European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1519

14.10.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1519

tas-6 ta’ Lulju 2026

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 fir-rigward tal-informazzjoni li Depożitarju Ċentrali tat-Titoli għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tiegħu għall-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b’mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(10) tiegħu,

Billi:

(1)

L-emendi introdotti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 bir-Regolament (UE) 2023/2845 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedu li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 (3) kif xieraq.

(2)

Meta jitqies it-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni previst mir-Regolament (UE) Nru 909/2014, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu lil dawk l-awtoritajiet l-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfaw ir-rwol tagħhom, li ġie estiż lil hinn mill-funzjonament tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mid-depożitorju ċentrali tat-titoli (CSD) għall-konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonament tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli. Fid-dawl tal-perjodu itwal ta’ rieżami ta’ tliet snin introdott bir-Regolament (UE) 2023/2845, is-CSDs jenħtieġ li jkunu meħtieġa jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti ċerti elementi ġodda ta’ informazzjoni. Huwa meħtieġ ukoll li r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 22(1), (7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 isiru aktar prevedibbli, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm għas-CSDs kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti u jitnaqqsu t-talbiet għal informazzjoni ad hoc.

(3)

Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni minima, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jqabblu l-informazzjoni riċevuta, u sabiex titrawwem konverġenza superviżorja, is-CSDs jenħtieġ li jipprovdu lill-awtorità kompetenti tagħhom b’sommarju tal-bidliet ewlenin li jkunu għamlu fl-arranġamenti, fl-istrateġiji, fil-proċessi u fil-mekkaniżmi tagħhom fir-rigward tal-konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 mir-rieżami l-aktar reċenti ta’ dawk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi mill-awtorità kompetenti tagħhom. Minħabba l-frekwenza minima itwal ġdida għar-rieżami u l-evalwazzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u filwaqt li jitqiesu l-elementi l-ġodda enfasizzati mill-esperjenza superviżorja żviluppata mill-introduzzjoni tal-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni, dak ir-rapport jenħtieġ li jkopri informazzjoni aktar dettaljata dwar il-bidliet li seħħew matul il-perjodu ta’ rieżami rilevanti dwar l-elementi ewlenin tal-istruttura u l-funzjonament tas-CSD minn perspettiva superviżorja. Dawk l-elementi ewlenin jenħtieġ li jinkludu l-istruttura tal-grupp tas-CSD, il-maniġment u l-azzjonisti tiegħu, l-attivitajiet jew is-servizzi tiegħu, u t-terminazzjoni tas-servizzi u l-konnessjonijiet. Għadd ta’ punti ta’ informazzjoni dwar il-bidliet fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tas-CSD, f’termini ta’ riskji legali, riskji ġenerali tan-negozju u riskji operazzjonali, jenħtieġ li jiġu inklużi fis-sett ta’ informazzjoni perjodika li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti għar-rieżami u l-evalwazzjoni.

(4)

Peress li s-CSDs jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod transfruntier, fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi, ir-rieżami tal-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati minn CSD fir-rigward tal-konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u l-evalwazzjoni tar-riskji li s-CSD huwa, jew jista’ jkun, espost għalihom jew li joħloq għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, jenħtieġ li jkopri tali attivitajiet transfruntiera. Is-CSDs għandhom għalhekk jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom b’data statistika dwar l-attivitajiet transfruntiera tagħhom, inklużi l-ġurisdizzjonijiet tal-parteċipanti jew l-emittenti tagħhom u l-liġi regolatorja tat-titoli li għalihom jipprovdu servizzi ewlenin. Dik l-informazzjoni se tippermetti lill-awtoritajiet jifhmu bir-reqqa r-riskji operazzjonali, legali u tal-likwidità assoċjati mal-forniment transfruntier ta’ servizzi mis-CSDs.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw jekk is-CSDs jidentifikawx, jikklassifikawx u jimmaniġġawx kif xieraq l-iskopertura għar-riskju legali tagħhom, is-CSDs jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar kwalunkwe bidla fil-qafas ta’ ġestjoni legali tagħhom matul il-perjodu ta’ rieżami.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li s-CSDs jikkonformaw f’kull ħin mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, il-progress tagħhom fl-indirizzar ta’ kwalunkwe sejba u rakkomandazzjoni pendenti mill-awtoritajiet kompetenti għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib. Is-CSDs jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar il-miżuri meħuda biex jindirizzaw dawk is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet pendenti, bħala parti mill-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. B’mod partikolari, is-CSDs li jkunu kisbu klassifikazzjoni tar-riskju minn parti terza f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/392 jenħtieġ li jirrapportaw perjodikament kwalunkwe bidla fil-klassifikazzjoni tar-riskju tas-CSD li seħħet matul il-perjodu ta’ rieżami.

