3.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/958

tas-26 ta’ Ġunju 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Philip KERMODE

Aġent Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni ul-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett, imsejjaħ kaxxa tal-preżentazzjoni, ta’ daqs ta’ madwar 21 cm × 21 cm × 8 cm, magħmul mill-kartun miksi b’karta dekorattiva għal skopijiet ta’ wiri. L-oġġett huwa mgħammar b’saff irqiq tal-plastik minn ġewwa b’forma speċjali li ġo fih jistgħu jitqiegħdu bosta prodotti kożmetiċi mingħajr ma jiċċaqalqu. L-oġġett għandu għatu mgħammar b’tieqa tal-plastik trasparenti li minn ġo fiha jidhru l-prodotti kożmetiċi.

Ara l-istampa  (*1).

4819 50 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-Kodiċijiet NM 4819 u 4819 50 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 4202 99 00 bħala kontenituri simili għal cases tal-fliexken u kaxex għall-ġojjellerija hija eskluża minħabba d-disinn tal-oġġett (speċjalment is-solidità tiegħu), li mhuwiex xieraq għal użu fit-tul. (Ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-Intestatura 4202, is-seba’ paragrafu, li jiddeskrivi l-karatteristiki objettivi għall-kontenituri bl-għatu simili għall-kaxex għall-ġojjellerija.) Is-saff irqiq tal-plastik jitlef il-forma tiegħu u jixxaqqaq u/jew jinkser meta l-prodotti kożmetiċi jinħarġu u jerġgħu jitpoġġew diversi drabi.

L-oġġett irid jintuża għall-ippakkjar, għat-trasport u għall-bejgħ tal-prodotti kożmetiċi, u għandu wkoll valur dekorattiv, skont it-tifsira tal-NSSA tal-Intestatura 4819, (A), l-ewwel paragrafu. Is-saff iżomm il-prodott kożmetiċi f’posthom matul it-trasport u t-tieqa trasparenti fuq l-għatu tal-kontenitur tħalli l-prodotti kożmetiċi jidhru għal skopijiet ta’ bejgħ.

Il-parti tal-oġġett li tagħtih il-karattru essenzjali tiegħu hija l-kontenitur tal-ippakkjar tal-kartun u mhux is-saff tal-plastik li jservi biss biex iżomm il-prodotti kożmetiċi f’posthom.

Għaldaqstant l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 4819 50 00 bħala kontenituri oħrajn tal-ippakkjar.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.