|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3223 |
20.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3223
tad-19 ta' Diċembru 2024
li taħtar il-Koordinatur Ewropew għall-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku ta’ interess komuni u li tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħhom
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja huma l-aħħar Stati Membri sinkronizzati ma’ networks ta’ pajjiżi terzi, jiġifieri mar-Russja (inkluż Kaliningrad) u mal-Belarussja. Is-sinkronizzazzjoni tagħhom man-networks tal-UE hija waħda mill-aktar prijoritajiet urġenti għall-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ġeopolitiku attwali, u diġà rċeviet appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju għal dawn l-aħħar 12-il sena. |
|
(2) |
Il-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku huwa proġett ta’ interess komuni (PCI, project of common interest) fil-lista tal-Unjoni ta’ PCIs u proġetti ta’ interess reċiproku (PMIs, projects of mutual interest) f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/869. L-investimenti relatati mal-karatteristika tal-proġett fir-raggruppament 3.3: “L-integrazzjoni u s-sinkronizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku tal-Istati Baltiċi man-networks Ewropej”. |
|
(3) |
Id-data fil-mira għat-tlestija tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku (Frar 2025) qed toqrob, u x-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali biex jirnexxi l-proġett u għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istati Baltiċi. F’dan ir-rigward, il-proġett jinsab fi stadju kritiku ferm fl-implimentazzjoni tiegħu minħabba li din tiddependi fuq l-allinjament mill-qrib bejn l-erba’ Stati Membri u erba’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni. Barra minn hekk, wara Frar 2025 se jkun hemm ukoll ħtieġa kontinwa ta’ koordinazzjoni u direzzjoni mill-qrib sakemm jitlestew l-investimenti kollha meħtieġa fl-Istati Baltiċi. Sensiela ta’ investimenti fl-infrastruttura li hemm bżonn li ssir biex jiġi żgurat il-funzjonament sikur tas-sistemi tal-Istati Baltiċi u l-kummerċ fir-reġjun se titlesta biss fil-perjodu ta’ wara s-sinkronizzazzjoni sal-2030 (l-Interkonnettur Harmony Link, is-sistema tal-batteriji fil-Latvja, it-titjib fl-interkonnetturi mal-Iżvezja u l-Finlandja). Dawn il-proġetti s’issa ltaqgħu ma’ dewmien sinifikanti minħabba l-inflazzjoni u problemi relatati mal-katina tal-provvista u jeħtieġu segwitu u koordinazzjoni mill-qrib ħafna speċjalment fil-fażi preparatorja, qabel ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, sabiex l-iżvilupp tagħhom ikun fit-triq it-tajba. B’mod partikolari, għall-Interkonnettur “Harmony Link” bejn il-Litwanja u l-Polonja, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni mill-qrib biex jiġi żgurat li tiġu stabbilita orjentazzjoni adegwata għall-proġett u l-ħruġ tal-permessi jkun fit-triq it-tajba fiż-żewġ Stati Membri. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/869, il-Kummissjoni tista’ taħtar, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, koordinaturi Ewropej għal proġetti ta’ interess komuni għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena, li jista’ jiġġedded darbtejn, jekk il-proġetti rispettivi jirrikjedu dan. Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri u lill-promoturi tal-proġetti kkonċernati, huwa meħtieġ li jinħatar koordinatur Ewropew iddedikat għall-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku, li jkun jista’ jissorvelja mill-qrib l-aħħar fażi ta’ implimentazzjoni kif ukoll il-progress fil-bqija tal-investimenti fl-infrastruttura, jipprovdi pariri u jiffaċilita kwalunkwe miżura li trid tittieħed mill-partijiet ikkonċernati, u jirrapporta lura lill-Kummissjoni dwar il-progress rilevanti. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Koordinatur jinħatar għal mandat ta’ sena f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/869. Id-deċiżjoni li jiġġedded jew le l-mandat jenħtieġ li tittieħed bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati skont il-ħtiġijiet tal-proġett f’dak il-waqt. Jenħtieġ li l-Koordinatur iqis il-koordinazzjoni tal-proġett permezz tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (“BEMIP”, Baltic Energy Market Interconnexion Plan) u l-kuntest tal-attivitajiet l-oħra kollha li jingħataw segwitu bħala parti mill-BEMIP. |
