European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/454

10.3.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/454

tas-7 ta’ Marzu 2025

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (il-“bord xjentifiku”) biex jappoġġa l-attivitajiet ta’ infurzar skont ir-Regolament (UE) 2024/1689 u biex jagħti pariri u jappoġġa lill-Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (l-“Uffiċċju għall-IA”) fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(2)

Il-membri tal-bord xjentifiku jenħtieġ li jinħatru abbażi ta’ kriterji oġġettivi u wara sejħa pubblika għal espressjoni ta’ interess. Il-kriterji tal-għażla inklużi fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess jenħtieġ li jiżguraw li jintgħażlu esperti multidixxiplinari u interdixxiplinari bi kwalifiki għoljin, b’livell suffiċjenti ta’ għarfien espert xjentifiku, soċjotekniku jew tekniku aġġornat dwar aspetti differenti relatati mal-intelliġenza artifiċjali (“IA”), l-impatti tal-IA, jew b’xi mod ieħor rilevanti għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) 2024/1689, inkluż għarfien espert fis-setturi applikati, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, kif xieraq, u li jkunu jistgħu jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess jenħtieġ li tistabbilixxi l-proċedura ta’ applikazzjoni. Id-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jinkludu dikjarazzjonijiet maħruġa minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, li tiċċertifika l-għarfien espert xjentifiku, soċjotekniku jew tekniku tal-kandidati.

(3)

Biex jiġi żgurat funzjonament effettiv filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata d-diversità tal-għarfien espert, l-għadd ta’ esperti li għandhom jinħatru fil-bord xjentifiku jenħtieġ li ma jkunx aktar minn 60, kif ikkonsultat mal-Bord Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (il-“Bord”). Għal kull mandat, l-għadd ta’ esperti li għandhom jinħatru fil-bord xjentifiku jenħtieġ li jiġi ddeterminat u speċifikat fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, abbażi tal-ammont ta’ xogħol mistenni u l-għarfien espert meħtieġ, f’kull każ determinat f’konsultazzjoni mal-Bord. Il-Kummissjoni se tevalwa l-għadd massimu ta’ esperti abbażi tal-esperjenza miksuba u se tikkunsidra li tirrevedih bħala parti minn rieżami possibbli ta’ dan ir-Regolament.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji għall-għażla ta’ grupp varjat ta’ esperti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, sa fejn ikun possibbli, bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentanza ġeografika ġusta fl-għażla tal-esperti. Sabiex tinkiseb rappreżentanza ġeografika ġusta, jenħtieġ li jinħatar mill-inqas ċittadin wieħed minn kull Stat Membru tal-Unjoni u minn kull membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, dment li jkun hemm applikant minn dawk il-pajjiżi li jissodisfa l-kriterji tas-sejħa. Fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun hemm aktar minn tliet esperti minn kull wieħed minn dawk il-pajjiżi. Sabiex tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-introduzzjoni ta’ perspettivi differenti fil-bord xjentifiku, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu jinħatru bħala esperti. Madankollu, mill-inqas erbgħa minn kull ħames esperti tal-bord xjentifiku jenħtieġ li jkunu ċittadini mill-Istati Membri tal-Unjoni jew minn membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(5)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tal-bord xjentifiku, jenħtieġ li l-Uffiċċju għall-IA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdu b’mod konġunt lis-Segretarjat tiegħu.

(6)

L-organizzazzjoni tal-bord xjentifiku għandha tiżgura l-flessibbiltà sabiex l-għarfien speċjalizzat ikun jista’ jintuża abbażi tal-ħtiġijiet meħtieġa. Għal dan l-għan, il-President u s-Segretarjat jenħtieġ li jaħtru relatur u kontributuri rilevanti għal kompiti individwali tal-bord xjentifiku, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, l-għarfien espert, inkluż l-għarfien espert settorjali, id-disponibbiltà, il-kunflitti ta’ interess possibbli u t-tħassib dwar is-sigurtà.

