02016R1103 — MT — 08.07.2016 — 000.002
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1103 tal-24 ta' Ġunju 2016 (ĠU L 183 8.7.2016, p. 1) |
Ikkoreġut bi:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1103
tal-24 ta' Ġunju 2016
li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali
KAPITOLU I
KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Il-kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali.
Huwa m'għandux japplika għall-materji fiskali, doganali jew amministrattivi.
2. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:
(a) il-kapaċità legali tal-konjuġi,
(b) l-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' żwieġ,
(c) l-obbligi ta' manteniment,
(d) is-suċċessjoni għall-patrimonju ta' konjuġi deċedut,
(e) is-sigurtà soċjali,
(f) l-intitolament għal trasferiment jew aġġustament bejn konjuġi, fil-każ ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, ta' drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta' diżabbiltà akkumulati matul iż-żwieġ u li ma ġġenerawx dħul ta' pensjoni matul iż-żwieġ,
(g) in-natura tad-drittijiet in rem marbuta ma' proprjetà, u
(h) kwalunkwe reġistrar f'reġistru ta' drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti tar-reġistrar jew tan-nuqqas ta' reġistrar ta' tali drittijiet f'reġistru.
Artikolu 2
Kompetenza f'materji ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw materji ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:
(a) “reġim tal-proprjetà matrimonjali” tfisser sett ta' regoli li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet dwar il-proprjetà bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, b'riżultat taż-żwieġ jew tax-xoljiment tiegħu;
(b) “ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali” tfisser kull ftehim bejn il-konjuġi jew persuni li se jiżżewġu li permezz tiegħu jorganizzaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom;
(c) “strument awtentiku” tfisser dokument f'materja ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:
(i) tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku, u
(ii) tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra mogħtija s-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini;
(d) “deċiżjoni” tfisser kwalunkwe deċiżjoni f'reġim tal-proprjetà matrimonjali mogħtija minn qorti ta' Stat Membru, irrispettivament mill-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;
(e) “tranżazzjoni bil-qorti” tfisser tranżazzjoni fi kwistjoni relatata mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li kienet approvata minn qorti jew konkluża quddiem qorti matul il-proċedimenti;
(f) “Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li fih ingħatat id-deċiżjoni, jew ġie mfassal l-istrument awtentiku, jew ġiet approvata jew konkluża t-tranżazzjoni bil-qorti;
(g) “Stat Membru tal-eżekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li fih issir it-talba għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, jew għall-istrument awtentiku jew għat-tranżazzjoni bil-qorti.
2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “qorti” jfisser kwalunkwe awtorità ġudizzjarja u l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn kollha b'kompetenza f'materji ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delega ta' setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll tagħha, dment li tali awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u tad-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu, u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom taħt il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:
(a) jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; u
(b) għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 64.
KAPITOLU II
ĠURIŻDIZZJONI
Artikolu 4
Ġuriżdizzjoni f'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi
Fejn qorti ta' Stat Membru tkun inkarigata fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni ta' konjuġi skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li jirriżultaw b'konnessjoni ma' dak il-każ ta' suċċessjoni.
Artikolu 5
Ġuriżdizzjoni f'każijiet ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ
1. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, fejn qorti ta' Stat Membru tkun inkarigata biex tagħti sentenza fuq applikazzjoni għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenzi dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li jirriżultaw b'konnessjoni ma' dik l-applikazzjoni.
2. Il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali taħt il-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-qbil tal-konjuġi fejn il-qorti li tkun inkarigata biex tagħti sentenza dwar l-applikazzjoni għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ:
(a) tkun il-qorti ta' Stat Membru li fih l-applikant ikun resident abitwali u l-applikant ikun għex hemmhekk għal mill-inqas sena immedjatament qabel ma tkun saret l-applikazzjoni, skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003; jew
(b) tkun il-qorti ta' Stat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin u l-applikant ikun resident abitwali hemmhekk u jkun għex hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel ma tkun saret l-applikazzjoni, skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003; jew
(c) tkun inkarigata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 f'każijiet ta' konverżjoni tas-separazzjoni legali f'divorzju; jew
(d) tkun inkarigata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 f'każijiet ta' ġuriżdizzjoni residwa.