(7)

Filwaqt li s-CSDs jibqgħu responsabbli għal kwalunkwe ħruġ li jirriżulta fir-rigward ta’ attivitajiet jew servizzi esternalizzati, tali attivitajiet jew servizzi jista’ jkollhom impatt dirett fuq il-ġestjoni tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli. Sabiex jiġi żgurat li l-kuntratti ta’ esternalizzazzjoni jipprevedu b’mod adegwat is-sorveljanza u l-kontroll xieraq tal-funzjonijiet esternalizzati mis-CSDs, is-CSDs għandhom jinformaw perjodikament lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar bidliet kbar f’dawk il-kuntratti matul il-perjodu ta’ rieżami.

(8)

Is-saldu nett differit jinvolvi riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità. Għalhekk, is-CSDs jenħtieġ li jinformaw perjodikament lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar il-mod li bih jiġu ġestiti dawk ir-riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità.

(9)

Skont l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/392, is-CSDs huma meħtieġa jirrieżaminaw perjodikament l-objettivi operazzjonali tagħhom biex jinkorporaw żviluppi teknoloġiċi u kummerċjali ġodda. Minn dan isegwi li s-CSDs, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu kif xieraq ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar l-eżitu ta’ tali rieżami u b’mod partikolari dwar il-proċessi u l-attivitajiet li jikkontribwixxu għall-forniment tas-servizzi li jipprovdu s-CSDs u s-sistemi tal-IT li jappoġġawhom.

(10)

Ir-riskju operazzjonali huwa wieħed mir-riskji ewlenin li s-CSDs jiffaċċjaw fuq bażi kontinwa. Għalhekk, is-CSDs jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar ir-riskji operazzjonali ffaċċjati matul il-perjodu ta’ rieżami u l-proċeduri li jkunu segwew biex jimmitigaw dawk ir-riskji. Għall-istess raġuni, is-CSDs jenħtieġ li jinformaw perjodikament lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar l-eżitu tat-testijiet tagħhom u r-rieżamijiet tal-arranġamenti, il-politiki u l-proċeduri operazzjonali tagħhom mal-utenti.

(11)

Skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, is-CSDs huma meħtieġa jippromwovu s-saldu bikri fid-data tas-saldu maħsuba, jimmonitorjaw il-fallimenti tas-saldu tat-tranżazzjonijiet, u jistabbilixxu proċeduri biex jiffaċilitaw is-saldu ta’ tranżazzjonijiet li ma jiġux saldati fid-data tas-saldu maħsuba, permezz ta’ penali fi flus, rapportar ta’ fallimenti tas-saldu u eventwalment, xiri sfurzat obbligatorju. Għalhekk, u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw kwalunkwe bidla li s-CSDs jimplimentaw f’dak il-qasam matul il-perjodu ta’ rieżami għar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, is-CSDs jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni perjodika dwar l-iżviluppi li seħħew fir-rigward tal-miżuri li jistabbilixxu sabiex jipprevjenu u jindirizzaw il-fallimenti tas-saldu.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li s-CSDs ikollhom il-kapaċità li jieħdu azzjoni f’waqtha meta jkun hemm inadempjenza ta’ wieħed jew aktar mill-parteċipanti tagħhom, ir-regoli u l-proċeduri sabiex jiġi żgurat li tittieħed tali azzjoni għandhom jiġu ttestjati u rieżaminati perjodikament. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw ir-riskji li għalihom jistgħu jkunu esposti s-CSDs, is-CSDs jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar l-eżitu ta’ tali ttestjar u rieżami.

(13)

Skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/392, is-CSDs huma meħtieġa jirrieżaminaw u jaġġornaw perjodikament il-politika ta’ kontinwità tal-operat tagħhom u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu kif xieraq ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, is-CSDs jenħtieġ li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bir-riżultat ta’ dawk ir-rieżamijiet u l-aġġornamenti perjodiċi.

