2002R1338 — MT — 27.01.2006 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1338/2002

tat-22 ta’Lulju 2002

li jimponi dazju kumpensatorju definittivi u għal ġbir definittiv tad-dazju kompensatorju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja

(ĠU L 196, 25.7.2002, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 492/2004 tat-8 ta' Marzu 2004

  L 80

6

18.3.2004

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 123/2006 tat-23 ta' Jannar 2006

  L 22

5

26.1.2006




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1338/2002

tat-22 ta’Lulju 2002

li jimponi dazju kumpensatorju definittivi u għal ġbir definittiv tad-dazju kompensatorju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:MIŻURI PROVIŻORJI

(1)

Il-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 573/2002 ( 2 ) (“Regolament proviżorju”) imponiet dazju kumpensatorju proviżorju fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja. Il-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 575/2002 ( 3 ) (“Regolament proviżorju anti-dumping”), imponiet ukoll dazju proviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja.

PRO¬EDURA SUSSEGWENTI

(2)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkun impost dazju proviżorji kumpensatorju, numru ta’ partijiet interessati ssottomettew kummenti bil-miktub. Il-partijiet kollha interessati li talbu udjenza ngħataw opportunità li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(3)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha mitqiesa meħtieġa għas-sejbien definittiv.

(4)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuqhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-imposizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti miġbura bħala dazji kumpensatorji proviżorji. Ingħataw ukoll perjodu meta kellhom jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(5)

Tqiesu l-argumenti orali u bil-miktub mibgħuta mill-partijiet.

(6)

Wara li kien rieżaminat is-sejbien proviżorju fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġbura minn dakinhar, huwa kkonfermat is-sejbien prinċipali kif jidher fir-Regolament proviżorju.

PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT L-ISTESSProdott ikkonċernat

(7)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, numru ta’ partijiet interessati iddikjaraw li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kinetx korretta. Sostnew li l-gradi tekniċi u purifikati ta’ aċidu sulfaniliku kienu sostanzjalment differenti fir-rigward tal-purità tagħhom u kellhom propjetajiet u applikazzjonijiet differenti. Kien sostnut li ż-żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku ma setgħux ikunu ikkunsidrati bħala prodott omoġeneju u għalhekk messhom kienu ttrattati bħala prodotti distinti għall-finijiet ta’ l-investigazzjoni. B’appoġġ għal din l-affermazzjoni, kien sostnut li ma kienx hemm interkambjabilità biżżejjed bejn iż-żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku. Waqt li kien aċċettat li l-grad purifikat seta’ jintuża fl-applikazzjonijiet kollha, ma setax jingħad l-istess għall-grad tekniku ta’ aċidu sulfaniliku minħabba l-livell ta’ impuritajiet li kellu, l-aktar reżidwi anilini. Dawn l-impuritajiet għalhekk għamlu l-grad tekniku ta’ aċidu sulfaniliku mhux tajjeb għall-użu bħala brillantanti ottiċi u kuluri ta’ l-ikel.

(8)

Jitfakkar li l-aċidu sulfaniliku fi grad purifikat jirriżulta mill-purifikazzjoni ta’ aċidu sulfaniliku fi grad tekniku fi proċess li jneħħi ċerti impuritajiet. Dan il-proċess ta’ purifikazzjoni ma jibdilx il-propjetajiet molekolari tal-kompost jew il-mod kif jirreaġixxi ma’ kimiċi oħra. Għalhekk, gradi tekniċi u purifikati jaqsmu l-istess karatteristiċi kimiċi bażiċi. Il-fatt li l-interkambjabilità tista’ sseħħ biss f’direzzjoni waħda f’xi applikazzjonijiet minħabba tħassib fuq l-impuritajiet għalhekk mhux ikkonsidrat bħala ġustifikazzjoni biżżejjed li gradi purifikati u tekniċi jikkostitwixxu prodotti differenti li għandhom ikunu ttrattati separatament f’żewġ investigazzjonijiet differenti. Waqt li huwa aċċettat li l-proċess ta’ purifikazzjoni jżid ċerti spejjeż għall-proċess ta’ produzzjoni, huwa mfakkar li dawn kienu ikkunsidrati meta sar paragun ġust bejn il-gradi differenti prodotti mill-industrija tal-Komunità u dawk importati mill-pajjiż ikkonċernat għall-iskop li jkun ikkalkolat il-livell tat-twaqqigħ tal-prezz u l-livell tat-restituzzjoni tal-ħsara.

(9)

Għalhekk, ma kienx ikkonsidrat li l-kummenti magħmula mill-partijiet interessati dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kienu biżżejjed biex jibdlu s-sejbien f’din il-kwistjoni li kien instab fl-istadju proviżorju. Huwa għalhekk konkluż b’mod definittiv li ż-żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku għandhom ikunu ittrattati bħala prodott waħdieni għall-iskop ta’ dan il-proċediment.

Prodott l-istess

(10)

L-ebda element ġdid ma nġab għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li jwassalha biex tibdel il-konklużjonijiet milħuqa fl-istadju proviżorju, jiġifieri li l-aċidu sulfaniliku prodott u mibjugħ mill-produtturi tal-Komunità u dak prodott fl-Indja u esportat lill-Komunità huma l-istess prodotti.

(11)

Is-sejbien proviżorju dwar l-istess prodott kif jidher fil-preamboli 13 tar-Regolament proviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

SUSSIDJU

(12)

Is-sejbien magħmul fir-Regolament proviżorju dwar is-sussidji kumpensatorji miksuba mill-produtturi esportaturi huma b’dan ikkonfermati, sakemm ma jingħadx mod ieħor hawn isfel.

Żoni ta’ l-Ipproċessar għall-Esportazzjoni (EPZ)/Unitajiet Orjentati għall-Esportazzjoni (EOU)

(13)

Ma kien riċevut l-ebda kumment ġdid taħt din l-intestatura Is-sejbien kif imfisser fil-preamboli 18 sa 28 tar-Regolament Proviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

Skema tal-Ktejjeb ta’ l-Intitolament għad-Dazju (DEPB) – wara l-esportazzjoni

(14)

Il-Gvern ta’ l-Indja (“GOI”) sostna li l-Ftehim fuq is-sussidji u l-miżuri ta’ kumpens (ASCM) inkiser fl-ispirtu u fl-ittra mill-Kummissjoni billi ma nvestigatx l-utilizzazzjoni prattika tal-DEPB f’kull każ. Sostnew li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-benefiċċji skond dawn l-iskemi ma kinitx korretta billi r-rifużjoni fuq id-dazju żejjed biss setgħet tkun ikkunsidrata bħala sussidju skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 (“Regolament bażiku”). Għalhekk, biex ikun stabbilit jekk jeżistix sussidju, għandu jsir eżami jekk jeżistix eċċess.