3. Jekk il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiġi konkluż qabel ma l-qorti tiġi inkarigata biex tiddeċiedi dwar materji ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali, il-ftehim għandu jikkonforma mal-Artikolu 7(2).
Artikolu 6
Ġuriżdizzjoni f'każijiet oħrajn
Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 jew f'każijiet minbarra dawk previsti f'dawk l-Artikoli, il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar materja relatata mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-konjuġi għandha tkun dik tal-qrati tal-Istat Membru:
(a) li fit-territorju tiegħu l-konjuġi jkunu residenti abitwali fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(b) li fit-territorju tiegħu l-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sa fejn konjuġi minnhom ikun għadu jirrisjedi hemmhekk fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(c) li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun residenti abitwali fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(d) li tiegħu il-konjuġi għandhom ċittadinanza komuni fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti.
Artikolu 7
L-għażla ta' qorti
1. F'każijiet li huma koperti bl-Artikolu 6, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont l-Artikolu 22, jew il-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 26(1), jew il-qrati tal-Istat Membru li fih jiġi konkluż iż-żwieġ għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklussiva biex jiddeċiedu dwar materji li jikkonċernaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom.
2. Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi espress bil-miktub u ddatat u ffirmat mill-partijiet. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.
Artikolu 8
Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut
1. Apparti mill-ġuriżdizzjoni derivanti minn dispożizzjonijiet oħrajn ta' dan ir-Regolament, qorti ta' Stat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont l-Artikolu 22 jew il-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 26(1), u li quddiemha l-konvenut jidher, għandha jkollha l-ġuriżdizzjoni. Din ir-regola m'għandhiex tapplika fejn id-dehra tkun saret biex tkun ikkontestata l-ġuriżdizzjoni, jew fil-każijiet koperti bl-Artikolu 4 jew bl-Artikolu 5(1).
2. Qabel ma tassumi ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qorti għandha tiżgura li l-konvenut ikun informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġuriżdizzjoni u bil-konsegwenzi jekk jidher jew jekk ma jidhirx quddiemha.
Artikolu 9
Ġuriżdizzjoni alternattiva
1. Bħala eċċezzjoni, jekk qorti tal-Istat Membru li jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 6, 7 jew 8 tiddeċiedi li, taħt id-dritt internazzjonali privat tagħha, iż-żwieġ inkwistjoni mhuwiex rikonoxxut għall-finijiet ta' proċedimenti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, hija tista' tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni. Jekk il-qorti tiddeċiedi li tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni, hija għandha tagħmel dan mingħajr dewmien bla bżonn.
2. Fejn qorti li jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 6 tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni u fejn il-partijiet jaqblu li jikkonferixxu l-ġuriżdizzjoni lill-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 7, il-ġuriżdizzjoni għad-deċiżjoni fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun tal-qrati ta' dak l-Istat Membru.
F'każijiet oħrajn, il-ġuriżdizzjoni għad-deċiżjoni fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun tal-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 8, jew tal-qrati tal-Istat Membru li fih jiġi konkluż iż-żwieġ.
3. Dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-partijiet ikunu kisbu divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ li jistgħu jiġu rikonoxxuti fl-Istat Membru tal-forum.
Artikolu 10
Ġuriżdizzjoni sussidjarja
Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7 jew 8 jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 9(2), ikollhom il-ġuriżdizzjoni l-qrati ta' Stat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab xi proprjetà immobbli ta' kwalunkwe mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma, iżda f'dan il-każ il-qorti inkarigata għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi biss fir-rigward tal-proprjetà immobbli inkwistjoni.
Artikolu 11
Forum necessitatis
Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8 jew 10, jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni, u l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 9(2) jew l-Artikolu 10, il-qrati ta' Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiddeċiedu dwar każ ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali jekk il-proċedimenti ma jkunux raġonevolment jistgħu jitressqu jew jitmexxew, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li miegħu jkun marbut mill-qrib il-każ.
Il-każ għandu jkollu rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.
Artikolu 12
Kontrotalbiet
Il-qorti li fiha jkunu pendenti l-proċedimenti skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 9(2), 10 jew 11 għandu jkollha ġuriżdizzjoni wkoll biex tiddeċiedi dwar kontrotalba jekk din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 13
Limitazzjoni tal-proċedimenti
1. Fejn il-patrimonju tad-deċedut li s-suċċessjoni tiegħu taqa' taħt ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 ikun fih assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti inkarigata biex tiddeċiedi dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista', fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn tali assi jekk jista' jkun mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' dawk l-assi ma tiġix rikonoxxuta u, fejn applikabbli, ma tiġix dikjarata eżekutorja f'dak l-Istat terz.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-partijiet li jillimitaw l-ambitu tal-proċedimenti taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.