(7)

Minħabba l-kontribut tal-bord xjentifiku biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki tal-Unjoni, billi jiġu appoġġati l-attivitajiet ta’ infurzar skont ir-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li l-esperti jirċievu remunerazzjoni adegwata għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku fuq talba tal-Uffiċċju għall-IA. Dik ir-remunerazzjoni jenħtieġ li tiġi ddeterminata f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 237 tar-Regolament (UE) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(8)

Biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-esperti tal-bord xjentifiku ikunu indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ sistemi tal-IA jew ta’ mudelli tal-IA bi skop ġenerali u jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti, imparzjali u oġġettiv. Sabiex tiġi żgurata l-fiduċja fil-ħidma tal-bord xjentifiku, l-esperti jenħtieġ li jfasslu dikjarazzjonijiet ta’ interess u impenn biex jaġixxu fl-interess pubbliku, li jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku. Għall-istess għan, il-kompiti tal-bord xjentifiku jenħtieġ li jitwettqu b’mod trasparenti u s-sħubija tiegħu jenħtieġ li tkun disponibbli għall-pubbliku.

(9)

Sabiex jippermettu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali meħtieġa għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu appoġġ mill-bord xjentifiku għall-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom skont dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Uffiċċju għall-IA jipprevedi l-mezzi prattiċi li jippermettu lill-Istati Membri jitolbu tali appoġġ. It-talbiet għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati u pproċessati mill-Uffiċċju għall-IA fil-ħin.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-bord xjentifiku jkun jista’ joħroġ b’mod effettiv allerti kwalifikati lill-Uffiċċju għall-IA skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti dettaljati għall-ħruġ ta’ tali allerti kwalifikati. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jipprovdi interfaċċa sigura li permezz tagħha l-bord xjentifiku jkun jista’ jittrażmetti allerti kwalifikati u l-evidenza li tappoġġa tali allerti. Minħabba r-rilevanza u l-implikazzjonijiet possibbli ta’ allert kwalifikat għal fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali, jenħtieġ li tali allert jirrikjedi deċiżjoni minn mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tal-bord xjentifiku.

(11)

Biex il-bord xjentifiku jingħata s-setgħa li jwettaq b’mod effettiv il-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti dettaljati biex il-bord xjentifiku u l-membri tiegħu jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju għall-IA għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi previst il-mod kif il-bord xjentifiku jista’ jitlob li l-Kummissjoni toħroġ talba għal informazzjoni lil fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali skont l-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689.

(12)

Tali talba jenħtieġ li ssir minn membru tal-bord xjentifiku li jinħatar bħala relatur għal kompitu tal-bord xjentifiku, appoġġat minn mill-inqas terz tal-membri tal-bord xjentifiku. It-talba jenħtieġ li tissostanzja kif xieraq għaliex talba għal informazzjoni u aċċess għall-informazzjoni mitluba huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jivvaluta l-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-talba, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Meta l-Uffiċċju għall-IA jiddeċiedi li jonora t-talba, jenħtieġ li jħejji talba għal informazzjoni minn fornitur, li għandha tinħareġ mill-Kummissjoni, u jagħmel l-informazzjoni riċevuta disponibbli għall-membri rilevanti tal-bord xjentifiku. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jistabbilixxi mezzi tekniċi siguri, li jenħtieġ li jkunu adattati għall-iskop tagħhom u joperaw bi standard għoli, kif xieraq, biex jagħti aċċess għal tali informazzjoni, li jenħtieġ li tkun ristretta għall-membri tal-bord xjentifiku li jagħmlu t-talba, li jenħtieġ li jkunu r-relatur maħtur u l-kontributuri għal kompitu tal-bord xjentifiku. Il-membri li jagħmlu t-talba jenħtieġ li, qabel ma jirċievu d-data, jissottomettu awtodikjarazzjoni fejn jiddikjaraw li biħsiebhom biss jużaw l-informazzjoni rikjesta għall-fini ddikjarat u jiddeskrivu l-modalitajiet u s-salvagwardji biex jiġi żgurat it-trattament tad-data kunfidenzjali. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jkun jista’ jirrifjuta talba jekk, abbażi tal-informazzjoni sottomessa minn membru tal-bord xjentifiku, ikollu raġunijiet biex jassumi li hemm riskji raġonevolment prevedibbli relatati mas-sigurtà jew il-kunfidenzjalità tad-data.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward:

(a)

tal-istabbiliment u l-operat ta’ bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali;

(b)

ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti dettaljati għall-bord xjentifiku u l-membri tiegħu biex joħorġu allerti kwalifikati u biex jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju għall-IA għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku.