(15)

Il-Kummissjoni użat il-metodu li ġej biex ikun stabbilit jekk id-DEPB fuq bażi ta’ post-esportazzjoni jikkostitwixxi sussidju kompensatorju u jekk iva, biex ikun ikkalkolat l-ammont tal-benefiċċju.

(16)

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, huwa konkluż li din l-iskema tinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja mill-GOI billi d-dħul tal-gvern (jiġifieri dazji ta’ l-importazzjoni fuq l-importazzjonijiet) li jkun dovut ma jinġabarx. Hemm ukoll benefiċċju mogħti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, lir-riċevent billi l-produtturi li jesportaw kienu meħlusin milli jħallsu d-dazji ta’ l-importazzjoni. Is-sussidju DEPB huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni u għalhekk huwa kumpensatorju skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku sakemm tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet maħsuba fir-Regolament bażiku.

(17)

L-Artikolu 2(1)(a)(ii) jipprovdi għal din l-eċċezzjoni għal, fost l-oħrajn, ir-restituzzjoni u s-sostituzzjoni ta’ skemi ta’ restituzzjoni li jikkonformaw mar-regoli stretti preskritti fl-Anness I paragrafu (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għar-restituzzjoni) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għas-sosistuzzjoni tar-restituzzjoni).

(18)

L-analiżi wriet li d-DEPB fuq bażi ta’ wara l-esportazzjoni mhix restituzzjoni jew skema ta’ sostituzzjoni tar-restituzzjoni. L-iskema m’għandhiex inerenti fiha obbligu għall-importazzjoni biss ta’ oġġetti li huma kkunsmati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti esportati (l-Anness II tar-Regolament bażiku) li jiżgura li tħarsu l-ħtiġiet tal-paragrafu (1) ta’ l-Anness I. Barra dan, m’hemmx sistema ta’ verifika fis-seħħ biex tivverifika jekk l-importazzjonijiet huma attwalment ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni. Mhix skema tas-sostituzzjoni tar-restituzzjoni għaliex l-oġġetti importati m’għandhomx ikunu ta’ l-istess kwantità u karatterisitiċi bħall-oġġetti li jiġu minn sorsi domestiċi li kienu użati għall-produzzjoni ta’ esportazzjoni (l-Anness III tar-Regolament bażiku). Fl-aħħar, il-produtturi esportaturi huma eliġibbli għall-benefiċċji DEPB immaterjalment minn jekk jimportawx oġġetti jew le. Biex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed għal esportatur li sempliċiment jesporta l-oġġetti mingħajr ma juri li xi materjal għall-oġġetti kien impurtat. Għalhekk, produtturi esportaturi li jakkwistaw l-oġġetti kollha tagħhom lokalment u li ma jimportawx oġġetti li jistgħu jintużaw bħala oġġetti għadhom intitolati għall-benefiċċji DEPB. Għalhekk, id-DEPB fuq bażi ta’ wara l-esportazzjoni ma jikkonformax ma’ xi dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi I sa III. Billi l-eċċezzjoni ta’ hawn fuq għad-definizzjoni tas-sussidju għalhekk ma tapplikax, il-benefiċċju kumpensatorju huwa remissjoni tad-dazji kollha ta’ importazzjoni normalment dovuti fuq l-importazzjonijiet kollha.

(19)

Minn dak li ntqal fuq isegwi, skond ir-Regolament bażiku, li r-remissjoni żejda ta’ dazji ta’ importazzjoni hija l-bażi għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-benfiċċju biss fil-każ ta’ restituzzjoni bona fidi u skemi ta’ sostituzzjoni tar-restituzzjoni. Billi huwa stabbilit li d-DEPB fuq bażi ta’ wara l-esportazzjoni ma jidħolx f’waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji, il-benefiċċju huwa r-remissjoni totali tad-dazji ta’ l-importazzjoni, mhux xi remissjoni żejda mistħajla, billi kull remissjoni tad-dazju titqies li hija żejda f’dawn il-każijiet.

(20)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-pretenzjoni mill-GOI ma tistax tkun aċċettata u s-sejbien proviżorju dwar il-kumpens minn din l-iskema u l-kalkolu tal-benefiċċju, kif jidher fil-preamboli 35 sa 40 tar-Regolament proviżorju, huwa kkonfermat.

Skema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul (ITES)

(21)

Il-kumpannija li kkooperat sostniet li meta kkalkolat il-benefiċċju skond din l-iskema, l-ammont attwali ta’ taxxa mħallsa mill-kumpannija ma tqiesx għal kollox għaliex it-Taxxa Minima Alternattiva (MAT) biss kienet inkluża fil-kalkolazzjoni oriġinali u mhux it-taxxi fuq id-dħul mħallsa minn qabel tas-snin ta’ qabel.

(22)

Din il-pretensjoni nstabet li kienet valida. Il-benefiċċju għall-kumpannija kien ikkalkolat mill-ġdid u nstab li kien negliġibbli.

Liċenza bil-quddiem – Skema ta’ Ordnijiet ta’ Rilaxx bil-Quddiem (ARO)

(23)

Il-GOI ssottometta li l-ARO hija biss estenzjoni leġittima ta’ l-iskema leġittima tas-sostituzzjoni tar-restituzzjoni (Liċenza bil-Quddiem). Skond il-GOI dan huwa ppruvat mill-fatt li hemm rabta mhux maqsuma bejn il-liċenzi miksuba (ukoll jekk sussegwentement mibdula ma’ AROs) u l-importazzjoni tal-prodotti meħtieġa għall-manifattura ta’ oġġetti esportati. Barra dan, is-sistema hija organizzata u amministrata mill-GOI b’mod biex ma jkunx hemm il-possibbilità ta’ restituzzjoni żejda.

(24)

F’dan ir-rigward, il-GOI argumenta li skema ta’ sostituzzjoni tar-restituzzjoni ma teħtieġx li kumpannija li takkwista benefiċċji fuq ir-restituzzjoni tad-dazju ma’ prodotti importati għandhom jikkunsmaw dawk l-oġġetti stess fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti rilevanti esportati. Skond il-GOI, il-kumpannija tista’ tikkonsma domestikament oġġetti miksuba fil-manifattura tal-prodott esportat sakemm ikunu ikkunsmati fil-volumi ekwivalenti bħala oġġetti li fuqhom jittieħed il-benefiċċju tar-remissjoni tad-dazju ta’ importazzjoni. Il-GOI sostna wkoll li utent ta’ ARO jista’ jbiddilha biss ma’ prodott (miksub domestikament) indikat fuq liċenza bil-qudiem u li l-liċenza bil-qudiem nkisbet b’referenza għal prodott esportat li kkonsma diġà kwantità ekwivalenti ta’ l-istess prodott.

