diffikultà li tintwera tali konsistenza (43).
56. Sabiex tipprova tiċċara l-ambigwitajiet tal-abbozz ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali għaqqdet uħud mill-kunċetti msemmija fih sabiex tifformula d-definizzjoni tagħha stess tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji, li ma tikkorrispondix ma’ dik prevista mil-leġiżlatur Żvediż. Kif ser nuri iktar ’il quddiem, dan ippermetta lill-Qorti Ġenerali tadotta raġunament kemxejn ċirkulari sabiex tiċħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza billi tibbaża ruħha, sussidjarjament, fuq wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kunċetti.
57. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li, fid-determinazzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dritt nazzjonali rilevanti, u b’hekk iddefinixxiet b’mod żbaljat dan l-għan.
5) Konklużjoni fuq l-ewwel aggravju
58. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-ewwel aggravju jintlaqa’.
c) Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
59. Kif diġà ssemma, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li d-determinazzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji ma kinitx tqajjem diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. L-appellanti ssostni li, billi kkonkludiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma pparagunatx korrettament il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża mal-informazzjoni disponibbli fil-mument meta l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tagħha.
60. Ninnota li, skont ġurisprudenza stabbilita, riflessa fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, jekk il-Kummissjoni ssib, wara eżami preliminari, li jinqalgħu dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura Statali inkwistjoni bħala “għajnuna” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFEU jew, jekk ikklassifikata bħala għajnuna, fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFEU, mingħajr ma jkollha diskrezzjoni f’dan ir-rigward (44).
61. Għaldaqstant, huma l-qrati tal-Unjoni, meta jiddeċiedu dwar rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, li għandhom jiddeterminaw jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li kellha l-Kummissjoni, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna, peress li tali dubji għandhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali (45).
62. Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kkritikaw l-opaċità tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif iddefinit mill-awtoritajiet Żvediżi u approvat mill-Kummissjoni. Huma sostnew li dan l-għan kien (i) preġudikat fih innifsu, peress li kien strett wisq u individwalizza kategorija mhux omoġenja ta’ impriżi, jiġifieri l-“istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar” iddefiniti mid-daqs tad-djun tagħhom; (ii) vag, peress li kien ibbażat fuq kunċetti mhux ċari bħal “spejjeż indiretti sinjifikattivi”, u (iii) inkonsistenti minħabba li l-abbozz ta’ liġi ma kien fih l-ebda regola dwar kif id-dħul mit-taxxa fuq ir-riskji kellu jintuża.
63. Fil-punti 39 sa 43 tas-sentenza appellata, minflok ma rrispondiet għal dawn l-argumenti fid-dawl tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif evalwat fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali rriformulat dan l-għan fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tagħha stess tal-abbozz ta’ liġi, billi pprovat tiċċara u tirrikonċilja d-diversi affermazzjonijiet li fih. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa, kif kienet mitluba tagħmel, jekk, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-appellanti, il-Kummissjoni kellhiex ikollha dubji dwar l-approvazzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif deskritt mill-awtoritajiet Żvediżi.
64. Għaldaqstant, l-appellanti ġustament issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tevalwa jekk id-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kinitx tqajjem diffikultajiet serji, bħall-ġustifikazzjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
65. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma indirizzat l-argument dwar il-“portata” ippreġudikata tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskju, kif approvat mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu sostnew, essenzjalment, li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha aktarx li joħolqu spejjeż indiretti fil-każ ta’ kriżi finanzjarja u għalhekk għandhom jitqiesu bħala ugwalment ikkonċernati minn taxxa li l-għan tagħha kien li tilqa’ għal tali spejjeż. Il-fatt li numru żgħir ħafna ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fost l-atturi kollha tas-suq kien ġie identifikat upstream u inkluż fid-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji aktarx għalhekk li joħloq distorsjoni tal-analiżi kollha tas-selettività u kellu jqajjem dubji dwar l-eżattezza ta’ din id-definizzjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi sempliċement irrilevat li l-identifikazzjoni ta’ “istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar” bħala persuni taxxabbli kienet konformi mal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif iddefinit mill-ġdid fis-sentenza appellata, u b’hekk naqset milli tindirizza l-qalba ta’ dan l-argument.
66. Madankollu, il-kwistjoni mqajma mill-appellanti kienet waħda importanti.
67. It-taxxi b’għan speċjali, bħal dik diskussa fil-kuntest ta’ dan l-appell, li jeżistu barra mis-sistema ta’ tassazzjoni usa’, jeħtieġu analiżi mmirata, li fiha t-tieni stadju tal-kriterju ta’ selettività fi tliet stadji mfakkar fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet isir ċentrali. Is-selettività għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi li jiżguraw li taxxa ad hoc tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala għajnuna mill-Istat, anki fl-assenza ta’ sistema ta’ referenza ġenerali ċara, filwaqt li jiġi evitat li sempliċi devjazzjonijiet minn tali sistema jitqiesu awtomatikament bħala selettivi.
68. F’dan il-kuntest, id-definizzjoni korretta tal-għan ta’ taxxa awtonoma – li fil-konfront tagħha tiġi evalwata s-sistema ta’ referenza fl-ewwel stadju tal-analiżi tas-selettività u jsir it-test ta’ komparabbiltà fit-tieni stadju – hija essenzjali u saħansitra iktar kruċjali fil-każ ta’ taxxi asimetriċi (46), bħat-taxxa fuq ir-riskju, fejn id-differenzazzjoni tal-piż fiskali għandha tkun iġġustifikata fuq il-bażi tal-għan globali tal-miżura.
69. Finalment, fil-fehma tiegħi, l-appellanti hija korretta wkoll li tikkritika l-opaċità u l-vagezza tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif iddefinit mill-awtoritajiet Żvediżi u approvat mill-Kummissjoni. Dwar dan il-punt, nirreferi għall-analiżi dwar l-ewwel aggravju, li fiha enfasizzajt in-nuqqas ta’ ċarezza tal-abbozz ta’ liġi u l-inkonsistenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dan l-għan.
70. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha, fil-fehma tiegħi, tintlaqa’ wkoll, indipendentement mill-eżitu tal-ewwel aggravju.
d) Fuq ir-raba’ aggravju
71. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka żnaturament tal-fatti u tal-provi fuq il-bażi tal-istess argumenti mqajma insostenn tal-ewwel aggravju. Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (47).
