|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1715 |
14.6.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1715
tat-13 ta' Ġunju 2024
dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Flotta Navali Beniniża
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta' sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b'rabta ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża. |
|
(2) |
Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' Yaoundé, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew l-appoġġ tagħhom għar-reġjun tal-Golf tal-Guinea (GoG) u ġeddew l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tas-sigurtà marittima fiż-żona. |
|
(3) |
Fl-4 ta' Mejju 2022, il-Kunsill approva l-kunċett ta' miżura ta' assistenza possibbli li tkun ta' benefiċċju għall-Istati kostali tal-GoG, bl-objettiv ġenerali li tappoġġa lill-attivitajiet immexxija mill-Afrika ta' sigurtà marittima u ta' ġlieda kontra l-piraterija li twettqu minn atturi militari fil-GoG biex fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqsu l-inċidenza, id-durata u l-intensità tal-vjolenza u l-kriminalità, u biex jiġu protetti l-bastimenti u r-riżorsi marittimi, il-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom. |
|
(4) |
Ir-reġjuni tat-tramuntana tal-Benin, tal-Kosta tal-Avorju, tal-Ghana, u tat-Togo qed jesperjenzaw kundizzjonijiet ta' sigurtà li qed jiddeterjoraw b'rabta mal-kriżi li qed taffettwa s-Saħel ċentrali. |
|
(5) |
Fid-dawl tal-ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora, il-ħtieġa li jissaħħu l-forzi tad-difiża u tas-sigurtà hija element importanti li jippermetti u jappoġġa l-isforzi għall-istabbilizzazzjoni fil-Benin. F'dan il-kuntest, u b'għarfien sħiħ tal-fatt li s-sitwazzjoni teħtieġ rispons integrat, hija prijorità ewlenija għall-Unjoni li tiżgura paċi fit-tul, u li ssaħħaħ is-sigurtà biex jitrawwem żvilupp sostenibbli fil-Benin. |
|
(6) |
Fit-22 ta' April 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rċieva talba mill-Benin biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati Beniniżi fl-akkwist ta' tagħmir, servizzi u taħriġ kruċjali addizzjonali biex jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Flotta Navali Beniniża, bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tgħasses iż-żona ekonomika esklużiva tal-Benin u twettaq attivitajiet operazzjonali, inkluż fil-qafas tal-arkitettura ta' Yaoundé. |
|
(7) |
Il-miżuri ta' assistenza jridu jiġu implimentati b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(8) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u durata
1. Hija b'dan stabbilita miżura ta' assistenza (il-“miżura ta' assistenza”) għall-benefiċċju tal-Benin (il-“benefiċjarju”) li tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).
2. L-objettiv tal-miżura ta' assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Flotta Navali Beniniża, bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tgħasses iż-żona ekonomika esklużiva tal-Benin u li twettaq attivitajiet operazzjonali, biex fl-aħħar mill-aħħar titnaqqas l-inċidenza tal-kriminalità, jiġu protetti l-bastimenti u r-riżorsi marittimi, u jiġu protetti il-popolazzjonijiet kostali, u l-għajxien tagħhom.
3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta' tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex iwasslu forza letali, u s-servizzi li ġejjin, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ:
|
(a) |
appoġġ fid-definizzjoni ta' pjan ta' reżiljenza għall-assi marittimi; |
|
(b) |
taħriġ fl-edukazzjoni navali; |
|
(c) |
assistenza biex il-kapaċitajiet marittimi jinġiebu lura għal kundizzjonijiet operattivi; |
|
(d) |
tagħmir dijanjostiku u ta' evalwazzjoni u kits ta' taħriġ; |
|
(e) |
magni, u appoġġ relatat biex jiġi żgurat li l-magni fuq barra deżinjati li diġà huma proprjetà tal-Flotta Navali Beniniża jinżammu f'kundizzjoni operazzjonali aċċettabbli; |
|
(f) |
dgħajjes tal-għassa; u, |
|
(g) |
tagħmir protettiv personali. |
4. Id-durata tal-miżura ta' assistenza għandha tkun ta' 36 xahar mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 5 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta' appoġġ skont il-miżura ta' assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
konformità tal-unitajiet tal-Flotta Navali Beniniża appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza biex jiġi żgurat l-użu tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li l-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza ma jintilfux, jew jiġu ttrasferiti mingħajr l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn Défense Conseil International – Grupp DCI.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta' ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Flotta Navali Beniniża appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza.
2. Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
ir-rappurtar, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta b'mod annwali dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir ipprovdut taħt il-miżura ta' assistenza u dwar l-inventarju ta' oġġetti deżinjati, sakemm it-tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn, fuq talba, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu kontrolli fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta' assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta' assistenza kkontribwietx biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista' jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta' assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
N. DE MOOR
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1715/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)