Artikolu 14
Inkarigar ta' qorti
Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, qorti tkun ikkunsidrata inkarigata:
(a) fil-mument meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, dment li l-applikant ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li huwa kien meħtieġ jieħu biex id-dokument ikun notifikat lill-konvenut;
(b) jekk id-dokument għandu jkun innotifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, f'mument li fih jasal għand l-awtorità responsabbli għan-notifika, dment li l-applikant ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat lill-qorti; jew
(c) jekk il-proċedimenti jinfetħu mill-qorti ex officio, fil-mument meta d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti tittieħed mill-qorti, jew, fejn tali deċiżjoni ma tkunx meħtieġa, fil-mument meta l-każ jiġi rreġistrat mill-qorti.
Artikolu 15
Verifika tal-ġuriżdizzjoni
Fejn qorti ta' Stat Membru tiġi inkarigata b'każ ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali li fuqu ma jkollha ebda ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament, hija għandha ex officio tiddikjara li m'għandha l-ebda ġuriżdizzjoni.
Artikolu 16
Verifika tal-ammissibbiltà
1. Fejn konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat minbarra l-Istat Membru fejn tiġi istitwita l-azzjoni ma jidhirx, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti biex iħejji d-difiża tiegħu, jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.
2. L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) għandu japplika minflok il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed għal ieħor f'konformità ma' dak ir-Regolament.
3. Fejn ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunx japplika, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar il-komunikazzjoni u n-notifika barra mill-pajjiż ta' atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess 'il barra mill-pajjiż f'konformità ma' dik il-Konvenzjoni.
Artikolu 17
Lis pendens
1. Fejn jiġu istitwiti proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet fil-qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti, ħlief il-qorti li ġiet inkarigata l-ewwel, għandha tissospendi l-proċedimenti ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-ewwel qorti inkarigata.
2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba minn qorti inkarigata bid-disputa, kwalunkwe qorti oħra inkarigata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data li fiha ġiet inkarigata.
3. Fejn tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun ġiet inkarigata l-ewwel, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata għandha tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni favur dik il-qorti.
Artikolu 18
Kawżi relatati
1. Fejn ikunu pendenti kawżi relatati fi qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata għandha tissospendi l-proċedimenti tagħha.
2. Fejn il-kawżi msemmija fil-paragrafu 1 jkunu pendenti fl-ewwel istanza, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata tista' wkoll, fuq applikazzjoni minn waħda mill-partijiet, tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk l-ewwel qorti inkarigata jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kawżi inkwistjoni u l-liġi tagħha tkun tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.
3. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, kawżi huma meqjusa li jkunu relatati fejn ikunu konnessi hekk mill-qrib li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien biex ikun evitat ir-riskju ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.
Artikolu 19
Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi
Tista' ssir applikazzjoni fil-qrati ta' Stat Membru li titlob tali miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu jkunu disponibbli taħt il-liġi ta' dak l-Istat, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qrati ta' Stat Membru ieħor ikollhom il-ġuriżdizzjoni dwar il-mertu tal-każ.
KAPITOLU III
LIĠI APPLIKABBLI
Artikolu 20
Applikazzjoni universali
Il-liġi speċifikata bħala applikabbli minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta' Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex.
Artikolu 21
L-unità tal-liġi applikabbli
Il-liġi applikabbli għal reġim ta' proprjetà matrimonjali skont l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 26 għandha tapplika għall-assi kollha li jaqgħu taħt dak ir-reġim, irrispettivament minn fejn jinsabu l-assi.
Artikolu 22
L-għażla tal-liġi applikabbli
1. Il-konjuġi jew persuni li se jiżżewġu jistgħu jiftiehmu li jispeċifikaw, jew li jbiddlu, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom, sakemm dik il-liġi tkun waħda minn dawn li ġejjin:
(a) il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi jew persuni li se jiżżewġu, jew kwalunkwe minnhom, ikunu abitwalment residenti fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew
(b) il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza ta' kwalunkwe mill-konjuġi jew mill-persuni li se jiżżewġu fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim.
