|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3094 |
10.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3094
tas-27 ta’ Novembru 2024
li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċertu apparati selettivi biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku previsti fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241, il-Parti B, il-punt 1.3.1.1 jipprevedi ċertu apparati selettivi mwaħħla mal-irkaptu tas-sajd, biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw Baltiku waqt is-sajd għall-pixxiċatt fis-subdiviżjonijiet 22-26 tal-ICES. |
|
(2) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dawk l-apparati. |
|
(3) |
Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġ li jikkonċernaw b’mod partikolari l-użu ta’ apparat selettiv “Roofless”, manka T90 modifikata (b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 125 mm u rinfurzar taċ-ċmus bi ħbula tat-tqassir tal-manka) u manka b’malja kwadra (magħmula minn żewġ pannelli u daqs minimu tal-malja ta’ mill-inqas 125 mm). |
|
(4) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF – Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) ikkonkluda (2) li dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma dettaljati u suffiċjenti għall-finijiet ta’ implimentazzjoni. |
|
(5) |
L-STECF evalwa wkoll għadd ta’ speċifikazzjonijiet addizzjonali ssuġġeriti mill-Istati Membri matul il-laqgħa tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura f’Settembru 2022. Dawn jikkonċernaw verżjoni ġdida tad-deskrizzjoni teknika tal-irkaptu. L-STECF ikkonkluda (3) li l-ispeċifikazzjonijiet proposti huma aktar ċari u sempliċi u ma jnaqqsux il-funzjonalità u s-selettività tal-apparati. |
|
(6) |
Jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lis-sidien tal-bastimenti biex jgħammru l-bastimenti tagħhom bl-apparati selettivi l-ġodda. |
|
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-apparati ta’ selettività msemmija fil-Parti B, il-punt 1.3.1.1, tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 għandhom ikunu kif previsti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-9 ta’ April 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.
(2) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/14840948/STECF+PLEN+21-03.pdf/0909ec89-4bf6-4eeb-bb94-e2cf5a19bc92.
(3) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/43440856/STECF+PLEN+22-03.pdf/d0acb3d4-6b6a-4067-9d08-0b6004660e25.
ANNESS
I. Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“xibka bla għoqiedi” tfisser xibka magħmula minn malji b’erba’ naħat li jkollhom il-kantunieri tal-malji ffurmati bin-nisġa tal-ispag ta’ żewġ naħat maġenb xulxin tal-malja; |
|
(2) |
“xibka li tippermetti s-selettività modulari (NEMOS – net enabling modular selectivity)” tfisser sezzjoni tax-xibka b’erba’ pannelli mmuntata bejn l-aħħar sezzjoni konika tax-xibka tat-tkarkir u l-manka, iddisinjata biex tippermetti l-immuntar ta’ apparati selettivi fiha. |
II. Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-manka b’malja kwadra (ID tal-Irkaptu: SMC_125)
|
1. |
Il-manka għandha tkun magħmula minn żewġ pannelli b’malji kwadri tal-istess dimensjonijiet, magħqudin flimkien permezz ta’ ċmusa waħda fuq kull naħa tal-istess tul. |
|
2. |
