European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1176

18.6.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1176

tat-23 ta’ Mejju 2025

li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1735 jistabbilixxi miżuri biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-Unjoni għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti ewlenin tagħhom. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jżidu l-kompetittività tas-settur tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, jattiraw l-investimenti, u jtejbu l-aċċess għas-suq għal teknoloġiji nodfa fl-Unjoni. Fost dawk ir-regoli, l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735 jappoġġja l-għan li tiġi żviluppata u miżmuma bażi industrijali għall-varar ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni u jiġu evitati dipendenzi għall-provvista ta’ dawn it-teknoloġiji. Għal dan l-għan, dan jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw ċerti kriterji mhux tal-prezz għal mill-inqas 30 % tal-volum irkantat kull sena għal kull Stat Membru jew alternattivament għal mill-inqas 6 Gigawatt fis-sena għal kull Stat Membru għall-varar tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli li jużaw it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli elenkati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (j) ta’ dak ir-Regolament (2). L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735 jintroduċi r-rekwiżit li jiġu applikati ċerti kriterji mhux tal-prezz bħala kriterji tal-prekwalifikazzjoni, filwaqt li għal kriterji oħra l-Istati Membri jgawdu minn flessibbiltà biex jiddeċiedu fit-tfassil tal-irkant tagħhom jekk japplikawhomx bħala kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni jew bħala taħlita taż-żewġ tipi ta’ kriterji. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 26(2), l-aħħar subparagrafu tar-Regolament (UE) 2024/1735, l-Istati Membri mhumiex preklużi milli jużaw kriterji addizzjonali mhux tal-prezz lil hinn minn dawk elenkati fl-Artikolu 26(2).

(2)

Ir-regoli li jispeċifikaw il-kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni li jenħtieġ li jiġu inklużi fl-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn ċerti sorsi rinnovabbli għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-tfassil u l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735 u jiżguraw l-uniformità madwar l-Unjoni, filwaqt li jipprovdu flessibbiltà suffiċjenti lill-Istati Membri. L-implimentazzjoni armonizzata tal-kriterji jenħtieġ li tnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri u tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern f’konformità mal-prinċipju tal-valur miżjud tal-Unjoni. Dan jenħtieġ li jsir filwaqt li jkun hemm flessibbiltà suffiċjenti għall-Istati Membri biex jadattaw l-applikazzjoni tagħhom tal-kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni għall-istruttura u l-ippjanar tas-sistemi tal-irkant rispettivi tagħhom, il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u kunsiderazzjonijiet oħra marbuta mal-objettivi l-oħra tal-politika pubblika, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li ma timminax l-objettivi ewlenin tal-irkant f’termini ta’ varar rapidu, effiċjenti u sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli u jenħtieġ li tiżgura proċess kompetittiv ta’ offerti u ċertezza legali. Dan ir-Regolament jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni li jenħtieġ li jiġu inklużi fl-irkantijiet għall-użu tal-enerġija minn ċertu sors rinnovabbli biex jiġi żgurat li dawn il-kriterji jitfasslu u jiġu applikati b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju mingħajr ma jwasslu għal żieda sproporzjonata fil-kostijiet.

(3)

Il-kriterju relatat mal-imġiba responsabbli fin-negozju jenħtieġ li jiżgura li l-attivitajiet imwettqa mill-kumpaniji jkunu allinjati mal-ħtiġijiet tas-soċjetà u tan-natura. Il-bini fuq il-qafas ta’ standards internazzjonali rilevanti, bħall-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: L-implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali (Dikjarazzjoni MNE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva (3), b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) kif ukoll id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 (6), l-introduzzjoni ta’ kriterju tal-prekwalifikazzjoni dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li tmur lil hinn mir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fid-dritt eżistenti tal-Unjoni billi tirrikjedi li tittieħed azzjoni li tindirizza l-elementi ewlenin tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali tal-offerent ġenerali relatati mal-irkant. L-offerenti jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll li jikkomunikaw pubblikament dwar l-azzjonijiet meħuda biex jagħmlu dan. Sabiex jiġi evitat li jitqiegħed piż burokratiku eċċessiv, il-persuni fiżiċi, il-kumpaniji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) kif definit fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jikkonformaw ma’ dan l-obbligu addizzjonali u jkunu soġġetti għal rekwiżiti eħfef, filwaqt li jkunu kompletament eżentati mill-applikazzjoni tal-kriterju tal-imġiba responsabbli fin-negozju għal proġetti b’kapaċità ta’ inqas minn 10 MW. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jestendu għal persuni fiżiċi, kumpaniji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE kif definit fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli l-obbligu li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-elementi ewlenin tad-diliġenza dovuta għal proġetti b’kapaċità ta’ aktar minn 10 MW. Il-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tal-imġiba responsabbli fin-negozju jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-elementi ewlenin tad-diliġenza dovuta, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772 (8).

(4)

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ ċibersigurtà u sigurtà tad-data fl-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija huwa kruċjali biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-infrastruttura kritika tal-enerġija. Ir-riskji taċ-ċibersigurtà fis-settur tal-enerġija jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pproċessata fil-kostruzzjoni u l-operat tal-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u jistgħu jħallu impatt fuq il-kapaċità tal-operatur li jżomm il-kontroll operazzjonali tal-installazzjoni. L-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli jiffaċċjaw sett kbir ta’ riskji potenzjali għaċ-ċibersigurtà marbuta mal-katina tal-provvista, bħall-korruzzjoni severa u mhux mistennija tal-katina tal-provvista, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ prodotti, servizzi jew proċessi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communication technology) fil-katina tal-provvista jew attakki ċibernetiċi mibdija minn atturi fil-katina tal-provvista, inkluż minn atturi statali u kriminali malizzjużi persistenti ħafna u sofistikati ħafna.

(5)

Biex jiġi żgurat li l-offerenti kollha jindirizzaw kif xieraq ir-riskji għaċ-ċibersigurtà u għas-sigurtà tad-data, l-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jenħtieġ li jinkludu kriterji tal-prekwalifikazzjoni li jitolbuhom jimplimentaw miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, jirriflettuhom fi pjan taċ-ċibersigurtà u jiżguraw li dawk il-miżuri jkunu applikabbli għall-prodotti jew is-servizzi tal-ICT ipprovduti mill-fornituri tagħhom. Il-ħżin u l-ipproċessar ta’ data relatata mat-tħaddim ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli f’ġuriżdizzjonijiet barra miż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jiġġeneraw theddid għas-sigurtà tal-installazzjonijiet u għas-sistema ġenerali. Huwa meħtieġ livell addizzjonali ta’ protezzjoni tad-data biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-installazzjoni u tas-sistema ġenerali f’każijiet meta l-offerent ikun soġġett għall-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li jirrikjedi li l-offerent jirrapporta informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet tas-software jew tal-hardware lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż terz qabel ma jkun magħruf li dawk il-vulnerabbiltajiet ikunu ġew sfruttati. Livell addizzjonali ta’ protezzjoni tad-data huwa meħtieġ ukoll meta, skont dikjarazzjoni pubblika jew f’isem l-Unjoni taħt il-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (9) jew f’isem Stat Membru wieħed jew aktar tagħha, atturi ta’ theddid li joperaw barra mit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz ikunu wettqu attivitajiet jew kampanji ċibernetiċi malizzjużi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri b’mod partikolari jqisu l-miżuri restrittivi mmirati imposti mill-Unjoni biex jiskoraġġixxu u jirrispondu għal attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha (10). Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi f’isem Stat Membru huma partikolarment rilevanti għall-irkantijiet imwettqa minn dak l-Istat Membru. F’tali każijiet, l-offerenti jenħtieġ li jipprovdu pjan sostanzjat taċ-ċibersigurtà li jiddeskrivi l-miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi biex jiżguraw li d-data użata jew iġġenerata fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom relatati mal-irkant tinħażen u tiġi pproċessata fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u ma tiġix trasferita barra miż-ŻEE. Huwa importanti li operatur stabbilit fiż-ŻEE jżomm kontroll operazzjonali tal-installazzjoni biex jiżgura sorveljanza u infurzar xierqa tal-liġi tal-UE bl-għan li jiggarantixxi s-sigurtà tal-installazzjoni u tas-sistema ġenerali.

(6)

L-inklużjoni ta’ kriterji li jiżguraw il-kapaċità tal-offerent li jwettaq il-proġett huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-offerenti u l-offerti tagħhom ikunu kredibbli, ikollhom l-għarfien tekniku, l-esperjenza u l-kapaċità finanzjarja u ekonomika meħtieġa, u jkollhom pjan kummerċjali u tekniku realistiku sabiex ilestu l-proġett bis-sħiħ u fil-ħin, filwaqt li jirrispettaw l-ispeċifikazzjonijiet differenti u r-rekwiżiti tal-kriterji mhux tal-prezz inklużi fl-irkant. Għalhekk huwa xieraq li l-offerenti jintalbu jipprovdu dokumentazzjoni u evidenza speċifiċi. Meta jfasslu tali kriterji, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu wkoll il-kostijiet tal-proġett, ir-riskji tiegħu, il-kapaċità tal-proġett, il-maturità tat-teknoloġija, il-grad ta’ innovazzjoni meħtieġ mill-irkant u kundizzjonijiet rilevanti oħra tas-suq. Dan huwa partikolarment rilevanti peress li l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti eċċessivi, pereżempju, għal proġetti iżgħar tista’ tillimita l-kompetizzjoni b’mod artifiċjali u teskludi atturi iżgħar li altrimenti jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-irkant. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti eċċessivi tista’ tillimita l-parteċipazzjoni fl-irkant minn parteċipanti ġodda. Minflok, għal proġetti akbar, li jinvolvu riskji ogħla, jista’ jkun meħtieġ li jiġu imposti kundizzjonijiet aktar stretti biex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu jistgħu jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, filwaqt li xorta jiġi ggarantit proċess kompetittiv ta’ offerti.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735, l-Istati Membri jridu jinkludu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni biex jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza. L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1735 jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti japplikaw f’ċerti proċeduri tal-akkwist pubbliku rekwiżiti obbligatorji minimi rigward is-sostenibbiltà ambjentali u ċerti rekwiżiti obbligatorji biex jivvalutaw il-kontribut tal-offerta għar-reżiljenza. Kemm il-proċeduri tal-akkwist pubbliku kif ukoll l-irkantijiet għall-varar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-Unjoni. L-impriżi pubbliċi li joperaw fis-settur tal-enerġija li huma entitajiet kontraenti f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) huma soġġetti għall-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1735 meta jakkwistaw teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (k), tar-Regolament (UE) 2024/1735. Fl-istess ħin, jistgħu jipparteċipaw ukoll bħala offerenti fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli soġġetti għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735. Il-premessa 81 tar-Regolament (UE) 2024/1735 tfakkar fl-importanza li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u tar-reżiljenza jiġu applikati b’mod li jiżgura kompetizzjoni ġusta u ugwali fost l-atturi tas-suq irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tagħhom. Sabiex tiġi żgurata tali kompetizzjoni ġusta u ugwali, għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-rekwiżiti tar-reżiljenza u tas-sostenibbiltà ambjentali, l-impriżi pubbliċi li jipparteċipaw fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 26 jenħtieġ li jkunu soġġetti biss għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 26. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 25 jenħtieġ li japplikaw għall-akkwist ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, ħlief meta tali akkwist jintuża biex jitwettqu proġetti mogħtija fil-kuntest ta’ rkantijiet tal-enerġija rinnovabbli soġġetti għall-Artikolu 26 (12)

(8)

L-għażla speċifika tat-tip ta’ kriterji biex jiġi vvalutat il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza (kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni) taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet rilevanti li jfasslu l-irkant speċifiku. Madankollu, l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li jiżguraw li l-għażla tat-tip ta’ kriterji ma timminax in-natura kompetittiva tal-proċess tal-offerti u ma tnaqqasx bla bżonn il-varar tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli.

