IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 609 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Spanja
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 609 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 609 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Spanja
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 609 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Spanja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Spanja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 ta’ Spanja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jissottometti pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż ir-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm f’perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG tul it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fit-30 ta’ April 2021, Spanja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Spanja 10 , li ġiet emendata fl-10 ta’ Ottubru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Spanja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Spanja 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress ta’ Spanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Spanja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Hija vvalutat ukoll il-progress ta’ Spanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(9)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Spanja u s-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għal Spanja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’Marzu 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja ma għadhiex tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Sar progress sinifikanti fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet, li kellhom rilevanza transfruntiera, relatati ma’ dejn privat u estern għoli, u kien hemm tnaqqis fid-dejn tal-gvern. Wara interruzzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, id-dejn tas-settur privat u l-proporzjonijiet negattivi tal-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta (PIIN) reġgħu bdew jonqsu fl-2021, megħjuna minn tkabbir nominali qawwi tal-PDG. It-tnejn li huma mistennija jkomplu jitjiebu fis-snin li ġejjin, għalkemm b’mod aktar gradwali minn reċentement hekk kif it-tkabbir nominali tal-PDG huwa mistenni li jkun ta’ appoġġ inqas. Il-kont kurrenti ilu f’surplus għal deċennju u kompla jiżdied fl-2023 li jirrifletti esportazzjonijiet li qed jikbru malajr kif ukoll prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi. Il-proporzjon għoli tad-dejn tal-gvern mal-PDG qed jonqos, xprunat minn tkabbir nominali qawwi tal-PDG, iżda huwa mistenni titjib aktar baxx din is-sena u d-dieħla, li jirrifletti defiċits fiskali sinifikanti u t-tkabbir tal-PDG nominali inqas ta’ appoġġ. Ir-rata tal-qgħad ilha tonqos għal deċennju u hija mbassra li se tkompli tonqos. Is-settur bankarju baqa’ reżiljenti fost kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti għall-mutwatarji. Inkiseb progress sinifikanti fil-politika biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, inkluż f’dawn l-aħħar snin bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, iżda huwa meħtieġ aktar sforz speċjalment biex jitnaqqas id-dejn għoli tal-gvern.
(10)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Spanja naqas minn 4,7 % tal-PDG fl-2022 għal 3,6 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 111,6 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 107,7 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida għall-politika fiskali għall-2024 15 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 16 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja ta’ Spanja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, f’Lulju l-Kummissjoni mhijiex se tipproponi li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal Spanja.
(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 17 li Spanja tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju 18 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, Spanja ġiet irrakkomandata li tkun lesta biex taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Ġie rrakkomandat ukoll li Spanja tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 19 kienet ġeneralment newtrali, fil-livell ta’ -0.2 % tal-PDG. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 % tal-PDG u kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni restrittiva tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis fil-kostijiet tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’0,6 punti perċentwali tal-PDG). L-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta mill-miżuri ta’ dħul) kienu l-benefiċċji soċjali għajr dawk in natura, xprunati mir-rivalwazzjoni tal-pensjonijiet, u l-konsum intermedju, xprunati mill-infiq fid-difiża. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 1,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2023, b’żieda ta’ 0,1 punti perċentwali. Spanja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Iffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħas-sett ta’ għodod diġitali, il-PERTE 20 għall-vetturi elettriċi u konnessi, postijiet ġodda ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u investimenti fil-qasam tal-idroġenu ekoloġiku, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(12)L-Aġġornament tal-Projezzjonijiet Makroekonomiċi u Fiskali mibgħuta minn Spanja lill-Kummissjoni fit-30 ta’ April jista’ jitqassar kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber bi 2,0 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta li d-deflatur tal-PDG jikber bi 3,5 % fl-2024 u 2,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2024 u 2,5 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 105,5 % sa tmiem l-2024 u 104,1 % sa tmiem l-2025. Il-projezzjonijiet sottomessi minn Spanja ma jinkludux projezzjonijiet baġitarji lil hinn mill-2025.
(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,1 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,1 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,0 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 105,5 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi tal-enerġija tal-passat. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun newtrali fil-livell ta’ 0,0 % tal-PDG fl-2024.
