|
20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/82 |
DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2014/74/UE
tat-13 ta' Marzu 2014
li temenda, għal skopijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċomb użat f'sistemi ta' konnetturi tal-pinnijiet oħra li mhumiex dawk konformi mas-C-press għal sistemi ta' monitoraġġ u kontroll industrijali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq. |
|
(2) |
Sistemi ta' konnetturi tal-pinnijiet konformi jintużaw f'diġitizzaturi tal-veloċità għolja, f'sorsi tal-frekwenza tar-radju u tas-sinjali tal-mewġ, u f'tagħmir tat-test mingħajr fili. S'issa s-sistemi ta' konnetturi tal-pinnijiet konformi mingħajr ċomb ma jintużawx fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali (IMCIs). L-IMCIs għandhom rekwiżiti għall-prestazzjoni u għall-affidabbiltà li huma ogħla minn dawk ta' tagħmir elettriku u elettroniku ieħor, u l-affidabbiltà ta' sostituti mingħajr ċomb mhijiex żgurata f'dawn il-kundizzjonijiet. |
|
(3) |
Għaldaqstant, sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jagħmlu komponenti mingħajr ċomb li jkunu prattiċi mil-lat tekniku u sabiex ikunu jistgħu juru biżżejjed l-affidabbiltà tagħhom meta jintużaw fl-IMCIs, l-użu taċ-ċomb f'sistemi ta' konnetturi tal-pinnijiet oħra li mhumiex dawk konformi mas-C-press għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali għandu jiġi eżentat mill-projbizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2020. Fid-dawl taċ-ċikli ta' innovazzjoni għall-IMCIs, dan huwa perjodu ta' tranżizzjoni relattivament qasir li probabbli ma jkollu l-ebda impatt negattiv fuq l-innovazzjoni. |
|
(4) |
Skont il-prinċipju ta' “sewwi għal-livell tal-produzzjoni” (repair-as-produced) tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/65/UE, li huwa maħsub biex jestendi l-ħajja ta' prodotti konformi ġaladarba dawn jitqiegħdu fis-suq, il-partijiet ta' rikambju għandhom jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni anki wara d-data tat-tmiem tagħha, mingħajr restrizzjonijiet ta' żmien. |
|
(5) |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/65/UE għandha tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 36 li ġej:
|
“36. |
Iċ-ċomb użat f'sistemi ta' konnetturi tal-pinnijiet oħra li ma jkunux dawk konformi mas-C-press għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali.
Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020. Jista' jintuża wara din id-data f'partijiet ta' rikambju għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2021.” |