(9)

Il-valutazzjoni tal-kontribut tal-irkantijiet għar-reżiljenza jenħtieġ li jkollha l-għan li tiżgura l-aċċess tal-Unjoni għal provvista tal-enerġija sigura u sostenibbli billi (i) tnaqqas id-dipendenzi attwali u tevita dipendenzi strateġiċi ġodda fuq pajjiżi terzi uniċi għall-provvista ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom, u (ii) issaħħaħ il-kapaċità tal-manifattura tal-Unjoni ta’ dawn it-teknoloġiji u l-komponenti. Dan jenħtieġ li jsir mingħajr ma tiġi pperikolata l-kisba tal-mira vinkolanti tal-Unjoni dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Meta jiddeċiedu jekk japplikawx ir-reżiljenza bħala kriterju tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jew għall-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom, l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li jqisu l-livell ta’ dipendenza tal-Unjoni fuq pajjiż terz għal dik it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti jew il-komponent speċifiku ewlieni tagħha, id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista u l-impatt li l-applikazzjoni tar-reżiljenza bħala kriterju tal-prekwalifikazzjoni minflok kriterju tal-aġġudikazzjoni jista’ jkollha fuq il-provvista ta’ dak il-komponent speċifiku ewlieni. F’każijiet meta r-reżiljenza tintuża bħala kriterju tal-aġġudikazzjoni fl-irkantijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jkollhom l-għan li jżidu d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-Unjoni lil hinn minn pajjiż li fuqu l-Unjoni hija eċċessivament dipendenti billi jagħtu għadd akbar ta’ punti lill-offerenti li jiżguraw diversifikazzjoni ogħla tas-sorsi tal-provvista tagħhom meta mqabbla mal-offerenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ reżiljenza.

(10)

Sabiex jiġu indirizzati d-dipendenzi tal-Unjoni fuq pajjiż terz wieħed li jforni aktar minn 50 % ta’ teknoloġija speċifika b’emissjonijiet żero netti jew il-komponenti tagħha jew mill-inqas 40 % f’ċerti ċirkostanzi, u biex tiġi promossa d-diversifikazzjoni tal-provvista, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jillimitaw il-parteċipazzjoni għal irkantijiet rilevanti jew jaġġudikaw punti abbażi ta’ rekwiżiti marbuta mal-oriġini tal-prodott finali u ċertu għadd ta’ komponenti speċifiċi ewlenin stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1178 (14) li joriġinaw minn pajjiż terz li l-Unjoni hija eċċessivament dipendenti fuqu. Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi limitata l-oriġini ta’ ċerti komponenti strateġiċi ewlenin minħabba l-valur tat-teknoloġija tagħhom u r-rwol ċentrali tagħhom fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u fil-katina tal-provvista ta’ teknoloġiji speċifiċi b’emissjonijiet żero netti, iżda għal komponenti speċifiċi ewlenin oħra jenħtieġ li l-offerenti jżommu l-flessibbiltà fl-għażla ta’ liema komponenti biħsiebhom jiksbu mill-pajjiż terz li fuqu l-Unjoni hija dipendenti b’mod eċċessiv fil-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawn ir-rekwiżiti jipprevedu metodoloġija prattika u verifikabbli b’mod oġġettiv biex tiġi vvalutata r-reżiljenza ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom li huma parti minn irkant. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti speċifiċi għat-teknoloġiji differenti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, bħad-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista, kapaċità suffiċjenti ta’ manifattura globalment, il-livell ta’ maturità u r-rata ta’ varar tat-teknoloġija, l-impatt tad-diversifikazzjoni fuq il-ktajjen tal-provvista u l-kostijiet ġenerali. Fil-każ ta’ prodotti finali tat-teknoloġiji fotovoltajċi (sistemi fotovoltajċi solari) u moduli fotovoltajċi, ir-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (15) jipprevedu li l-assemblaġġ taċ-ċelloli fotovoltajċi (HS 8541 42 ) li huma kklassifikati fl-istess intestatura tariffarja bħall-moduli fotovoltajċi (HS 8541 43 ), jew komponenti ekwivalenti f’moduli fotovoltajċi ma jbiddilx l-oriġini tal-modulu. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq li ssir referenza għall-assemblaġġ tas-sistema fotovoltajka solari u tal-modulu fotovoltajku, aktar milli għall-oriġini tagħhom, bħala referenza għall-kontribut għar-reżiljenza ta’ dawk il-passi speċifiċi tal-manifattura.

(11)

Għal ċerti komponenti speċifiċi ewlenin, il-livell ta’ dipendenza fuq pajjiż terz wieħed jista’ jkun tant għoli li applikazzjoni stretta tal-kriterju tar-reżiljenza tipperikola s-sigurtà tal-provvista ta’ dak il-komponent. F’tali każijiet huwa xieraq li l-awtoritajiet rilevanti jżommu ċerta flessibbiltà biex iżidu l-limitu tal-komponenti speċifiċi ewlenin li jistgħu joriġinaw minn dak il-pajjiż terz li fuqu jkun hemm dipendenza eċċessiva.

(12)

Meta tkun qed twettaq il-valutazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) 2024/1735 dwar il-kriterji ta’ reżiljenza u ta’ sostenibbiltà għall-irkanti għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-effett tagħhom fuq il-varar aċċellerat tat-teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq l-effettività tal-kriterju tar-reżiljenza u jekk tali effettività hijiex imminata minn prattiki li għandhom l-għan li jalteraw l-oriġini jew il-post tal-assemblaġġ tal-prodotti finali ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jew il-komponenti speċifiċi ewlenin.

(13)

L-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw ukoll il-kontribut għar-reżiljenza tal-irkantijiet għat-teknoloġiji eoliċi fuq l-art, it-teknoloġiji eoliċi lil hinn mill-kosta u l-elettrolizzaturi, anki fin-nuqqas ta’ pajjiż terz wieħed li jforni aktar minn 50 % ta’ dawn it-teknoloġiji jew il-komponenti tagħhom jew mill-inqas 40 % f’ċerti ċirkostanzi, minħabba li għal dawn it-teknoloġiji hemm riskju sinifikanti ta’ dipendenza akbar fuq l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jista’ jhedded is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Dan huwa hekk minħabba x-xejriet attwali u mbassra tal-provvista u d-domanda globali u tal-Unjoni għal dawn it-teknoloġiji, u l-fatt li l-kapaċità tal-produzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina taqbeż il-50 % tal-produzzjoni globali (16) u l-produzzjoni mbassra tagħha taqbeż b’mod sinifikanti l-miri domestiċi u d-domanda prevedibbli tagħha.

(14)

L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2024/1735 jindika li l-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà jista’ jiġi vvalutat billi jiġu introdotti kriterji relatati mas-sostenibbiltà ambjentali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi fil-liġi applikabbli, l-innovazzjoni jew l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2024/1735 jipprevedi l-inklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà ambjentali kemm f’ċerti proċeduri ta’ akkwist pubbliku kif ukoll f’ċerti rkantijiet għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Ir-Regolament jagħti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi relatati mas-sostenibbiltà ambjentali għall-kuntratti pubbliċi u biex tispeċifika aktar il-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali li jistgħu jintużaw fl-irkantijiet sabiex jiġu varati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Tal-ewwel se jiġi stabbilit f’regolament ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 25, il-paragrafu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1735, filwaqt li tal-aħħar ġew stabbiliti fir-Regolament preżenti. Iż-żewġ atti għandhom l-għan li jilħqu l-istess għan li jżidu s-sostenibbiltà ambjentali tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Madankollu, l-approċċ taż-żewġ Regolamenti u l-kontenut tagħhom ivarjaw sabiex jitqiesu s-setgħat legali speċifiċi differenti, id-differenza fil-proċeduri relatati mal-akkwist pubbliku u l-irkantijiet għall-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-kamp ta’ applikazzjoni differenti f’termini ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti koperti u d-differenza fit-tip ta’ awtoritajiet li huma responsabbli għal dawn il-proċeduri differenti u fil-volumi li jiġu varati permezz tagħhom.

(16)

Meta jagħżlu li jistabbilixxu kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali, l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li jistabbilixxu kriterji li jivvalutaw l-impatti fuq il-klima u l-ambjent. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li japplikaw wieħed jew aktar mill-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali stabbiliti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jew kriterji oħra li jqisu rilevanti.

(17)

L-impronta tal-karbonju tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli hija wieħed mill-kriterji rilevanti li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jistgħu jintroduċu fl-irkantijiet biex jivvalutaw il-kontribut tagħhom għas-sostenibbiltà ambjentali. Sabiex dan il-kriterju jkun oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, l-impronta tal-karbonju tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti jenħtieġ li titkejjel u tiġi vvalutata fuq bażi taċ-ċiklu tal-ħajja. Huwa xieraq ukoll li jiġu armonizzati l-metodi għall-valutazzjoni tal-impronti tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex jitnaqqsu l-marġnijiet għas-suppożizzjonijiet u tittejjeb il-komparabbiltà tar-riżultati, li hija meħtieġa biex tippermetti kontribut effettiv għas-sostenibbiltà ambjentali. Hija mistennija aktar armonizzazzjoni f’dan il-qasam bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa (17). Meta d-dritt tal-Unjoni jipprovdi metodu għall-valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju ta’ teknoloġija partikolari b’emissjonijiet żero netti, l-Istati Membri jenħtieġ li jużawha fl-irkantijiet nazzjonali tagħhom għall-varar ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li jużaw dik it-teknoloġija.