KAPITOLU II

STABBILIMENT U OPERAT TAL-BORD XJENTIFIKU

Artikolu 2

Stabbiliment tal-bord xjentifiku

B’dan huwa stabbilit il-bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (il-“bord xjentifiku”).

Artikolu 3

Kriterji tal-għażla u kompożizzjoni tal-bord xjentifiku

1.   L-esperti għandhom jinħatru fil-bord xjentifiku wara sejħa għal espressjoni ta’ interess, abbażi ta’ kriterji tal-għażla stipulati f’dik is-sejħa.

2.   Għal kull mandat imsemmi fl-Artikolu 4, l-għadd ta’ esperti għandu jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (il-“Bord”), u stabbilit fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 1. L-għadd ta’ esperti fuq il-bord xjentifiku fl-ebda każ ma għandu jaqbeż is-60.

3.   L-esperti għandhom jintgħażlu fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu żgurati:

(a)

għarfien espert xjentifiku, tekniku jew soċjotekniku multidixxiplinari u interdixxiplinari adegwat u aġġornat relatat mal-intelliġenza artifiċjali, l-impatti tal-intelliġenza artifiċjali, jew inkella rilevanti għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) 2024/1689, inkluż l-għarfien espert li jappartjeni għas-setturi applikati, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, kif xieraq;

(b)

l-indipendenza minn kwalunkwe fornitur tas-sistema tal-IA jew tal-mudell tal-IA bi skop ġenerali kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament (UE) 2024/1689;

(c)

l-imparzjalità u l-oġġettività kif stabbilit fl-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) 2024/1689;

(d)

il-kapaċità li l-attivitajiet jitwettqu b’mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

4.   Fl-għażla tal-esperti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li mill-inqas ċittadin wieħed u mhux aktar minn tlieta minn kull Stat Membru tal-Unjoni u kull membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jinħatru bħala esperti fil-bord xjentifiku, dment li jkun hemm applikanti minn dak il-pajjiż li jissodisfaw il-kriterji stipulati fis-sejħa u dment li tkun tista’ tinkiseb kopertura komprensiva biżżejjed tal-oqsma rilevanti ta’ għarfien espert. Iċ-ċittadini mill-Istati Membri tal-Unjoni u l-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom jikkostitwixxu mill-inqas erbgħa minn kull ħames esperti fuq il-bord xjentifiku.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura sa fejn ikun possibbli l-bilanċ bejn il-ġeneri fl-għażla tal-esperti. Għal dak l-għan, kull meta l-għażla tkun teħtieġ deċiżjoni bejn żewġ kandidati ugwalment kwalifikati, il-Kummissjoni għandha tagħti preferenza lill-ġeneru sottorappreżentat.

6.   L-esperti li jissodisfaw il-kriterji stipulati fis-sejħa, iżda li ma jiġux maħtura fil-bord xjentifiku, għandhom jiġu inklużi f’lista ta’ riżerva ta’ esperti disponibbli (il-“lista ta’ riżerva”), li għandha tkun valida għat-tul tal-mandat tal-bord imsemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Mandat

1.   L-esperti għandhom jinħatru bħala membri tal-bord xjentifiku għal terminu limitat ta’ sentejn, bil-possibbiltà ta’ tiġdid.

2.   Meta espert jirriżenja jew ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 u 13 ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tneħħi lil dak l-espert.

3.   Meta espert jitkeċċa matul il-mandat tiegħu jew tagħha, għandu jinħatar sostitut għal dak l-espert mil-lista ta’ riżerva mill-Kummissjoni għall-bqija tal-mandat, jew, fejn meħtieġ, wara sejħa għal espressjoni ta’ interess. Meta taħtar sostitut, il-Kummissjoni għandha timmira li tiżgura l-kontinwità tal-għarfien espert, ir-rappreżentanza ġeografika u l-bilanċ bejn il-ġeneri.

Artikolu 5

President u Viċi President

1.   Fil-bidu ta’ kull mandat imsemmi fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha taħtar President u Viċi President minn fost il-membri tal-bord xjentifiku. Għal dak l-għan, il-bord xjentifiku għandu, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jirrakkomanda President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu.