2. Sakemm il-konjuġi ma jiftehmux mod ieħor, bidla fil-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali matul il-ħajja miżżewġa għandu jkollha effett prospettiv biss.
3. Kull bidla retroattiva fil-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 2 ma għandhiex taffettwa negattivament id-drittijiet ta' partijiet terzi derivanti minn dik il-liġi.
Artikolu 23
Validità formali tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli
1. Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 22 għandu jkun espress bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ konjuġi. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni durabbli tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għall-kitba.
2. Jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
3. Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, il-konjuġi jkunu residenti abitwali fi Stati Membri differenti u l-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalunkwe waħda minn dawk il-liġijiet.
4. Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, konjuġi wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u dak l-Istat ikun jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 24
Kunsens u validità materjali
1. L-eżistenza u l-validità ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi jew ta' kwalunkwe terminu tiegħu għandhom jiġu determinati mil-liġi li tirregolah skont l-Artikolu 22 kieku l-kuntratt jew it-terminu kienu validi.
2. Madankollu, konjuġi jista', sabiex jistabbilixxi li ma tax il-kunsens tiegħu, jiddependi fuq il-liġi tal-pajjiż fejn ikollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument li tiġi inkarigata l-qorti jekk miċ-ċirkostanzi jkun jidher li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-imġiba tiegħu skont il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.
Artikolu 25
Validità formali ta' ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali
1. Il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali għandu jkun espress bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ konjuġi. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni durabbli tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għall-kitba.
2. Jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih ż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, il-konjuġi jkunu residenti abitwali fi Stati Membri parteċipanti differenti u l-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' waħda minn dawk il-liġijiet.
Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, konjuġi wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
3. Jekk il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali timponi rekwiżiti formali addizzjonali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 26
Il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla mill-partijiet
1. Fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi skont l-Artikolu 22, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun il-liġi tal-Istat:
(a) tal-ewwel residenza abitwali komuni tal-konjuġi wara li jiġi konkluż iż-żwieġ, jew, fin-nuqqas ta' din,
(b) taċ-ċittadinanza komuni tal-konjuġi fil-mument li jiġi konkluż iż-żwieġ, jew, fin-nuqqas ta' din,
(c) li miegħu il-konjuġi flimkien ikollhom l-aktar rabtiet mill-qrib fil-mument li jiġi konkluż iż-żwieġ, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha.
2. Jekk il-konjuġi jkollhom iżjed minn ċittadinanza komuni waħda fil-mument li jiġi konkluż iż-żwieġ, għandhom japplikaw biss il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1.
3. Bħala eċċezzjoni u fuq applikazzjoni minn kwalunkwe wieħed mill-konjuġi, l-awtorità ġudizzjarja li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista' tiddeċiedi li l-liġi ta' Stat, li ma jkunx l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, għandha tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali jekk l-applikant juri li:
(a) il-konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom f'dak l-Istat l-ieħor għal perjodu ta' żmien b'mod sinifikanti ferm itwal milli fl-Istat speċifikat skont il-punt (a) tal-paragrafu 1; u
(b) iż-żewġ konjuġi ddependew fuq il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor fl-arranġament jew l-ippjanar tar-relazzjonijiet tal-proprjetà tagħhom.
Il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika mill-mument li jiġi konkluż iż-żwieġ, ħlief jekk wieħed mill-konjuġi ma jaqbilx. Fil-każ tal-aħħar, il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandu jkollha effett mill-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni f'dak l-Istat l-ieħor.
L-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat l-ieħor ma għandhiex taffettwa negattivament id-drittijiet ta' partijiet terzi derivanti mil-liġi applikabbli skont il-punt (a) tal-paragrafu 1.
Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-konjuġi jkunu kkonkludew ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali qabel l-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom f'dak l-Istat l-ieħor.