(18)

Fin-nuqqas ta’ dritt tal-Unjoni li jipprovdi metodu speċifiku jew metodu li jindika li huwa xieraq li jintuża bħala indikatur għall-valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju ta’ teknoloġija partikolari tal-enerġija rinnovabbli, sabiex tittejjeb il-komparabbiltà tar-riżultati meta tintuża l-impronta tal-karbonju bħala kriterju fl-irkantijiet, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-parametri tad-disinn għal dak il-kriterju, b’mod partikolari f’termini ta’ metodoloġija u rekwiżiti tal-kwalità tad-data.

(19)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari (18).

(20)

L-irkantijiet għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jistgħu jikkontribwixxu għal din it-tranżizzjoni billi jistabbilixxu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni relatati maċ-ċirkolarità. Jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li jagħmlu dan, jenħtieġ li jistabbilixxu kriterji dwar ir-riċiklabbiltà, il-faċilità tat-tiswija u l-manutenzjoni jew il-faċilità tal-aġġornament, l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-rinnovazzjoni tal-prodotti, jew dwar l-użu jew il-kontenut ta’ materjali riċiklati, inkluża l-materja prima kritika, li jirreferu għal parametru rilevanti wieħed jew aktar tal-prodott stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(21)

It-telf tal-bijodiversità u l-kollass tal-ekosistema huma fost l-akbar theddid li qed tiffaċċja l-umanità. L-Unjoni stabbiliet oqfsa legali, strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni biex tipproteġi n-natura u tirrestawra l-ħabitats u l-ispeċijiet, bħall-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 (20) u r-Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Il-kriżi klimatika twassal għat-telf tal-bijodiversità fuq livell globali u t-telf tal-bijodiversità jaggrava t-tibdil fil-klima, li huma b’hekk marbuta b’mod inseparabbli, kif ikkonfermaw studji reċenti. Il-bijodiversità u l-ekosistemi b’saħħithom huma fundamentali għall-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(22)

It-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jista’ jkollhom impatti negattivi u pożittivi fuq il-bijodiversità. Huwa xieraq li jitfasslu kriterji fl-irkantijiet li jgħinu biex tinżamm id-diversità tal-ispeċijiet, l-ekosistemi u l-kapaċità riproduttiva tagħhom. L-impatti negattivi huma fil-biċċa l-kbira lokali u jistgħu jinkludu t-telf jew id-deterjorament tal-ħabitats kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċijiet, inkluż permezz tal-istorbju u l-kolliżjonijiet. L-impatti pożittivi jistgħu jinkludu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u l-interventi tal-pajsaġġ li jkunu ta’ benefiċċju għall-organiżmi selvaġġi. Il-kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni, jew it-tnejn li huma, li jindirizzaw l-impatt tal-bijodiversità għandhom il-potenzjal li jippromwovu sinerġiji bejn it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-bijodiversità. Il-monitoraġġ trasparenti tal-impatt tal-proġetti fuq il-bijodiversità jenħtieġ li jsir matul il-ħajja ta’ proġett u għandhom jittieħdu miżuri ta’ adattament meta meħtieġ.

(23)

Meta l-awtoritajiet rilevanti jinkludu l-impatt fuq il-bijodiversità tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti bħala kriterju tal-aġġudikazzjoni, il-kriterju jenħtieġ li jirrikjedi kontributi pożittivi netti għall-bijodiversità. Eżempji ta’ miżuri li jindirizzaw il-kontributi pożittivi netti għall-bijodiversità jistgħu jinkludu r-restawr jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-ħabitats, miżuri biex jittejbu l-ħabitats tal-ispeċijiet u jiżdiedu l-popolazzjonijiet tagħhom jew miżuri biex titnaqqas il-pressjoni minn attivitajiet oħra fuq l-ambjent. L-ippremjar tal-kontributi pożittivi netti għall-bijodiversità lil hinn mill-miżuri ta’ kumpens jiżgura kundizzjonijiet ekwi fost l-offerenti kompetituri li l-proġetti tagħhom għandhom impatti diverġenti u jipprovdi inċentiv biex jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi.

(24)

L-effiċjenza enerġetika hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990, kif stabbilit fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. Barra minn hekk, l-effiċjenza enerġetika tikkostitwixxi wkoll fattur ewlieni fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-enerġija u fit-titjib tar-reżiljenza tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti tranżizzjoni ekoloġika kemm ġusta kif ukoll sikura.

(25)

L-irkantijiet jistgħu jikkontribwixxu għall-effiċjenza enerġetika billi jinkludu, fl-istadju tal-valutazzjoni tal-kontribut għas-sostenibbiltà, kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni li jidentifikaw il-prodotti li l-effiċjenza enerġetika tagħhom se tiġi vvalutata u, għal kull prodott, il-metodoloġija ta’ valutazzjoni applikabbli. Il-kriterji jenħtieġ li jiġu stabbiliti, meta applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) jew il-parametri referenzjarji tal-effiċjenza enerġetika speċifikati fil-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(26)

Il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma hija importanti għar-reżiljenza tal-Unjoni, u l-ġestjoni strutturali ħażina tal-ilma rriżultat fid-degradazzjoni u t-tniġġis ta’ din ir-riżorsa mhux infinita u tal-ekosistemi relatati mal-ilma. Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) stabbiliet mudell integrat għall-ġestjoni tal-kwalità tal-ilma, u l-politika tal-Unjoni dwar l-ilma għandha l-għan li tipprovdi lill-Ewropej b’aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba u suffiċjenti, tiggarantixxi l-istatus tajjeb tal-korpi tal-ilma kollha madwar l-Ewropa kif ukoll tiżgura disponibbiltà tal-ilma suffiċjenti, ibbilanċjata u ekwa għas-setturi kollha li jużaw l-ilma, inkluża l-industrija. Xi teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti għandhom impatt fuq l-ilma matul il-fażi tal-użu tagħhom billi jużaw l-ilma jew jarmu l-ilma mormi fil-korpi tal-ilma. Għalhekk, jista’ jkun rilevanti li jitfasslu kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali mhux relatati mal-prezz relatati mal-ilma fl-irkantijiet għal tali teknoloġiji.

(27)

It-tnaqqis tat-tniġġis huwa element ewlieni ieħor tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Il-pjan jistabbilixxi l-mira li t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali u li jirrispettaw il-konfini li l-pjaneta tagħna tista’ tlaħħaq magħhom. L-irkantijiet għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa billi jistabbilixxu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni dwar il-livelli tat-tniġġis. Jekk l-awtoritajiet rilevanti jiddeċiedu li jużaw tali kriterji, il-metodoloġiji, il-livelli limiti u l-mekkaniżmi ta’ konformità rilevanti jenħtieġ li jiġu definiti f’konformità u abbażi tad-dritt tal-Unjoni, meta disponibbli, u filwaqt li jitqiesu kif applikabbli l-kriterji stabbiliti fl-Appendiċi C tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2486 (25).

(28)

L-innovazzjoni hija kruċjali għall-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-varar rapidu tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tfittex li tippromwovi l-innovazzjoni fil-varar tal-enerġija rinnovabbli billi tistabbilixxi mira indikattiva għal teknoloġija innovattiva tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 5 % tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata ġdida sal-2030. L-integrazzjoni tal-kriterji ta’ innovazzjoni fit-tfassil tal-irkant jenħtieġ li tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet kompletament ġodda jew it-titjib ta’ soluzzjonijiet li jmorru lil hinn mill-aktar avvanzati. Dan se joħloq qafas robust li jmexxi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati, li jiżgura triq sostenibbli u kompetittiva lejn in-newtralità klimatika.

(29)

Meta l-innovazzjoni tintuża bħala kriterju tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni fl-irkantijiet, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ rkantijiet. L-ewwel nett, l-aktar tipi komuni ta’ rkantijiet huma dawk li ma jiffokawx speċifikament fuq l-innovazzjoni bħala l-mutur ewlieni għall-irkant, iżda li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa l-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Filwaqt li dawn l-irkantijiet ma għandhomx l-għan li jippromwovu l-innovazzjoni per se, ċerti elementi li jippremjaw l-innovazzjoni jistgħu jiżdiedu fit-tfassil tal-irkant bħala kriterji tal-aġġudikazzjoni jew tal-prekwalifikazzjoni. It-tieni subsett iżgħar ta’ rkantijiet jista’ jissejjaħ irkantijiet purament tal-innovazzjoni, li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa l-promozzjoni tal-innovazzjoni marbuta mal-varar futur ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħal proġetti ta’ enerġija mill-mewġ u mill-marea jew ta’ turbini eoliċi li jaħdmu permezz ta’ tajra.

(30)

Fiż-żewġ tipi ta’ rkantijiet meta l-innovazzjoni hija inkluża bħala kriterju tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li dejjem jivvalutaw il-kontribut tal-proġetti kandidati għal livell minimu ta’ titjib fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jiġi żgurat li l-proġett iwassal soluzzjonijiet, teknoloġiji jew titjib li jmur lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku diġà disponibbli fis-suq u relattiv għas-suġġett tal-irkant. L-għażla tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li magħhom se titqabbel l-innovazzjoni ma’ soluzzjonijiet u teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tiddependi fuq l-objettiv tal-politika pubblika segwit mill-Istati Membri. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkejlu t-titjib fl-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tat-teknoloġija, ir-riċiklabbiltà, il-flessibbiltà tas-soluzzjoni jew tat-teknoloġija għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, id-dipendenza aktar baxxa fuq il-materja prima, il-lonġevità tat-teknoloġija, l-impatt ambjentali aktar baxx jew indikaturi ewlenin oħra tal-prestazzjoni skont l-objettiv pubbliku speċifiku segwit mill-inklużjoni tal-kriterju tal-innovazzjoni mhux tal-prezz.

(31)

Fl-irkantijiet purament tal-innovazzjoni, l-introduzzjoni ta’ kriterji tal-prekwalifikazzjoni għall-valutazzjoni tal-innovazzjoni jenħtieġ li tqis ukoll il-maturità tas-soluzzjonijiet jew tat-teknoloġiji proposti sabiex jiġi ggarantit li l-proġett kandidat jissodisfa l-objettivi tal-offerta u li l-innovazzjonijiet proposti ma jkunux fi stadju tant bikri ta’ żvilupp li ma jimmaterjalizzawx. Għall-irkantijiet li ma jiffokawx speċifikament fuq l-innovazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li jitħallew ukoll jirrikjedu ċertu livell ta’ maturità tal-proġetti tal-offerti sabiex jevitaw li jirċievu offerti fi stadji bikrija ħafna tal-iżvilupp li x’aktarx ma jissodisfawx l-objettivi tal-irkant.