2.   Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jsegwi l-mandat tal-bord xjentifiku msemmi fl-Artikolu 4 għandu jkun jista’ jiġġedded darba. Kwalunkwe sostituzzjoni tal-President jew tal-Viċi President matul il-mandat għandha ssir skont il-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 u għandha tkun valida għall-bqija tal-mandat.

Artikolu 6

Segretarjat

1.   L-Uffiċċju għall-IA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandhom jipprovdu b’mod konġunt is-segretarjat (is-“Segretarjat”) għall-bord xjentifiku.

2.   Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-appoġġ meħtieġ għall-funzjonament effiċjenti tal-bord xjentifiku. Is-Segretarjat għandu b’mod partikolari:

—

jidentifika u jimmaniġġja l-kunflitti ta’ interess potenzjali;

—

jimmonitorja l-konformità mar-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 8 u l-konformità mat-talbiet għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689;

—

jipproċessa talbiet mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq lill-bord xjentifiku għal għarfien espert addizzjonali;

—

jipproċessa talbiet mill-Istati Membri għal appoġġ minn esperti għall-fini tal-infurzar tagħhom tar-Regolament (UE) 2024/1689 fil-livell nazzjonali.

Artikolu 7

Twettiq tal-kompiti u tħejjija tad-dokumenti

1.   Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-President, għandha taħtar membri tal-bord xjentifiku għat-twettiq tal-kompiti tal-bord abbażi tal-għarfien espert, id-disponibbiltà u fatturi oħrajn rilevanti għat-twettiq effiċjenti tal-kompitu inkwistjoni, inklużi l-kunflitti ta’ interess possibbli u t-tħassib dwar is-sigurtà. Il-Membri tal-bord xjentifiku għandhom jiġu kkonsultati qabel il-ħatra potenzjali tagħhom u għandu jkollhom il-possibbiltà li jesprimu interess fil-ħatra.

2.   Għal kull kompitu skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-President, tista’ taħtar relatur u żewġ kontributuri. Il-membri tal-bord xjentifiku jistgħu fi kwalunkwe ħin jiddeċiedu li jħejju allerti kwalifikati skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2024/1689 jew kompiti oħra tal-bord xjentifiku fuq inizjattiva tagħhom stess.

3.   Meta espert ma jkunx għadu jista’ jwettaq il-kompitu allokat lilu b’mod effettiv, l-espert għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, li għandha taħtar membru ieħor tal-bord xjentifiku f’konsultazzjoni mal-President skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.   Meta l-Kummissjoni taħtar espert mill-bord xjentifiku biex iwettaq evalwazzjonijiet f’ismu skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (UE) 2024/1689, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk tali ħatra tistax taffettwa l-kapaċità tal-espert li jwettaq kompitu attwalment assenjat fil-bord xjentifiku b’mod indipendenti, imparzjali u oġġettiv. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li tali ħatra tista’ taffettwa b’mod negattiv tali kapaċità, l-espert għandu jiġi eżentat mill-kompitu attwalment assenjat ikkonċernat, li għandu jiġi allokat lil membru ieħor tal-bord xjentifiku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

5.   Il-bord xjentifiku jista’ jwettaq seduti ta’ smigħ tematiċi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġbor evidenza għat-tħejjija tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 68(3) u 90 tar-Regolament (UE) 2024/1689. Għal dak l-għan, jekk mill-inqas tliet membri tal-bord jitolbu dan, il-President jista’ jitlob lis-Segretarjat jorganizza tali seduti ta’ smigħ. Il-parteċipazzjoni u l-konklużjonijiet ta’ tali seduti ta’ smigħ għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Regoli ta’ Proċedura

1.   Fuq proposta mis-Segretarjat u bi qbil miegħu, il-bord xjentifiku għandu jadotta regoli ta’ proċedura b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.

2.   Ir-regoli ta’ proċedura għall-bord xjentifiku għandhom jipprovdu, fost oħrajn, għal:

(a)

proċeduri għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku kif imsemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689;

(b)

regoli li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 13 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

regoli relatati mal-votazzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ silenzju.

3.   Il-bord xjentifiku għandu, bi qbil mas-Segretarjat, jirrevedi r-regoli ta’ proċedura mill-inqas kull sentejn fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-funzjonament effettiv tal-bord xjentifiku u, fejn meħtieġ, jaġġornahom.

