|
12.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
579 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Ottubru 2005
li taċċetta impenji offruti in konnessjoni ma’ proċedimenti anti-dumping rigward importazzjonijiet tal-klorat tal-potassju li joriġina mill-Federazzjoni Russa
(2005/802/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi li m’humiex membri tal-Komunità Ewropea (1), (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
I. PROĊEDURA
|
(1) |
Bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 (2), il-Kunsill impona dazji definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' klorat tal-potassju li joriġina, inter alia, mir-Russja (“il-miżuri eżistenti”). |
|
(2) |
F’Marzu 2004, permezz ta’ notifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (3), il-Kummissjoni nediet, fuq inizjattiva tagħha, reviżjoni parzjali interim tal-miżuri eżistenti biex teżamina jekk dawn għandhomx ikunu emendati biex ikopru t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru fl-1 ta’ Mejju 2004 (“it-Tkabbir”). |
|
(3) |
Ir-riżultati ta' dik l-analiżi parzjali interim wrew li kien fl-interessi tal-Komunità li tipprovdi adattament temporanju tal-miżuri eżistenti sabiex ikun evitat impatt negattiv eċċessiv u f’daqqa fuq importaturi u utenti fl-għaxar Stati Membru ġodda “l-UE10” immedjatament wara t-Tkabbir. |
|
(4) |
Għal dan il-għan, f’Mejju 2004, bir-Regolament (KE) Nru 1002/2004 (4), il-Kummissjoni aċċettat l-impenji minn, inter alia, żewġ produtturi esportaturi fir-Russja, jiġifieri JSC Silvinit u JSC Uralkali fir-rigward ta’ l-esportazzjonijiet tagħhom lill-UE10. B’żieda ma’ dan, sabiex jipprovdi għall-eżenzjoni mid-dazji anti-dumping imposti bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 fuq importazzjonijiet magħmula taħt it-termini ta’ l-impenji, ir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 kien emendat bir-Regolament (KE) Nru 992/2004 (5). |
|
(5) |
F’Ġunju 2005, skond ir-Regolament (KE) Nru 858/2005 (6), il-Kummissjoni aċċettat impenji ġodda għal esportazzjonijiet lill-UE10 minn dawn il-kumpaniji Russi għal perjodu ieħor li jiskadi fit-13 ta’ April, 2006. |
|
(6) |
Sadanittant, f’Jannar 2004, waslu talbiet separati mingħand JSC Silvinit u JSC Uralkali (“l-applikanti”) għal reviżjonijiet individwali parzjali interim tal-miżuri eżistenti skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(7) |
Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti evidenza biżżejjed sabiex jingħata bidu għar-reviżjonijiet parzjali interim, il-Kummissjoni ppubblikat notifiki ta’ bidu u bdiet investigazzjoni (7). |
|
(8) |
Skond is-sejbiet ta’ dawn iż-żewġ reviżjonijiet parzjali interim, bir-Regolament (KE) Nru 1891/2005, il-Kunsill emenda r-rati tad-dazji anti-dumping imposti kontra l-applikanti. |
II. IMPENJI
|
(9) |
Kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni aċċettat impenji offruti mill-applikanti fir-rigward ta’ l-esportazzjonijiet tagħhom lill-UE10. F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar mir-Regolament (KE) Nru 992/2004 li dawn l-impenji kienu ta’ natura tranżizzjonali u intenzjonati bħala miżura interim li tippermetti prezzijiet ta’ xiri tal-klorat tal-potassju fl-UE10 biex jiżdied għal dawk prevalenti fil-Komunità kif kostitwit immedjatament qabel it-Tkabbir (“l-UE15”). Aktar minn hekk, dawk l-impenji ta’ l-UE10 ma kinux direttament ekwivalenti għal dazju anti-dumping minħabba li l-prezzijiet minimi stabbiliti ta’ l-importazzjoni (“MIPs”) kienu, eċċezzjonalment, f’livelli aktar baxxi milli jkun is-soltu l-każ (jiġifieri kienu stabbiliti f’livelli li ma eliminawx b’mod sħiħ l-effett ta’ ħsara tad-dumping). |
|
(10) |
Madankollu, fi ħdan il-qafas tar-reviżjonijiet parzjali interim u b’żieda ma’ l-impenji msemmija hawn fuq li huma diġà fis-seħħ għall-esportazzjonijiet tagħhom lill-UE10, l-applikanti offrew ukoll li jbigħu l-prodott ikkonċernat lil klijenti fl-UE15 bi prezzijiet ta’ l-istess livell jew ogħla li jelimina l-effett ta’ ħsara tad-dumping. |