(32)

It-tixrid tal-għarfien dwar l-aħħar żviluppi innovattivi huwa essenzjali biex tiġi xprunata aktar l-innovazzjoni, b’mod partikolari għall-irkantijiet purament tal-innovazzjoni (26). L-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu bħala kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni l-ħtieġa li r-riżultati tal-proġett rebbieħ jinxterdu permezz ta’ konferenzi, pubblikazzjoni, repożitorji b’aċċess miftuħ jew software b’xejn/b’sors miftuħ u, kull meta jkun rilevanti, data operazzjonali dment li jiġu stabbiliti miżuri ta’ kunfidenzjalità adegwati. Bl-istess mod, jenħtieġ li jirrikjedu li l-offerta rebbieħa timpenja ruħha li, fuq bażi f’waqtha, tagħmel disponibbli liċenzji għar-riżultati tar-riċerka ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp megħjuna, li huma protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bi prezz tas-suq u fuq bażi mhux esklużiva u mhux diskriminatorja għall-użu mill-partijiet interessati fiż-ŻEE. Għall-irkantijiet li ma jiffokawx speċifikament fuq l-innovazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jinkludu bħala kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni din it-tip ta’ rekwiżiti ta’ tixrid tal-għarfien.

(33)

Bl-introduzzjoni ta’ installazzjonijiet ġodda tal-enerġija rinnovabbli varjabbli, is-sistema tal-elettriku qed tiffaċċja sfidi speċifiċi bħall-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ konġestjoni tal-grilja filwaqt li tinżamm l-istabbiltà tal-grilja. Dawn il-ħtiġijiet huma tipikament indirizzati permezz ta’ dispaċċ mill-ġdid u soluzzjonijiet oħra li jinvolvu kost għas-sistema. L-introduzzjoni tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija bħala kriterju mhux tal-prezz fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli tista’ ttaffi dawn il-kostijiet tas-sistema billi tindirizza l-impatt fuq is-sistema tat-tħaddim tal-proġett tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-ħtiġijiet tas-sistema tal-enerġija ma jistgħux jiġu indirizzati biss permezz ta’ kriterji mhux tal-prezz fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli u jirrikjedu soluzzjonijiet sistemiċi, inkluż l-ippjanar tan-network, l-aspetti regolatorji, is-sinjali tas-suq jew it-tariffi tan-network.

(34)

Il-kriterji mhux tal-prezz għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija jenħtieġ li jitfasslu b’mod li jippermetti li t-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet kollha li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sistema identifikati jipparteċipaw. Jekk debitament ġustifikat abbażi tal-ħtiġijiet tas-sistema identifikati jew permess fid-dritt tal-Unjoni, l-irkantijiet jenħtieġ li jiffukaw ukoll fuq teknoloġija jew soluzzjoni waħda jew aktar. Dawn it-teknoloġiji jew soluzzjonijiet jistgħu jiġu inklużi fl-investimenti previsti fil-proġett tal-offerti jew jinkisbu permezz ta’ kuntratt ma’ parti terza sakemm jikkostitwixxu investiment ġdid. Din il-possibbiltà se tippermetti lill-offerenti jagħżlu l-aktar soluzzjonijiet kosteffettivi. Il-valutazzjoni tal-kontribut għal ħtieġa ta’ sistema għal teknoloġiji u soluzzjonijiet differenti tista’ tirrikjedi għodod ta’ mmudellar li jippermettu lill-awtoritajiet jistmaw l-impatt fuq is-sistema tal-enerġija ta’ xenarji bil-proġett tal-offerti u mingħajru b’mod oġġettiv u mhux diskriminatorju. Approċċi alternattivi jistgħu jiffukaw jew fuq varjabbli oġġettivi u verifikabbli li jservu bħala indikaturi għall-ħtiġijiet ġenerali tas-sistema jew bħala indikaturi għall-kontribut ta’ teknoloġiji speċifiċi, filwaqt li jitqies b’mod partikolari l-ippjanar tan-network. Madankollu, dawn l-approċċi alternattivi jirriskjaw li jissottovalutaw l-impatt potenzjali tal-proġett kandidat fuq is-sistema.

(35)

Meta jinkludu l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija bħala kriterju fid-disinn tal-irkant tagħhom, l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li jqisu l-kontribut tal-proġetti tal-offerti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sistema, abbażi tat-tliet parametri ewlenin li ġejjin: il-kontribut tal-proġetti tal-offerti għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku minn perspettiva temporali; il-kontribut tagħhom għall-istabbiliment ta’ konnessjonijiet bejn it-trasportaturi tal-enerġija; u l-kontribut tagħhom għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku minn perspettiva ta’ lokalità.

(36)

Meta jiġi vvalutat l-kontribut tal-proġetti tal-offerti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku minn perspettiva temporali, jenħtieġ li titqies il-firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet, inkluż il-ħżin tal-enerġija u r-rispons tad-domanda, li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi maħluqa minn varjazzjonijiet fil-ġenerazzjoni rinnovabbli u fid-domanda għall-elettriku. Fil-qafas tal-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-użu ta’ assi li jippermettu l-modulazzjoni tal-ġenerazzjoni, il-feed-in tal-grilja jew il-konsum tal-proġetti tal-offerti jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sistema billi jipprovdi flessibbiltà temporali. Dan jista’ jinkiseb pereżempju permezz tal-kombinazzjoni ta’ diversi teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli, il-kombinazzjoni ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u assi ta’ ħżin tal-elettriku jew il-kombinazzjoni ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u assi jew soluzzjonijiet tad-domanda li jistgħu jżidu jew inaqqsu d-domanda għall-elettriku meta jkun meħtieġ.

(37)

Meta jiġi vvalutat il-kontribut tal-proġett tal-offerti għall-istabbiliment ta’ konnessjonijiet bejn it-trasportaturi tal-enerġija, jenħtieġ li titqies il-kapaċità ta’ trasferiment tal-enerġija rinnovabbli minn trasportatur tal-enerġija għal ieħor permezz ta’ assi tal-konverżjoni tal-enerġija. Il-konnessjonijiet bejn il-vetturi tal-enerġija jirreferu b’mod partikolari għall-konverżjoni tal-elettriku rinnovabbli fi trasportatur tal-enerġija differenti, bħas-sħana jew l-idroġenu, għall-konsum f’settur tad-domanda li ma jikkunsmax l-elettriku direttament. B’dan il-mod, id-dekarbonizzazzjoni gradwali tas-sistema tal-elettriku li għaliha jikkontribwixxi l-proġett tal-offerti tista’ tippermetti d-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tad-domanda li ma jużawx l-elettriku, bħas-sħana f’xi bini residenzjali jew industrijali jew l-idroġenu f’xi proċessi industrijali. Għalhekk, il-konnessjonijiet bejn it-trasportaturi tal-enerġija jikkontribwixxu għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-enerġija biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni meta din tkun l-aktar perkors kosteffiċjenti. Barra minn hekk, l-assi tal-konverżjoni tal-enerġija li jistabbilixxu dawn il-konnessjonijiet bejn il-vetturi tal-enerġija, bħall-elettrolizzaturi jew il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni u tal-ħżin tas-sħana, jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet temporali ta’ flessibbiltà fis-settur tal-elettriku.

(38)

Meta jiġi vvalutat il-kontribut tal-proġett tal-offerti għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku minn perspettiva tal-lokalità, jenħtieġ li l-enfasi tkun fuq l-interazzjoni bejn it-topoloġija tal-grilja u l-post tal-assi tal-ġenerazzjoni u tal-konsum, li tista’ twassal għal kwistjonijiet ta’ konġestjoni tal-grilja u użu aktar baxx tal-enerġija rinnovabbli. Post ottimali ta’ proġetti ġodda ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-punt ta’ konnessjoni mal-grilja jista’ għalhekk jgħin biex jittaffew il-kwistjonijiet ta’ konġestjoni tal-grilja u huwa ta’ importanza kruċjali għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku. Għalhekk, l-irkantijiet jistgħu jillimitaw il-parteċipazzjoni għal proġetti li jinsabu f’żoni predefiniti meta jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni tal-grilja jew jattribwixxu punti għal proġetti tal-offerti abbażi tal-impatt tagħhom fuq il-lokalità.

(39)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kriterji speċifikati f’dan ir-Regolament fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu metodoloġija għall-valutazzjoni tal-kriterji mhux tal-prezz speċifikati f’dan ir-Regolament, jintroduċu mekkaniżmi u garanziji xierqa ta’ monitoraġġ biex jiżguraw il-konformità ma’ tali kriterji u penali xierqa f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Dawn il-garanziji u penali jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jibbilanċja l-ħtieġa li jiġi żgurat proċess kompetittiv ta’ offerti filwaqt li jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jagħmlu offerti mingħajr intenzjoni soda li jwettqu l-proġett u jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett. Il-livell ta’ garanziji u penali jenħtieġ li jitfassal b’tali mod li jkun aktar għali għall-offerenti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-irkant milli li jġarrbu l-kost u jissodisfawhom.

(40)

Għal xi kriterji, jista’ jkun meħtieġ li tintwera l-konformità matul il-ħajja tal-proġett, pereżempju l-kontribut għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, iċ-ċibersigurtà jew is-sostenibbiltà ambjentali jista’ jirrikjedi monitoraġġ permanenti. Huwa xieraq li jiġu introdotti regoli armonizzati dwar iż-żmien tal-verifika ta’ tali konformità. L-offerenti kollha f’irkant jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-irkant inklużi fl-offerta tagħhom meta jissottomettu l-offerta tagħhom. Id-dimostrazzjoni tal-konformità attwali mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kriterji differenti mhux tal-prezz u rekwiżiti oħra tal-irkant tista’ ssir f’punti ta’ żmien differenti, li jenħtieġ li jiġu definiti mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri meta rilevanti.

(41)

L-offerenti jenħtieġ li jipprovdu dokumentazzjoni speċifika biex jagħtu prova tal-konformità ma’ ċerti kriterji mhux tal-prezz. Sabiex tiġi ppruvata l-konformità mal-kriterji tal-prekwalifikazzjoni dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju fl-irkantijiet għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu dikjarazzjonijiet żgurati minn partijiet terzi dwar id-diliġenza dovuta. Biex juri implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, l-offerent jenħtieġ li jissottometti pjan taċ-ċibersigurtà u jaġġornah fuq bażi regolari. Meta rilevanti, l-awtoritajiet jistgħu jirrikjedu li l-offerenti u l-fornituri tagħhom jgħaddu minn awditi regolari tas-sigurtà mwettqa minn partijiet terzi indipendenti u jippreżentaw ir-riżultati ta’ dawn l-awditi fuq bażi regolari.

(42)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. L-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni fl-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u f’konformità mar-rekwiżit rilevanti għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku. Tali kriterji jenħtieġ li jikkonformaw ukoll mad-dritt tal-Unjoni u ma jmorrux lil hinn minnu u jkunu konsistenti mal-impenji meħuda skont ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri huma partijiet u arranġamenti kummerċjali u ta’ investiment li l-Unjoni jew l-Istat Membru jaderixxu magħhom.