Artikolu 27
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli
Il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali skont dan ir-Regolament għandha tirregola, inter alia:
(a) il-klassifikazzjoni tal-proprjetà ta' kwalunkwe mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma f'kategoriji differenti matul u wara ż-żwieġ,
(b) it-trasferiment ta' proprjetà minn kategorija waħda għall-oħra,
(c) ir-responsabbiltà ta' konjuġi għall-passiv u d-djun tal-konjuġi l-ieħor,
(d) is-setgħat, id-drittijiet u l-obbligi ta' kwalunkwe mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma fir-rigward tal-proprjetà,
(e) ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u d-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà,
(f) l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq relazzjoni legali bejn kwalunkwe mill-konjuġi u terzi persuni, u
(g) il-validità materjali ta' ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali.
Artikolu 28
Effetti fil-konfront ta' partijiet terzi
1. Minkejja l-punt (f) tal-Artikolu 27, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali bejn il-konjuġi ma tistax tiġi invokata minn konjuġi kontra parti terza f'disputa bejn il-parti terza u kwalunkwe mill-konjuġi jew iż-żewġ konjuġi ħlief jekk il-parti terza kienet taf jew, fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, kellha tkun taf dwar dik il-liġi.
2. Il-parti terza titqies li jkollha konoxxenza tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jekk:
(a) dik il-liġi tkun il-liġi:
(i) tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn kwalunkwe mill-konjuġi u l-parti terza,
(ii) tal-Istat fejn il-konjuġi kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, jew
(iii) fil-każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tinsab dik il-proprjetà;
jew
(b) kwalunkwe mill-konjuġi kkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għad-divulgazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali speċifikati mil-liġi:
(i) tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn kwalunkwe mill-konjuġi u l-parti terza,
(ii) tal-Istat fejn il-konjuġi kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, jew
(iii) fil-każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tinsab dik il-proprjetà.
3. Fejn il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali bejn il-konjuġi ma tistax tiġi invokata minn konjuġi kontra parti terza permezz tal-paragrafu 1, l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fir-rigward tal-parti terza għandhom ikunu regolati:
(a) mil-liġi tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn kwalunkwe mill-konjuġi u l-parti terza; jew
(b) f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli jew assi reġistrati jew drittijiet, mil-liġi tal-Istat fejn tinsab dik il-proprjetà jew fejn ikunu reġistrati l-assi jew id-drittijiet.
Artikolu 29
Adattament ta' drittijiet in rem
Fejn persuna tinvoka dritt in rem li tkun intitolata għalih taħt il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt ikun invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u sa fejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt ekwivalenti taħt il-liġi ta' dak l-Istat, b'kont meħud tal-għanijiet u tal-interessi segwiti mid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.
Artikolu 30
Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti
1. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.
2. Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom ikun meqjus bħala kruċjali minn Stat Membru għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi li b'xi mod ieħor tkun applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali skont dan ir-Regolament.
Artikolu 31
Ordni pubbliku (ordre publique)
L-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tista' tiġi rifjutata biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (ordre publique) tal-forum.
Artikolu 32
Esklużjoni ta' renvoi
L-applikazzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak l-Istat minbarra r-regoli tad-dritt internazzjonali privata tiegħu.
Artikolu 33
Stati b'aktar minn sistema legali waħda — kunflitti territorjali ta' liġijiet
1. Fejn il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament tkun dik ta' Stat li jinkludi diversi unitajiet territorjali fejn kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha rigward ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, ir-regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet ta' dak l-Istat għandhom jiddeterminaw l-unità territorjali rilevanti li r-regoli tal-liġi tagħha għandhom japplikaw.
2. Fin-nuqqas ta' tali regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet:
(a) kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għar-residenza abitwali tal-konjuġi, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha l-konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom;
(b) kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għaċ-ċittadinanza tal-konjuġi, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li magħha l-konjuġi jkollhom l-akbar rabta;
(c) kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirreferi għal elementi oħrajn bħala fatturi ta' konnessjoni, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha jinsab l-element rilevanti.
Artikolu 34
Stati b'aktar minn sistema legali waħda— kunflitti ta' liġijiet interpersonali
Fir-rigward ta' Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew aktar jew żewġ ġabriet ta' regoli jew aktar applikabbli għal kategoriji differenti ta' persuni fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, kwalunkwe referenza għal-liġi ta' tali Istat għandha titqies bħala li tirreferi għas-sistema legali jew ġabra ta' regoli determinati mir-regoli fis-seħħ f'dak l-Istat. Fin-nuqqas ta' tali regoli, għandhom japplikaw is-sistema ta' liġijiet jew il-ġabra ta' regoli li magħhom il-konjuġi jkollhom l-akbar rabta.