72. Kif indikat fil-punti 32 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-appellanti ma kellhiex turi żnaturament tad-dritt nazzjonali rilevanti sabiex tikkontesta d-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji fis-sentenza appellata. Madankollu, billi fformulat mill-ġdid l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji u billi ma rrikonoxxietx in-nuqqas ta’ ċarezza tal-abbozz ta’ liġi, kif spjegat fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, wettqet tali żnaturament. Hija għamlet ukoll interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża (48).
e) Konklużjoni fuq l-ewwel aggravju, fuq ir-raba’ aggravju u fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv
73. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li s-sentenza appellata hija vvizzjata bl-iżbalji ta’ liġi allegati mill-appellanti fl-ewwel u fir-raba’ aggravju tagħha kif ukoll fl-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha. Peress li d-determinazzjoni korretta tal-għan ta’ miżura fiskali hija fil-qalba tal-analiżi globali tas-selettività tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, dawn l-iżbalji għandhom, fil-fehma tiegħi, iwasslu għall-annullament tas-sentenza.
74. Ser nipproċedi, iktar ’il quddiem, għall-analiżi tal-bqija tal-appell, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposta tiegħi.
2. Fuq it-tieni aggravju
75. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE meta kkonstatat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma wrewx li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tat-taxxa fuq ir-riskji li wassluha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.
76. It-tieni aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna d-determinazzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji. Din il-parti diġà ġiet eżaminata. It-tieni u t-tielet parti jikkonċernaw rispettivament l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ referenza tat-taxxa fuq ir-riskji u l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ deroga minn din is-sistema.
77. Qabel ma nindirizza dawn it-tieni u t-tielet parti, nirrileva li, għalkemm uħud mill-argumenti żviluppati insostenn tat-tieni aggravju huma bbażati fuq il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji huwa ddefinit b’mod korrett bħala tassazzjoni tar-riskju sistemiku, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tagħhom kollha. Fil-fatt, il-parti l-kbira ta’ dawn l-argumenti, kif ser nuri, fl-aħħar mill-aħħar jikkritikaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, indipendentement mid-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji.
a) Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
78. Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 44 sa 99 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonfrontata b’diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tas-sistema ta’ referenza tat-taxxa fuq ir-riskji.
79. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-sistema ta’ referenza għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni ta’ selettività bħala limitata għat-taxxa fuq ir-riskji, jiġifieri taxxa b’għan speċjali fuq ir-riskji, fuq il-bażi tal-elementi li ġejjin: (i) bażi taxxabbli bbażata fuq id-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu; (ii) rata ta’ tassazzjoni ta’ 0.05 % għas-sena fiskali li tibda fl‑2022; (iii) persuni taxxabbli, iddefiniti bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Iżvezja jew li jwettqu attivitajiet kummerċjali permezz ta’ fergħa fl-Iżvezja; (iv) l-eżistenza ta’ limitu u (v) mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni għal sitwazzjonijiet intragrupp fil-kalkolu tal-limitu u tal-bażi taxxabbli (ara l-premessa 38 tad-deċiżjoni kontenzjuża).
80. Insostenn tat-tieni parti tal-aggravju tagħha, l-appellanti tqajjem tliet ilmenti, relatati rispettivament mal-għażla tal-bażi taxxabbli, tal-persuni suġġetti għat-taxxa u tal-limitu tat-taxxa.
1) Il-bażi taxxabbli
81. L-appellanti ssostni li, għalkemm l-għan tat-taxxa fuq ir-riskju kien li jiġi ntaxxat ir-riskju sistemiku, kif indikat il-Qorti Ġenerali, it-total tad-djun ma jikkostitwixxix indikatur tajjeb, peress li l-identifikazzjoni tar-riskju sistemiku hija evalwazzjoni kumplessa u ma tistax issir fuq il-bażi ta’ parametru wieħed. L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali sempliċement aċċettat l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward mingħajr ma wettqet stħarriġ xieraq.
82. Nirrileva li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li s-somma tad-djun bħala metrika sabiex jiġi ddefinit liema istituzzjonijiet ta’ kreditu kellhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji kienet inerenti għas-sistema ta’ referenza, kienet konformi mal-għan tagħha u ma wrietx element manifestament diskriminatorju fit-tfassil tat-taxxa (49).
83. Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza sostnew li d-djun ma humiex assoċjati mar-riskju, kuntrarjament għall-assi, u li l-istess japplika għad-daqs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Huma żiedu li l-ispejjeż indiretti – jew ir-riskju ta’ dawn l-ispejjeż – ma humiex direttament proporzjonali għad-djun ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, fatt li ġie mgħarraf lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma eżaminatx korrettament jekk il-valur taxxabbli magħżul mir-Renju tal-Iżvezja kienx jintroduċi parametru manifestament diskriminatorju fis-sistema ta’ referenza. Huma sostnew ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza reċenti dwar il-miżuri tat-taxxa u s-selettività, il-miżura nnotifikata kellha jew timponi piż fiskali sinjifikattiv fuq il-bażi taxxabbli intiera tal-impriżi jew ma timponi l-ebda piż fiskali (50).
84. Il-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs IlPolonja (51) u IlKummissjoni vs LUngerija (52), iddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tassazzjoni mhux progressiva tkun ibbażata fuq is-somma totali tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u li l-fatt li jeżistu indikaturi iktar rilevanti jew iktar preċiżi huwa indifferenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam jirrigwarda biss it-tneħħija tal-vantaġġi selettivi li minnhom jistgħu jibbenefikaw ċerti impriżi għad-detriment ta’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (punt 57 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-għan tat-taxxa ma kienx li jiġu evitati jew indirizzati r-riskji li jirrappreżentaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jimplika li, għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Żvediżi ma kinux obbligati jadottaw metriċi intiżi speċifikament sabiex iżommu fil-mira dawn ir-riskji (punt 58 tas-sentenza appellata). Finalment, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni x-xenarju li fih l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom il-proprjetà tal-bonds ta’ xulxin sabiex tasal għall-konklużjoni li iktar ma jkun għoli l-livell tad-djun, iktar ikun għoli r-riskju għas-sistema finanzjarja peress li l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tissodisfa d-djun tagħha. Fuq il-bażi ta’ dan ix-xenarju, hija kkonkludiet li kundizzjoni dwar il-livell tad-djun sabiex issir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont jekk għandhomx impatt iktar jew inqas sinjifikattiv fuq is-sistema finanzjarja hija konformi mal-għan imfittex.
85. L-argumenti mqajma mill-appellanti kontra l-punti 57, 58 u 59 tas-sentenza appellata huma, fil-fehma tiegħi, fondati sew għar-raġunijiet esposti iktar’ il quddiem.
86. Qabelxejn, ix-xebh bejn il-kawża ineżami u l-kawżi li taw lok għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija huwa limitat.
