European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1466

23.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1466

tat-22 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 520/2012 dwar it-twettiq tal-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza stipulati fir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 87a tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 108 tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 520/2012 (3) jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ implimentazzjoni għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza. Fid-dawl tal-esperjenza prattika fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-progress tekniku u xjentifiku, u l-armonizzazzjoni internazzjonali fil-farmakoviġilanza, jixraq li jiġi rieżaminat, filwaqt li jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 520/2012 jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, il-kontenut tal-master file tas-sistema ta’ farmakoviġilanza. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn kemm għall-applikanti kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li fil-master file tas-sistema ta’ farmakoviġilanza jiġu ddokumentati biss devjazzjonijiet sinifikanti mill-proċeduri tal-farmakoviġilanza, l-impatt tagħhom u kif qed jiġu mmaniġġjati, sakemm dawn jiġu riżolti.

(3)

Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jistgħu jissottokuntrattaw ċerti attivitajiet tas-sistema ta’ farmakoviġilanza lil partijiet terzi, pereżempju lil fornituri tas-servizzi speċjalizzati. Meta l-kompiti tal-farmakoviġilanza jkunu ġew sottokuntrattati mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni lil parti terza (jew minn din il-parti terza lil parti terza oħra), l-arranġamenti ta’ delega, ir-responsabbiltajiet ta’ kull parti, u l-arranġamenti ta’ awditjar u ta’ spezzjoni jenħtieġ li jiġu ddokumentati b’mod ċar. Jenħtieġ li l-partijiet terzi jaqblu li jiġu awditjati mid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew f’isimhom u spezzjonati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiggarantixxu u jivverifikaw il-konformità fir-rigward tal-aspetti kollha tas-sistema ta’ farmakoviġilanza.

(4)

Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jridu jistabbilixxu sistemi tal-kwalità għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 520/2012. F’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament, dawk is-sistemi tal-kwalità jridu jiġu awditjati. Sabiex tiġi żgurata effiċjenza aħjar tal-awditi, il-kontenut ta’ dawk l-awditi jenħtieġ li jiġi ddefinit aktar f’dan ir-Regolament. Il-parti terza sottokuntrattata biex twettaq il-kompiti tal-farmakoviġilanza b’mod sħiħ jew parzjali f’isem id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew flimkien magħhom jenħtieġ li tiġi awditjata mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew f’ismu u tista’ tiġi spezzjonata mill-awtoritajiet kompetenti, irrispettivament minn jekk dan l-obbligu jissemmiex jew le fis-sottokuntratt. Huwa importanti li s-sottokuntratturi jkollhom ċarezza dwar l-obbligi tagħhom, li jenħtieġ li jiġu stabbiliti fis-sottokuntratt, iżda n-nuqqasijiet tas-sottokuntratt jenħtieġ li ma jaffettwawx it-twettiq tal-awditi u tal-ispezzjonijiet.

(5)

Il-bażi tad-data EudraVigilance hija s-sistema li timmaniġġja u tanalizza informazzjoni dwar reazzjonijiet avversi għal mediċini li jkunu ġew awtorizzati jew li jkunu qed jiġu studjati fil-provi kliniċi. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmonitorjaw kontinwament id-data fil-bażi tad-data EudraVigilance. Il-bażi tad-data hija aċċessibbli wkoll għad-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni safejn ikun meħtieġ għalihom biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-farmakoviġilanza. Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-monitoraġġ tad-data tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni fil-bażi tad-data EudraVigilance, ir-rekwiżiti għad-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jenħtieġ li jiġu ċċarati, inklużi r-rekwiżiti għall-validazzjoni tas-sinjali u n-notifika sussegwenti lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà tas-sistemi, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet tal-ikkowdjar li jikkonċernaw l-istess informazzjoni u jkun jista’ jsir skambju aktar faċli ta’ informazzjoni, dan ir-Regolament iqis l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali li jużaw id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Aġenzija għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza, kif ukoll il-ħtieġa ta’ ċerti aġġornamenti tat-terminoloġija.