|
(6) |
Sabiex jiżviluppa l-kompiti tagħha/tiegħu, jenħtieġ li l-Koordinatur Ewropew tingħata/jingħata indennizz b’rata fissa ta’ kull xahar biex tkopri/ikopri l-ispejjeż segretarjali li ma jistgħux jitwasslu direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni u jiġi rimborżat għall-ispejjeż tal-missjonijiet f’konformità mal-Vademecum dwar ir-regoli ta’ ħidma speċifiċi għall-koordinaturi Ewropej anness ma’ din id-deċiżjoni. |
|
(7) |
Abbażi tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2022/869, il-proċedura tal-għażla tmexxiet b’sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess għal xahar bejn id-19 ta’ Awwissu u d-19 ta’ Settembru 2024. Abbażi tal-esperjenza tagħha fir-rigward tal-kompiti speċifiċi assenjati lill-Koordinatur Ewropew għall-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku ta’ interess komuni, l-applikant magħżul hija s-Sinjura Catharina Sikow-Magny. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/869, l-Istati Membri rilevanti għas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, ġew ikkonsultati dwar ir-riżultati tal-proċedura tal-għażla u l-mandat għall-Koordinatur Ewropew. L-Istati Membri kkonċernati esprimew il-qbil tagħhom rigward il-ħatra tal-Koordinatur Ewropew f’Ottubru 2024. |
|
(9) |
Il-ħatra hija urġenti minħabba t-twaqqit tal-proġett. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li d-deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Sinjura Catharina Sikow-Magny hija maħtura bħala Koordinatur Ewropew għall-proġetti ta’ interess komuni li jappartjenu għar-raggruppament 3.3 fuq il-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku, “l-Integrazzjoni u s-sinkronizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku tal-Istati Baltiċi man-netwerks Ewropej”.
Artikolu 2
(1) Il-mandat tal-Koordinatur Ewropew għandu jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jintemm sena wara dik id-data.
(2) Il-mandat tal-Koordinatur Ewropew jista’ jiġġedded darbtejn jekk ikun hemm bżonn. Il-Koordinatur Ewropew tista’, fi kwalunkwe żmien, titlob lill-Kummissjoni biex ittemm il-mandat tagħha.
Artikolu 3
L-Anness I jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u tal-kompiti tal-Koordinatur Ewropew.
L-Anness II jistabbilixxi l-Vademecum dwar ir-regoli ta’ ħidma speċifiċi għall-Koordinatur Ewropew u jiddeskrivi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-missjonijiet kollha mwettqa fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Koordinatur Ewropew.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/869/oj.
ANNESS 1
Termini ta’ Referenza
Ir-Regolament TEN-E — Il-Koordinatur tat-TEN-E għall-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku
Introduzzjoni
Il-koordinatur Ewropew għall-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Koordinatur”) jinħatar mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/869 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (ir-Regolament TEN-E). Il-Koordinatur se jkun responsabbli li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku, li huwa Proġett ta’ Interess Komuni (PCI) skont ir-Regolament TEN-E, taħt l-awspiċi tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP) ippresedut mill-Kummissjoni.
Tul tal-Mandat
Il-Koordinatur se jinħatar għal perjodu inizjali ta’ sena, li jista’ jiġġedded darbtejn, soġġett għal prestazzjoni sodisfaċenti u għall-ħtiġijiet tal-proġett. Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tirtira l-ħatra tal-Koordinatur magħżul, fi kwalunkwe mument, f’każ ta’ inattività, kontribut insuffiċjenti jew ta’ kwalità baxxa għall-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku jew meta l-Koordinatur ma jibqax jissodisfa xi wieħed mir-rekwiżiti tal-għażla.