(25)

Meta jkunu ttrattati dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li liċenzi bil-quddiem huma disponibbli għall-esportaturi (manifatturi-esportaturi jew kummerċjanti esportaturi) biex ikunu jistgħu jimportaw prodotti użati fil-produzzjoni ta’ esportazzjonijiet, bla ħlas tad-dazju. Il-liċenzi bil-quddiem ikejlu l-unitajiet ta’ importazzjonijiet awtorizzati jew f’termini tal-kwantità tagħhom jew f’termini tal-valur tagħhom. Fiż-żewġ każijiet huma stabbiliti r-rati użati biex ikun stabbilit ix-xiri bla dazju, għall-maġġoranza tal-prodotti inkluż il-prodott kopert b’din l-investigazzjoni, fuq il-bażi ta’ Standard Input Output Norms (SION). L-oġġetti speċifikati fil-liċenzi bil-quddiem huma oġġetti użati fil-produzzjoni tal-prodott lest rilevanti esportat.

(26)

Id-detentur ta’ liċenza bil-quddiem li behsiebu jġib l-oġġetti min sorsi domestiċi, minflok importazzjoni domestika, għandu l-għażla li jġibhom bl-AROs. F’dawn il-każijiet il-liċenzi bil-quddiem huma validati bħala AROs u huma ġirati lill-fornitur mal-kunsinna ta’ l-oġġetti hemm speċifikati. Skond id-dokument “politika ta’ esportazzjoni u importazzjoni”, il-ġirata ta’ l-ARO jintitola lill-fornitur għall-benefiċċji ta’ l-esportazzjoni daqslikieku magħmula bħar-restituzzjoni tad-dazji doganali fuq l-esportazzjonijiet preżunti u r-rimbors tas-sisa finali.

(27)

F’dan il-każ, il-kumpannija li tikkoopera għamlet użu limitat ħafna tal-liċenżji bil-quddiem għall-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju. Minflok, il-kumpannija kkonvertiet il-liċenzi f’AROs u ġġirathom lill-provdituri lokali u kisbet vantaġġi kummerċjali. Il-benefiċċji kummerċjali ta’ l-AROs jikkorrespondu għall-ammont ta’ dazji li l-AROs jippermetti li l-fornitur iħalli bil-faċilità tar-restituzzjoni ta’ l-esportazzjoni preżunta.

(28)

Huwa rikonoxxut li s-sistemi ta’ restituzzjoni tad-dazju jistgħu jippermettu għar-rifużjoni jew restituzzjoni tal-piżijiet ta’ l-importazzjoni fuq oġġetti li huma ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott ieħor u meta l-esportazzjoni ta’ dan il-prodott ikollu oġġetti domestiċi li jkollhom l-istess kwalità u karatteristiċi bħal dawk sostituti għall-oġġetti ta’ importazzjoni. Ikun permess ngħidu aħna għal kumpannija, fil-każ ta’ nuqqas ta’ oġġetti bla dazju, li jintużaw oġġetti domestiċi u li jkunu inkorporati f’oġġetti esportati, imbagħad, fi stadju ulterjuri, ikun hemm importazzjoni ta’ kwantità korrispondenti ta’ oġġetti bla dazju. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika jew proċedura hija importanti għaliex tippermetti, f’dan il-każ, lill-GOI li jiżgura u juri li l-kwantità ta’ oġġetti li għaliha tintalab ir-restituzzjoni ma taqbiżx il-kwantità ta’ prodotti simili esportati, f’kull forma, u li ma jkunx hemm restituzzjoni fuq piżijiet ta’ l-importazzjoni iżjed minn dawk miġbura oriġinarjament fuq dawk l-oġġetti importati.

(29)

Kif intqal fir-Regolament proviżorju, il-verifika stabbiliet li ma kienx hemm fis-seħħ sistema jew proċedura biex ikun kkonfermat jekk u liema oġġetti, miġjuba bis-saħħa ta’ l-AROs, huma ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk kienx hemm benefiċċju żejjed ta’ dazji ta’ importazzjoni li seħħew fit-tifsira tal-paragrafu (i) ta’ l-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, l-esportatur mhux taħt l-ebda obbligu li attwalment jikkonsma l-oġġetti miġjuba bis-saħħa ta’ l-AROs fil-proċess ta’ produzzjoni. Billi r-remissjoni ta’ dazji ta’ importazzjoni mhux limitata għal dak pagabbli fuq oġġetti kkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodotti esportati, mhix imħarsa l-kondizzjoni li oġġetti attwalment ikkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni biss tal-prodotti esportati jistgħu jibbenefikaw minn din ir-remissjoni. Huwa għalhekk konkluż li l-element ARO ta’ l-iskema tal-Liċenza bil-Quddiem mhix skema permessa ta’ remissjoni/restituzzjoni fit-tifsira tar-Regolament bażiku.

(30)

Barra dan, l-AROs ma jistgħux ikunu ikkunsidrati bħala skema tar-restituzzjoni tad-dazju, billi jidher li m’hemmx ħtieġa li jkunu importati l-oġġetti. F’dan il-kuntest, skema tista’ tkun meqjusa biss bħala skema tar-restituzzjoni tad-dazju bona fidi fil-każijiet meta jeżisti element ta’ importazzjoni, jiġifieri meta hemm rabta bejn oġġetti importati u oġġetti esportati. Il-kwantità ta’ oġġetti importati għandha tikkorrespondi għall-oġġetti esportati.

(31)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, dawn il-pretenzjonijiet ma jistgħux ikunu aċċettati u huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju fir-rigward tal-kompensazzjoni ta’ din l-iskema u l-kalkolu tal-benefiċċju.

Skema ta’ Pakkett ta’ Inċentivi (PSI) tal-Gvern ta’ Maharashtra

(32)

Kif intqal fir-Regolament proviżorju, l-iskema PSI hija disponibbli biss għall-kumpanniji li investew f’ċerti żoni ġeografiċi indikati fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ta’ Maharashtra. Mhix disponibbli għal kumpanniji li jinsabu barra dawn iż-żoni. Il-livell tal-benefiċċju huwa differenti skond iż-żona kkonċernata. L-iskema hija għalhekk speċifika skond l-Artikolu 3(2)(a) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

(33)

Il-GOI u l-kumpannija kkonċernata sostnew li din l-iskema mhix sussidju mhux kumpensatorja billi tħares il-kriterji ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament bażiku, u għalhekk tikkwalifika bħala sussidju reġjonali ammissibbli mogħtija fl-Istat ta’ Maharashtra.