Artikolu 35
Non-applikazzjoni ta' dan ir-Regolamenti għal kunflitti ta' liġijiet interni
Stat Membru li jkollu diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli ta' liġi proprji tagħha fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali ma għandux ikun meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal kunflitti tal-liġijiet li jirriżultaw bejn dawn l-unitajiet territorjali biss.
KAPITOLU IV
RIKONOXXIMENT, EŻEKUTORJETÀ U EŻEKUZZJONI TA' DEĊIŻJONIJIET
Artikolu 36
Rikonoxximent
1. Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.
2. Kull parti interessata li tinvoka r-rikonoxximent ta' deċiżjoni bħala l-kwistjoni prinċipali f'disputa tista', skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 44 sa 57, tapplika sabiex id-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.
3. Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta' kwistjoni inċidentali ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.
Artikolu 37
Raġunijiet għal non-rikonoxximent
Deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:
(a) jekk tali rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru li fih intalab ir-rikonoxximent;
(b) fejn tkun ingħatat f'kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie nnotifikat bid-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li b'hekk seta' jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk;
(c) jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent;
(d) jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li involviet l-istess suġġett tal-kawża u kienet bejn l-istess partijiet, dment li dik id-deċiżjoni aktar kmieni tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.
Artikolu 38
Drittijiet fundamentali
L-Artikolu 37 ta' dan ir-Regolament għandu jkun applikat mill-qrati u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri f'konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari fl-Artikolu 21 tagħha dwar il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.
Artikolu 39
Il-projbizzjoni ta' reviżjoni ta' ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-oriġini
1. Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta.
2. Il-kriterju tal-ordni pubbliku (ordre publique) imsemmi fl-Artikolu 37 ma għandux japplika għar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni disposti fl-Artikoli 4 sa 11.
Artikolu 40
Ebda reviżjoni fir-rigward tal-mertu
Taħt l-ebda ċirkostanza deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ma tista' tiġi riveduta fir-rigward tal-mertu tagħha.
Artikolu 41
Sospensjoni ta' proċedimenti dwar rikonoxximent
Qorti ta' Stat Membru li ssirilha talba għal rikonoxximent ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti jekk ikun ġie ppreżentat fl-Istat Membru ta' oriġini appell ordinarju kontra d-deċiżjoni.
Artikolu 42
Eżekutorjetà
Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u eżekutorji f'dak l-Istat għandhom ikunu eżekutorji fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata, ikunu ġew dikjarati eżekutorji hemmhekk skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.
Artikolu 43
Id-determinazzjoni tad-domiċilju
Sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57, parti hijiex domiċiljata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-qorti inkarigata għandha tapplika l-liġi interna ta' dak l-Istat Membru.
Artikolu 44
Ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali
1. L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni kkomunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.
2. Il-ġuriżdizzjoni lokali għandha tiġi determinata b'referenza għal post tad-domiċilju tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, jew għall-post tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 45
Proċedura
1. Il-proċedura ta' applikazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.
2. L-applikant ma għandux ikun meħtieġ li jkollu indirizz postali jew rappreżentant awtorizzat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.
3. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:
(a) kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;
(b) l-attestazzjoni maħruġa mill-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46.
Artikolu 46
Nuqqas ta' preżentazzjoni tal-attestazzjoni
1. Jekk l-attestazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) ma tiġix preżentata, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien għall-preżentazzjoni tagħha jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li għandha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tgħaddi mingħajrha.
2. Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti titlob dan, għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni jew trażlitterazzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f'wieħed mill-Istati Membri.
Artikolu 47
Dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
Id-deċiżjoni għandha tiġi ddikjarata eżekutorja immedjatament wara li jitlestew il-formalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 45 mingħajr ebda reviżjoni taħt l-Artikolu 37. Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti tkun intitolata tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.
Artikolu 48
Notifika tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tinġieb immedjatament għall-attenzjoni tal-applikant skont il-proċedura stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
2. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi notifikata lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mid-deċiżjoni, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.
Artikolu 49
Appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.
2. L-appell għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.
3. L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontradittorji.
4. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti tal-appell fi proċedimenti dwar appell imressaq mill-applikant, għandu japplika l-Artikolu 16 anki meta l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tkunx domiċiljata f'ebda wieħed mill-Istati Membri.