(7)

Ir-reazzjonijiet avversi suspettati għal prodott mediċinali jiġu rrappurtati fil-bażi tad-data EudraVigilance permezz ta’ rapporti dwar is-sikurezza ta’ każijiet individwali. Ir-rapporti jenħtieġ li jkunu kemm jista’ jkun kompluti, iżda sabiex tiġi żgurata ċerta standardizzazzjoni tar-rapporti, ir-rekwiżiti minimi tar-rappurtar jenħtieġ li japplikaw fil-każijiet kollha.

(8)

Għal referenzjar aħjar tal-letteratura fir-rapporti dwar is-sikurezza ta’ każijiet individwali, meta jirrappurtaw reazzjonijiet avversi suspettati, l-Istati Membri u d-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdu l-identifikatur tal-oġġett diġitali (DOI), jekk dan ikun disponibbli.

(9)

Sabiex jiġi ċċarat u msaħħaħ il-kontenut tar-rapport perjodiku ta’ aġġornament dwar is-sikurezza, dak ir-rapport jenħtieġ li jinkludi aġġornamenti dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-minimizzazzjoni tar-riskji.

(10)

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Aġenzija jew il-Kummissjoni jkollhom tħassib dwar is-sikurezza ta’ prodott mediċinali, huma jistgħu jobbligaw lil detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni biex jibda, jimmaniġġja u jiffinanzja studji dwar is-sikurezza wara l-awtorizzazzjoni mingħajr intervent. Sabiex ikunu trasparenti, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jenħtieġ li jqiegħed dawn l-istudji fir-reġistru elettroniku tal-istudji wara l-awtorizzazzjoni miżmum mill-Aġenzija.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 520/2012 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għal Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 520/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

deskrizzjoni tal-istruttura organizzattiva tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, inkluża l-lista tas-sit(i) fejn jitwettqu l-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza li ġejjin: il-ġbir ta’ rapporti dwar is-sikurezza ta’ każijiet individwali, l-evalwazzjoni, l-entrata tal-każijiet fil-bażi tad-data dwar is-sikurezza, il-produzzjoni ta’ rapporti perjodiċi ta’ aġġornament dwar is-sikurezza, id-detezzjoni u l-analiżi tas-sinjali, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskji, l-immaniġġjar tal-istudji qabel u wara l-awtorizzazzjoni, u l-immaniġġjar tal-varjazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Kwalunkwe devjazzjoni maġġuri jew kritika mill-proċeduri tal-farmakoviġilanza, u l-impatt u l-immaniġġjar tagħha għandhom jiġu ddokumentati fil-master file tas-sistema ta’ farmakoviġilanza sakemm tiġi riżolta.”

;

(3)

fl-Artikolu 6, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni sentenza tal-paragrafu 1 u għall-Artikolu 11(2), id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jinkludi fis-sottokuntratti l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ċara tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet terzi li lilhom jiġu sottokuntrattati l-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza;

(b)

l-obbligu ta’ partijiet terzi li jiskambjaw id-data dwar is-sikurezza mad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni u l-metodu għall-iskambju tad-data dwar is-sikurezza, jekk rilevanti;

(c)

arranġamenti għall-proċess ta’ spezzjoni u ta’ awditjar tal-partijiet terzi;

(d)

l-obbligu tal-partijiet terzi li jaqblu li jiġu awditjati mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew f’ismu u spezzjonati mill-awtoritajiet kompetenti.

Dan il-paragrafu japplika mutatis mutandis għall-partijiet terzi li jissottokuntrattaw il-kompiti sottokuntrattati lilhom mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni.

4.   Il-partijiet terzi ma għandhom jissottokuntrattaw l-ebda kompitu tal-farmakoviġilanza assenjat lilhom mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni mingħajr il-kunsens bil-miktub tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni.”