Kompiti Speċifiċi u Skadenzi Korrispondenti
Il-missjoni tal-Koordinatur hija marbuta mal-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha tal-kompiti, l-azzjonijiet u l-investimenti kollha relatati mas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku bħala PCI skont ir-Regolament TEN-E taħt l-awspiċi tal-BEMIP f’konformità mal-iskadenzi u l-pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett. Il-Koordinatur se jipprovdi l-għarfien espert kritiku meħtieġ u s-segwitu mill-qrib meħtieġa għat-tlestija f’waqtha u ordnata tal-proġett u tal-investimenti relatati li jifdal sakemm l-infrastruttura u t-tagħmir kollha marbuta mal-proġett ta’ sinkronizzazzjoni jkunu daħlu fis-seħħ.
Il-Koordinatur jenħtieġ li jimmonitorja mill-qrib l-aħħar fażi ta’ implimentazzjoni kif ukoll il-progress fil-bqija tal-investimenti fl-infrastruttura, jipprovdi pariri u jiffaċilita kwalunkwe miżura li trid tittieħed mill-partijiet ikkonċernati, u jirrapporta lura lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-progress rilevanti. Se jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, il-promoturi tal-proġett, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha u b’suċċess tal-proġett. Il-Koordinatur se jkun qed jieħu approċċ proattiv u jikkontribwixxi b’mod attiv, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri kkonċernati, għall-kisba ta’ kwalunkwe kompitu u dmir meħtieġ għall-proġett inkluż li jipparteċipa fi gruppi ta’ ħidma, laqgħat jew workshops. Il-Koordinatur se jsejjaħ u jorganizza laqgħat ta’ dan it-tip flimkien mal-Kummissjoni jekk iqishom meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu. Il-Koordinatur se jqis il-koordinazzjoni tal-proġett fil-kuntest tal-BEMIP u tal-attivitajiet l-oħra kollha li jsiru fil-kuntest tal-BEMIP. Jaħdem mill-qrib mal-Istati Membri rilevanti, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari, mal-promoturi tal-proġetti u mas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-lingwa tal-ħidma tal-Koordinatur Ewropew għandha tkun bl-Ingliż.
B’mod partikolari, il-Koordinatur se jkun qed jiżgura li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri u lill-promoturi tal-proġetti kkonċernati billi jimplimenta l-kompiti previsti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament TEN-E:
|
— |
jippromwovi l-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku u d-djalogu transfruntier bejn il-promoturi tal-proġetti u l-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati; |
|
— |
jassisti l-partijiet kollha kif inhu meħtieġ u rikjest fl-azzjonijiet ta’ konsultazzjoni tiegħu mal-partijiet ikkonċernati interessati, fid-diskussjoni dwar orjentazzjonijiet alternattivi, fejn xieraq, u fil-ksib tal-permessi meħtieġa għall-proġetti; |
|
— |
meta jkun xieraq, jagħti pariri lill-promoturi tal-proġett dwar il-finanzjament tal-proġett; |
|
— |
jiżgura li jiġu pprovduti appoġġ u direzzjoni strateġika xierqa mill-Istati Membri kkonċernati għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġett u jiffaċilita l-fehim komuni u l-iskambju ta’ informazzjoni lejn azzjoni bi qbil u b’mod koeżiv u koerenti mill-entitajiet kollha rilevanti għall-proġett; |
|
— |
kull sena, u, meta jkun xieraq, mat-twettiq tal-mandat tiegħu, jippreżenta rapport lill-Kummissjoni u lill-grupp reġjonali tal-elettriku tal-BEMIP dwar il-progress tal-proġett tas-sinkronizzazzjoni tal-Baltiku u dwar kwalunkwe diffikultà u ostaklu li x’aktarx idewmu b’mod sinifikanti d-data tal-kummissjoni tal-investimenti rilevanti jew il-kisba tal-azzjonijiet rilevanti. Ir-rapport jintbagħat lill-Parlament Ewropew. |
Il-Koordinatur se jkun qed iwettaq il-missjonijiet kollha meħtieġa fis-siti rilevanti marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett jew fejn isiru laqgħat relatati mal-proġett.