(34)

Skond dan l-Artikolu, biex ma jkunx hemm miżuri ta’ kumpens, is-sussidji għal reġjuni żvantaġġati ġewwa t-territorju tal-pajjiż ta’ l-oriġini u/jew esportazzjoni jkollu jikkonforma ma’ ċerti kriterji; l-aktar, għandhom ikunu: (i) bis-saħħa tal-qafas ġenerali ta’ żvilupp reġjonali, (ii) ir-reġjuni ikkonċernati għandhom ikunu indikati b’mod ċar bħala żoni kontigwi ġeografiċi b’identità ekonomika u amministrattiva definibbli, u (iii) jitqiesu żvantaġġati fuq il-bażi ta’ kriterji newtrali u oġġettivi li għandhom ikunu imfissra b’mod ċar fil-liġi jew dokument uffiċjali ieħor. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu kejl ta’ żvilupp ekonomiku li għandu jkun ibbażat fuq mill-anqas wieħed mill-fatturi li ġejjin: dħul kull ras, jew dħul kull familja r-ras, jew GDP ir-ras (f’kull każ, mhux ‘il fuq minn 85 % tal-medja għat-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini jew esportazzjoni kkonċernata), jew ir-rata tal-qgħad kif imkejjel matul perjodu ta’ tliet snin (għall-anqas 110 % tal-medja għat-territorju tal-pajjiż ta’ l-oriġini jew ta’ esportazzjoni ikkonċernata).

(35)

Il-Gvern ta’ Maharashtra f’ittra lill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija tal-GOI qal li l-PSI japplika għar-reġjun kontigwu sħiħ barra r-reġjun relattivament avvanzat li jinsab fil-faxxa Mumbai-Thane ta’ l-Istat ta’ Maharashtra, u li r-reġjun żvantaġġat barra din il-faxxa hija karatterizzata bi dħul kull ras li huwa anqas il-medja ta’ l-Istat. Ingħataw figuri li wrew li d-dħul kull ras għar-reġjun fejn japplika l-PSO kien 74,54 % tal-figura għall-Istat kollu ta’ Maharashtra fl-1982/83 u 74,81 % da’ l-1998/99. Iżda, dawn il-figuri ma kinux issostanzjati b’evidenza ta’ appoġġ.

(36)

F’kull każ, l-eżami tal-pretenzjoni ammissibbli wriet li d-dħul kull ras fl-Istat ta’ Maharashtra, kif imkejjel matul perjodu ta’ tliet snin (1996/97 sa 1998/99), hija aktar minn 60 % tal-medja nazzjonali ta’ l-Indja. Għandu jkun ċar li l-limitu ta’ 85 % jitkejjel mad-dħul kull ras għall-pajjiż sħiħ ta’ oriġini jew esportazzjoni u mhux dak ta’ Stat partikolari jew reġjun. Fuq din il-bażi, huwa ċar li d-dħul kull ras tar-reġjun eliġibbli f’Maharashtra, għalkemm anqas minn 85 % tal-medja reġjonali, huwa ogħla sewwa mid-dħul medju nazzjonali kull ras, u r-reġjun għalhekk ma jidħolx fil-kategorija ammissibbli fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju. Fir-rigward tal-kriterju tal-qgħad, ma kienet ipprovduta l-ebda informazzjoni mill-awtoritajiet Indjani.

(37)

Fuq il-bażi ta’ li intqal fuq, huwa konkluż li, f’dan il-każ, din l-iskema ma ħarsitx il-kriterji ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament bażiku. Is-sejbien proviżorju fir-rigward tal-kumpens ta’ din l-iskema huwa, għalhekk, ikkonfermat.

(38)

Dwar il-kalkolu ta’ l-ammont tas-sussidju kif preskritt fil-preamboli 72 sa 74 tar-Regolament proviżorju, il-GOI u l-kumpannija kkonċernata sostniet li l-ammont tal-benefiċċju miksub skond l-inċentiv tal-postponiment tat-taxxa għandu jkun allokat fuq il-bejgħ totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (“IP”) aktar milli fuq il-bejgħ domestiku totali matul l-IP kif kien proviżorjament allokat, billi huwa benefiċċju għall-kumpannija komplessivament u għandha għal din ir-raġuni tkun attribwita mhux biss għall-bejgħ domestiku tagħha.

(39)

Barra dan, ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni tal-Kummissjoni għal ċerti fatturi li bihom kienu mgħollija żżejjed il-kalkoli tal-benefiċċju miksub mill-kumpannija kkonċernata skond l-inċentiva ta’ eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ.

(40)

Il-pretensjoni dwar il-bażi ta’ l-allokazzjoni tal-benfiċċju miksub skond l-inċentiv tal-postponiment tat-taxxa kien ikkonsidrat validu u l-Kummissjoni emendat il-kalkolazzjonijiet ta’ l-ammont ta’ sussidju kif jixraq.

(41)

Fir-rigward ta’ l-inċentiv dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ, wara li tqiesu l-kummenti tal-partijiet interessati u wara rieżami ddettaljat tas-sejbein proviżorju, il-kalkoli proviżorji kienu aġġustati li rriżulta fit-tnaqqis komplessiv ta’ l-ammont tas-sussidju.

(42)

Fuq il-bażi tal-kalkoli riveduti, l-ammont tas-sussidju li kisbet il-kumpannija skond din l-iskema hija ta’ 0,8 %.

Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(43)

L-ammont ta’ sussidji kumpensatorji, ikkalkolat skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, imfisser ad valorem, huwa 7,1 %, għall-produtturu esportatur investigat.

(44)

Il-livell ta’ kooperazzjoni għall-Indja kien għoli (‘il fuq minn 80 %). Minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni, kien deċiż li jkun iffissat il-marġini tas-sussidju residwu fil-livell tas-sussidju misjub għall-produttur esportatur li kkoopera, jiġifieri 7,1 %.



Tip ta’ sussidju

EOU (1)

DEPB (1)

EPCGS

ITES

Liċenza bil-quddiem/ARO (1)

Skema ta’ l-istat ta’ Maharashtra

TOTAL

Kokan Synthetics and ChemicalsPrivate Limited

1,4 %

1,7 %

0

0

3,2 %

0,8 %

7,1 %

L-oħrajn kollha

 
 
 
 
 
 

7,1 %

(1)   Sussidji mmarkati b’asterisk huma sussidji ta’ esportazzjoni.