(43)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Unjoni tal-Enerġija,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1735.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“komunità tal-enerġija rinnovabbli” tfisser komunità tal-enerġija rinnovabbli kif definita fl-Artikolu 2(16) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(2)

“diliġenza dovuta” tfisser proċess li bih il-kumpaniji jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jqisu kif jindirizzaw l-impatti negattivi ambjentali u soċjali li jirriżultaw mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom relatati mal-irkant; dawn jinkludu impatti negattivi marbuta mal-operazzjonijiet tal-kumpanija stess u l-katina tal-valur upstream u downstream tagħha, inkluż permezz tal-prodotti jew is-servizzi tagħha, kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha;

(3)

“network u sistema tal-informazzjoni” tfisser network u sistemi tal-informazzjoni kif definiti fl-Artikolu 6, il-punt 1 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

(4)

“sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni” tfisser is-sigurtà tas-network u tas-sistemi tal-informazzjoni kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(5)

“kontroll operazzjonali” tfisser l-awtorità li tintroduċi u timplimenta politiki operattivi li jirregolaw l-attivitajiet, il-proċessi u r-riżorsi ta’ kuljum biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel ta’ installazzjoni, u b’mod partikolari tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tagħha;

(6)

“assemblaġġ” ta’ modulu fotovoltajku tfisser l-integrazzjoni u l-interkonnessjoni ta’ serje ta’ ċelloli fotovoltajċi jew komponenti ekwivalenti kif elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1178 f’unità waħda;

(7)

“impronta tal-karbonju” tfisser is-somma tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tal-assorbimenti ta’ gassijiet serra f’sistema ta’ prodotti, meta jitqiesu l-attivitajiet rilevanti kollha fil-limitu spazjali u temporali tas-sistema, espressa bħala ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju vvalutata abbażi tal-potenzjali ta’ tisħin globali fuq perjodu ta’ żmien ta’ 100 sena u kkalkulata abbażi ta’ studju ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja bl-użu tal-kategorija tal-impatt unika tat-tibdil fil-klima;

(8)

“ekonomija ċirkolari” tfisser sistema ekonomika li permezz tagħha jinżamm il-valur tal-prodotti, tal-materjali u ta’ riżorsi oħra fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli, jissaħħaħ l-użu effiċjenti tagħhom fil-produzzjoni u l-konsum, biex b’hekk jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-użu tagħhom, u jitnaqqas l-iskart u r-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart;

(9)

“impatt fuq il-bijodiversità” tfisser kwalunkwe bidla fil-bijodiversità bħal fl-abbundanza jew fid-distribuzzjoni tal-ispeċijiet jew fid-distribuzzjoni, fl-istruttura u fil-funzjonijiet tal-ħabitats u tal-ekosistemi bħala effett dirett jew indirett tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(10)

“effiċjenza enerġetika” tfisser il-proporzjon tal-output tal-enerġija mal-input tal-enerġija fil-każ ta’ prodotti li jiġġeneraw l-enerġija jew l-effiċjenza tal-konverżjoni, jiġifieri l-proporzjon tal-output tal-enerġija mal-input tal-enerġija fil-każ ta’ prodotti tal-konverżjoni tal-enerġija u tal-ħżin tal-enerġija;

(11)

“tniġġis” tfisser tniġġis kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (2) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) u, għal tniġġis relatat mal-ilma, kif definit fl-Artikolu 2(33) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(12)

“flessibbiltà temporali” tfisser il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jadattaw il-mudelli ta’ ġenerazzjoni, ta’ feed-in tal-grilja u ta’ konsum biex jikkontribwixxu għall-ħtiġijiet tas-sistema fil-perjodi ta’ żmien rilevanti kollha, ġeneralment billi jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq, b’mod partikolari fis-settur tal-elettriku;

(13)

“impatt tal-lokalità” tfisser il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jgħinu fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku abbażi tal-għażla tas-sit u tal-punt ta’ konnessjoni mal-grilja;

(14)

“konnessjoni bejn it-trasportaturi tal-enerġija” tfisser il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jittrasferixxu l-enerġija minn trasportatur tal-enerġija għal ieħor permezz ta’ assi tal-konverżjoni tal-enerġija.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

Il-kriterji mhux tal-prezz fl-irkantijiet skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735 għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)

għandhom jiġu definiti u evalwati b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ politika tal-irkant u l-kontribut potenzjali ta’ kull teknoloġija għal dawk l-objettivi;

(b)

dawn għandhom jirriflettu l-maturità tas-suq tat-teknoloġiji indirizzati u jistgħu jitfasslu billi jiġu involuti l-parteċipanti interessati rilevanti fis-suq, inklużi l-iżviluppaturi, il-manifatturi, is-soċjetà ċivili u l-esperti, fil-kriterji differenti mhux tal-prezz inklużi fl-irkant;

(c)

għandhom jikkontribwixxu għall-varar rapidu, effiċjenti u sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli b’mod kompetittiv, jattiraw investimenti privati u jipprovdu benefiċċji bħaċ-ċertezza tal-investiment;

(d)

għandhom jiżguraw proċess kompetittiv ta’ offerti u jevitaw il-ħolqien ta’ ostakli għad-dħul insormontabbli u mhux ġustifikat u kostijiet sproporzjonati, filwaqt li jiskoraġġixxu lill-kumpaniji mingħajr intenzjoni soda li jwettqu l-proġett u jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett milli jagħmlu offerti;

(e)

dawn għandhom jiġu applikati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-impenji tal-Unjoni skont il-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ u l-investiment;

(f)

huma għandhom jużaw metodi ta’ valutazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal dik it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, meta disponibbli;

(g)

meta l-atti delegati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/1781 jistabbilixxu klassijiet ta’ prestazzjoni fir-rigward ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, il-kriterji rilevanti tal-irkant għall-varar ta’ tali teknoloġija b’emissjonijiet żero netti għandhom ikunu bbażati fuq dawk il-klassijiet ta’ prestazzjoni.

KAPITOLU II

KRITERJI OBBLIGATORJI TAL-PREKWALIFIKAZZJONI

Artikolu 4

Imġiba responsabbli fin-negozju

1.   Il-kriterji tal-prekwalifikazzjoni relatati mal-imġiba responsabbli fin-negozju għandhom jirrikjedu li l-offerenti, ħlief jekk ikunu persuni fiżiċi, kumpaniji li ma jkunux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE kif definit fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom jew il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, jieħdu azzjoni biex jindirizzaw, fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom relatati mal-irkant, l-elementi ewlenin tad-diliġenza dovuta stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punti (a) sa (g) tad-Direttiva (UE) 2024/1760 dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva dwar is-Sostenibbiltà.

2.   L-awtoritajiet rilevanti għandhom jirrikjedu li l-offerenti, ħlief jekk ikunu persuni fiżiċi, kumpaniji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE kif definit fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom jew il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, jikkomunikaw pubblikament dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju tagħhom permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika li tkopri mill-inqas l-elementi ewlenin elenkati fil-punt 61 (a) sa (e) tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772.

3.   L-awtoritajiet rilevanti għandhom jirrikjedu li l-persuni fiżiċi, il-kumpaniji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE kif definit fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli li jippreżentaw offerta li tikkonċerna proġetti b’kapaċità ta’ aktar minn 10 MW jirrapportaw, fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom relatati mal-irkant, dwar l-elementi ewlenin tad-diliġenza dovuta stabbiliti fil-punt 61 (c) u (d) tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772 jew billi jużaw standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-użu volontarju rrakkomandat fil-livell tal-Unjoni, meta disponibbli.

4.   L-awtoritajiet rilevanti jistgħu japplikaw il-paragrafi 1 u 2 għal persuni fiżiċi, kumpaniji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE kif definit fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli li jippreżentaw offerta li tikkonċerna proġetti b’kapaċità ta’ aktar minn 10 MW. Jekk japplikaw dawk il-paragrafi għal dawk l-offerenti, il-paragrafu 3 ma għandux japplika.

Artikolu 5

Ċibersigurtà u sigurtà tad-data (kriterji tal-prekwalifikazzjoni)

Il-kriterji tal-prekwalifikazzjoni relatati maċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tad-data għandhom jirrikjedu li l-offerenti:

(a)

jieħdu miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi xierqa u proporzjonati li jirriflettu l-prinċipji tas-sigurtà mid-disinn u b’mod awtomatiku biex jiżguraw is-sigurtà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli inkluż, meta rilevanti, il-miżuri elenkati fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(b)

meta, 9 xhur jew aktar qabel il-pubblikazzjoni ta’ rkant fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735, l-offerent ikun soġġett għall-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li jirrikjedi li l-offerent jirrapporta informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet tas-software jew tal-hardware lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż terz qabel ma jkun magħruf li dawk il-vulnerabbiltajiet ikunu ġew sfruttati jew ikun hemm dikjarazzjoni pubblika f’isem l-Unjoni jew l-Istat Membru li jwettaq l-irkant li l-atturi ta’ theddida li joperaw barra mit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz ikunu wettqu attivitajiet jew kampanji ċibernetiċi malizzjużi, jippreżentaw pjan taċ-ċibersigurtà li jiddeskrivi kif l-offerent jiggarantixxi s-sigurtà tal-installazzjoni u tas-sistema ġenerali u b’mod aktar speċifiku jieħdu l-miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li d-data użata għal jew ġġenerata fl-attivitajiet tan-negozju tagħhom relatati mal-irkant tkun maħżuna u mhux ittrasferita barra miż-Żona Ekonomika Ewropea;

(c)

jiżguraw u juru, meta l-offerent jiddependi fuq il-fornituri għall-provvista ta’ prodotti tal-ICT użati fl-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew fis-servizzi tal-ICT relatati mat-tħaddim tagħha, li l-fornituri jieħdu l-miżuri msemmija fil-punt (a) u meta dawk il-fornituri jissodisfaw kwalunkwe waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) għall-offerenti, li dawk il-fornituri jieħdu wkoll il-miżuri msemmija fil-punt (b);

(d)

jiżguraw li operatur stabbilit fiż-Żona Ekonomika Ewropea jżomm kontroll operazzjonali tal-installazzjoni.