L-isforz ta’ koordinazzjoni għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità u l-kostijiet stmati tal-proġetti.
Il-metodoloġija li għandha tiġi Segwita
Il-Koordinatur se jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, b’mod partikolari mad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, l-Istati Membri kkonċernati, il-promoturi tal-proġett, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-Koordinatur se jkun qed iqis ukoll il-koordinazzjoni tal-proġett permezz tal-BEMIP u l-kuntest tal-attivitajiet l-oħra kollha segwiti fil-BEMIP.
Assistenza segretarjali u Rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet
Il-Koordinatur se jingħata ammont b’rata fissa ta’ EUR 3 000 fix-xahar biex ikopri l-kostijiet relatati mal-assistenza segretarjali, meta din ma tkunx ipprovduta direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni, (il-komunikazzjoni, l-għamara tal-uffiċċju mixxellanja, l-ispazju tal-uffiċċju, is-segretarjat), u l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar fir-rigward tar-rappreżentanza tal-missjonijiet f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni. Il-baġit annwali tal-missjonijiet huwa ta’ EUR 15,000. Ir-regoli dettaljati dwar ir-rimborż għall-missjonijiet se jkunu mfakkra f’dokument separat (“Vademecum”).
Kunfidenzjalità u Kunflitt ta’ Interess
Il-Koordinatur ma għandu juża jew jiżvela ebda dokument jew informazzjoni li jsir jaf biha waqt il-qadi ta’ dmirijietu, sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà fid-dominju pubbliku. Il-Koordinatur għandu jevita wkoll kwalunkwe sitwazzjoni li twassal għal kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-oqsma li fihom huwa mitlub jintervjeni.
Aċċettazzjoni tat-Termini ta’ Referenza
Meta jaċċetta dan il-mandat, il-Koordinatur jirrikonoxxi li qara, fehem u aċċetta t-termini ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan id-dokument.
ANNESS 2
Vademecum dwar regoli ta’ ħidma speċifiċi għall-koordinatur Ewropew
Organizzazzjoni tal-missjonijiet
Dan id-dokument jiddeskrivi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-missjonijiet kollha li jitwettqu fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Koordinatur Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Koordinatur).
Il-punt ta’ kuntatt tal-Koordinatur fil-Kummissjoni se jkun l-Unità C4 tad-DĠ ENER (Infrastruttura u Kooperazzjoni Reġjonali). Il-persunal tiegħu se jassisti fl-organizzazzjoni tal-missjonijiet u, fejn meħtieġ, jakkumpanja lill-Koordinatur.
Tħejjija tal-missjoni
Ordni tal-missjoni
Il-missjonijiet tal-Koordinatur iridu jiġu kkodifikati fl-għodda korporattiva MIPS+ (Sistema Integrata għall-Ipproċessar tal-Missjonijiet) u jenħtieġ li jsegwu r-regoli ġenerali stabbiliti fil-“ Gwida għall-missjonijiet u l-ivvjaġġar awtorizzat” li jakkumpanja d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 11, 12 u 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali (spejjeż tal-missjonijiet) u dwar l-ivvjaġġar awtorizzat.
Il-missjonijiet jitqiesu validi biss jekk jiġu approvati mid-Direttur tad-DĠ ENER C (uffiċjal tal-awtorizzazzjoni). Ir-rikjesta għall-missjoni jenħtieġ li tinkludi d-data u l-ħin tal-missjoni, id-destinazzjoni u l-iskop.
Prenotazzjoni tal-mezzi tat-trasport
Abbażi tal-ordni ta’ missjoni approvata, il-mezzi tal-ivvjaġġar jistgħu jiġu pprenotati permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar uffiċjali bl-għajnuna tal-Unità C4 tad-DĠ ENER jew mill-Koordinatur personalment. Fil-każ tal-aħħar, il-Koordinatur juri l-biljetti u l-irċevuti bil-prezz indikat b’mod ċar lill-Unità C4 tad-DĠ ENER. Id-DĠ ENER C4 jikkodifika l-arranġamenti tal-ivvjaġġar f’MIPS+.