L-INDUSTRIJA KOMUNITÀ

(45)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, numru ta’ partijiet interessati ddubitaw id-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u s-sinifikat tagħha fis-sens ta’ l-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, kien issuġerit li l-produttur li lmenta, Sorochimie Chime Fine, ma kellux l-appoġġ tat-tieni produttur tal-Komunità, Quimigal S.A., meta għamel l-ilment.

(46)

Huwa mfakkar li waqt li Quimigal ma kienx parti fl-ilment oriġinali, kien esprima l-appoġġ tiegħu għall-proċediment fl-istadju tal-bidu u kkoopera bi sħiħ fl-investigazzjoni. B’risposta għall-pretensjonijiet ta’ ċerti partijiet interessati, tenna wkoll l-appoġġ tiegħu għall-proċediment matul l-investigazzjoni. Għalhekk, billi l-ebda elementi ġodda ma nġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni dan iwassal biex jinbidel is-sejbien ta’ qabel, is-sejbien proviżorju dwar it-tifsir ta’ industrija tal-Komunità u s-sinifikat tagħha kif imfisser fil-preambolu 78 tar-Regolament proviżorju.

ĦSARARimarki preliminari

(47)

Diversi partijiet interessati ddubitaw mill-mod kif il-Kummissjoni kienet stabbiliet iċ-ċifri għall-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku fil-Komunità, il-konsum tal-Komunità u l-ishma tas-suq. Sostnew li ma kien hemm biżżejjed żvelar tas-sejbien tal-Kummissjoni dwar l-importazzjonijiet, kemm f’termini ta’ volum u ta’ valur u li konsegwentement id-dittijiet tagħhom ta’ difiża kienu mtellfa. Kien innotat li xi ftit minn din l-informazzjoni kienet nieqsa wkoll mill-verżjoni pubblika ta’ l-ilment bir-riżultat li l-ilment ma ħarisx l-istandards provduti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku.

(48)

Għandu jkun innotat li skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolament bażiku, informazzjoni li tintbagħat konfidenzalment mill-partijiet f’investigazzjoni għandha tkun ittrattata bħala tali mill-awtorità li tinvestiga sakemm l-informazzjoni titlob trattament bħal dan. Jitfakkar li l-aċidu sulfaniliku huwa maħdum minn numru relattivament żgħir ta’ produtturi madwar id-dinja. Konsegwentement, ma kienx possibbli għal raġunijiet ta’ kunfidenzalità li tingħata informazzjoni preċiża dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ġewwa l-Komunità, speċjalment għal dawk il-pajjiżi fejn hemm esportatur produttur wieħed. Għalhekk, għall-iskopijiet ta’ l-iżvelar, il-figuri indiċjati u n-narrativa spjegattiva saru disponibbli għall-partijiet interessati dwar dan u affarijiet relatati.

(49)

Billi ħadd mill-partijiet interessati li qajmu l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar ma setgħu juru li l-informazzjoni disponibbli għalihom f’forma fil-qosor ma kinitx tippermettilhom jiddefendu d-drittijiet tagħhom, l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward kellhom ikunu miċħuda.

Importazzjonijiet ikkonċernati

(50)

Parti waħda interessata ssuġġeriet li l-figura għaż-żieda fl-importazzjonijiet innotata fir-Regolament proviżorju kien qarrieqi. Kien sostnut li billi numru ta’ produtturi oħra kienu irtiraw mis-suq, l-utenti fil-Komunità kienu obbligati li jixtru l-aċidu sulfaniliku fis-suq dinji, li jwassal għalhekk għal żieda qawwija fil-volumi ta’ importazzjoni. Din il-pretenzjoni kellha tkun miċħuda għal numru ta’ raġunijiet. Fl-ewwel każ, ma ntbagħtet l-ebda evidenza oħra dwar il-livell ta’ importazzjonijiet biex jinbidel is-sejbien li kien hemm fl-istadju proviżorju fuq din il-kwistjoni. Bl-istess mod, waqt li huwa rikonoxxut fil-preambolu 161 tar-Regolament proviżorju li l-importazzjonijiet mill-Indja kienu mistennija li jkomplu jkollhom rwol sinifikanti li tintaħaq id-domanda fil-Komunità, kien innutat wkoll li kieku l-inustrija tal-Komunità ma kinitx soġġetta għal effetti ta’ ħsara ta’ l-importazzjonijiet sussidjati, setgħet iddaħħal fis-seħħ ċerti pjanijiet ta’ espanzjoni, u għalhekk tissodisfa l-parti l-kbira tad-domanda tal-Komunità. Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju jikkonċerna importazzjonijiet ġewwa l-Komunità mill-Indja u l-livell tat-twaqqigħ tal-prezz kif innotat fil-preamboli 81 sa 85 tar-Regolament proviżorju.

Sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità

(51)

Skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta’ l-impatt ta’ importazzjonijiet issussidjati fuq l-industrija tal-Komunità inkluza valutazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom rilevanza fuq l-istat tagħha.

(52)

Wara l-iżvelar proviżorju, numru ta’ partijiet interessati ddubitaw il-mod kif il-Kummissjoni waslet id-determinazzjoni proviżorja tagħha dwar il-ħsara billi ċerti indikaturi kienu qegħdin juru żviluppi posittivi. B’mod speċjali kien issuġġerit li ż-żieda fil-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, il-bejgħ u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ l-utilizzazzjoni matul il-perjodu ta’ l-analiżi (1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2001) ipprovaw li ma ġarrbitx dannu. Parti waħda interessata sostniet ukoll li l-Kummissjoni naqqset li tagħmel valutazzjoni sewwa ta’ l-ispejjeż tal-pagi meħtieġa bl-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku.

(53)

Jitfakkar li skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, l-ebda fattur ekonomiku jew indiċi elenkati fl-artikolu fuq imsemmi m’għandu neċssarjament ikun deċiżiv fid-determinazzjoni tal-ħsara. Huwa veru li ċerti indikaturi dwar kwantitajiet prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Komunità wrew żviluppi pożittivi. Iżda, dan għandu ikun kkunsidrat fid-dawl tal-fatt li l-konsum tal-Komunità ta’ l-aċidu sulfaniliku żdied b’xi 13 % matul il-perjodu ta’ l-analiżi u li kien hemm tnaqqis tan-numru ta’ fornituri fis-suq minħabba l-għeluq ta’ ċerti produtturi tal-Komunità.