(14)

Is-CSDs jistgħu jużaw miżuri jew għodod biex jikkundizzjonaw il-konsenja ta’ titoli għall-ħlas tal-parti ta’ flus operata barra mis-sistema tagħhom għal struzzjonijiet ta’ saldu mingħajr ħlas. Minħabba r-rilevanza ta’ dawk il-miżuri jew l-għodod għas-sistema ta’ saldu tat-titoli, is-CSDs jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tagħhom matul il-perjodu ta’ rieżami.

(15)

L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ġodda ta’ informazzjoni tista’ twassal għal bidliet fl-istruttura tar-rapportar tas-CSDs. Sabiex is-CSDs jingħataw biżżejjed żmien biex iwettqu tali bidliet, id-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet jenħtieġ li tiġi differita b’sena.

(16)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/392 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(17)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA.)

(18)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2017/392

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/392 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Għall-finijiet tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tiegħu b’dan kollu li ġej:

(a)

L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 41 u 42 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

rapport dwar l-attivitajiet tas-CSD għall-perjodu ta’ rieżami kkonċernat u l-bidliet sostantivi msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 innotifikati matul il-perjodu ta’ rieżami, flimkien mad-dokumenti relatati kollha, bir-rapport li jkun fih informazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin, rilevanti għall-perjodu ta’ rieżami:

(i)

bidliet fil-forniment tas-servizzi ewlenin u anċillari tas-CSD, kif imsemmi fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, u, fejn applikabbli, fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi;

(ii)

bidliet għall-governanza korporattiva u l-istruttura organizzazzjonali tas-CSD, inkluż fl-għadd ta’ impjegati;

(iii)

bidliet fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tas-CSD fir-rigward tar-riskji legali, tan-negozju, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħra kif imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, li juru r-rabta bejn il-bidliet introdotti u l-evalwazzjoni tas-CSD tax-xenarju li qed jinbidel tar-riskji li jiffaċċja permezz ta’ klassifikazzjoni tar-riskji ewlenin;

(iv)

sommarju tal-attivitajiet tal-kumitat tal-utenti msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż l-għadd ta’ laqgħat, pariri u opinjonijiet mogħtija, li jindika s-suġġetti tagħhom u jidentifika dawk li ma ġewx segwiti mill-korp maniġerjali tas-CSD, jekk ikun hemm;

(v)

il-bidliet ewlenin fl-esternalizzazzjoni mis-CSD tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(vi)

dettalji dwar il-bidliet sostantivi msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 inklużi fi kwalunkwe wieħed mill-avvenimenti li ġejjin jekk jiġu nnotifikati matul il-perjodu ta’ rieżami:

(1)

bidliet fl-istruttura tal-grupp, fil-maniġment superjuri, fil-korp maniġerjali u fl-azzjonisti tas-CSD skont l-Artikolu 27a tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(2)

bidliet f’attività jew servizz eżistenti għajr fil-kuntest tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fejn id-deskrizzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (l) sa (p), ta’ dan ir-Regolament tkun teħtieġ li tiġi emendata;

(3)

terminazzjoni ta’ servizz ta’ CSD;

(4)

terminazzjoni ta’ konnessjoni ta’ CSD;

(5)

bidliet fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tas-CSD li jħallu impatt fuq il-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital stabbiliti fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awtorità kompetenti li hija meħtieġa:

(i)

biex jiġi vvalutat jekk is-CSD ikkonformax mal-obbligi tiegħu stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 matul il-perjodu ta’ rieżami;

(ii)

l-evalwazzjoni tar-riskji li s-CSD huwa, jew jista’ jkun, espost għalihom jew li s-CSD joħloq għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli jew għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.”

;

(2)

L-Artikolu 41 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Informazzjoni perjodika rilevanti għal kull rieżami u evalwazzjoni

Għal kull perjodu ta’ rieżami, is-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bid-data statistika li ġejja:

(a)

sett komplut tal-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati tas-CSD, inklużi dawk ikkonsolidati fil-livell tal-grupp;

(b)

verżjoni fil-qosor tal-aktar dikjarazzjonijiet finanzjarji interim riċenti tas-CSD;

(c)

kwalunkwe deċiżjoni tal-korp maniġerjali wara l-pariri tal-kumitat tal-utenti, u kwalunkwe deċiżjoni fejn il-korp maniġerjali ddeċieda li ma jsegwix il-pariri tal-kumitat tal-utenti;