4.   Ir-regoli ta’ proċedura għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq sit web iddedikat tal-Kummissjoni.

Artikolu 9

Remunerazzjoni

1.   L-esperti għandhom jitħallsu jekk ikunu nħatru bħala relatur jew kontributur għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni, meta tali kompiti jkunu ntalbu mill-Uffiċċju għall-IA skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689.

2.   L-ispejjeż tal-ivjaġġar u, fejn is-Segretarjat iqis xieraq, ta’ sussistenza tal-esperti b’rabta mal-attivitajiet tal-bord xjentifiku għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 10

Indipendenza, imparzjalità u oġġettività

1.   L-esperti għandhom jinħatru jew jiġu assenjati fil-kapaċità personali tagħhom. Dawn ma għandhomx jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil xi persuna oħra.

2.   L-esperti għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ sistemi tal-IA jew mudelli tal-IA bi skop ġenerali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/1689, u huwa meħtieġ li l-espert la għandu jkun impjegat u lanqas f’relazzjoni kuntrattwali ma’ tali fornitur matul il-mandat kollu msemmi fl-Artikolu 4, għaliex jistgħu jaffettwaw l-indipendenza, l-imparzjalità u l-oġġettività tagħhom.

3.   Huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ interess li tindika kwalunkwe interess li jista’ jikkomprometti jew li jista’ raġonevolment jitqies li jikkomprometti l-indipendenza, l-imparzjalità u l-oġġettività tagħhom, inkluża kwalunkwe ċirkostanza rilevanti relatata mal-membri tal-qraba tagħhom. Għandu jiġi pprovdut mudell għal tali dikjarazzjoni ta’ interess bħala Anness għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess u d-dikjarazzjoni ta’ interess għandha tiġi ppreżentata bħala parti mill-applikazzjoni.

4.   L-esperti għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjonijiet ta’ interess tagħhom:

—

qabel il-ħatra fil-bord xjentifiku jew qabel ma jiddaħħlu fil-lista ta’ riżerva;

—

kull meta sseħħ bidla fiċ-ċirkostanzi.

5.   Meta l-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jieħu l-miżuri xierqa kollha, inkluż it-tkeċċija tal-espert mill-bord.

Artikolu 11

Impenn

1.   L-esperti għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku u josservaw il-prinċipji elenkati fl-Artikoli 10 sa 13. Għal dak l-għan, huma għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ impenn.

2.   L-esperti għandhom iwieġbu għal talbiet u komunikazzjonijiet oħrajn mill-President u mis-Segretarjat. Huma għandhom jiddedikaw l-isforz meħtieġ biex iwettqu l-kompiti assenjati bl-aħjar mod li jistgħu u fl-iskedi ta’ żmien kif deskritt fir-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 12

Trasparenza

L-attivitajiet tal-bord xjentifiku għandhom jitwettqu b’mod trasparenti. Is-Segretarjat għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta tal-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed:

—

l-ismijiet tal-esperti maħtura fil-bord xjentifiku;

—

il-curriculum vitae u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi, il-kunfidenzjalità u l-impenn tal-esperti maħtura fil-bord xjentifiku;

—

ir-regoli ta’ proċedura tal-bord xjentifiku msemmi fl-Artikolu 8;

—

opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet ipprovduti fit-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, ħlief meta dan ikun jinvolvi d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali jew interessi strateġiċi tal-Unjoni;

—

il-parteċipazzjoni u l-konklużjonijiet għas-seduti ta’ smigħ tematiċi msemmija fl-Artikolu 7(4).

Artikolu 13

Kunfidenzjalità

1.   L-esperti ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali li jkunu kisbu bħala parti mill-ħidma tagħhom fil-bord xjentifiku jew bħala riżultat ta’ attivitajiet oħra rregolati minn dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, huma għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità.

2.   L-esperti għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-esperti għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (3) u (UE, Euratom) 2015/444 (4).

4.   Meta l-obbligi msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha, inkluż it-tkeċċija tal-espert mill-bord xjentifiku.