;

(4)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

il-kwalità, l-integrità u l-kompletezza tal-informazzjoni ppreżentata dwar ir-riskji ta’ prodotti mediċinali, inklużi l-proċessi biex jiġu evitati preżentazzjonijiet doppji;”;

(5)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandhom iwettqu awditi bbażati fuq ir-riskju tas-sistema tal-kwalità f’intervalli regolari biex jiżguraw li din tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8, 10, 11 u 12 u biex jiddeterminaw l-effettività tagħha. Meta jitwettqu b’mod individwali jew inkella flimkien, l-awditi għandhom ikopru l-attivitajiet kollha ta’ farmakoviġilanza għal perjodu definit u jivverifikaw il-konformità ta’ dawk l-attivitajiet mal-politiki, mal-proċessi u mal-proċeduri tas-sistema tal-kwalità. Dawk l-awditi għandhom isiru minn individwi li ma jkollhom ebda involviment dirett fil-kwistjonijiet jew fil-proċessi li jkunu qed jiġu awditjati, u li lanqas ma jkunu responsabbli għalihom.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Kwalunkwe parti terza sottokuntrattata biex twettaq il-kompiti tal-farmakoviġilanza b’mod sħiħ jew parzjali f’isem id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew flimkien magħhom għandha tiġi awditjata mid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew f’isimhom filwaqt li jitqies ir-riskju tal-attività sottokuntrattata u tista’ tiġi spezzjonata mill-awtoritajiet kompetenti, anki jekk l-obbligu skont l-Artikolu 6(3) ikun għadu ma ġiex inkluż fis-sottokuntratt.”

;

(6)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Aġenzija għandhom iwettqu awditi bbażati fuq ir-riskju tas-sistema tal-kwalità f’intervalli regolari skont metodoloġija komuni biex jiżguraw li din tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8, 14, 15 u 16 u biex jiddeterminaw l-effettività tagħha. L-awditi għandhom ikopru perjodu definit u jivverifikaw il-konformità tal-attivitajiet rilevanti ta’ farmakoviġilanza kkonċernati mill-awditu mal-politiki, mal-proċessi u mal-proċeduri tas-sistema tal-kwalità.”

;

(7)

fl-Artikolu 18, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandhom jimmonitorjaw id-data disponibbli fil-bażi tad-data EudraVigilance u jużawha flimkien ma’ data minn sorsi oħra disponibbli.

3.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-Aġenzija għandhom jiżguraw il-monitoraġġ kontinwu tal-bażi tad-data EudraVigilance bi frekwenza proporzjonata skont ir-riskji identifikati, ir-riskji potenzjali, u l-ħtieġa ta’ informazzjoni addizzjonali.”

;

(8)

fl-Artikolu 19(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-fini tal-monitoraġġ tad-data fil-bażi tad-data EudraVigilance, għandhom jitqiesu biss is-sinjali relatati ma’ reazzjoni avversa suspettata.”;

(9)

fl-Artikolu 21, jitħassar il-paragrafu 2;

(10)

fl-Artikolu 21, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Meta jitqies li sinjal ivvalidat minn awtorità nazzjonali kompetenti jew mill-Aġenzija jkun jeħtieġ aktar analiżi, dan għandu jiġi kkonfermat mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 30 jum minn meta jkun wasal kif ġej:

(a)

meta s-sinjal ikun jikkonċerna prodott awtorizzat f’konformità mad-Direttiva 2001/83/KE, dan għandu jiġi kkonfermat mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li l-prodott mediċinali jkun ġie kkummerċjalizzat fih, jew tal-Istat Membru mexxej jew ta’ komexxej maħtur f’konformità mal-Artikolu 22(1);

(b)

meta s-sinjal ikun jikkonċerna prodott awtorizzat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 726/2004, dan għandu jiġi kkonfermat mill-Aġenzija f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri.

Meta jkunu qed janalizzaw is-sinjal ivvalidat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Aġenzija jistgħu jqisu informazzjoni oħra disponibbli dwar il-prodott mediċinali.