5. Appell kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandu jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tiegħu. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, iż-żmien għal appell għandu jkun ta' 60 jum u għandu jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tan-notifika, kemm jekk liha personalment jew fir-residenza tagħha. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni minħabba d-distanza.
Artikolu 50
Proċedura biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fl-appell
Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista' tiġi kkontestata biss permezz tal-proċedura kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.
Artikolu 51
Rifjut jew revoka ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
Il-qorti ppreżentata b'appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss għal xi waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 37. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.
Artikolu 52
Sospensjoni tal-proċedimenti
Il-qorti ppreżentata b'appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha, fuq applikazzjoni mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, tissospendi l-proċedimenti jekk l-eżekutorjetà tad-deċiżjoni tiġi sospiża fl-Istat Membru tal-oriġini minħabba appell.
Artikolu 53
Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi
1. Meta deċiżjoni tkun trid tiġi rikonoxxuta skont dan il-Kapitolu, xejn ma għandu jimpedixxi lill-applikant milli jagħmel użu minn miżuri provviżorji, inklużi miżuri protettivi, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà taħt l-Artikolu 47.
2. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha simultanjament tikkonferixxi, b'effett tal-liġi, is-setgħa li wieħed jipproċedi għal kwalunkwe miżura protettiva.
3. Matul iż-żmien speċifikat għal appell taħt l-Artikolu 49(5) kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u sa meta jkun determinat kwalunkwe tali appell, ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ħlief miżuri protettivi kontra l-proprjetà tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.
Artikolu 54
Eżekutorjetà parzjali
1. Fejn tkun ingħatat deċiżjoni fir-rigward ta' diversi materji u d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ma tistax tingħata għalihom kollha, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda minnhom jew aktar.
2. Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà limitata għal partijiet minn deċiżjoni.
Artikolu 55
Għajnuna legali
Applikant li, fl-Istat Membru tal-oriġini, jkun ibbenefika bis-sħiħ jew parzjalment mill-għajnuna legali jew minn eżenzjoni mill-ispejjeż jew l-infiq għandu jkun intitolat, fi kwalunkwe proċediment għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew mill-eżenzjoni l-aktar estiża mill-ispejjeż jew l-infiq kif previst mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 56
Ebda garanzija, rahan jew depożitu
L-ebda garanzija, rahan jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni, ma għandhom ikunu meħtieġa minn parti li fi Stat Membru tapplika ghal rikonoxximent, eżekutorjetà jew eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 57
Ebda imposta, dazju jew onorarju
Fil-proċedimenti għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, ma għandhom jiġu imposti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni l-ebda imposta, dazju jew onorarju kkalkulati b'referenza għall-valur tal-materja inkwistjoni.
KAPITOLU V
STRUMENTI AWTENTIĊI U TRANŻAZZJONIJIET BIL-QORTI
Artikolu 58
Aċċettazzjoni ta' strumenti awtentiċi
1. Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor kif ikollu fl-Istat Membru tal-oriġini, jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru kkonċernat.
Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista' titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.
2. Kwalunkwe kontestazzjoni relattiva għall-awtentiċità ta' strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta' oriġini u għandha tiġi deċiża taħt il-liġi ta' dak l-Istat. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ieħor sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.
3. Kwalunkwe kontestazzjoni relattiva għall-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament u għandha tiġi deċiża taħt il-liġi applikabbli skont il-Kapitolu III. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ħlief l-Istat Membru tal-oriġini fir-rigward tal-materja li tkun ikkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.
4. Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi fuq id-determinazzjoni ta' kwistjoni sekondarja relatata mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali reġistrati fi strument awtentiku f'materji ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.
Artikolu 59
Eżekutorjetà ta' strumenti awtentiċi
1. Strument awtentiku li jkun eżekutorju fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala eżekutorju fi Stat Membru ieħor fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.
2. Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3), l-awtorità li stabbilixxiet l-istrument awtentiku għandha, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).
3. Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tal-istrument awtentiku tkun manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 60
Eżekutorjetà ta' tranżazzjonijiet bil-qorti
1. It-tranżazzjonijiet bil-qorti li huma eżekutorji fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu ddikjarati bħala eżekutorji fi Stat Membru ieħor fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.
2. Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3), il-qorti li approvat it-tranżazzjoni jew li quddiemha ġiet konkluża t-tranżazzjoni għandha, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).
3. Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni bil-qorti tkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 61
Legalizzazzjoni u formalitajiet simili oħra
L-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra ma għandha tkun meħtieġa fir-rigward ta' dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 62
Relazzjonijiet ma' konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti
1. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li għalihom Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jkunu partijiet meta jiġi adottat dan ir-Regolament jew ta' deċiżjoni skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE u li jikkonċernaw materji koperti minn dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 351 tat-TFUE.
2. Minkejja l-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, bejn l-Istati Membri, jieħu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi bejniethom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.
3. Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tas-6 ta' Frar 1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja li fiha dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat dwar iż-żwieġ, l-adozzjoni u t-tutela, kif riveduta fl-2006; għall-Konvenzjoni tad-19 ta' Novembru 1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja inkużi dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat dwar suċċessjoni, testmenti u amministrazzjoni tal-patrimonju, kif riveduta f'Ġunju 2012; u għall-Konvenzjoni tal-11 ta' Ottubru 1977 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili, mill-Istati Membri li għaliha huma partijiet, sa fejn dawn jipprovdu għal proċeduri simplifikati u aktar spediti għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali.
Artikolu 63
Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku
L-Istati Membri għandhom, bil-ħsieb li l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jipprovdu lill-Kummissjoni b'sommarju qasir tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħhom li jirrigwardaw ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta' awtorità li għandha kompetenza fi kwistjonijiet ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali u dwar l-effetti fir-rigward ta' partijiet terzi msemmija fl-Artikolu 28.
L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni permanentement aġġornata.
Artikolu 64
Informazzjoni dwar dettalji ta' kuntatt u proċeduri
1. Sad-29 ta' April 2018, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:
(a) il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skont l-Artikolu 44(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 49(2);
(b) il-proċeduri biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 50.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal din l-informazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-indirizzi u dettalji ta' kuntatt oħrajn tal-qrati u l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha kkomunikata skont il-paragrafu 1 pubblikament disponibbli bi kwalunkwe mezz xieraq, b'mod partikolari bin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Artikolu 65
Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-lista li fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)
1. Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' notifiki mill-Istati Membri, tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f'dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont kif ikun meħtieġ.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista u kwalunkwe emendi sussegwenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli l-informazzjoni kollha nnotifikata f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 permezz ta' kwalunkwe mezz ieħor li jkun adattat, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Artikolu 66
Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) u fl-Artikoli 58, 59 u 60
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) u fl-Artikoli 58, 59 u 60. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).
Artikolu 67
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 68
Klawżola ta' reviżjoni
1. Sad-29 ta' Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fejn meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emendar ta' dan ir-Regolament.
2. Sad-29 ta' Jannar 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 38 ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jevalwa b'mod partikolari l-limitu sa fejn dawn l-Artikoli żguraw aċċess għall-ġustizzja.
3. Għall-finijiet tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.
Artikolu 69
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi mfassla formalment jew reġistrati u għal tranżazzjonijiet bil-qorti approvati jew konklużi fi jew wara d-29 ta' Jannar 2019, soġġett għall-paragrafi 2 u 3.
2. Jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta' oriġini kienu ġew istitwiti qabel id-29 ta' Jannar 2019, id-deċiżjonijiet mogħtija f'dik id-data jew warajha għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti f'konformità mal-Kapitolu IV sakemm ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li jkunu applikati jkunu konformi ma' dawk stabbiliti fil-Kapitolu II.
3. Il-Kapitolu III huwa biss applikabbli għall-koppji li jiżżewġu jew li jispeċifikaw il-liġi applikabbli għar-reġim tal- proprjetà matrimonjali fid-29 ta' Jannar 2019 jew wara.
Artikolu 70
Dħul fis-seħħ
1. Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, kif awtorizzata mid-Deċiżjoni (UE) 2016/954.
Huwa għandu japplika mid-29 ta' Jannar 2019, ħlief għall-Artikoli 63 u 64 li għandhom japplikaw mid-29 ta' April 2018, u l-Artikoli 65, 66 u 67 li għandhom japplikaw mid-29 ta' Lulju 2016. Għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta' deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.
( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).