(15)In-nefqa li tammonta għal 1,3 % tal-PDG se tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbel ma’ 0,7 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mil-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn ta’ Spanja. In-nefqa li tammonta għal 1,0 % tal-PDG fl-2024 hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, meta mqabbel ma’ 0,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.
(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 21 li Spanja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 22 fl-2024 għal mhux aktar minn 2,6 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ta’ Spanja hija pproġettata li tiżdied bi 3,8 % fl-2024 23 , li huwa ogħla mir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 0,5 % tal-PDG fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.
(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Spanja tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li jekk, minħabba żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija, ikun hemm bżonn li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li Spanja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 24 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2023, u proġettat fil-livell ta’ 0,2 % fl-2024 u -0,1 % fl-2025. Fost l-oħrajn, it-tnaqqis tal-VAT fuq il-gass, it-taxxa speċjali fuq l-elettriku, is-sussidji tat-trasport pubbliku u l-kumpens lill-fornituri tal-elettriku biex ikopru l-kostijiet u jevitaw id-defiċit huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ għal parti mill-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-proġettazzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 25 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, l-iffrankar relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Spanja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jiżdied għal 2,4 % tal-PDG fl-2024 minn 2,3 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak rakkomandat mill-Kunsill. Minħabba f’hekk, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tiżdied għal 1,6 % tal-PDG fl-2024 (minn 1,3 % tal-PDG fl-2023).
(19)Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2025, b’żieda fin-nefqa netta b’4,0 % fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 104,8 % sa tmiem l-2025.
(20)Fi ħdan ir-regoli l-ġodda ta’ governanza ekonomika tal-UE, Spanja se jkollha bżonn tiżviluppa pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju biex tnaqqas id-defiċit u tnaqqas id-dejn tal-gvern. Dan il-pjan jista’ jikkombina l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ dħul u nfiq ma’ investimenti u riformi biex jippromwovi tkabbir ekonomiku aktar robust u sostenibbli. Spanja hija pajjiż b’dejn għoli bi struttura ta’ governanza deċentralizzata. Fil-qafas fiskali nazzjonali tiegħu, il-gvern ċentrali jistabbilixxi miri għar-reġjuni f’termini ta’ bilanċ strutturali u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG kif ukoll fir-rigward tar-rata massima ta’ tkabbir tan-nefqa nominali (ir-regola tan-nefqa). Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità mar-regoli l-ġodda ta’ governanza ekonomika tal-UE, il-qafas fiskali nazzjonali jista’ jkollu bżonn jiġi aġġornat. L-iżviluppi demografiċi huma mistennija li jwasslu għal żieda sinifikanti fin-nefqa pubblika relatata mal-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-pensjonijiet. Rigward il-pensjonijiet, il-lakuni fis-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u twil jistgħu jiġu indirizzati billi tiġi implimentata bis-sħiħ il-“klawżola tal-għeluq” introdotta bir-riforma tal-2023. Ir-riformi tat-taxxa għandhom ikunu parti ċentrali mill-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali. F’dan ir-rigward, ir-riformi inklużi fil-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibnu fuq rakkomandazzjonijiet mingħand l-esperti pprovduti sadanittant, għandhom l-għan li: (i) jagħmlu s-sistema tat-tassazzjoni aktar effettiva u moderna, u jadattawha għal xejriet ġodda, (ii) jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika; u (iii) iżidu d-dħul u jippromwovu l-ġustizzja. Barra minn hekk, Spanja jkollha lok biex tiġbor aktar dħul mit-taxxa relatata mal-ambjent (1,5 % tal-PDG fl-2022 meta mqabbel ma’ 2,0 % għall-aggregat tal-UE), inkluż billi ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. L-azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tista’ tinkludi wkoll iż-żieda fit-taxxi fuq il-konsum filwaqt li jiġu protetti individwi vulnerabbli b’miżuri ta’ kumpens immirati; dan isaħħaħ ukoll il-kapaċità tat-trasferimenti soċjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-faqar, li għadhom għoljin u jaffettwaw b’mod partikolari lit-tfal. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-awtorità fiskali indipendenti Spanjola (AIReF) għadha kruċjali għat-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq tal-gvern, li tista’ tibbenefika wkoll minn implimentazzjoni ambizzjuża tal-qafas tar-rieżamijiet tan-nefqa. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-kura tas-saħħa, biex tittejjeb il-kosteffettività u jiġu indirizzati l-aċċess reġjonali u d-disparitajiet fil-kwalità, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ investiment sinifikanti fil-kura primarja.