(d)

informazzjoni dwar kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji ċivili, amministrattivi jew kwalunkwe proċedimenti oħra pendenti li jinvolvu s-CSD, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar it-taxxa u l-insolvenza, jew kwistjonijiet li jistgħu jikkawżaw spejjeż finanzjarji jew ta’ reputazzjoni għas-CSD;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji ċivili, amministrattivi jew kwalunkwe proċedimenti oħra pendenti li jinvolvu membru tal-korp maniġerjali jew membru tal-maniġment superjuri li jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-CSD;

(f)

kwalunkwe deċiżjonijiet finali li jirriżultaw mill-proċeduri msemmija fil-punti (d) u (e);

(g)

kopja tar-riżultati tat-testijiet tal-kontinwità tal-operat u tal-irkupru minn diżastri jew eżerċizzji simili mwettqa matul il-perjodu ta’ rieżami kif imsemmi fl-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament, u tar-rieżamijiet tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 76(1), il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament;

(h)

rapport dwar l-inċidenti operazzjonali li seħħew matul il-perjodu ta’ rieżami u li affettwaw il-forniment bla xkiel ta’ kwalunkwe servizz ewlieni, informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawk l-inċidenti, il-miżuri meħuda biex jindirizzawhom, u r-riżultati ta’ dawk il-miżuri;

(i)

rapport dwar jekk l-objettivi ta’ affidabbiltà operazzjonali stabbiliti tas-CSD, kif imsemmi fl-Artikolu 70(3) ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-objettivi ta’ prestazzjoni operazzjonali u l-miri impenjati fil-livell ta’ servizz għas-servizzi u s-sistemi ta’ saldu tat-titoli tiegħu, intlaħqux, inklużi:

(i)

informazzjoni dwar l-azzjonijiet tas-CSD biex jimmonitorja, jivvaluta u jirrapporta regolarment dwar dawk l-objettivi ta’ affidabbiltà operazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 70(5) u (6) ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

valutazzjoni tad-disponibbiltà ta’ dawk is-sistemi matul il-perjodu ta’ rieżami, imkejla fuq bażi ta’ kuljum bħala l-perċentwal ta’ ħin fejn dawk is-sistemi jkunu qed jaħdmu u jiffunzjonaw skont il-parametri miftiehma;

(j)

sommarju tat-tipi ta’ intervent manwali mis-CSD fil-proċess ta’ saldu awtomatizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 (*1);

(k)

il-pjanijiet għall-irkupru u l-istralċ ordnat, kif imsemmi fl-Artikolu 22a tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u b’mod partikolari informazzjoni dwar kwalunkwe bidla sinifikanti f’tali pjanijiet u informazzjoni dwar kwalunkwe bidla sinifikanti fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tas-CSD li seħħet matul il-perjodu ta’ rieżami, fejn tali pjan ta’ riżoluzzjoni huwa stabbilit jew miżmum għas-CSD;

(l)

informazzjoni dwar kwalunkwe ilment formali li jasal għand is-CSD matul il-perjodu ta’ rieżami inkluża informazzjoni dwar dan kollu li ġej:

(i)

in-natura tal-ilment;

(ii)

kif l-ilment ġie indirizzat, inkluż l-eżitu tal-ilment;

(iii)

id-data li fiha ntemm it-trattament tal-ilment;

(m)

informazzjoni dwar każijiet, jekk ikun hemm, fejn is-CSD ċaħad l-aċċess għas-servizzi tiegħu lil kwalunkwe parteċipant eżistenti jew potenzjali, kwalunkwe emittent, CSD ieħor jew infrastruttura oħra tas-suq skont l-Artikolu 33(3), l-Artikolu 49(3), l-Artikolu 52(2) u l-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(n)

rapport dwar bidliet sinifikanti li jaffettwaw kwalunkwe konnessjoni ta’ CSD stabbilita mis-CSD u li jkollhom impatt fuq ir-rekwiżiti msemmija fil-Kapitolu XII ta’ dan ir-Regolament, inklużi bidliet:

(i)

fit-tip ta’ konnessjoni ta’ CSD;

(ii)

għall-mekkaniżmi u l-proċeduri użati għas-saldu f’dawk il-konnessjonijiet tas-CSD;

(o)

informazzjoni dwar il-każijiet kollha ta’ kunflitti ta’ interess identifikati li mmaterjalizzaw matul il-perjodu ta’ rieżami, inkluża informazzjoni dwar kif ġew ġestiti dawk il-kunflitti;