Il-Koordinatur jista’ jitlob biljetti flessibbli jekk ikun hemm riskju apprezzabbli li l-missjoni tiġi kkanċellata jew emendata.
Rimborż tal-ispejjeż tal-lukanda
Il-Koordinatur jista’ jagħżel l-akkomodazzjoni, filwaqt li jżomm f’rasu l-limiti massimi għar-rimborż tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. Il-kostijiet tal-akkomodazzjoni jiġu rimborżati, mal-preżentazzjoni tal-fattura, sal-limitu massimu għall-post tal-missjoni jew, jekk l-awtorizzazzjoni biex jinqabeż il-limitu massimu tkun ingħatat mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, jiġi rimborżat l-ammont sħiħ tal-fattura.
L-ispejjeż ta’ ljieli żejda f’każ ta’ vjaġġar ikkombinat mal-vaganzi ma jkunux koperti.
Spejjeż tat-taxi
It-trasferimenti bit-taxi jistgħu jiġu awtorizzati mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jekk it-trasport pubbliku ma jkunx alternattiva xierqa. Il-kostijiet jiġu rimborżati mal-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn.
Il-vjaġġi bit-taxi jenħtieġ li jsiru fiż-żmien indikat fl-ordni tal-missjoni.
Kunflitt ta’ interess
Għadha tiġi evitata kull sitwazzjoni li twassal għal kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-oqsma li fihom il-Koordinatur jintalab jintervjeni. Il-Koordinatur għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni b’kull kunflitt ta’ interess li jinqala’ matul il-mandat tiegħu.
Barra minn hekk, il-Koordinatur ma għandu juża jew jiżvela ebda dokument jew informazzjoni li jsir jaf biha waqt il-qadi ta’ dmirijietu, sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà fid-dominju pubbliku. Ir-riżultati kollha prodotti mill-Koordinatur se jkunu l-proprjetà tal-Unjoni, li tista’ tużahom jew tippubblikahom kif jidhrilha xieraq.
Il-missjonijiet ma jistgħux jitħallsu mill-organizzaturi ta’ avveniment. Dan japplika wkoll għal missjonijiet offruti mill-Istati Membri. L-arranġamenti tal-ivvjaġġar/tal-missjoni se jkunu koperti mill-Kummissjoni Ewropea.
Sabiex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-missjoni, jekk ikun possibbli, il-laqgħat jew iż-żjarat għandhom jinġabru flimkien biex jitnaqqas in-numru tagħhom, u jkunu mmirati u ottimizzati.
Jenħtieġ li modi ta’ trasport li jkunu aktar ekoloġiċi jingħataw prijorità għall-missjonijiet. Kwalunkwe offerta ta’ rigali b’rabta mal-qadi tad-dmirijiet tal-Koordinatur jenħtieġ li tiġi rrifjutata sakemm ma tkunx ta’ valur simboliku u ma taqbiżx EUR 50. Il-Koordinatur għandu jkun marbut bil-gwida tal-Kummissjoni għall-missjonijiet bħala referenza fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-ħatra tiegħu.
Wara l-missjoni
Rapport tal-missjoni
Il-Koordinatur irid jipprovdi rapport tal-missjoni. Jekk il-Koordinatur ikun akkumpanjat minn rappreżentant tal-Unità C4 tad-DĠ ENER, il-Koordinatur jista’ juża l-appoġġ tar-Rappreżentant biex jipprovdi r-rapport. Ir-rapport tal-missjoni jintbagħat lid-Direttur tad-DĠ ENER C għall-informazzjoni, mehmuż mat-talba għar-rimborż tal-ispejjeż. F’ċertu stadju, dawn id-dokumenti jistgħu jintalbu mill-Parlament Ewropew jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jivvalutaw il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż.
Data:
Isem, kunjom:
Firma:
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3223/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)