(21)Barra minn hekk, filwaqt li jibnu fuq il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, sforzi addizzjonali jistgħu jkomplu jżidu r-reżiljenza ekonomika u jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, u jgħinu jirfdu l-adozzjoni ta’ perkors fiskali aktar gradwali. Dan jinkludi l-qasam tal-piż regolatorju u l-klima tan-negozju. B’mod partikolari, ir-riforma tar-regolamentazzjoni dipendenti fuq id-daqs fl-oqsma tax-xogħol, l-awditjar u t-tassazzjoni bl-għan li tittejjeb l-effiċjenza fl-allokazzjoni tal-kapital u tax-xogħol, jiġi appoġġat l-investiment u tingħata għajnuna biex tiżdied il-produttività. L-indirizzar tan-nuqqasijiet eżistenti fl-effiċjenza ġudizzjarja jnaqqas ukoll id-distorsjonijiet ekonomiċi. Iż-żmien biex jiġu solvuti kawżi ċivili u kummerċjali għadu twil u n-nuqqas ta’ tiġdid fit-tul tal-Kunsill tal-Ġudikatura jikkawża ostakli fin-nomina ta’ mħallfin ewlenin. Hemm ukoll lok għal aktar appoġġ għall-innovazzjoni. Iż-żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u rabtiet aktar b’saħħithom mal-ekosistema xjentifika jistgħu jagħtu spinta lill-produttività tad-ditti. B’1,4 % tal-PDG fl-2022, l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ Spanja baqgħet staġnata meta mqabbla mal-2021 u għadha ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 2,2 %, prinċipalment minħabba d-distakk fin-nefqa privata (0,8 % tal-PDG, li hija ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 1,5 %). Minkejja l-miżuri fil-pjan rivedut għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi adottati tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, jidher li huma ġġustifikati aktar sforzi biex jiġi appoġġat l-infiq privat fir-riċerka u l-iżvilupp u t-trasferiment tal-għarfien bejn il-korpi tar-riċerka privati u pubbliċi. Miżuri speċifiċi jistgħu jinkludu: (i) l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka jsiru aktar professjonali u bbażati fuq il-prestazzjoni; u (ii) tittejjeb il-koordinazzjoni tas-sistema tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni matul livelli differenti tal-gvern.
(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta’ Spanja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Spanja tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. Id-daqs u l-kumplessità tal-pjan jitolbu azzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat li r-riformi u l-investimenti jkunu jistgħu jitlestew bis-sħiħ fil-ħin. L-istess jgħodd għall-isfidi marbuta mal-kapaċità ta’ assorbiment. L-investimenti huma kkonċentrati ħafna lejn tmiem il-perjodu għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u jistħoqqilhom attenzjoni speċjali. Hemm ukoll lok biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost il-livelli differenti tal-amministrazzjoni, filwaqt li proċeduri simplifikati jaċċelleraw ir-riċeviment tal-fondi mill-benefiċjarji finali. Dawn l-elementi huma partikolarment rilevanti biex jingħelbu l-isfidi relatati mal-assorbiment tal-ammont imdaqqas ta’ fondi ġestiti permezz ta’ strumenti finanzjarji stabbiliti fil-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(23)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Spanja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Spanja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi. Il-PDG per capita jibqa’ taħt il-75 % tal-medja tal-UE fi tmien reġjuni Spanjoli. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha huma kruċjali. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti. Lil hinn mill-miżuri tal-kapaċità amministrattiva, huwa partikolarment importanti li wieħed jara implimentazzjoni rapida tal-investimenti fl-innovazzjoni tan-negozju u fil-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, speċjalment fl-industriji identifikati mill-istrateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. L-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika, f’konformità mal-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima, b’mod partikolari dawk fil-ġestjoni tal-ilma, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, għadhom kruċjali, speċjalment fit-territorji l-aktar affettwati bħall-Kanarji u ż-żoni kostali fil-Lvant u fin-Nofsinhar ta’ Spanja. L-investimenti li