Artikolu 6

Il-kapaċità li l-proġett jitwettaq b’mod sħiħ u fil-ħin

1.   Il-kriterji tal-prekwalifikazzjoni relatati mal-kapaċità li l-proġett jitwettaq bis-sħiħ u fil-ħin għandhom jirrikjedu li l-offerenti jipprovdu tnejn jew aktar mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

dokumentazzjoni għall-identifikazzjoni tal-offerent jew tal-offerenti fil-każ ta’ konsorzju tal-offerti;

(b)

dokumentazzjoni li turi l-konformità mal-liġijiet applikabbli, inkluż kwalunkwe permess rilevanti li huwa meħtieġ biex jinbena u jitħaddem il-proġett jew dokumentazzjoni li turi l-eliġibbiltà biex jinkisbu tali permessi;

(c)

dokumentazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija li tagħti prova tal-kapaċità finanzjarja tagħha li tlesti l-proġett u tiffaċċja obbligazzjonijiet potenzjali aktar milli tippreżenta falliment jew tevita li tiffaċċja dawn l-obbligazzjonijiet permezz ta’ mezzi oħra, bħal rekwiżiti dwar il-valur nett minimu, il-profitti jew il-klassifikazzjonijiet tad-dejn fit-tul;

(d)

deskrizzjoni tal-proġett f’konformità mar-rekwiżiti inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-irkant;

(e)

evidenza tal-fattibbiltà teknika, l-għarfien u l-esperjenza biex jitlesta l-proġett, inkluża evidenza ta’ esperjenza passata fit-tlestija ta’ proġetti simili;

(f)

skeda ta’ żmien għall-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-proġett, inklużi d-dati tal-passi intermedji rilevanti kollha li jwasslu għat-tlestija tal-proġett.

2.   Ir-rekwiżiti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu modulati skont il-kostijiet tal-proġett, ir-riskji tal-proġett, il-kapaċità tal-proġett, il-maturità tat-teknoloġija, il-grad ta’ innovazzjoni meħtieġ mill-irkant u kundizzjonijiet rilevanti oħra tas-suq.

KAPITOLU III

KONTRIBUT GĦAR-REŻILJENZA

Artikolu 7

Kontribut għar-reżiljenza

1.   Meta, 9 xhur jew aktar qabel il-jum tal-pubblikazzjoni ta’ rkant fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735, il-Kummissjoni tkun iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament li aktar minn 50 % tal-provvista fl-Unjoni tal-prodotti finali ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti msemmija fil-punti (a) sa (f) ta’ dan is-subparagrafu toriġina f’pajjiż terz wieħed, jew li l-provvista fl-Unjoni tal-prodotti finali ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti msemmija fil-punti (a) sa (f) ta’ dan is-subparagrafu li joriġinaw f’pajjiż terz wieħed tkun żdiedet b’mill-inqas 10 punti perċentwali bħala medja għal sentejn konsekuttivi u tilħaq mill-inqas 40 % tal-provvista fl-Unjoni, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni fl-irkant jew jaġġudikaw punti biss lil offerti li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin dwar il-prodotti finali u l-komponenti speċifiċi ewlenin elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1178 li huma parti mill-offerta:

(a)

Għat-teknoloġiji fotovoltajċi, il-prodotti finali mhumiex assemblati f’dak il-pajjiż terz u mill-inqas erba’ komponenti speċifiċi ewlenin użati ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz. L-invertituri fotovoltajċi u ċ-ċelloli fotovoltajċi jew ekwivalenti ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz u l-moduli fotovoltajċi ma jiġux assemblati fih.

(b)

Għat-teknoloġiji eoliċi fuq l-art, il-prodotti finali ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz u ma jkunux joriġinaw aktar minn tliet komponenti speċifiċi ewlenin f’dak il-pajjiż terz. Sistemi tat-trażmissjoni diretta (inkluż il-ġeneratur) u/jew drivetrains bil-gearbox (inkluż il-ġeneratur) ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz.

(c)

Għat-teknoloġiji eoliċi lil hinn mill-kosta, il-prodotti finali ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz u ma jkunux joriġinaw aktar minn erba’ komponenti speċifiċi ewlenin f’dak il-pajjiż terz. Sistemi tat-trażmissjoni diretta (inkluż il-ġeneratur) u/jew drivetrains bil-gearbox (inkluż il-ġeneratur) ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz.

(d)

Għall-elettrolizzaturi, il-prodotti finali ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz u ma jkunux joriġinaw aktar minn żewġ komponenti speċifiċi ewlenin f’dak il-pajjiż terz. Iċ-ċumnija ma tkunx toriġina f’dak il-pajjiż terz.

(e)

Għat-teknoloġiji tal-pompi tas-sħana, il-prodotti finali ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz u mhux aktar minn komponent speċifiku ewlieni wieħed joriġina f’dak il-pajjiż terz.

(f)

Għat-teknoloġiji kollha b’emissjonijiet żero netti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735 għajr dawk elenkati fil-punti (a) sa (e), il-prodotti finali ma joriġinawx f’dak il-pajjiż terz.

Meta, 9 xhur jew aktar qabel il-jum tal-pubblikazzjoni tal-irkant rilevanti, il-Kummissjoni tkun iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2024/1735 li, minbarra l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, aktar minn 85 % tal-provvista fl-Unjoni ta’ komponent speċifiku ewlieni wieħed jew aktar joriġinaw f’pajjiż terz wieħed, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni fl-irkant jew jaġġudikaw punti biss lil offerti li fihom, għal mill-inqas wieħed minn dawk il-komponenti speċifiċi ewlenin, il-kwantità ta’ dak il-komponent li joriġina f’dak il-pajjiż terz ma taqbiżx il-85 %.

Meta l-irkantijiet jiġu ppubblikati inqas minn 9 xhur wara l-jum li fih il-Kummissjoni tkun l-aktar reċentement iddeterminat is-sehem tal-provvista tal-Unjoni li toriġina minn pajjiż terz wieħed imsemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-awtoritajiet rilevanti għandhom japplikaw dan il-paragrafu abbażi tal-aħħar determinazzjoni jew tad-determinazzjoni preċedenti. Jekk ma jkunx hemm determinazzjoni preċedenti, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu japplikaw dan il-paragrafu abbażi tal-aħħar determinazzjoni.

2.   Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jiġux issodisfati iżda 9 xhur jew aktar qabel il-jum tal-pubblikazzjoni ta’ rkant fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735, il-Kummissjoni tkun iddeterminat li aktar minn 50 % tal-provvista ta’ komponent speċifiku ewlieni wieħed jew aktar ta’ teknoloġija speċifika b’emissjonijiet żero netti fl-Unjoni toriġina f’pajjiż terz wieħed jew il-provvista fl-Unjoni ta’ komponent speċifiku ewlieni wieħed jew aktar ta’ dik it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li joriġinaw f’pajjiż terz wieħed tkun żdiedet b’mill-inqas 10 punti perċentwali bħala medja għal sentejn konsekuttivi u tilħaq mill-inqas 40 % tal-provvista fl-Unjoni, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni fl-irkant jew jaġġudikaw punti biss lil offerti li fihom il-kwantità ta’ kull wieħed minn dawk il-komponenti speċifiċi ewlenin li joriġinaw f’dak il-pajjiż terz ma taqbiżx il-50 %. Meta japplikaw dan l-obbligu, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jikkombinaw l-applikazzjoni tal-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-komponenti speċifiċi ewlenin differenti.

Meta s-sehem tal-provvista fl-Unjoni li toriġina minn pajjiż terz wieħed imsemmi fl-ewwel subparagrafu jkun ogħla minn 85 %, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jżidu l-limitu fuq il-kwantità massima ta’ komponenti tal-ewwel subparagrafu minn 50 % sa 85 %.

Meta l-irkantijiet jiġu ppubblikati inqas minn 9 xhur wara l-jum li fih il-Kummissjoni tkun l-aktar reċentement iddeterminat is-sehem tal-provvista tal-Unjoni li toriġina minn pajjiż terz wieħed imsemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-awtoritajiet rilevanti għandhom japplikaw dan il-paragrafu abbażi tal-aħħar determinazzjoni jew tad-determinazzjoni preċedenti. Jekk ma jkunx hemm determinazzjoni preċedenti, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu japplikaw dan il-paragrafu abbażi tal-aħħar determinazzjoni.

3.   Għat-teknoloġiji eoliċi fuq l-art, it-teknoloġiji eoliċi lil hinn mill-kosta u l-elettrolizzaturi, meta l-Kummissjoni, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-irkantijiet, ma tkunx iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2024/1735 li aktar minn 50 % tal-provvista fl-Unjoni ta’ prodott finali speċifiku ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, jew aktar minn 40 % b’sentejn konsekuttivi ta’ żieda ta’ mill-inqas 10 punti perċentwali bħala medja, joriġinaw f’pajjiż terz wieħed, l-awtoritajiet rilevanti għandhom japplikaw il-kriterju tar-reżiljenza billi jippermettu l-parteċipazzjoni fl-irkant jew jaġġudikaw punti biss lil offerti li għalihom mill-inqas 75 % tal-prodotti finali li huma parti mill-offerta jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, fir-rigward tal-prodotti finali u l-komponenti speċifiċi ewlenin li joriġinaw jew jiġu assemblati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

KAPITOLU IV

KONTRIBUT GĦAS-SOSTENIBBILTÀ

Artikolu 8

Sostenibbiltà ambjentali – impronta tal-karbonju

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterju tal-impronta tal-karbonju, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinkludu kriterju tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni jew taħlita tat-tnejn li huma u jindikaw it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, fost dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735, li l-impronta tal-karbonju tagħhom trid tiġi vvalutata fil-livell tal-proġett jew fil-livell tal-komponent, u, għal kull teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, il-metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju applikabbli, trasparenti u mhux diskriminatorja.

2.   L-offerenti għandhom ikunu meħtieġa jkejlu u jikkomunikaw l-impronta tal-karbonju bl-użu ta’ metodi ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja previsti fid-dritt vinkolanti tal-Unjoni li jindirizzaw speċifikament it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli inkwistjoni fl-irkant, meta disponibbli. Meta ma jkun hemm l-ebda metodoloġija vinkolanti tal-Unjoni biex titkejjel u tiġi kkomunikata l-impronta tal-karbonju ta’ teknoloġija speċifika b’emissjonijiet żero netti, iżda jkun hemm metodoloġija vinkolanti tal-Unjoni għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju ta’ prodott u l-att li jistabbilixxi dik il-metodoloġija jindika li din tista’ tintuża bħala gwida għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju ta’ ċerta teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, l-offerenti għandhom ikunu meħtieġa jkejlu u jikkomunikaw l-impronta tal-karbonju għal dik it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti bl-użu ta’ dik il-metodoloġija.

3.   Jekk ma jkunx speċifikat fil-metodoloġija użata, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jiddefinixxu u jippubblikaw l-unitajiet funzjonali, il-limiti tas-sistema u s-suppożizzjonijiet użati biex titkejjel l-impronta tal-karbonju u jobbligaw lill-offerenti jirrapportaw il-kalkoli tagħhom b’mod trasparenti. Jekk ma jkunx speċifikat fil-metodoloġija użata, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddefinixxu u jiddivulgaw ir-rekwiżiti tal-immudellar u tal-kwalità tad-data għad-data primarja, għad-data sekondarja u għall-bażijiet tad-data użati. L-awtoritajiet rilevanti għandhom jirrikjedu l-użu ta’ data konsistenti u rappreżentattiva.