Meta l-validità tas-sinjal ma tkunx ikkonfermata, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil sinjali mhux ikkonfermati li jikkonċernaw prodott mediċinali fil-każ meta dawk is-sinjali jkunu segwiti minn sinjali ġodda li jikkonċernaw l-istess prodott mediċinali.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Aġenzija għandhom jivvalidaw u jikkonfermaw kull sinjal li jkunu identifikaw tul il-monitoraġġ kontinwu tagħhom tal-bażi tad-data EudraVigilance.”

;

(11)

fl-Artikolu 23, is-subparagrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Aġenzija għandha tiżgura wkoll li jingħata appoġġ xieraq lid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni sabiex jużaw il-bażi tad-data EudraVigilance.”;

(12)

fl-Artikolu 25, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Għall-klassifikazzjoni, l-irkupru, il-preżentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji, l-iskambju u l-komunikazzjoni elettroniċi ta’ informazzjoni tal-farmakoviġilanza u tal-prodotti mediċinali, l-Istati Membri, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni u l-Aġenzija għandhom jużaw it-terminoloġija li ġejja:

(a)

id-Dizzjunarju Mediku għal Attivitajiet Regolatorji (MedDRA) kif żviluppat mill-International Council for Harmonisation of Technical Requirements for Pharmaceuticals for Human Use (ICH), is-suġġett multidixxiplinarju M1;

(b)

il-listi tat-Termini Standard ippubblikati mill-Kummissjoni tal-Farmakopea Ewropea;

(c)

it-terminoloġija stabbilita fl-EN ISO 11615:2017, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa, l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP), Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju ta’ informazzjoni regolata dwar il-prodotti mediċinali;

(d)

it-terminoloġija stabbilita fl-EN ISO 11616:2017, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa, l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP), Elementi u strutturi tad-data għal identifikazzjoni unika u skambju ta’ informazzjoni regolata dwar il-prodotti farmaċewtiċi;

(e)

it-terminoloġija stabbilita fl-EN ISO 11238:2018, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa, l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP), Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju ta’ informazzjoni regolata dwar is-sustanzi;

(f)

it-terminoloġija stabbilita fl-EN ISO 11239:2023, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa, l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP), Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju ta’ informazzjoni regolata dwar il-forom farmaċewtiċi tad-dożi, l-unitajiet tal-preżentazzjoni, ir-rotot tal-amministrazzjoni u l-imballaġġ;

(g)

it-terminoloġija stabbilita fl-EN ISO 11240:2012, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa, l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP), Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju tal-unitajiet tal-kejl.

2.   L-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandhom jitolbu lill-International Council for Harmonisation of Technical Requirements for Pharmaceuticals for Human Use, lill-Kummissjoni tal-Farmakopea Ewropea, lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, jew lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni biex iżidu terminu ġdid mat-terminoloġija msemmija fil-paragrafu 1, meta jkun meħtieġ. F’dan il-każ, dawn għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija kif xieraq.”

;

(13)

L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-Messaġġ Estiż tal-Eudravigilance tar-Rapport tal-Prodott Mediċinali (XEVPRM) jew format ieħor li ntlaħaq qbil dwaru għall-preżentazzjoni elettronika tal-informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali kollha għall-użu mill-bniedem awtorizzati fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 57(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, kif ippubblikat mill-Aġenzija.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni u l-Aġenzija jistgħu jużaw ukoll il-formati u l-istandards li ġejjin:

(a)

EN ISO/HL7 27953-2:2011 L-Informatika tas-Saħħa – Ir-rapporti dwar is-sikurezza ta’ każijiet individwali (ICSRs) fil-farmakoviġilanza – Parti 2: Rekwiżiti tar-rappurtar ta’ prodotti farmaċewtiċi għall-użu mill-bniedem fl-ICSR;

(b)

EN ISO 11615:2017, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa – l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP) – Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju ta’ informazzjoni regolata dwar il-prodotti mediċinali;

(c)

EN ISO 11616:2017, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa – l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP) – Elementi u strutturi tad-data għal identifikazzjoni unika u skambju ta’ informazzjoni regolata dwar il-prodotti farmaċewtiċi;

(d)