87. L-ewwel, dawn id-deċiżjonijiet jirrigwardaw b’mod speċifiku ħafna t-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, li l-piż tagħhom waqa’ b’mod uniformi iżda progressiv fuq il-bejgħ gross. It-taxxa fuq ir-riskji hija differenti ħafna. L-issuġġettar għat-taxxa jiġi attivat ladarba jintlaħaq il-limitu u ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ varjazzjoni tar-rata applikata (53). It-tieni, it-taxxi inkwistjoni fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija ma kinux jipprevedu eżenzjonijiet mir-responsabbiltà, kuntrarjament għat-taxxa fuq ir-riskji (54). It-tielet, id-dħul mill-bejgħ u d-djun huma żewġ indikaturi li ma jistgħux jiġu pparagunati: tal-ewwel huwa espressjoni tal-kapaċità tal-persuna taxxabbli li tħallas, filwaqt li tal-aħħar huwa metrika għall-kalkolu tal-livell ta’ dejn tagħha. Ir-raba’, ma kienet teżisti ebda kwistjoni ta’ ndħil f’qafas regolamentari tal-Unjoni eżistenti fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi.
88. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sempliċi riferiment għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija kif ukoll għad-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri ma kienx biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx iltaqgħet ma’ diffikultajiet fl-evalwazzjoni tal-metrika magħżula mil-leġiżlatur Żvediż u approvata mill-Kummissjoni bħala l-valur taxxabbli tat-taxxa fuq ir-riskji.
89. Billi llimitat ruħha li tindika, fil-punt 57 tas-sentenza appellata – billi għamlet parafrażi tas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija – li “d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tassazzjoni mhux progressiva tkun ibbażata fuq is-somma akkumulata tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu”, il-Qorti Ġenerali rrifjutat, kif issostni ġustament l-appellanti, li twettaq stħarriġ xieraq tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet serji. Tali analiżi kienet timplika li jiġi eżaminat jekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli matul il-proċedura preliminari u fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tat-taxxa fuq ir-riskji, il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, mingħajr ma tqajjem dubji, li s-somma kumulattiva tad-djun bħala bażi taxxabbli kienet konformi mal-għan ta’ din it-taxxa, tkun xi tkun id-definizzjoni tagħha, u li kienet tikkostitwixxi espressjoni leġittima tas-sovranità fiskali tal-Iżvezja.
90. Analiżi fil-fond kienet meħtieġa iktar u iktar fil-kawża ineżami. Kif diġà semmejt, meta miżura fiskali tirriskja li tinterferixxi mal-oqfsa regolamentari eżistenti tal-Unjoni – bħalma huwa l-każ tat-taxxa fuq ir-riskji, irrispettivament mill-mod kif jiġi ddefinit l-għan tagħha – għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa l-implikazzjonijiet tagħha għall-funzjonament tajjeb tagħhom. Filwaqt li tassazzjoni intiża għall-possibbiltà li l-politiki preventivi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jaqgħu taħt il-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni, ma jippermettux li tiġi evitata kriżi finanzjarja ma hijiex ipprojbita minnha nnifisha, l-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tal-Istati Membri f’dan il-qasam għandu madankollu jiġi eżaminat fid-dawl tal-kuntest regolamentari li taqa’ fih.
91. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-taxxa fuq ir-riskji ma kinitx intiża sabiex tipprevjeni jew tindirizza r-riskju sistemiku, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li taxxa asimetrika bħat-taxxa fuq ir-riskji, li timponi piż fiskali biss fuq numru żgħir ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ta’ importanza sistemika/ta’ daqs kbir) fuq il-bażi tal-livell tad-djun tagħhom, tista’ tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu responsabbli jżommu dan il-livell baxx.
92. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt 59 tas-sentenza appellata, nirrileva li l-Qorti Ġenerali sempliċement irriproduċiet dak imsemmi fil-punt 5.1 tal-abbozz ta’ liġi, fejn il-leġiżlatur Żvediż wera xenarju tipiku ta’ interkonnessjoni finanzjarja bejn l-istituzzjonijiet u l-impatt negattiv tagħha fuq l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, ma huwiex ċar kif, fuq il-bażi ta’ dan ix-xenarju biss, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-livell tad-djun kien metrika affidabbli sabiex “issir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont jekk l-impatt tagħhom fuq is-sistema finanzjarja jkunx iktar jew inqas qawwi”. Il-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq ir-riskji, kif speċifikata fl-abbozz ta’ liġi, ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu l-livell ta’ interkonnessjoni permezz tal-bonds. Barra minn hekk, mill-abbozz ta’ liġi ma jirriżultax, kif tirrileva ġustament l-appellanti, li l-leġiżlatur Żvediż ibbaża ruħu fuq il-premessa li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji kellhom il-proprjetà tal-bonds ta’ xulxin b’xi mod sinjifikattiv. Finalment, il-Kummissjoni nnifisha ma bbażatx ruħha fuq l-interkonnessjoni sabiex tevalwa l-bażi taxxabbli fid-deċiżjoni kontenzjuża.
93. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jintlaqa’.
2) Il-persuni suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji
94. It-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 73 sa 82 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-persuni suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskju.
95. L-appellanti tqajjem erba’ lmenti insostenn tal-ilment tagħha.
96. L-ewwel, l-appellanti tikkontesta l-punt 73 ta’ din is-sentenza, li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li ma kienx hemm korrelazzjoni perfetta bejn il-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskju u l-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika identifikata mir-Riksgäldskontoret (l-Uffiċċju Nazzjonali tad-Dejn, l-Iżvezja). L-appellanti tenfasizza li disa’ istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji, li tnejn minnhom ma humiex ikkunsidrati li għandhom importanza sistemika għall-finijiet tal-qafas ta’ riżoluzzjoni kif traspost fl-Iżvezja, u li tliet banek meqjusa li għandhom importanza sistemika ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji. Skont l-appellanti, dawn l-inkonsistenzi bejn iż-żewġ listi, li l-Kummissjoni kienet taf bihom matul il-proċedura preliminari, juru b’mod ċar l-inkonsistenza bejn il-persuni suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji u l-għan tat-taxxa, kif iddefinit mill-Qorti Ġenerali.
97. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din l-allegazzjoni ma hijiex purament fattwali, iżda tikkontesta klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u għalhekk hija ammissibbli.