(54)

Aktar importanti minn hekk, għandu jitfakkar li l-industrija tal-Komunità ġarbet ħsara fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezz u s-soppressjoni tal-prezz. B’mod partikolari, il-prezz medju tal-bejgħ naqas b’mod qawwi bejn l-1997 u l-1998 meta l-kienet fid-dieher il-pressjoni li kienet qed issir bil-volum dejjem jikber ta’ importazzjonijiet fis-suq. Wara, għalkemm l-industrija tal-Komunità setgħet iżżid il-prezz medju tal-bejgħ hekk kif żdiedet id-domanda fis-suq tal-Komunità, ma rnexxilhiex tilħaq livell li jippermettilha tkopri l-ispiża kollha ta’ produzzjoni u baqa’ jsir telf fl-IP.

(55)

Fir-rigward ta’ l-argument li tqajjem dwar il-pagi, ikun innotat li għalkemm in-numru ta’ ħaddiema impjegati minn Sorochimie naqas matul il-perjodu ta’ l-analiżi, l-ispiża medja ta’ l-impjieg għal kull impjegat żdiedet. Dan minħabba l-fatt li kien hemm bidla fit-taħlita ta’ impjegati matul il-perjodu kif ukoll l-inflazzjoni ġenerali tasl-pagi. Fir-rigward ta’ Quimigal, għandu jkun innotat li s-sena bażi għall-indiċi (1998) il-kumpannija ma kinitx qed tipproduċi aċidu sulfaniliku. Meta bdiet il-produzzjoni fl-1999, il-ħaddiema kienu impjegati l-ħin kollu f’din l-attività b’jum żejjed li nħadem mill-2000 lil hemm. L-ebda kumpannija ma nnutat li l-pagi ta’ dawk impjegati fl-attivitajiet ta’ l-aċidu sulfaniliku ma kienu affettwati bl-importazzjonijiet ikkonċernati. Għalhekk, l-impjiegi ma kienux ikkunsidrati bħala indikatur tal-ħsara.

(56)

Minħabba dak li ntqal fuq, huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju li l-industrija tal-Komunità sofriet ħsara materjali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, kif imsemmi fil-preamboli 88 sa 107 tar-Regolament proviżorju.

NESS TA’ KAŻWALITÀKummenti ġenerali fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità tal-ħsara

(57)

Ċerti partijiet interessati sostnew li l-industrija tal-Komunità kienet responsabbli parzjalment għall-ħsara li kienet ġarbet. Diversi partijiet ddubitaw il-kwalità tat-tmexxija ta’ Sorochimie, il-prodott u s-servizz tal-klijenti, u seħqu fuq il-fatt li hija nnifisha kienet importat l-aċidu sulfaniliku matul il-perjodu ta’ l-analiżi. Parti waħda allegat ukoll li l-ħsara mġarrba minn Sorochimie għandha tkun attribwita lill-attività l-oħra tan-negozju (il-kolla) li għaddiet minn diffikultajiet sinifikanti matul l-IP. Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Quimigal, it-tieni kumpannija li tifforma parti mill-industrija tal-Komunità, kien argumentat li d-deċiżjoni tagħha biex tidħol fis-suq bi strateġija ta’ prezz baxx matul il-fażi tal-bidu kienet ikkontribwiet ukoll għall-ħsara allegata. Finalment, kien sostnut ukoll li l-industrija tal-Komunità kellha tħares regolamenti iebsin ambjentali u kellha spejjeż tax-xogħol u tat-trasport ogħla minn dawk tal-produtturi esportaturi fl-Indja bl-implikazzjoni li l-importazzjonijiet li joriġinaw f’dak il-pajjiż kellhom vantaġġ kompetittiv u ma kinux saru bi prezzijiet ta’ ħsara.

(58)

L-investigazzjoni wriet li Sorochimie, minkejja d-diffikultajiet finanzjarji tagħha marbutin mal-prezzijiet eċċessivament baxxi li ddominaw is-suq, setgħet tikseb klijenti ġodda matul il-perjodu ta’ l-analiżi u biex tadatta l-prodotti tagħha biex tħares il-ħtiġiet tagħha. Il-kumpannija kienet obbligata li tixtri ċerti kwantitajiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ l-analiżi biex tissodisfa l-ħtiġiet tal-klijenti eżistenti tagħha waqt li t-tagħmir tal-produzzjoni tagħha kien għat-tiswija tal-bżonn. Għalhekk ma jistax ikun ikkunsidrat li Sorochimie ikkontribwiet għall-ħsara tagħha stess. Bl-istess mod, huwa mfakkar li xi spejjeż eċċezzjonali dwar id-diffikultajiet tal-kumpannija fin-negozju tal-kolla tagħha kienu esklużi minn din l-investigazzjoni billi m’humiex marbuta mal-prodott ikkonċernat u għalhekk m’humiex riflessi fl-indikaturi tal-ħsara deskritti fir-Regolament proviżorju.

(59)

Kien innutat fil-preambolu 118 tar-Regolament proviżorju li d-deċiżjoni ta’ Quimigal biex tidħol fis-suq ittieħdet fi żmien meta l-prezzijiet għall-aċidu sulfaniliku fis-suq tal-Komunità kienu ogħla. Quimigal setgħet tistabbilixxi lilha nnifisha fis-suq fi żmien ta’ domanda li qed tikber fil-Komunità u t-tibdil fin-numru ta’ fornituri ta’ aċidu sulfaniliku kemm fil-Komunità u barra. Kien innutat li l-kumpannija kienet obbligata li toffri prezzijiet simili għal dawk ta’ l-importazzjonijiet ta’ dumping u ssussidjati biex tistabbilixxi ruħha fis-suq u tikseb s-sehem mis-suq fl-1999 u l-2000 billi d-daqs relattivament żgħir tagħha kien ifisser li kellha toqgħod għall-prezzijiet iżjed milli tiffisshom. Minkejja dan, is-sehem mis-suq tagħha naqas xi ftit fl-IP hekk kif importazzjonijiet mill-Indja żdiedu fil-volum. L-ebda indikazzjoni ma nstabet għalhekk li d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità hija mħabba l-kompetizzjoni tal-Komunità eċċessiva intra-Komunitarja.

(60)

Fir-rigward ta’ l-ispejjeż allegatament ogħla li l-industrija tal-Komunità hija obbligata li tħares f’termini ta’ konformità mar-regolamenti ambjentali u kwistjonijiet oħra, għandu jitfakkar li l-vantaġġ kompetittiv ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati kien ikkunsidrat fid-determinazzjoni tal-valur normali. Għalhekk, huwa b’dan ikkonfermat is-sejbien proviżorju dwar in-ness tal-każwalità kif jidher fil-preamboli 121 sa 123 tar-Regolament proviżorju.

INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(61)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, parti waħda interessata ddubitat kif il-Kummissjoni tista’ tiddetermina, fid-dawl tal-fatt li Sorochimie kienet f’amministrazzjoni kkontrollata, li l-industrija tal-Komunità kienet vijabbli u kompettitiva. Jitfakkar li Sorochimie kienet obbligata li tfittex protezzjoni mill-kredituri tagħha wara ċerti diffikultajiet fin-negozju tagħha tal-kolla u pressjonijiet oħrajn fl-attivitajiet tagħha dwar l-aċidu sulfaniliku. Il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Charleville Mézières appuntat amministratur biex jikkontrolla l-attivitajiet tal-kummerċ tal-kumpannija u tat lill-kumpannija perjodu ta’ żmien biex tipprepara pjan ta’ ristrutturazzjoni. Dan il-perjodu ta’ żmien kien estiż sal-31 ta’ Jannar 2003. Fin-nuqqas ta’ ġrajjiet oħra mhux imbassra, il-kumpannija għandha tkompli teżisti għall-ġejjieni immedjat u għalhekk tkun f’pożizzjoni biex tibbenefika mill-imposizzjoni ta’ miżuri definittivi. Għalhekk, huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju li l-imposizzjoni tal-miżuri huwa fl-interess ta’ l-industrija tal-Komunità kif innutat fil-preambolu 134 tar-Regolament proviżorju.

(62)

Numru ta’ partijiet interessati sostnew li l-Kummissjoni naqqset li tagħmel valutazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni ta’ l-utenti billi ma kkunsidratx kull żieda fil-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità li x’aktarx isegwu l-imposizzjoni tal-miżuri. Kien sostnut ukoll li l-miżuri kienu kontra l-interess tal-Komunità billi l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-Komunità ma kienx biżżejjed biex tilħaq id-domanda tal-Komunità u billi setgħet tirriżulta possibbiliment sitwazzjoni duopolistika bbażata fuq iż-żewġ produtturi tal-Komunità minħabba l-għeluq tas-suq għall-importazzjonijet mill-Indja kif ukoll mill-PRC, li hija nnifisha soġġetta għal investigazzjoni parallela anti-dumping.

(63)

Dwar il-pretenzjoni li l-Kummissjoni naqqset li tikkunsidra d-diversi interessi b’mod oġġettiv meta tiddetermina l-imposizzjoni tal-miżuri, jitfakkar li fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni għamlet analiżi ddettaljata ta’ kull settur ewlieni ta’ l-utenti (produtturi ta’ brillantanti ottiċi, addittivi tal-konkrit, kuluri u kuluranti). Din l-analiżi inkludiet valutazzjoni ta’ l-impatt tal-miżuri fuq l-ispejjeż tagħhom fuq il-bażi li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet kkonċernati setgħu jiżdiedu skond il-miżuri proposti. Fl-istess ħin, f’dan il-kalkolu saret il-konsiderazzjoni dovuta għall-akbar żieda possibbli fil-prezz ta’ l-aċidu sulfaniliku mibjugħ mill-industrija tal-Komunità ta’ 10 % fuq il-bażi li l-prezzijiet tagħha jiżdiedu għal-livell simili għal dak ta’ importazzjonijiet kkonċernati wara l-imposizzjoni tal-miżuri wara li jitqies li kienet qed topera diġa f’livell pjuttost ogħ la ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità fl-IP. L-ebda elementi ġdid ma ngħata mill-partijiet li seta’ jbiddel is-sejbien dwar iż-żieda possibbli fl-ispejjeż tal-manifattura ta’ l-industriji differenti ta’ l-utenti.

(64)

Rigward il-provista u s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Komuntà, għandu jkun innutat li l-kapaċità kurrenti ta’ produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità tista’ tissodisfa madwar 50 % tad-domanda tal-Komunità. L-iskop tal-miżuri f’kull każ mhux li jingħalaq is-suq għall-importazzjonijiet mill-Indja imma li jkun żgurat li jsiru bi prezzijiet mhux sussidjati u mhux ta’ ħsara. Huwa għalhekk mistenni li importazzjonijiet minn terzi pajjiżi inkluż l-Indja ser ikomplu jidħlu fis-suq. Fl-istress ħin, il-miżuri għandhom jiżguraw produzzjoni ssoktata ta’ aċidu sulfaniliku fil-Komunità bir-riżultat li l-utenti ser ikollhom għażla akbar bejn il-fornituri domestiċi u barranin u għandha tinżamm l-kompetizzjoni bejn il-fornituri kollha. Wieħed għandu jisħaq ukoll li l-industrija tal-Komunità għandha pjanijiet biex iżżid l-produzzjoni billi tinvesti f’faċilitajiet ġodda jekk l-ispiża tal-kapital tista’ tkun ġġustifikata. Biex dan jiġri, l-effetti ta’ ħsara ta’ l-importazzjonijiet ssussidjati għandhom jitneħħew.

(65)

Fid-dawl ta’ hawn fuq, huwa kkonfermat is-sejbien li l-imposizzjoni ta’ miżuri mhux kontra l-interessi tal-Komunità kif innutat fil-preambolu 164 tar-Regolament proviżorju.

DAZJI KOMPENSATTIVILivell ta’ l-eliminazzjoni tal-ħsara

(66)

Fin-nuqqas ta’ kull sottomissjoni ġdida fuq dan il-punt, il-metodoloġija użata biex ikun stabbilit il-marġini ta’ ħsara kif preskritt fil-preamboli 165 sa 167 tar-Regolament proviżorju.

Miżuri definittivi

(67)

Billi l-livell ta’ l-eliminazzjoni huwa ogħla mill-marġini tas-sussidju stabbilit, il-miżura definittiva għandha tkun ibbażata fuq dan ta’ l-aħħar. Id-dmir li ġej għalhekk japplika:

l-Indja (il-kumpanniji kollha): 7,1 %.

Ġbir definittiv ta’ dazji proviżorji

(68)

Minħabba l-kobor tas-sussidju misjub u fid-dawl tas-serjetà tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Komunità, hemm bżonn li l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju kumpensatorju, impost mir-Regolament Proviżorju, għandu jinġabar definitivament bir-rata tad-dazju impost b’mod definittiv. Għandhom jinħelsu l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju iżjed mid-dazju definittiv.