EN ISO 11238:2018, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa – l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP) – Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju ta’ informazzjoni regolata dwar is-sustanzi;

(e)

EN ISO 11239:2023, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa – l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP) – Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju ta’ informazzjoni regolata dwar il-forom farmaċewtiċi tad-dożi, l-unitajiet tal-preżentazzjoni, ir-rotot tal-amministrazzjoni u l-imballaġġ;

(f)

EN ISO 11240:2012, l-istandard għall-Informatika tas-Saħħa – l-Identifikazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (IDMP) – Elementi u strutturi tad-data għall-identifikazzjoni unika u l-iskambju tal-unitajiet tal-kejl.”

;

(14)

L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“Fir-rappurtar, ir-rapport dwar is-sikurezza ta’ każijiet individwali għandu jinkludi mill-inqas relatur identifikabbli wieħed, pazjent identifikabbli wieħed, mill-inqas reazzjoni avversa suspettata waħda u l-prodott(i) mediċinali kkonċernat(i).”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ir-referenza tal-letteratura f’konformità mal-istil ‘Vancouver’ kif żviluppat mill-Kumitat Internazzjonali tal-Edituri tal-Ġurnali Mediċi (*1) għal reazzjonijiet avversi rrappurtati fil-letteratura mad-dinja kollha, inkluża taqsira komprensiva bl-Ingliż tal-artiklu u, jekk ikun disponibbli, l-identifikatur tal-oġġett diġitali (DOI);

(*1)   * International Committee of Medical Journal Editors, Uniform requirements for manuscripts submitted to biomedical journals, N Engl J Med 1997; 336:309-15.”;"

(ii)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-prodotti mediċinali konkomitanti, identifikati f’konformità mal-punt (g), li ma jkunux suspettati li huma relatati mal-okkorrenza tar-reazzjoni avversa, u t-trattament mediku preċedenti bi prodotti mediċinali għall-pazjent (u għall-ġenitur), meta applikabbli;”;

(15)

fl-Artikolu 34, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Ir-rapport perjodiku ta’ aġġornament dwar is-sikurezza għandu jkun fih aġġornamenti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-minimizzazzjoni tar-riskji u r-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-effettività tal-attivitajiet għall-minimizzazzjoni tar-riskji rilevanti għall-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji.”

;

(16)

fl-Artikolu 36, jiżdied il-paragrafu 5:

“5.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jdaħħal il-protokoll tal-istudju, l-astratt tar-rapport finali dwar l-istudju u r-rapport finali dwar l-istudju fir-reġistru elettroniku tal-istudji wara l-awtorizzazzjoni miżmum mill-Aġenzija. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jippreżenta b’mod elettroniku fir-reġistru l-protokoll tal-istudju qabel ma tibda tinġabar id-data u l-astratt tar-rapport finali dwar l-istudju fi żmien xahar wara l-finalizzazzjoni tar-rapport finali dwar l-istudju.”

;

(17)

fil-Parti III tal-Anness II “Il-format tar-rapporti perjodiċi, elettroniċi, ta’ aġġornament dwar is-sikurezza”, il-punt 16.5 huwa emendat kif ġej:

“16.5.

L-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-minimizzazzjoni tar-riskji u l-effettività tagħhom (jekk applikabbli)”;

(18)

fit-Taqsima 3 tal-Anness III “Il-format tar-rapport finali tal-istudju”, il-punt 5(f) huwa emendat kif ġej:

“(f)

kwalunkwe stadju importanti ieħor tal-istudju, inkluża d-data tar-reġistrazzjoni tal-istudju fir-reġistru elettroniku tal-istudji wara l-awtorizzazzjoni miżmum mill-Aġenzija.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Frar 2026..

Madankollu, l-Artikolu 1, il-punti (7) u (9), għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/726/oj.

(2)   ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/83/oj.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 520/2012 tad-19 ta’ Ġunju 2012 dwar it-twettiq tal-attivitajiet ta’ farmakoviġilanza stipulati fir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 159, 20.6.2012, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/520/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1466/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)