98. Fil-punti 73 sa 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li ż-żewġ listi, rispettivament, tal-istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika skont id-DRIB u tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji differenti. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll id-differenzi bejn l-għanijiet imfittxija mit-taxxa fuq ir-riskji u dawk imfittxija mill-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija indikat li l-għan tal-DRIB kien li tnaqqas l-ispejjeż diretti sinjifikattivi u mhux l-ispejjeż indiretti, u li r-RRK indirizza l-ispejjeż diretti billi żgura li l-istituzzjonijiet tal-kreditu ma jfallux. Rigward id-DSGD, il-Qorti Ġenerali stqarret li l-għan tagħha kien li tevita li d-depożitanti jitilfu d-depożiti tagħhom fil-każ li istituzzjonijiet ta’ kreditu jfallu. Finalment, il-Qorti Ġenerali qieset li t-testijiet tal-istress imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EBA”) (55) fl‑2021, invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza (56), kienu jikkonċernaw ir-riskju ta’ falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.
99. Peress li t-taxxa fuq ir-riskji hija bbażata fuq indikatur finanzjarju (id-dejn tal-istituzzjoni ta’ kreditu) u hija intiża sabiex tindirizza, permezz tat-tassazzjoni, ir-riskji marbuta mal-kriżijiet finanzjarji – kemm jekk ikunu relatati ma’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja jew ir-riskju li jiġu sostnuti spejjeż indiretti minħabba tali kriżijiet – ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwiex, fil-fehma tiegħi, sodisfaċenti. Il-fatt li ż-żewġ listi – waħda tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal din it-taxxa u l-oħra tal-istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika skont il-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni – huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji differenti huwa awto-evidenti u ma jistax jiġġustifika d-diskrepanzi enfasizzati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li dawn id-diskrepanzi jirrigwardaw l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għal fond intiż speċifikament sabiex jindirizza r-riskji marbuta mal-falliment ta’ bank (57).
100. Bl-istess mod, l-argument enfasizzat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata, jiġifieri li t-taxxa fuq ir-riskji ma tapplikax għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jirrappreżentaw riskju ta’ falliment ogħla, iżda għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-falliment tagħhom jista’ jwassal għal spejjeż indiretti sinjifikattivi, ma huwiex determinanti. Is-sempliċi fatt li l-għanijiet tat-taxxa fuq ir-riskji u tad-DRIB ma jikkoinċidux kompletament – anki jekk huma, tal-inqas, komplementari – ma jfissirx li interferenza eventwali tista’ tiġi eskluża mingħajr eżami ulterjuri, f’sitwazzjoni ta’ sovrappożizzjoni parzjali u asimetrika bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għall-kontribuzzjonijiet taħt dawn iż-żewġ strumenti.
101. Barra minn hekk, ir-riferimenti magħmula mill-Qorti Ġenerali għall-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni jidhru parzjali. Pereżempju, meta jsir riferiment għall-konsegwenzi kkawżati mill-falliment ta’ bank, id-DRIB u r-RRK ma jirreferux speċifikament għall-ispejjeż diretti jew indiretti. Rigward id-DSGD, din tirreferi b’mod espress, fil-premessa 3, għall-“ispejjeż tal-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fuq l-ekonomija in ġenerali [...]”. Ma huwiex evidenti li l-għan ta’ dawn l-istrumenti legali huwa limitat sabiex “[jitnaqqas] kemm jista’ jkun l-ispejjeż diretti sinjifikattivi għas-soċjetà”, kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, fid-dawl b’mod partikolari tad-definizzjoni vaga tal-“ispejjeż indiretti” fl-abbozz ta’ liġi.
102. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni tar-Renju tal-Iżvezja li l-abbozz ta’ liġi jistabbilixxi b’mod ċar li l-proposta dwar it-taxxa fuq ir-riskju ma hijiex intiża li tissostitwixxi l-qafas regolamentari attwali tal-Unjoni ftit li xejn għandha effett. L-oqfsa rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni bankarja u tar-rekwiżiti prudenzjali kienu jagħmlu parti mis-sistema ta’ referenza nazzjonali li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistħarreġ l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-koerenza tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur Żvediż fir-rigward tal-persuni suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji.
103. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-ewwel talba mressqa mill-appellanti hija fondata.
104. It-tieni, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 79 tas-sentenza appellata meta ċaħdet l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa ssellef biss lill-muniċipalitajiet Żvediżi u għalhekk ma tagħti lok għal ebda spejjeż indiretti. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tqis il-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun obbligata teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari ta’ din l-iskema.
105. Tali argument huwa relatat, essenzjalment, mal-intensità tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni. Huwa ċertament minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (58), il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk din il-ġurisprudenza, li kienet tikkonċerna każijiet li jinvolvu sistemi fiskali applikabbli għal mijiet jew eluf ta’ persuni taxxabbli, hijiex rilevanti fil-kawża ineżami. It-taxxa fuq ir-riskji tapplika għal disa’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Jidher li l-Kummissjoni kienet taf bin-numru limitat ħafna ta’ persuni responsabbli matul il-proċedura ta’ eżami preliminari (jew, fi kwalunkwe każ, kellha tkun taf bih), li l-biċċa l-kbira tagħhom huma wkoll koperti mill-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni. Madankollu, nirrileva li l-appellanti ma tidhirx li tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fl-aħħar tal-punt 79 tas-sentenza appellata, li skontha r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux ikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Iżvezja li l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni ma kinitx kompletament eżentata minn kull riskju ta’ falliment. It-tieni lment imqajjem mill-appellanti jista’ għalhekk ikun ineffettiv.
106. It-tielet, l-appellanti tikkontesta l-punt 80 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jiġġeneraw spejjeż indiretti, ma kinitx imposta distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-finijiet tal-issuġġettar għat-taxxa.
107. F’dan ir-rigward ukoll, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jidher li ma huwiex sodisfaċenti (59). It-taxxa fuq ir-riskju ġiet introdotta biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi billi żżid id-dħul fiskali biex jilqgħu għall-ispejjeż indiretti li jistgħu jirriżultaw minn kriżijiet finanzjarji futuri. Bħala prinċipju, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li aktarx jiġġeneraw tali spejjeż huma kkonċernati. L-eżenzjoni ta’ wħud minnhom mit-tassazzjoni tidher kontradittorja u tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur Żvediż li jqiegħed fuq numru żgħir ta’ istituzzjonijiet il-piż tal-ispejjeż indiretti kollha li jistgħu jiġu ġġenerati minn kriżijiet finanzjarji futuri. Tali distinzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu – enfasizzata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u evitata mill-Qorti Ġenerali billi tirreferi, sussidjarjament, għall-assenza ta’ riskju sistemiku kkawżat mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux intaxxati jew għall-kapaċità tal-istituzzjonijiet intaxxati li jiġġeneraw spejjeż indiretti sinjifikattivi – tqajjem tħassib serju dwar is-selettività tat-taxxa fuq ir-riskji u għandha, fil-fehma tiegħi, tkun eżaminata bir-reqqa.
108. Fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi tirreferi għas-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED (60), żiedet li “ma jistax jiġi kkontestat li l-impatt fuq is-sistema finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiddependi ħafna mid-daqs tagħhom u mil-livell tad-djun tagħhom”. F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għad-“daqs” tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-“livell tad-djun tagħhom” bħala żewġ kriterji distinti li fuqhom ibbaża ruħu l-leġiżlatur Żvediż. Madankollu, id-“daqs” tal-“istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar” suġġetti għat-taxxa huwa ddeterminat biss mil-livell tad-djun tagħhom. Dan il-livell huwa għalhekk l-uniku indikatur meħud inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tar-riferiment li għamlet il-Qorti Ġenerali għas-sentenza ANGED I, irrid nammetti li l-analoġija bejn l-impatt ambjentali tal-istabbilimenti bl-imnut u r-riskju li jirrappreżenta l-livell ta’ responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija kollha kemm hi ma jidhirlix li hija pjuttost konvinċenti. Madankollu, fil-kawża li wasslet għas-sentenza ANGED I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn id-daqs tas-superfiċji ta’ bejgħ u l-effetti fuq l-ambjent (61). Fil-kawża ineżami, tali rabta diretta bejn il-livell tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji u l-kapaċità tagħhom li joħolqu spejjeż indiretti għas-soċjetà ma hijiex stabbilita b’mod ċar, speċjalment meta r-riskju ta’ falliment ta’ dawn l-istituzzjonijiet ma jitteħidx inkunsiderazzjoni.
109. Għar-raġunijiet preċedenti, jiena inklinat li nikkunsidra li t-tielet talba mressqa mill-appellanti hija fondata.
110. Finalment, l-appellanti tikkontesta l-punt 81 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux ikkontestaw “il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar waħedhom li jikkawżaw, b’mod individwali, permezz tal-falliment tagħhom, riskju sistemiku, li jkollhom impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali u li jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà”. L-appellanti ssostni, essenzjalment, li mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-leġiżlatur Żvediż jista’ jimponi taxxa fuq ir-riskju sistemiku, fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ importanza sistemika jiġu ttrattati b’mod differenti.
111. Għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li r-raba’ talba tar-rikorrenti għandha tintlaqa’, indipendentement mid-definizzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji.
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni aggravju huwa fondat.
3) Il-limitu
113. Permezz tat-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta evalwat, fil-punti 89 sa 98 tas-sentenza appellata, il-limitu tal-issuġġettar għat-taxxa fuq ir-riskji u meta kkonkludiet, fil-punt 99, fid-dawl tal-għan iddeterminat tat-taxxa fuq ir-riskji, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux stabbilixxew li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni ta’ dan il-limitu.
114. Fil-punti 89 sa 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq is-sentenzi tagħha stess (62) ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, iddeċidiet li r-Renju tal-Iżvezja ma setax jiġi prekluż, minn naħa, milli jintroduċi taxxa b’limitu fiskali u, min-naħa l-oħra, milli jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ varjazzjoni li jwassal sabiex jeżenta l-istabbilimenti ta’ kreditu inqas minn dan il-limitu, sakemm dawn l-elementi ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-punt 43 tas-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED (63), il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li d-determinazzjoni tal-limitu ta’ tassazzjoni u tal-metodi ta’ kalkolu tal-bażi tat-taxxa taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur nazzjonali u hija bbażata, barra minn hekk, fuq evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u kumplessa li l-Qorti tal-Unjoni għandha biss setgħa ta’ stħarriġ limitata fir-rigward tagħhom. Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, hija eżaminat jekk il-limitu stabbilit mil-leġiżlatur Żvediż kienx imur kontra l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji jew kienx manifestament diskriminatorju, u waslet għall-konklużjoni li dan ma kienx il-każ.
115. L-appellanti tikkontesta, fil-fehma tiegħi, ġustament, ir-rilevanza tal-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali u l-fondatezza tal-konklużjoni li hija siltet minnha.
116. Diġà semmejt fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija kienu kunsiderevolment differenti mit-taxxa fuq ir-riskji. Dak li kien inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kien in-natura progressiva tal-miżuri fiskali inkwistjoni u, b’mod iktar preċiż, id-differenza fir-rata medja ta’ tassazzjoni li tirriżulta mill-progressività tar-rati. It-taxxa fuq ir-riskji ma tipprevedix “mekkaniżmu ta’ varjazzjoni” meta l-limitu jinqabeż u t-taxxa ssir dovuta.
117. Il-miżuri fiskali inkwistjoni fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija pprevedew eżenzjoni fir-rigward tal-porzjon ta’ dħul mill-bejgħ taħt ċertu ammont (64). Madankollu, l-impriżi kkonċernati kollha bbenefikaw minn din l-eżenzjoni fir-rigward tal-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħhom li ma kinitx teċċedi l-massimu li jikkorrispondi għall-faxxa eżentata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx opponiet dan l-element tal-miżuri fiskali inkwistjoni (65). Bl-istess mod, fis-sentenzi ANGED I u II, il-mekkaniżmu tat-taxxi kien jipprevedi eżenzjonijiet ġenerali, li permezz tagħhom l-ebda impriża ma kienet tħallas it-taxxa taħt ċertu limitu (66).
118. Għall-kuntrarju, fil-każ tat-taxxa fuq ir-riskji, ma teżistix tali eżenzjoni ġenerali. Ir-rata ta’ taxxa hija applikabbli għas-somma tad-djun kollha tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa, u mhux biss għad-djun li jaqbżu l-limitu li jiskatta l-applikazzjoni tat-taxxa. Fi kliem ieħor, l-issuġġettar għat-taxxa fuq ir-riskji jestendi wkoll taħt il-linja diviżorja bejn l-istituzzjonijiet “kbar” jew “ta’ importanza sistemika” suġġetti għat-taxxa u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-daqs tagħhom, f’termini ta’ livell ta’ djun, jiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mit-taxxa.
119. Dan kellu jqajjem tħassib serju dwar in-natura selettiva tal-limitu u l-metodi użati għall-kalkolu tal-ammont taxxabbli, kif ukoll dwar il-konsistenza reali tagħhom mal-għan tar-riskju, tkun xi tkun id-definizzjoni tiegħu.
120. Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Prezydent Miasta Mielca (67), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li eżenzjoni ġenerali u astratta li għaliha hija suġġetta taxxa diretta ma tistax, bħala regola ġenerali, tagħti vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn din hija preżunta inerenti għas-sistema fiskali “normali”. Madankollu, “bħala eċċezzjoni minn” din ir-regola “eżenzjoni ġenerali u astratta li takkumpanja taxxa diretta ma tistax titqies li taqa’ taħt is-sistema fiskali ‘normali’ meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex wieħed jibbenefika minn din l-eżenzjoni jkunu relatati, fid-dritt jew fil-fatt, ma’ karatteristika speċifika waħda jew iktar tal-unika kategorija ta’ impriżi li jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha, peress li dawn il-karatteristiċi jkunu marbuta b’mod indissoċjabbli man-natura ta’ dawn l-impriżi jew ma’ dik tal-attivitajiet tagħhom” (68). Fil-fatt, il-fatt li hija biss kategorija konsistenti ta’ impriżi li tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni fiskali huwa ta’ natura li jissostanzja n-natura potenzjalment diskriminatorja u antikompetittiva ta’ din l-eżenzjoni, anki jekk il-kuntest ta’ riferiment innifsu ma jkunx ġie kkonfigurat skont parametri manifestament diskriminatorji.
121. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kjarifiki magħmula fis-sentenza Prezydent Miasta Mielca japplikawx jew le fil-każ ta’ taxxi asimetriċi bħat-taxxa fuq ir-riskji, fil-kawża ineżami, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji jagħmlu parti minn kategorija konsistenti ta’ impriżi identifikati skont karatteristiċi speċifiċi inerenti għan-natura tal-attività tagħhom (istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-livell ta’ djun tagħhom huwa inqas mil-limitu applikabbli) u li jaqgħu fi ħdan id-deroga mir-regola stabbilita minn din is-sentenza.
122. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’ wkoll.
4) Konklużjonijiet fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija fondata.
b) Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju
124. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 116 sa 127 tas-sentenza appellata meta ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ deroga mis-sistema ta’ referenza.
125. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti ma kinux urew l-eżistenza ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti ta’ natura li juru li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom kienu jaqbżu l-limitu kienu jinsabu, fid-dawl tal-għan tat-taxxa kif deskritt fil-punt 41 tas-sentenza appellata, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għal dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma kinux jaqbżu dan il-limitu.
126. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha kważi esklużivament fuq ir-raġunijiet li għalihom hija kienet preċedentement ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar is-sistema ta’ referenza. Għal din ir-raġuni, fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ttenni l-ilmenti tagħha li jikkontestaw dawn il-motivi.
127. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nirreferi, imbagħad, għall-motivi esposti fil-punti 78 sa 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet sabiex insostni l-konklużjoni tiegħi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li d-diversi aspetti tas-sistema ta’ referenza tat-taxxa fuq ir-riskji ma qajmux dubji dwar in-natura diskriminatorja u għalhekk selettiva tagħhom. Kif diġà semmejt, l-għan globali mfittex mil-leġiżlatur Żvediż – jiġifieri, it-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sabiex jilqgħu għall-ispejjeż sostnuti mis-soċjetà f’każ ta’ kriżijiet finanzjarji futuri – ma jidhirx li jiġġustifika, mingħajr ma jqajjem dubji, l-impożizzjoni ta’ piż fiskali asimetriku fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, għalkemm fi gradi differenti, kollha jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-ispejjeż.
128. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri fil-punt 119 tas-sentenza appellata, fejn ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza billi rreferiet għall-konstatazzjonijiet tagħha stess li s-sistema ta’ referenza tat-taxxa fuq ir-riskji ma kinitx ġiet imfassla b’mod manifestament diskriminatorju, iqajjem tħassib, peress li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni korretta tat-tieni stadju tal-kriterju ta’ selettività.
129. Kif diġà semmejt, it-tieni stadju, li fih tiġi evalwata n-natura derogatorja tal-miżura fiskali u s-selettività tagħha prima facie, huwa essenzjali fil-każ ta’ tassazzjoni ad hoc. Fis-sentenza appellata, jidher li tali evalwazzjoni ġiet integrata ħafna fl-evalwazzjoni tan-natura intrinsikament selettiva tas-sistema rilevanti, fil-kuntest tal-ewwel stadju. Madankollu, l-ewwel, din l-aħħar evalwazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju kwantitattivament differenti tad-“diskriminazzjoni manifesta”. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, anki f’każijiet fejn l-uniku għan ta’ taxxa huwa li jiġi ġġenerat dħul mit-taxxa intiż sabiex jintlaħaq għan speċifiku, it-tieni stadju tat-test ta’ selettività għandu jitwettaq fl-intier tiegħu (69).
130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.
c) Konklużjonijiet dwar it-tieni aggravju
131. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’.
3. Fuq it-tielet aggravju tal-appell
132. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li jikkontesta l-punti 40 sa 43, 80 sa 83, 93, 94 u 121 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza u għalhekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
133. Nirrileva li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, inter alia, li jikkunsidra jekk il-Qorti Ġenerali indirizzatx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-argumenti kollha mqajma mill-appellant. Aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza essenzjalment iwassal sabiex jiġi invokat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (70).
134. L-appellanti ssostni, l-ewwel, li, fil-punti 42, 43, 81, 93 u 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux urew li l-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun totali tagħhom kienu inqas mil-limitu kien jippreżenta riskju sistemiku. L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu speċifikament taw l-eżempju tal-uniku bank Żvediż li ġie salvat matul il-kriżi finanzjarja tal‑2008, li kellu ferm inqas djun mil-limitu. Huma kienu diġà rreferew għall-fatt li tliet banek bi djun taħt il-limitu huma meqjusa bħala sistemikament importanti skont il-qafas regolamentari bankarju tal-Unjoni.
135. F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni interessati jsiru jafu r-raġunijiet għaliex ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (71). Is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx espliċitament l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza msemmija fil-punt 134 iktar ’il fuq ma jfissirx li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti fl-evalwazzjoni tagħha. Billi indikat li l-appellanti ma kinux urew li l-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun totali tagħhom huwa inqas mil-limitu kien jippreżenta riskju sistemiku, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex teżamina l-provi, li l-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu insuffiċjenti għal tali prova. Għalhekk, din l-allegazzjoni għandha tiġi injorata.
136. It-tieni, l-appellanti ssostni li, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin l-argument imressaq mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li jgħid li huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar li jġarrbu l-ispejjeż indiretti kollha fil-każ ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika. Billi ma indirizzatx dan l-argument, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx l-argument prinċipali li l-banek kollha jikkawżaw spejjeż indiretti, iżda biss xi wħud minnhom iħallsu għalihom.
137. Jiena inklinat naqbel mal-appellanti li dan l-argument kellu rwol ċentrali fir-raġunament tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u li ma ġiex indirizzat b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali.