jagħmlu r-reġjuni li qed jiffaċċjaw tnaqqis demografiku aktar attraenti u kompetittivi huma strumentali għall-konverġenza. Barra minn hekk, għadu meħtieġ li tiġi promossa l-integrazzjoni (mill-ġdid) tal-persuni qiegħda fit-tul u tal-ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol, tissaħħaħ il-gwida għall-karriera, jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u tiġi implimentata l-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 26 . Spanja tista’ wkoll tagħmel użu mill-inizjattiva ta’ Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni industrijali, b’mod partikolari billi tinvesti fl-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji strateġiċi u l-ktajjen tal-valur rispettivi tagħhom, speċjalment fl-oqsma tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, l-enerġija nadifa u l-effiċjenza fir-riżorsi, l-agrikoltura u l-bijoteknoloġiji relatati mas-saħħa.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, Spanja qed tiffaċċja sfidi addizzjonali relatati ma’ skarsezza u stress sinifikanti u li qed jiżdied tal-ilma. Kif rajna fl-2023 u fl-2024, l-istatus ta’ nixfa ta’ emerġenza f’ċerti reġjuni qed jiżdied fil-frekwenza u ma għadux limitat għax-xhur tas-sajf. L-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar, l-erożjoni kostali u tal-ħamrija, id-deżertifikazzjoni, in-nixfiet, il-mewġiet ta’ sħana u n-nirien fil-foresti, għadhom sfida ewlenija fi Spanja, li hija waħda mill-pajjiżi l-aktar affettwati fl-UE. It-tibdil fil-klima huwa mistenni li jżid il-frekwenza u s-severità tan-nixfiet u l-għargħar, u jaffettwa b’mod negattiv lin-nies, il-bijodiversità, il-finanzi pubbliċi u l-kompetittività. Filwaqt li l-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE jinkludu miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni tas-settur tal-ilma fi Spanja, jenħtieġu aktar sforzi, speċjalment fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma. Aktar investiment fl-infrastruttura jgħin biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma, inkluż fis-settur agrikolu, li huwa l-konsumatur ewlieni tal-ilma, f’konformità mal-Pjan Strateġiku tal-PAK ta’ Spanja 27 . Il-miżuri li għandhom il-potenzjal li jiżdiedu jinkludu investimenti fil-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, l-użu mill-ġdid tal-ilma, it-tnaqqis tat-tnixxijiet fin-networks u l-provvista ġenerali tal-ilma, iż-żieda fl-użu ta’ għelejjel reżiljenti għall-klima, it-titjib tal-monitoraġġ, u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, il-prevenzjoni tal-għargħar u r-restawr tax-xmajjar. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi għal koordinazzjoni aħjar fost il-livelli differenti tal-gvern, inkluż dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi jgħinu l-miżuri eżistenti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
(25)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Spanja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu biex jiġu implimentati l-ewwel, it-tieni u r-raba’ rakkomandazzjonijiet għaż-żona euro.
(26)
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 28 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fuq perkors plawżibbli ta’ tnaqqis fuq terminu medju u tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tiżgura s-sostenibbiltà fiskali inkluż billi: (i) tirrieżamina u tissimplifika s-sistema tat-taxxa biex tappoġġa t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-koeżjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, u (ii) ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u l-ekwità tal-infiq pubbliku.
2.Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, u tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.
3.Ittejjeb il-ġestjoni tal-ilma biex tindirizza aħjar l-adattament għall-effetti preżenti u futuri tat-tibdil fil-klima u tiżgura reżiljenza ekonomika, soċjali u ambjentali fit-tul, billi ttejjeb il-koordinazzjoni fost il-livelli kollha tal-gvern u tal-amministrazzjoni u żżid is-soluzzjonijiet eżistenti għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura, l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u l-investimenti fl-infrastruttura, u billi tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President