L-għadd ta’ vireg liberi, esklużi dawk fiċ-ċmusi, fi kwalunkwe ċirkonferenza għandu jkun kostanti mill-parti ta’ quddiem tal-estensjoni sal-aħħar parti tal-manka. |
|
3. |
Id-daqs tal-malja minimu tal-malji kwadri għandu jkun ta’ 125 mm. Ix-xibka għandha tkun immuntata b’tali mod li l-vireg ikunu paralleli u perpendikolari mat-tul tal-manka. |
|
4. |
Ix-xibka b’malja kwadra għandha tkun ħajt singlu mmaljat mingħajr għoqiedi bi ħxuna tal-ispag mill-inqas 5 mm, jew xbieki bi proprjetajiet selettivi ppruvati simili. |
|
5. |
L-għadd massimu ta’ vireg liberi fiċ-ċirkonferenza tal-manka għandu jkun ta’ 50. |
|
6. |
It-tul tas-sezzjoni tal-malja kwadra għandu jkun mill-inqas 5,5 m. |
|
7. |
It-tarf ta’ quddiem tal-manka b’malja kwadra għandu jkun imqabbad max-xibka maqrut tax-xibka tat-tkarkir bi proporzjon ta’ kwadru wieħed (malja kwadra) għal żewġ għoqiedi (malja maqrut). |
|
8. |
Sabiex jiġu ffaċilitati l-installazzjoni u t-tħaddim tas-siegla tal-għeluq, għandha tiddaħħal sezzjoni ta’ malji maqrut fit-tarf ta’ wara tal-manka b’malji kwadri bi proporzjon ta’ żewġ għoqiedi (malja maqrut) għal kwadru wieħed (malja kwadra). Il-malji kwadri għandhom jispiċċaw mhux aktar minn erba’ malji mill-manka, inkluża r-ringiela mmaljata bl-idejn, tal-malji li minnha tgħaddi s-siegla tal-għeluq. Id-daqs minimu tal-malja tal-malji maqrut għandu jkun ta’ 105 mm ta’ ħajt tal-polietilen bi ħxuna tal-ispag ta’ barma waħda ta’ mhux aktar minn 6 mm jew bi ħxuna tal-ispag ta’ barma doppja ta’ mhux aktar minn 4 mm. |
|
9. |
Eżempju tal-manka b’malja kwadra li tikkonforma mar-rekwiżiti legali huwa muri fl-Illustrazzjoni 1. |
Illustrazzjoni 1
III. Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-manka T90 modifikata (ID tal-Irkaptu: T90_125_2P_LR)
|
1. |
Id-daqs tal-malji tal-manka għandu jkun mill-inqas 125 mm. |
|
2. |
Il-materjal tal-ħajt għandu jkun ta’ ħajt tal-polietilen bi ħxuna tal-ispag ta’ barma waħda ta’ mhux aktar minn 6 mm jew bi ħxuna tal-ispag ta’ barma doppja ta’ mhux aktar minn 4 mm. |
|
3. |
It-tul tal-manka għandu jkun definit mit-tul imġebbed tal-ħabel tat-tqassir tal-manka mwaħħal ma’ kull ċmusa tal-manka. It-tul tal-ħabel tat-tqassir tal-manka għandu jkun mill-inqas 6 m. |
|
4. |
Il-ħbula tat-tqassir tal-manka għandhom ikunu magħmula minn PP Danline b’dijametru mill-inqas 18 mm. |
|
5. |
It-twaħħil tal-ħbula tat-tqassir tal-manka maċ-ċmusa għandu jkun uniformi u bi proporzjon ta’ 10 malji tal-manka għal kull 90 cm ħabel. |
|
6. |
Il-manka T90 għandha tkun konnessa ma’ biċċa ta’ estensjoni T90 magħmula mill-istess xibka, kif deskritta għall-manka, jew ma’ sezzjoni ta’ xibka selettiva tax-xibka tat-tkarkir. |
|
7. |
L-għadd ta’ malji fi kwalunkwe ċirkonferenza fil-manka sensu strictu u fil-biċċa ta’ estensjoni, bl-esklużjoni tal-partijiet imwaħħla u ċ-ċmusi ma għandux ikun aktar minn 50 malja tonda |
|
8. |
Eżempju tal-Manka T90 modifikata huwa muri fl-Illustrazzjoni 2. |
Illustrazzjoni 2
IV. Speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ NEMOS (net enabling modular selectivity) u ROOFLESS (ID tal-Irkaptu: NEMOS + RL175)
(a) NEMOS
|
1. |
L-apparat NEMOS għandu jkunu magħmul minn erba’ pannelli ta’ wisa’ ugwali u tul minimu ta’ 4,5 metri. |
|
2. |
L-erba’ pannelli tan-NEMOS għandhom ikunu magħmula minn xibka tradizzjonali b’malja maqrut, u l-istess daqs nominali tal-malja (imġebbed) tal-manka li magħha għandhom jitwaħħlu (indipendentement mit-tip ta’ manka). |