138. Finalment, billi ddeterminat b’mod żbaljat l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx b’mod korrett għal diversi argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u b’hekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Iktar importanti minn hekk, fir-rigward tal-persuni taxxabbli u tal-limitu, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod korrett, fil-punti 80, 81, 93, 94 u 121, l-argumenti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jirriskjaw li joħolqu spejjeż indiretti għas-soċjetà, b’tali mod li distinzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar u żgħar ma hijiex obbligatorja.
139. F’dan ir-rigward ukoll, jiena tal-fehma li l-appellanti hija korretta. L-iżbalji mwettqa tal-Qorti Ġenerali fid-determinazzjoni tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji influwenzaw ir-raġunament kollu tagħha, inkluż il-mod li bih hija evalwat ir-rilevanza u l-merti tal-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u r-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom.
140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju huwa parzjalment fondat.
4. Konklużjoni fuq l-appell
141. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-appell għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
C. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
142. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.
143. F’dan ir-rigward, inqis li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li tannulla s-sentenza appellata, hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar il-motiv uniku tal-ewwel istanza, li jallega li, fl-analiżi tas-selettività tat-taxxa fuq ir-riskji, il-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji.
144. Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-appell jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, dan il-motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.
D. L-ispejjeż
145. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
146. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet relatati ma’ dan l-appell u tikkundanna lir-Renju tal-Iżvezja għall-ispejjeż tiegħu stess, skont l-Artikolu 138(1) u l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli.
IV. Konklużjoni
147. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ April 2024, Svenska Bankföreningen and Länsförsäkringar Bank vs Il‑Kummissjoni (T‑112/22, EU:T:2024:250);
– tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2021) 8637 final tal‑24 ta’ Novembru 2021 dwar il-miżura tal-Istat SA.56348 (2021/N) – Żvezja: Taxxa Żvediża fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti minn Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet relatati ma’ dan l-appell u tikkundanna lir-Renju tal-Iżvezja għall-ispejjeż tiegħu stess.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’ANGED (C‑233/16, EU:C:2017:852, punt 76).
3 Sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, LItalja vs IlKummissjoni (173/73, EU:C:1974:71, punt 13 tal-verżjoni bl-Ingliż).
4 T‑112/22, EU:T:2024:250.
5 Lagrådsremissen Riskskatt för kreditinstitut (ir-Riferiment lill-Kunsill dwar il-Leġiżlazzjoni fuq Taxxa fuq ir-Riskji fuq l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu; iktar ’il quddiem il-“proposta leġiżlattiva”), imsemmija fis-sentenza appellata bħala l-abbozz ta’ liġi.
6 L-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin huma suġġetti għal din it-taxxa fuq ir-riskji meta jkollhom, fil-bidu tas-sena fiskali, djun imputabbli għal tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa minn fergħa Żvediża u meta s-somma ta’ dawn id-djun taqbeż il-limitu stabbilit mill-abbozz ta’ liġi.
7 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).
8 Sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2024, IlKummissjoni vs LIrlanda et (C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 73), u tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 41, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prezydent Miasta Mielca”).
9 Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, LAwstrija vs IlKummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Il-lista ma hijiex eżawrjenti, peress li tinkludi biss il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għall-kawża ineżami.
11 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), kif emendata reċentement mid-Direttiva (UE) 2024/1174 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1174).
12 Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29), kif emendat reċentement bir-Regolament (UE) 2025/1215 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2025, (ĠU L, 2025/1215). XXXXŻBALL FIT-TEST SORSXXXXXX
13 Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).
14 Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37).
15 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“RMUR”). Ir-RMUR japplika wkoll għall-banek stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro u li jkunu stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib (ara l-premessa 15 tar-RMUR). L-Iżvezja ma tipparteċipax fir-RMUR.
16 Kif indikat fil-premessa 5 tal-RRK.
17 Ara b’mod partikolari l-premessi 32 u 72 tar-RRK.
18 Ara l-premessa 3 tad-DSGD.
19 Ara l-premessa 5 tad-DIRB.
20 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2026, Nitrogénművek (C‑519/24, EU:C:2026:297, punt 33).
21 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Ara, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, IlKummissjoni vs LIrlanda et (C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 76).
23 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, IlLussemburgu et vs IlKummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 108).
24 Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs IlKummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 63).
25 Punt 49 tas-sentenza Prezydent Miasta Mielca.
26 Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs IlPolonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punti 38 u 39) u tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs LUngerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punti 44 u 45).
27 Ara s-sentenza Prezydent Miasta Mielca, punt 53, li tirreferi għas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, IlKummissjoni u Spanja vs IlGvern ta’ Ġibiltà u rRenju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732).
28 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs OHIM (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 46).
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs IlKummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 77).
31 C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948.
32 Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali għandu jsir “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut”. L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxi li l-appell jista’ jkun ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali; ara l-punt 76 tas-sentenza Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni.
33 Ara l-punt 58 tas-sentenza appellata.
34 Ara l-premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
35 Ara l-premessa 51 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
36 Ara, pereżempju, il-premessa 68 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-istituzzjonijiet finanzjarji minbarra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom inqas kapaċità li jiġġeneraw riskji sistemiċi u, fl-aħħar mill-aħħar, spejjeż indiretti sinjifikattivi u għalhekk ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali simili għal dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fid-dawl tal-għan tat-taxxa fuq ir-riskji.
37 Din hija l-proposta leġiżlattiva, prodotta mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.
38 Inizjalment, l-idea kienet li jitnaqqas il-vantaġġ fiskali li s-settur finanzjarju seta’ jiġi preżunt li jikseb bħala riżultat tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji.
39 Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ importanza sistemika, l-abbozz ta’ liġi jispjega wkoll li “huwa diffiċli li jiġi ddeterminat b’mod preċiż fejn għandha tinqata’ l-linja dwar jekk istituzzjoni hijiex sistemikament importanti jew le. Il-fatturi li għandhom rwol f’dan ir-rigward huma d-daqs tal-istituzzjoni, l-importanza tagħha għall-ekonomija nazzjonali, il-kumplessità tagħha u l-interkonnessjoni tagħha ma’ istituzzjonijiet oħra. Peress li l-atturi tas-sistema finanzjarja għandhom il-proprjetà tal-bonds ta’ xulxin, problema li tinqala’ f’parti mis-sistema tista’ tinfirex malajr għal partijiet oħra u, għalhekk, thedded l-istabbiltà finanzjarja”.
40 Skont l-abbozz ta’ liġi, dawn l-ispejjeż indiretti jistgħu jieħdu l-forma, pereżempju, ta’ żieda fl-infiq fuq l-assigurazzjoni tal-qgħad u fuq sistemi oħra ta’ sigurtà soċjali jew ta’ dħul mit-taxxa mnaqqas minħabba prestazzjoni ekonomika agħar.