IMPENN

(69)

Wara l-imposizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-produttur esportatur waħdieni li kkoopera fl-Indja offra impenn fuq il-prezz skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Meta jiġri dan, ftiehem li jbiegħ il-prodott ikkonċernat fil-prezz ta’ jew ‘il fuq minn dawk li jkollhom l-effett li jkunu eliminati l-effetti inġurjużi tas-sussidju. Il-kumpannija ser tipprovdi wkoll lill-Kummisjsoni b’informazzjoni regolari u dettaljata dwar l-esportazzjonijiet tagħha lill-Komunità, li tfisser li l-impriża tista’ tkun monitorizzata b’mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn dan, l-istruttura tal-bejgħ tal-produttur esportatur hija dik li l-Kummissjoni tikkonsidra li jkun limitat ir-riskju li jkun eluż il-ftehim fuq l-impenn.

(70)

Minħabba dan, l-offerta ta’ impenn kienet aċċettata mill-Kummissoni fid-DEĊIŻJONI 2002/611/KE ( 4 ).

(71)

Biex ikun żgurat ir-rispett effettiv u l-monitoraġġ ta’ l-impenn, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera bis-saħħa ta’ l-impenn issir lill-awtorità rilevanti tad-dwana, l-eżenzjoni mid-dazju għandha tiddependi fuq li tkun preżentata fattura li jkollha l-informazzjoni elenkata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Meta din il-fattura ma tkunx ippreżentata, jew meta ma tikkorrispondix mal-prodott ikkonċernat ippreżentat lid-dwana, għandha titħallas minflok ir-rata xierqa ta’ dazju kumpensatorju.

(72)

Għandu jkun innutat li fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenn jew ksur issuspettat, dazju kumpensatorju jista’ jkun impost bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13(9) u (10) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  Dazju definittiv kumpensatorju huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku, li jidħol fil-kodiċi NMex292142 10 (Kodiċi TARIC 2921421060) u li joriġina fl-Indja.

2.  Ir-rata ta’ dazji definittivi kumpensatorji applikabbli għal prezz nett b’xejn mal-fruntiera tal-Komunità qabel id-dazju għandha tkun ta’ 7,1 %.

▼M1 —————

▼M2

3.  Minkejja l-paragrafu 1, id-dazju definittiv m’għandux japplika għal importazzjonijiet li jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni libera skond l-Artikolu 2.

▼B

4.  Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

▼M1 —————

▼M2

Artikolu 2

1.  Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera li huma fatturati minn kumpaniji li għandhom impenji aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 5 ), kif emendata minn żmien għal żmien għandhom ikunu eżenti mid-dazji imposti mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

— huma manifatturati, trasportati u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità;

— u

— tali importazzjonijiet ikunu akkumpanjati minn fattura ta’ impenn valida. Fattura ta’ impenn hija fattura kummerċjali li minn ta’ l-inqas tinkludi l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness;

— u

— il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ impenn.

2.  Debitu doganali għandu jiġi impost fid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa kull meta jiġi stabbilit, fil-konfront ta’ prodotti deskritti fl-Artikolu 1 u eżentati mid-dazji taħt il-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1, li waħda jew aktar minn tali kondizzjonijiet ma jkunux ġew osservati. Il-kondizzjoni stipulata fit-tieni daħla tal-paragrafu 1 għandha tiġi kkunsidrata li ma ġietx osservata fejn il-fattura ta’ impenn jinstab li ma taqbilx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness jew tinstab li ma tkunx awtentika jew fejn il-Kummissjoni tkun irtirat l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8(9) tar-Regolament Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni minn importazzjonijiet li huma oġġett ta' kontra d-dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunita Ewropea ( 6 ) jew l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal transazzjoni(jiet) partikolari u tiddikjara l-fattura(i) ta’ impenn relevanti bħala nulla(i).

3.  L-importaturi għandhom jaċċettaw bħala riskju kummerċjali normali, il-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza, minn xi parti, ta’ waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 u ddefiniti ulterjorment fil-paragrafu 2 jistgħu jwasslu għal debitu doganali impost skond l-Artikolu 201 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komuni ( 7 ). Id-debitu doganali impost jiġi rkuprat ma’ l-irtirar min-naħa tal-Kummissjoni ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn.

▼B

Artikolu 3

L-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju kumpensatorju impost bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 573/2002 għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazji imposti b’mod definittiv. Ammonti miġburin li jaqbżu r-rata definittiva tad-dazji kumpensatorji għandhom jinħelsu.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1 —————

▼M2




ANNESS

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ mill-kumpanija ta’ aċidu sulfaniliku lill-Komunità li huwa suġġett għal Impenn:

1. It-titlu “FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA PRODOTTI SUĠĠETTI GĦAL IMPENN”.

2. L-isem tal-kumpanija msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE li taċċetta l-impenn li qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

3. In-numru tal-fattura kummerċjali

4. Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5. Il-kodiċi TARIC addizzjonali li taħtu l-prodotti fil-fattura jridu jiġu rilaxxati mid-dwana fuq il-fruntiera tal-Komunità.

6. Id-deskrizzjoni eżatta ta’ l-oġġetti, inklużi:

— In-numru tal-kodiċi tal-prodott (PCN) użat għall-iskopijiet ta’ l-investigazzjoni u l-impenn (e.g. “PA99”, “PS85” jew “TA98”),

— l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi/fiżiċi tal-PCN, i.e. għall-“PA99” u “PS85” white free-flowing powder, u għall-“TA98” grey free-flowing powder.

— il-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (CPC) (jekk japplika),

— il-kodiċi NM,

— il-kwantità (għandha tingħata f’tunnellati)

7. Id-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ, li tinkludi:

— il-prezz kull tunnellata

— it-termini ta’ ħlas applikabbli,

— it-termini tal-konsenja,

— tnaqqis fil-prezz u roħs totali.

8. L-isem tal-kumpanija li qed taġixxi ta’ importatur fil-Komunità u li fuqha hija maħruġa direttament mill-kumpanija, il-fattura kummerċjali li qed takkumpanja oġġetti suġġetti għal impenn.

9. L-isem ta’ l-uffiċjal tal-kumpanija li ħarġet il-fattura u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea ta’ l-oġġetti koperti minn din il-fattura qed isir fil-firxa ta’ applikazzjoni u skond it-termini ta’ l-impenn offrut minn [KUMPANIJA], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2006/37/KE. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija kompluta u korretta.”



( 1 ) ĠU L 288, tal-21.10.1997, p. 1.

( 2 ) ĠU L 87, ta’ l-4.4.2002, p. 5.

( 3 ) ĠU L 87, ta’ l-4.4.2002, p. 28.

( 4 ) Ara l-paġna 36 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 5 ) Ara paġna 52 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 6 ) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

( 7 ) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).