(p)

informazzjoni dwar il-kontrolli u l-awditi interni mwettqa mis-CSD matul il-perjodu ta’ rieżami, inkluża informazzjoni dwar:

(i)

l-awditjar tal-qafas u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju operazzjonali tas-CSD kif imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u fl-Artikolu 73(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

l-awditjar regolari u indipendenti tas-CSD kif imsemmi fl-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u fl-Artikolu 51 l-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-Regolament;

(q)

informazzjoni dwar kwalunkwe ksur identifikat tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż ksur identifikat permezz tal-kanal ta’ rapportar imsemmi fl-Artikolu 26(5) ta’ dak ir-Regolament;

(r)

informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe azzjoni dixxiplinari meħuda mis-CSD matul il-perjodu ta’ rieżami, inkluż kwalunkwe każ ta’ sospensjoni tal-parteċipanti f’konformità mal-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, bi speċifikazzjoni tal-perjodu ta’ sospensjoni u r-raġuni għas-sospensjoni;

(s)

l-istrateġija ġenerali tan-negozju tas-CSD u pjan ta’ negozju dettaljat għas-servizzi pprovduti mis-CSD li jkopri mill-inqas il-perjodu ta’ rieżami li jmiss;

(t)

informazzjoni dwar bidliet matul il-perjodu ta’ rieżami fil-ġestjoni tar-riskju legali tas-CSD, kif imsemmi fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament;

(u)

informazzjoni dwar il-bidliet matul il-perjodu ta’ rieżami fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskju tas-CSD, u fl-għodod tal-IT, imsemmija fl-Artikolu 32(1) ta’ dan ir-Regolament, li s-CSD ikun stabbilixxa biex jimmaniġġja r-riskju tan-negozju;

(v)

fejn is-CSD ikun kiseb klassifikazzjoni tar-riskju minn parti terza, kif imsemmi fl-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-Regolament, informazzjoni dwar kwalunkwe varjazzjoni fil-klassifikazzjoni tar-riskju li s-CSD kiseb minn parti terza matul il-perjodu ta’ rieżami, inkluża kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tappoġġa dik il-klassifikazzjoni tar-riskju;

(w)

informazzjoni dwar bidliet li seħħew matul il-perjodu ta’ rieżami fil-ġestjoni tas-CSD ta’ servizzi jew attivitajiet esternalizzati lil parti terza, kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluża informazzjoni dwar bidliet fi:

(i)

kondiviżjoni tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

il-metodi użati għall-monitoraġġ tal-livell ta’ servizz tas-servizzi u l-attivitajiet esternalizzati, kif imsemmi fl-Artikolu 33(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament;

(x)

rapport dwar il-bidliet li seħħew matul il-perjodu ta’ rieżami fil-kejl, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tar-riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità li jirriżultaw mill-użu ta’ saldu nett differit kif imsemmi fl-Artikolu 47a(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(y)

informazzjoni dwar l-azzjonijiet tas-CSD meħuda matul il-perjodu ta’ rieżami biex jirrieżamina l-objettivi operazzjonali tiegħu biex jinkorpora żviluppi teknoloġiċi u kummerċjali ġodda, kif imsemmi fl-Artikolu 70(7) ta’ dan ir-Regolament;

(z)

informazzjoni dwar:

(i)

il-valutazzjoni tas-CSD tar-riskji operazzjonali li s-CSD iffaċċja matul il-perjodu ta’ rieżami, inklużi r-riskji operazzjonali ffaċċjati mill-parteċipanti ewlenin, billi jipprovdi r-rapportar regolari lill-maniġment superjuri tal-iskoperturi għar-riskju operazzjonali u t-telf esperjenzat mir-riskji operazzjonali;

(ii)

il-proċeduri segwiti sabiex jittaffew dawk l-iskoperturi u t-telf, kif imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u fl-Artikolu 66(2), fl-Artikolu 67(4) u fl-Artikolu 71(2) ta’ dan ir-Regolament;

(aa)

informazzjoni dwar l-eżitu tat-testijiet u r-rieżamijiet tas-CSD tal-arranġamenti, il-politiki u l-proċeduri operazzjonali tiegħu mal-utenti, kif imsemmi fl-Artikolu 73(4) ta’ dan ir-Regolament, li seħħew matul il-perjodu ta’ rieżami;