4.   Għall-metodoloġiji tal-impronta tal-karbonju mhux koperti mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju għandha mill-inqas tkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba l-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja li ġejjin tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti rilevanti:

(i)

l-estrazzjoni, il-produzzjoni, l-ipproċessar u t-trasport tar-riżorsi;

(ii)

il-proċessi ta’ manifattura;

(iii)

l-elettriku/l-enerġija użata għal dawk il-proċessi;

(iv)

it-trasport tal-komponenti u tal-prodott finali;

(v)

l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni;

(vi)

id-dekummissjonar u t-tmiem tal-ħajja.

Artikolu 9

Sostenibbiltà ambjentali – ekonomija ċirkolari

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji tal-ekonomija ċirkolari, bħala kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni jew taħlita tat-tnejn li huma, l-awtoritajiet rilevanti għandhom iqisu l-kontribut tal-proġetti li jipparteċipaw fl-irkant għal wieħed jew aktar mill-parametri li ġejjin, dment li jikkostitwixxu parti sostanzjali mill-impatt ambjentali tal-prodott:

—

ir-riċiklabbiltà tal-prodotti, b’referenza għal parametru tal-prodott rilevanti wieħed jew aktar kif stabbilit fil-punt d) tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/1781;

—

il-faċilità tat-tiswija u l-manutenzjoni jew il-faċilità tal-aġġornament, l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-rinnovazzjoni tal-prodotti, b’referenza għal parametru tal-prodott rilevanti wieħed jew aktar kif stabbilit fil-punti b), c) u e) tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/1781;

—

l-użu jew il-kontenut ta’ materjali riċiklati fil-prodotti, inkluża l-materja prima kritika.

2.   Fid-definizzjoni tal-kriterji tal-ekonomija ċirkolari msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jagħmlu użu minn metodi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jindirizzaw speċifikament it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, meta disponibbli. Jekk ma jiġi pprovdut jew imsemmi l-ebda metodu bħal dan fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jużaw il-metodi stabbiliti fl-istandards internazzjonali, meta disponibbli.

Artikolu 10

Sostenibbiltà ambjentali – impatt fuq il-bijodiversità

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji relatati mal-impatt fuq il-bijodiversità tal-operat tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinkludu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni jew taħlita tat-tnejn li huma biex jivvalutaw il-kontribut tal-proġett għat-titjib tal-impatt fuq il-bijodiversità tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti matul il-fażijiet tal-installazzjoni, tat-tħaddim u tad-dekummissjonar tagħhom kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Meta l-awtoritajiet rilevanti jinkludu l-impatt fuq il-bijodiversità tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti bħala kriterju tal-prekwalifikazzjoni, il-kriterju għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

il-preżenza ta’ sistema għall-monitoraġġ tal-impatti pożittivi u negattivi fuq il-bijodiversità tal-installazzjoni matul il-fażi tal-installazzjoni, tat-tħaddim u tad-dekummissjonar;

(b)

impenn biex jiġu implimentati soluzzjonijiet ta’ adattament biex jittaffew l-impatti negattivi potenzjali fuq il-bijodiversità kif identifikati skont il-valutazzjonijiet ambjentali mwettqa jekk rilevanti skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) u/ jew id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (30) u skont il-punt a) ta’ dan il-paragrafu u tiġi żgurata l-effettività tas-soluzzjonijiet biex jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-bijodiversità jekk jintużaw tali soluzzjonijiet.

Is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha timmonitorja l-impatti fl-art, fuq l-art, fil-ħamrija, fl-ilma, f’qiegħ il-baħar, fuq qiegħ il-baħar, fuq wiċċ il-baħar, inkluż l-istorbju u t-tniġġis, kif rilevanti fid-dawl tat-teknoloġija inkwistjoni.

Id-data u l-informazzjoni miġbura mis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kondiviżi mill-inqas mal-komunità xjentifika u l-awtoritajiet pubbliċi sakemm ma tkunx informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

3.   Meta l-awtoritajiet rilevanti jinkludu l-impatt fuq il-bijodiversità ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti bħala kriterju tal-għoti, il-kriterju għandu jirrikjedi kontributi pożittivi netti għall-bijodiversità (31), meta identifikati bħala rilevanti mill-awtorità pubblika, f’wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a)

il-konservazzjoni tal-ħabitats jew tal-ispeċijiet, jew tat-tnejn, skont id-Direttiva 92/43/KEE;

(b)

il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, inklużi l-ħabitats tagħhom, skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32);

(c)

ir-restawr tal-ekosistemi skont ir-Regolament (UE) 2024/1991;

(d)

għall-installazzjonijiet lill-hinn mill-kosta, il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb skont id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

(e)

il-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma skont id-Direttiva 2000/60/KE.

Il-miżuri biex jiġi ssodisfat dan il-kriterju jistgħu jsiru fuq il-post jew lil hinn mill-post.

Artikolu 11

Sostenibbiltà ambjentali – effiċjenza enerġetika

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji tal-effiċjenza enerġetika, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinkludu kriterju tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni jew taħlita tat-tnejn li huma li jidentifikaw il-prodotti li l-effiċjenza enerġetika tagħhom tiġi vvalutata u, għal kull prodott, il-metodoloġija ta’ valutazzjoni applikabbli. L-effiċjenza enerġetika għandha titkejjel u tiġi vvalutata abbażi tal-metodi għall-prodott ikkonċernat previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, meta disponibbli.

2.   Meta prodott ikun kopert minn att delegat adottat skont ir-Regolament (UE) 2017/1369, id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) jew minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni relatat, il-kriterju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jikkonforma mal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369.

3.   Meta prodott mhux kopert mill-paragrafu 2 ikun kopert minn miżura ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-kriterju għandu jirreferi għal prodotti li jikkonformaw mal-parametri referenzjarji tal-effiċjenza enerġetika speċifikati f’dik il-miżura ta’ implimentazzjoni.

4.   Meta prodott ma jkunx kopert skont il-paragrafu 2 jew 3, l-effiċjenza enerġetika għandha titkejjel u tiġi vvalutata abbażi ta’ metodi oħra previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, meta disponibbli.

5.   Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprevedix metodi rilevanti u l-paragrafu 4 ma japplikax, l-effiċjenza enerġetika għandha titkejjel u tiġi vvalutata abbażi ta’ standards internazzjonali.

Artikolu 12

Sostenibbiltà ambjentali – użu effiċjenti tal-ilma u soluzzjonijiet li jevitaw it-tniġġis tal-ilma

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji relatati mal-ilma, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinkludu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni jew taħlita tat-tnejn li huma biex jivvalutaw il-kontribut tal-operat tal-proġett għall-preservazzjoni u, meta applikabbli, għat-titjib tal-istatus tal-korpi tal-ilma.

2.   Meta l-awtoritajiet rilevanti jinkludu l-impatt relatat mal-ilma tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti bħala kriterju tal-prekwalifikazzjoni, il-kriterju għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

il-preżenza ta’ sistema għall-monitoraġġ tal-impatti pożittivi u negattivi fuq l-ilma tal-installazzjoni matul l-istadji rilevanti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja;

(b)

l-impenn għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-istatus tal-ilma u tiġi żgurata l-effettività ta’ soluzzjonijiet biex jiġu ġġenerati impatti pożittivi, meta applikabbli, u jikkontribwixxu għall-preservazzjoni jew għall-kisba ta’ status tajjeb tal-ilma kif muri mis-sistema ta’ monitoraġġ imsemmija fil-punt a);

3.   Meta l-awtoritajiet rilevanti jinkludu l-impatt relatat mal-ilma ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti bħala kriterju tal-aġġudikazzjoni, il-kriterju għandu jirrikjedi kontributi pożittivi biex jinkisbu jew jinżammu kwalità u kwantità tajba tal-ilma skont id-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 13

Sostenibbiltà ambjentali – tniġġis

Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji relatati mat-tniġġis, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinkludu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni jew taħlita tat-tnejn li huma biex jivvalutaw il-kontribut tal-proġett għat-tnaqqis tat-tniġġis, għajr minn gassijiet serra, matul l-installazzjoni, it-tħaddim u d-dekummissjonar. Il-metodoloġiji, il-livelli limiti u l-mekkaniżmi ta’ konformità rilevanti għandhom jiġu definiti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u abbażi tiegħu, jekk disponibbli, u filwaqt li jitqiesu kif applikabbli l-kriterji stabbiliti fl-Appendiċi C tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2486.

Artikolu 14

Kontribut għas-sostenibbiltà: innovazzjoni

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji ta’ innovazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jiddistingwu, meta rilevanti, bejn:

(a)

irkantijiet purament tal-innovazzjoni ffukati speċifikament fuq il-promozzjoni ta’ teknoloġiji jew soluzzjonijiet ġodda u

(b)

irkantijiet li ma jiffokawx speċifikament fuq l-innovazzjoni bħala l-mutur ewlieni għall-irkant.

Fiż-żewġ tipi ta’ rkantijiet, l-użu tal-kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni tal-innovazzjoni għandu jintroduċi rekwiżit għall-proġetti kollha biex jissodisfaw livell minimu ta’ titjib fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jmur lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tat-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet li diġà jinsabu fis-suq u relattiv għas-suġġett tal-irkant li jkunu qed jipparteċipaw fih.

2.   Minbarra r-rekwiżiti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-kontributi tal-irkantijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għall-innovazzjoni permezz ta’ kriterji tal-prekwalifikazzjoni għandha tiġi vvalutata billi jiġi introdott rekwiżit biex il-proġetti kollha jkollhom ċertu livell ta’ maturità. Għal dan it-tip ta’ rkantijiet, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinkludu rekwiżiti addizzjonali li jobbligaw lill-offerent rebbieħ li jxerred l-għarfien dwar ir-riżultati tal-proġett innovattiv jew li joffri liċenzji għal riżultati ta’ riċerka u proġetti ta’ żvilupp li huma protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bi prezz tas-suq u fuq bażi mhux esklużiva u mhux diskriminatorja għall-użu mill-partijiet interessati fiż-ŻEE.

3.   Minbarra r-rekwiżiti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-kontributi tal-irkantijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għall-innovazzjoni permezz tal-prekwalifikazzjoni tista’ tiġi vvalutata billi jiġi introdott rekwiżit biex il-proġetti kollha jkollhom ċertu livell ta’ maturità. Għal dan it-tip ta’ rkantijiet, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jinkludu wkoll rekwiżiti addizzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ prattiki ta’ disseminazzjoni tal-għarfien ta’ riżultati ta’ proġetti innovattivi jew prattiki ta’ liċenzjar għal riżultati ulterjuri ta’ riċerka u proġetti ta’ żvilupp, li huma protetti minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bi prezz tas-suq u fuq bażi mhux esklużiva u mhux diskriminatorja għall-użu minn partijiet interessati fiż-ŻEE.