|
(11) |
L-impenji offruti fir-rigward ta’ bejgħ lill-UE10 jiskadi fit-13 ta’ April 2006 u, sa dan iż-żmien, l-impenji għall-bejgħ lill-UE10 u l-impenji offruti għal esportazzjonijiet lill-UE 15 għandhom joperaw b’mod parallel. |
|
(12) |
B’riżultat ta’ dan, wara li l-impenji ta’ l-UE 10 jiskadu f’April 2006, l-MIPs ogħla stabbiliti fl-impenji offruti fi ħdan il-qafas tar-reviżjonijiet parzjali interim għal bejgħ lill-UE 15 se japplika wkoll għal bejgħ lill-UE10. B’dan il-mod, l-istess MIPs, stabbiliti f’livelli li ma jagħmlux ħsara se japplikaw għall-importazzjonijiet kollha mill-applikanti fis-suq tal-Komunità b’mod sħiħ, u l-għan tal-miżuri tranżnazzjonali u eċċezzjonali applikabbli għall-esportazzjonijiet lill-UE10 fil-perjodu wara t-Tkabbir ikun inkiseb. |
|
(13) |
Il-kumpaniji se jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni regolari u ddettaljata rigward l-esportazzjonijiet tagħhom lill-Komunità, jiġifieri li dawn l-impenji jistgħu jiġu mmonitorjati b'mod effettiv mill-Kummissjoni. Aktar minn hekk, l-istruttura ta’ bejgħ tal-kumpaniji hi tali mod li l-Kummissjoni tikkunsidra li r-riskju li b’dawn l-impenji wieħed jaħrab it-taxxa huwa limitat. |
|
(14) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja b’mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji ma’ l-impenji, meta t-talba għall-ħruġ għal ċirkolazzjoni ħielsa skond impenn hi ppreżentata lill-awtorità tad-dwana relevanti, eżenzjoni mid-dazju tkun kondizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura li tinkludi għall-anqas l-oġġetti ta’ informazzjoni mniżżla fl-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) [DAĦĦAL IN-NUMRU]. Dan il-livell ta’ informazzjoni hu meħtieġ ukoll biex jippermetti lill-awtoritajiet tad-dwana biex jaċċertaw preċiżjoni suffiċjenti li t-trażbord jikkorrispondi mad-dokumenti kummerċjali. Meta ma tiġi ppreżentata ebda fattura simili, jew meta din ma tikkorrispondix mal-prodott ippreżentat lid-dwana, id-dazji anti-dumping xierqa għandhom jiġu mħallsa. |
|
(15) |
Il-produtturi esportaturi għandhom ikunu konxji wkoll li, skond it-termini ta’ l-impenji, jekk jinstab li l-impenji b’xi mod saru diffiċli jew impossibbli li wieħed jimmonitorjahom, jew li nkisru b'xi mod, il-Kummissjoni hi intitolata li tirtira li taċċetta l-impenji tal-kumpanija kkonċernata li jkun jista’ jirriżulta f'dazju anti-dumping definittiv li jiġi impost minfloku. |
|
(16) |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, l-impenji offruti mill-applikanti fi ħdan il-qafas tar-reviżjoni parzjali interim huma aċċettabbli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-impenji offruti mill-produtturi u kumpaniji esportaturi msemmija hawn taħt, f’konnessjoni mal-proċedimenti preżenti anti-dumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet tal-klorat tal-potassju li joriġina mir-Russja huma hawnhekk aċċettati.
|
Pajjiż |
Manifattur |
Kodiċi TARIC addizzjonali |
|
Federazzjoni Russa |
Prodott minn JSC Silvinit, Solikamsk, Russia u mibjugħ minn JSC International Potash Company, Moscow, Russia, lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità li jaġixxi bħala importatur |
A695 |
|
Federazzjoni Russa |
Prodott u mibjugħ minn JSC Uralkali, Berezniki, Russia jew prodott minn JSC Uralkali, Berezniki, Russia u mibjugħ minn Uralkali Trading SA, Geneva, Switzerland lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità li jaġixxi bħala importatur |
A520 |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara li tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, nhar is-17 ta’ Ottubru 2005.
Għall-Kummissjoni
Peter MANDELSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 308, 24.10.1992, p. 41. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1891/2005 (ĠU L 302, 19.11.2005, p. 14).
(3) ĠU C 70, 20.3.2004, p. 15.
(4) ĠU L 183, 20.5.2004, p. 16. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 588/2005 (ĠU L 98, 16.4.2005, p. 11).
(5) ĠU L 182, 19.5.2004, p. 23.