41 Il-frażi “ta’ importanza sistemika” biex tindika l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa fuq ir-riskji proposta ntużat minn xi partijiet ikkonċernati kkonsultati, li l-opinjonijiet tagħhom huma rrapportati fl-abbozz ta’ liġi.
42 Pereżempju, skont id-DRK, “istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew istituzzjoni li l-falliment jew il-funzjonament ħażin tagħha jista’ jwassal għal riskju sistemiku” (ara l-punt (30) tal-Artikolu 3(1)(30) tagħha). L-istess direttiva tiddefinixxi “riskju sistemiku” bħala “riskju ta’ disturbi fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal li jkun hemm konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u għall-ekonomija reali” (ara l-Artikolu 3(1)(10) tagħha).
43 Sabiex tiġġustifika r-riferiment għar-“riskju sistemiku” fis-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar jippreżentaw “ċertu riskju sistemiku”, li “d-daqs ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u l-importanza sistemika globali tagħha huma relatati ma’ xulxin”, li “istituzzjoni ta’ kreditu li żżomm portafoll kbir ta’ djun hija ġeneralment ukoll ta’ importanza sistemika” u li, meta istituzzjoni ta’ kreditu tiġi kklassifikata bħala kbira minħabba d-djun totali tagħha, “l-aspetti ta’ ‘importanza sistemika’ u ta’ ‘riskju sistemiku’ qatt ma huma remoti ħafna”. Madankollu, hija tippreċiża li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu “kbar” ma humiex neċessarjament “ta’ importanza sistemika” fl-oqfsa ta’ riżoluzzjoni u ta’ superviżjoni prudenzjali tal-banek. Min-naħa tagħha, l-Iżvezja ssostni, b’mod konvinċenti biżżejjed, li, indipendentement mit-termini użati mill-Qorti Ġenerali, l-għan kif iddeterminat minn din il-qorti ma huwiex differenti minn dak identifikat mill-Kummissjoni.
44 Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs IlKummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2024, IsSlovenja vs IlKummissjoni (C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punti 50 u 51), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs IlKummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Fil-każ ta’ piż fiskali asimetriku, l-għajnuna tista’ tirriżulta mill-fatt li l-kompetituri tal-operaturi ekonomiċi ntaxxati ma humiex suġġetti għal din it-taxxa, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528, punt 34).
47 Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs IlKummissjoni, IlKummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u IlKummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 L-aggravji intiżi li jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni huma kwistjonijiet li jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi li jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell; ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, IlKummissjoni vs LIrlanda et (C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punti 111 u 112).
49 Ara l-premessa 50 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs LUngerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 48).
50 Ara l-punt 54 tas-sentenza appellata.
51 C‑562/19 P, EU:C:2021:201, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja”, il-punt 41.
52 C‑596/19 P, EU:C:2021:202, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija”, il-punt 47.
53 Ir-Renju tal-Iżvezja jispjega, fir-risposta tiegħu, li ġie deċiż li jiġi applikat metodu b’rata fissa sabiex jiġi evitat il-bżonn li s-Skatteverket (l-Aġenzija Fiskali, l-Iżvezja) ikollha bżonn tevalwa r-riskju maħluq minn kull istituzzjoni ta’ kreditu f’mument partikolari.
54 Huma biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’djun totali ogħla mil-limitu li huma meħtieġa jħallsu, filwaqt li l-istituzzjonijiet li d-djun totali tagħhom jibqa’ taħt l-istess limitu huma eżentati. Ara wkoll il-punti 116 u 117 iktar ’il quddiem.
55 Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12) kif ġie emendat reċentement bir-Regolament (UE) 2025/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ottubru 2025 (ĠU 2025, L 2088, p. 1). Dan ir-regolament jinkariga lill-ABE biex timmonitorja u tevalwa l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha, inkluż l-ittestjar tal-istress, u biex tiżviluppa kriterji għall-identifikazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku kif ukoll reġim adegwat ta’ ttestjar tal-istress (ara l-premessa 43, l-Artikoli 23 u 32 tiegħu).
56 Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu ssottomettew li l-ħames banek Żvediżi suġġetti għal dawn it-testijiet kienu kisbu riżultati eċċellenti.
57 Nirreferi għall-fond tar-riżoluzzjoni kif previst fid-DRIB.
58 Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 65).
59 Wara li fakkret l-għan tat-taxxa fuq ir-riskji kif iddefinit fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, anki jekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jistgħu jagħtu lok għal ċerti spejjeż indiretti, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġġeneraw dawn l-ispejjeż, dan ma jfissirx li, fil-każ ta’ falliment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha aktarx li jwasslu għall-istess konsegwenzi għas-sistema finanzjarja u għall-ekonomija b’mod ġenerali.
60 C‑233/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza ANGED I”, EU:C:2018:280, il-punt 53.
61 Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “iktar ma s-superfiċi ta’ bejgħ tkun kbira, iktar ikun kbir in-numru ta’ viżitaturi, li jwassal għal ħsara ikbar għall-ambjent”; ara l-punt 53 tas-sentenza ANGED I.
62 Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, IlPolonja vs IlKummissjoni (T‑836/16 u T‑624/17, EU:T:2019:338, punt 89), u tas‑27 ta’ Ġunju 2019, LUngerija vs IlKummissjoni (T‑20/17, EU:T:2019:448, punt 101).
63 C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291 (iktar ’il quddiem is-“sentenza ANGED II”). Din is-sentenza tikkonċerna taxxa reġjonali Spanjola fuq stabbilimenti kummerċjali kbar simili għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza ANGED I.
64 Dawn kienu l-“eżenzjonijiet” li għalihom irreferiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi IlPolonja vs IlKummissjoni u LUngerija vs IlKummissjoni kif imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 62, u li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata.
65 Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs IlPolonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 35), u tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs LUngerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 41).
66 L-ewwel 2 000 m2 jew 2 500 m2 ma kinux intaxxati. Għaldaqstant, l-ebda impriża ma ħallset it-taxxa fuq is-superfiċji taħt dawn il-limiti; ara l-punt 8 taż-żewġ sentenzi. Ċerti stabbilimenti li jwettqu negozji speċifiċi kienu eżentati wkoll.
67 Punt 50.
68 Ibidem, punt 54.
69 Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems (C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 78 u 79), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, UNESA et (C‑105/18 sa C‑113/18, EU:C:2019:935, punti 64 sa 67).
70 Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs IlKummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 185).
71 Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2025, IlKummissjoni et vs Carpatair (C‑244/23 P sa C‑246/23 P, EU:C:2025:87, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).