4.   Il-livell ta’ maturità tal-innovazzjoni proposta fl-irkant imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 għandu jiġi vvalutat, meta rilevanti, permezz ta’ metodi kredibbli u stabbiliti bħar-referenza għal livell ta’ tħejjija teknoloġika.

Artikolu 15

Kontribut għas-sostenibbiltà: Integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija

1.   Meta jagħżlu li jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 26(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 permezz ta’ kriterji għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-awtoritajiet rilevanti għandhom iqisu l-kontribut tal-proġetti parteċipanti biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-sistema li jirriżultaw mit-tħaddim tagħhom, abbażi tal-flessibbiltà temporali, l-impatt tal-lokalità u l-konnessjonijiet bejn it-trasportaturi tal-enerġija, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-flessibbiltà temporali tal-proġett parteċipanti għandha tiġi vvalutata fir-rigward tas-soluzzjonijiet proposti, jew bħala investimenti ġodda jew akkwistati permezz ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari fil-forma ta’ kombinazzjoni ta’ diversi teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli, taħlita ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u assi tal-ħżin tal-elettriku, jew taħlita ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u assi jew soluzzjonijiet tad-domanda. Sakemm ma jkunx debitament ġustifikat, din il-valutazzjoni ma għandha teskludi l-ebda teknoloġija li tista’ tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati tas-sistema.

3.   L-impatt tal-lokalità tal-proġett parteċipanti fuq il-ħtiġijiet tas-sistema għandu jiġi vvalutat fir-rigward tal-kombinazzjoni tal-karatteristiċi rilevanti tagħhom, inkluż il-profil ta’ ġenerazzjoni temporali tagħhom jew il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħhom, u l-għażla tas-sit u tal-punt ta’ konnessjoni tal-grilja, filwaqt li jitqies l-ippjanar tan-network.

4.   Il-kapaċità tal-proġett parteċipanti li joħloq konnessjonijiet bejn it-trasportaturi tal-enerġija għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jittrasferixxu l-enerġija rinnovabbli minn trasportatur tal-enerġija għal ieħor, u b’mod partikolari jekk jinkludux taħlita ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u assi ta’ konverżjoni tal-enerġija.

KAPITOLU V

VALUTAZZJONI U KONFORMITÀ MAL-KRITERJI

Artikolu 16

Valutazzjoni tal-kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew tal-aġġudikazzjoni tal-irkantijiet u aspetti ta’ konformità

1.   L-awtoritajiet rilevanti għandhom jiddefinixxu metodoloġija trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja biex jivvalutaw l-offerti skont il-kriterji magħżula mhux tal-prezz, b’mod partikolari permezz ta’ valutazzjoni kwantitattiva tal-kriterji bbażata fuq metodu ta’ punteġġ stabbilit u ppubblikat qabel il-proċess tal-offerti. Meta valutazzjoni kwantitattiva ma tkunx possibbli, tista’ tiġi prevista valutazzjoni kwalitattiva tal-kriterji mhux tal-prezz jekk tkun iġġustifikata mill-objettivi tal-ordni pubbliku segwiti u jekk tkun imfassla b’mod li ttaffi kemm il-piż amministrattiv kif ukoll ir-riskju ta’ kontestazzjonijiet legali. Il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-offerti għandha titfassal wara konsultazzjoni u kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-esperti. Meta l-awtoritajiet rilevanti ma jkollhomx informazzjoni suffiċjenti biex jistabbilixxu l-metodu ta’ punteġġ minn qabel, il-punteġġ għal aspett partikolari jista’ jiġi stabbilit ukoll b’referenza għall-ogħla offerent għal dak il-kriterju partikolari mhux tal-prezz. F’dak il-każ, għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jiġu limitati l-offerti strateġiċi.

2.   L-offerenti kollha għall-irkant għandhom, fil-mument tal-offerta jew qabel, jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-irkant inklużi fl-offerta tagħhom. L-awtoritajiet rilevanti għandhom jiddeċiedu f’liema mument l-offerenti huma meħtieġa juru konformità mal-kriterji mhux tal-prezz, li jistgħu jseħħu f’punti ta’ żmien differenti matul il-ħajja tal-proġett, kif rilevanti.

3.   Bl-eċċezzjoni tal-offerenti li jikkwalifikaw bħala persuni fiżiċi, il-kumpaniji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE kif definiti fl-Artikoli 19a u 29a tagħha u l-modifiki sussegwenti tagħhom u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli kif definiti fl-Artikolu 2(16) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, il-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 għandha tiġi vvalutata skont id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ rilevanti żgurati minn partijiet terzi indipendenti. L-offerenti soġġetti għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva 2013/34/UE jistgħu jippreżentaw informazzjoni rilevanti dwar kif jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 billi jużaw il-format ipprovdut fih.

4.   Il-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 għandha tiġi vvalutata billi l-offerenti jintalbu jippreżentaw pjan taċ-ċibersigurtà tal-proġett tal-offerti u jaġġornawh fuq bażi regolari matul l-implimentazzjoni tal-proġett.

5.   Il-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 7 għandha tiġi vvalutata billi l-offerenti jintalbu jipprovdu dokumentazzjoni doganali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), meta disponibbli, u dokumenti rilevanti oħra li juru l-oriġini jew il-post ta’ assemblaġġ tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti jew il-komponenti speċifiċi ewlenin tagħha, inklużi fatturi jew kwalunkwe mezz ieħor.

6.   L-awtoritajiet rilevanti li jużaw kriterji mhux tal-prezz għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità magħhom.

7.   L-awtoritajiet rilevanti għandhom jirrikjedu li l-offerenti jissottomettu garanziji xierqa biex jiżguraw il-konformità mal-kriterji koperti minn dan ir-Regolament stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-irkant, bħal garanziji tal-offerti, offerti ta’ tlestija u garanziji tal-eżekuzzjoni.

8.   Fl-istabbiliment tal-livell ta’ garanziji msemmi fil-paragrafu 7, l-awtoritajiet rilevanti għandhom iqisu wkoll kunsiderazzjonijiet bħall-kostijiet tal-proġett, ir-riskji tal-proġett, il-kapaċità tal-proġett, il-valur ta’ din il-kapaċità għas-sistema tal-enerġija, il-maturità tat-teknoloġija, il-grad ta’ innovazzjoni meħtieġ mill-irkant, kundizzjonijiet rilevanti oħra tas-suq u n-natura tal-ksur. Il-livell ta’ garanziji għandu jkun għoli biżżejjed biex jiskoraġġixxi l-istrateġiji tal-offerti milli jsegwu n-nuqqas ta’ rispett tal-kriterji mhux tal-prezz.

Artikolu 17

Penali

1.   L-awtoritajiet rilevanti għandhom jistabbilixxu penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji koperti minn dan ir-Regolament. Dawk il-penali jistgħu jieħdu forom differenti, bħal penali ta’ somma f’daqqa, penali ta’ kuljum, tnaqqis jew it-tneħħija tal-appoġġ, jew l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sessjonijiet ta’ rkant futuri.

2.   Fl-istabbiliment tal-livell ta’ penali msemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet rilevanti għandhom iqisu wkoll kunsiderazzjonijiet bħall-kostijiet tal-proġett, ir-riskji tal-proġett, il-kapaċità tal-proġett, il-valur ta’ din il-kapaċità għas-sistema tal-enerġija, il-maturità tat-teknoloġija, il-grad ta’ innovazzjoni meħtieġ mill-irkant, kundizzjonijiet rilevanti oħra tas-suq u n-natura tal-ksur. Il-livell ta’ penali għandu jkun għoli biżżejjed biex jiskoraġġixxi l-istrateġiji tal-offerti milli jsegwu n-nuqqas ta’ rispett tal-kriterji mhux tal-prezz.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj.

(2)  It-teknoloġiji koperti huma teknoloġiji solari, inklużi teknoloġiji fotovoltajċi (PV, photovoltaic), elettriċi solari termali u termali solari; enerġija mir-riħ fuq l-art u teknoloġiji rinnovabbli lill-hinn mill-kosta; pompi tas-sħana u teknoloġiji tal-enerġija ġeotermali; teknoloġiji tal-idroġenu, inklużi l-elettrolizzaturi u ċ-ċelloli tal-fjuwil, meta jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; teknoloġiji sostenibbli tal-bijogass u tal-bijometan; teknoloġiji sostenibbli tal-fjuwils alternattivi li huma teknoloġiji tal-fjuwils rinnovabbli.

(3)  B’mod partikolari d-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva, id-Direttiva (UE) 2024/1760 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, kif ukoll id-Direttiva (UE) 2022/2464 dwar id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, inkluż ir-Regolament Delegat (UE) 2023/2772 fir-rigward tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, b’mod partikolari l-paragrafu 61.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859, (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 tal-31 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2772, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2772/oj).

(7)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(8)  Ara r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772, l-Anness I, il-paragrafu 61.

(9)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Qafas għal Rispons Diplomatiku Konġunt tal-UE għal Attivitajiet Ċibernetiċi Malizzjużi (“Għodda tad-Diplomazija Diġitali”), 19 ta’ Ġunju 2017.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/796/oj).

(11)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).

(12)  Dawn il-kumpaniji xorta jkunu soġġetti għall-qafas ġenerali tal-akkwist pubbliku applikabbli għalihom.

(13)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj), emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1178 tat-23 ta’ Mejju 2025 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-prodotti finali tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribut għar-reżiljenza (ĠU L, 2025/1178, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1178/oj).

(15)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).

(16)  AIE, Energy Technology Perspectives, 2024.

(17)  COM(2025) 85 final.

(18)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva, COM/2020/98 final.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna, COM/2020/380 final.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869, (ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1991/oj).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1369/oj).

(23)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (riformulazzjoni), (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj).

(24)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1., ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).

(25)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2486 tas-27 ta’ Ġunju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom, attività ekonomika tikkwalifika li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar u l-protezzjoni tagħhom, għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, jew għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi u għad-determinazzjoni ta’ jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħrajn u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawk l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU L, 2023/2486, 21.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2486/oj).

(26)  Il-promozzjoni tat-tixrid tal-għarfien tista’ tkun pertinenti wkoll għal tip ieħor ta’ rkantijiet rinnovabbli lil hinn minn dawk li jippremjaw l-innovazzjoni.

(27)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).

(28)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (riformulazzjoni) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj).

(29)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/92/oj).

(30)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).

(31)  Il-kontributi pożittivi netti għall-bijodiversità huma eżiti addizzjonali ta’ konservazzjoni/restawr lil hinn mill-miżuri ta’ kumpens, jiġifieri miżuri mfassla biex jikkumpensaw għal impatti residwi, inevitabbli u avversi fuq il-bijodiversità li jirriżultaw mill-proġett wara li jkunu ttieħdu miżuri xierqa ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni.

(32)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/147/oj).

(33)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/56/oj).

(34)  Id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/30/oj).

(35)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1176/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)