(ab)

informazzjoni dwar kwalunkwe aġġornament tal-analiżi tal-impatt fuq in-negozju u l-analiżi tar-riskju tas-CSD matul il-perjodu ta’ rieżami li jirriżultaw mir-rieżami annwali tiegħu jew minn kwalunkwe rieżami ad hoc wara inċident materjali jew bidliet operazzjonali sinifikanti u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi rilevanti kollha, inklużi l-iżviluppi tas-suq u tal-IT kif imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u fl-Artikolu 77(3) ta’ dan ir-Regolament;

(ac)

informazzjoni dwar l-iżviluppi li seħħew fir-rigward tal-miżuri tas-CSD għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ fallimenti tas-saldu kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) u (4) u l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u fl-Artikoli 4 sa 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229;

(ad)

informazzjoni dwar l-eżitu tal-ittestjar tas-CSD tar-regoli u l-proċeduri tiegħu dwar l-inadempjenza tal-parteċipant kif imsemmi fl-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li seħħ matul il-perjodu ta’ rieżami;

(ae)

informazzjoni dwar ir-rieżami jew l-aġġornament tal-politika ta’ kontinwità tan-negozju tas-CSD u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru msemmi fl-Artikolu 80 ta’ dan ir-Regolament li seħħ matul il-perjodu ta’ rieżami;

(af)

informazzjoni dwar il-miżuri jew l-għodod li s-CSD uża matul il-perjodu ta’ rieżami biex jikkundizzjona l-konsenja ta’ titoli għall-ħlas tal-parti ta’ flus operata barra mis-sistema tiegħu għal struzzjonijiet ta’ saldu mingħajr ħlas (FOP), jekk ikun hemm;

(ag)

informazzjoni dwar il-progress li jkun kiseb is-CSD, jekk ikun hemm, fl-indirizzar tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet pendenti fformulati fl-awtorizzazzjoni tiegħu jew f’rieżamijiet u evalwazzjonijiet preċedenti tas-CSD f’konformità mal-Artikolu 22(9) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

Għall-fini tal-punt (i), is-CSDs li jużaw infrastruttura ta’ saldu komuni jistgħu jipprovdu siltiet mir-rapporti magħmula disponibbli skont il-qafas legali, regolatorju u operazzjonali msemmi fl-Artikolu 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 biex jissostitwixxu l-partijiet rilevanti tar-rapport imsemmi f’dak il-punt.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1229/oj).”"

()  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1229/oj).”

(3)

L-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għal kull perjodu ta’ rieżami, is-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti d-data statistika li ġejja għal kull sena kalendarja, jew għal kull perjodu ieħor kif determinat mill-awtorità kompetenti:”;

(ii)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

lista tal-parteċipanti ta’ kull sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, li tispeċifika dan kollu li ġej:

(i)

il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tagħhom;

(ii)

il-kodiċi LEI tagħhom;

(iii)

l-isem korporattiv tagħhom;

(b)

lista ta’ emittenti li s-CSD jipprovdilhom is-servizz imsemmi fit-Taqsima A, il-punt (1), tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, li tispeċifika dan kollu li ġej:

(i)

il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tagħhom;

(ii)

il-kodiċi LEI tagħhom;

(iii)

l-isem korporattiv tagħhom;”;

(iii)

jiddaħħlu l-punti (ba) u (bb) li ġejjin:

“(ba)

lista ta’ ħruġ ta’ titoli rreġistrati f’kontijiet tat-titoli miżmuma ċentralment f’kull sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, li tispeċifika dan kollu li ġej:

(i)

il-kodiċi ISIN tat-titoli;

(ii)

il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tal-emittent;

(iii)

il-pajjiż tal-liġi korporattiva regolatorja jew dik simili li taħtha jinħarġu t-titoli;

(iv)

il-kodiċi LEI tal-emittent;

(v)

l-isem korporattiv tal-emittent;

(bb)

lista ta’ ħruġ ta’ titoli rreġistrati f’kontijiet ta’ titoli mhux miżmuma ċentralment f’kull sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, li tispeċifika dan kollu li ġej:

(i)

il-kodiċi ISIN tat-titoli;

(ii)

il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tal-emittent;

(iii)

il-kodiċi LEI tal-emittent;

(iv)

l-isem korporattiv tal-emittent;”;

(iv)

il-punt (d) huwa emendat kif ġej:

“(1)

il-punti (ii) u (iii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(ii)

skont il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tal-parteċipant li lilu jiġu pprovduti s-servizzi;

(iii)

skont il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tal-emittent;”;

“(2)

jiżdied il-punt (iv) li ġej:

“(iv)

skont il-pajjiż tal-liġi korporattiva regolatorja jew dik simili li taħtha jinħarġu;”;

(v)

fil-punt (f), jiżdied il-punt (iv) li ġej:

“(iv)

skont il-pajjiż tal-liġi korporattiva regolatorja jew dik simili li taħtha jinħarġu;”;

(vi)

fil-punt (h), jiddaħħal il-punt (iiia) li ġej:

“(iiia)

skont il-pajjiż tal-liġi korporattiva regolatorja jew dik simili li taħtha jinħarġu l-istrumenti finanzjarji;”;

(vii)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-għadd u l-valur ta’ tranżazzjonijiet ta’ xiri sfurzat imsemmija fl-Artikolu 7a tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;”;

(viii)

il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(l)

l-għadd totali u l-valur tal-istruzzjonijiet ta’ saldu saldati permezz ta’ kull konnessjoni ta’ CSD, li jispeċifikaw:

(i)

is-CSD konness (il-pajjiż tal-inkorporazzjoni tiegħu, il-LEI tiegħu, u l-isem korporattiv tiegħu) u, fejn is-CSD jopera bosta minnhom, is-sistema ta’ saldu tat-titoli konnessi;

(ii)

it-tip ta’ konnessjoni, kif ġej:

(1)

standardizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), punt (30), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(2)

personalizzat, kif msemmi fl-Artikolu 2(1), punt (31), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, għal kull parteċipant;

(3)

indirett, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), punt (32), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

(4)

interoperabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), punt (33), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(iii)

jekk is-CSD huwiex is-CSD li jagħmel it-talba jew is-CSD li jirċievi t-talba, għal liema skop is-CSD li jirċievi t-talba għandu jitqies bħala s-CSD li jipprovdi s-servizz imsemmi fit-Taqsima A, il-punt (1), tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

“2a.   Il-valur nominali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ssettjat għal żero għal titoli denominati f’unitajiet u rreġistrati bħala tali fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli, meta l-valur nominali ma jkunx disponibbli.

2b.   L-informazzjoni pprovduta mis-CSD skont il-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f), għandha tirrifletti s-sitwazzjoni fi tmiem is-sena kalendarja jew tal-perjodu msemmi f’dak il-paragrafu, kif applikabbli.”

;

(4)

L-Artikolu 44 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 44

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

Għal kull perjodu ta’ rieżami, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti, lill-ESMA u, fejn applikabbli, lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE, b’dan kollu li ġej:

(a)

rapport dwar l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mis-CSD jikkonformawx mar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż:

(i)

il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 22a ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

evalwazzjoni tar-riskji li s-CSD huwa jew jista’ jkun espost għalihom jew li joħloq hu stess għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

(b)

kwalunkwe azzjonijiet ta’ rimedju jew penali previsti jew finali kontra s-CSD bħala riżultat tar-rieżami u l-evalwazzjoni.

Ir-rapport imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun fih informazzjoni dwar:

(a)

ir-riżultat tal-aktar evalwazzjoni reċenti ta’ jekk is-CSD ikkonformax mar-Regolament (UE) 2022/2554, inkluż kwalunkwe lakuna ta’ konformità identifikata u rakkomandazzjonijiet relatati jew miżuri ta’ rimedju;

(b)

fejn applikabbli, dwar ir-riżultat tal-evalwazzjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ kwalunkwe esternalizzazzjoni jew estensjoni ta’ attivitajiet u servizzi skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

il-forniment ta’ servizzi transfruntiera mis-CSD;

(d)

kwistjonijiet relatati ma’ kwalunkwe ksur potenzjali tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jirriżulta mill-forniment ta’ servizzi fi Stat Membri ospitanti kif imsemmi fl-Artikolu 24(5) ta’ dak ir-Regolament.”

;

(5)

fl-Artikolu 45(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

rapport dwar l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tar-riskji li s-CSD huwa jew jista’ jkun espost għalihom jew li joħloq hu stess għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 1, il-punti (3)(a)(ii) sa (3)(a)(vi) u (3)(a)(viii) għandhom japplikaw minn 3 ta’ Novembru 2027 [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal data: sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/909/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2845 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment ta’ servizzi transfruntiera, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta’ pajjiżi terzi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L, 2023/2845, 27.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2845/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitarji ċentrali tat-titoli (ĠU L 65, 10.3.2017, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/392/oj).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1519/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)