|
3. |
L-għadd ta’ malji liberi (esklużi l-malji fiċ-ċmusi) fid-dimensjoni tal-wisa’ ta’ kull pannell tal-apparat NEMOS għandu jkun 25 % tal-għadd ta’ malji liberi fiċ-ċirkonferenza tal-manka b’malja maqrut li magħha jkun imwaħħal, jew 50 % tal-għadd ta’ malji liberi fiċ-ċirkonferenza fil-każ ta’ manka b’malji kwadri jew manka T90. |
|
4. |
Meta jitwaħħal ma’ xibka tat-tkarkir ta’ żewġ pannelli, għandu jkun possibbli li t-tarf ta’ quddiem tal-apparat NEMOS jitqabbad mal-korp tax-xibka tat-tkarkir permezz ta’ adapter b’minn tnejn sa erba’ pannelli magħmul mill-istess materjal tax-xibka, u mill-inqas nofs it-tul tan-NEMOS. |
|
5. |
Meta jitwaħħal ma’ manka ta’ żewġ pannelli, it-tarf ta’ wara tal-apparat NEMOS għandu jitqabbad mal-manka permezz tal-adapter deskritt fil-punt 4, iżda f’dispożizzjoni inversa. |
|
6. |
Sabiex tiġi żgurata sezzjoni trasversali stabbli tan-NEMOS, in-NEMOS jista’ jiġi armat b’mod fakultattiv b’elementi addizzjonali, pereżempju sufruni u piżijiet. |
(b) ROOFLESS
|
1. |
Il-fetħa għall-ħrib għandha tkun sezzjoni rettangolari bit-truf dritti. |
|
2. |
Il-fetħa għall-ħrib għandha tkun twila mill-inqas 175 cm. Il-wisa’ tal-fetħa għandha tkun daqs il-wisa’ tal-pannell ta’ fuq tan-NEMOS, esklużi l-malji fiċ-ċmusi. |
|
3. |
It-tarf ta’ quddiem tal-fetħa għall-ħrib għandu jitqiegħed f’25 % (+/- żewġ malji) tat-tul totali tal-pannell ta’ fuq, u jintemm mhux inqas minn żewġ malji mit-tarf ta’ wara tal-pannell. |
(c) SPEĊIFIKAZZJONIJIET OĦRA NEMOS U ROOFLESS
|
1. |
Il-pannell ta’ fuq direttament quddiem il-fetħa għall-ħrib għandu jittella’ b’żewġ sufruni mmuntati f’linja waħda wara l-oħra. Id-dijametru tas-sufruni għandu jkun tal-inqas 200 mm. |
|
2. |
Jekk jiġu applikati, is-sufruni u l-piżijiet għandhom jitwaħħlu f’linji maċ-ċmus t’isfel u ta’ fuq, rispettivament. Is-segment tan-NEMOS fejn għandu jiġi stabbilit ir-ROOFLESS għandu jinżamm ħieles minn sufruni u piżijiet. Is-sufruni u l-piżijiet għandhom jintużaw f’pari għall-bord il-lemin u għall-bord ix-xellug. Kull linja ta’ sufruni mwaħħla maċ-ċmusa ta’ fuq għandha tkun akkoppjata b’linja ta’ piżijiet fiċ-ċmusa t’isfel. Sabiex tiġi evitata ġibda wisq vertikali tan-NEMOS (u b’hekk inqas ħrib tal-bakkaljaw), il-linji tal-piżijiet ma għandhomx jaqbżu l-kapaċità negattiva ta’ żamma f’wiċċ l-ilma ugwali għal 4 kg/m, filwaqt li l-linji ta’ sufruni għandhom jikkonsistu f’massimu ta’ sitt unitajiet, kull waħda b’dijametru massimu ta’ 120 mm. |
|
3. |
It-tarf tal-pannell tax-xibka wara l-fetħa għall-ħrib għandu jiġi stabbilizzat b’virga riġida mqabbda max-xibka bi proporzjon tax-xibka mdendla bejn 0,3 u 0,4. Għandha titwaħħal virga riġida addizzjonali tal-istess karatteristiċi u tul mal-pannell ta’ isfel direttament taħt il-virga riġida fil-pannell ta’ fuq. |
|
4. |
In-NEMOS u ROOFLESS huma illustrati fl-Illustrazzjonijiet 3 u 4. |
Illustrazzjoni 3
Dettall tal-kostruzzjoni u dehra iżometrika ta’ NEMOS + ROOFLESS żviluppati bħala apparat għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali ta’ bakkaljaw għas-sajd tal-pixxiċatt.
Illustrazzjoni 4
Disinn tekniku skematiku (minn fuq u mill-ġenb) ta’ NEMOS+ROOFLESS.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3094/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)