KAPITOLU III

APPOĠĠ GĦALL-AWTORITAJIET TAS-SORVELJANZA TAS-SUQ

Artikolu 14

Talbiet għal appoġġ mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq

1.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jipprevedi mezzi prattiċi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jitolbu assistenza mill-bord xjentifiku għall-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2024/1689.

2.   Kwalunkwe talba għal appoġġ mill-bord xjentifiku għandha tiddikjara b’mod ċar l-għan tal-assistenza mitluba u għandha ssir biss fir-rigward tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2024/1689, u tissostanzja l-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-talba għall-assistenza tal-bord xjentifiku.

3.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-talba għal appoġġ, filwaqt li jqis il-kapaċità disponibbli tal-bord xjentifiku u l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-esperti għall-Istati Membri kollha.

4.   Meta l-Uffiċċju għall-IA, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jikkonkludi li t-talba hija meħtieġa u proporzjonata, il-Kummissjoni għandha taħtar relatur u żewġ kontributuri għall-kompitu f’konformità mal-Artikolu 7.

5.   Meta l-Uffiċċju għall-IA jaċċerta li l-appoġġ mitlub ma jkunx meħtieġ u proporzjonat, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq rikjedenti, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut.

6.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jipproċessa t-talba fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi t-talba sħiħa. Fi kwalunkwe mument qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jitlob lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq rikjedenti tipprovdi informazzjoni addizzjonali biex tissostanzja t-talba. F’dan il-każ, it-talba ma għandhiex titqies kompluta qabel ma tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali.

KAPITOLU IV

TALBIET GĦALL-ASSISTENZA

Artikolu 15

Talba għall-assistenza tal-Uffiċċju għall-IA

1.   Meta, f’konformità mal-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, il-bord xjentifiku jitlob lill-Kummissjoni toħroġ talba għal dokumentazzjoni jew informazzjoni lil fornitur ta’ mudelli tal-IA bi skop ġenerali u tagħti aċċess għall-informazzjoni riċevuta sa fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat għat-twettiq ta’ kompitu msemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689 (“talba għall-assistenza”), għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

2.   Tista’ tinħareġ talba għall-assistenza lill-Uffiċċju għall-IA mill-membru tal-bord xjentifiku li jkun inħatar mis-Segretarjat bħala relatur għal kompitu tal-bord xjentifiku. Tali talba għandha ssir biss meta mill-inqas terz tal-membri tal-bord xjentifiku jkunu awtorizzaw lir-relatur biex jagħmel dan.

3.   It-talba għall-assistenza għandha tiddikjara b’mod ċar l-isem tar-relatur u tal-kontributuri rikjedenti u l-iskop tal-assistenza mitluba u għandha ssir biss għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689. Sabiex turi l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali talba, kif meħtieġ mill-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, it-talba għandha tissostanzja:

(a)

li rifjut li tingħata l-assistenza mitluba jipprevjeni lir-relatur rikjedenti milli jwettaq il-kompitu tiegħu msemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689;

(b)

li l-ammont, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-granularità u t-tip ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni mitluba ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb it-twettiq tal-kompitu.

Artikolu 16

Ipproċessar tat-talba għall-assistenza

1.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jivvaluta jekk il-ħruġ ta’ talba għal dokumentazzjoni jew informazzjoni lil fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali huwiex meħtieġ u proporzjonat għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

2.   Meta l-Uffiċċju għall-IA, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jikkonkludi li talba għall-assistenza tkun meħtieġa u proporzjonata, dan jista’ jħejji deċiżjoni biex il-Kummissjoni toħroġ talba għal dokumentazzjoni jew informazzjoni lil fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2024/1689 u jagħti lill-bord aċċess għad-dokumentazzjoni jew għall-informazzjoni riċevuta.

3.   Meta l-Uffiċċju għall-IA jaċċerta li l-assistenza mitluba ma tkunx meħtieġa u proporzjonata, huwa għandu jinnotifika lill-bord xjentifiku, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut.

4.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jirrapporta regolarment lill-Bord dwar it-talbiet riċevuti u d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ dawk it-talbiet.

5.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jipproċessa t-talba fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi t-talba kompluta. Fi kwalunkwe mument qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jitlob lill-membru rikjedenti tal-bord xjentifiku jipprovdi informazzjoni addizzjonali biex jissostanzja t-talba. F’dan il-każ, it-talba ma għandhiex titqies kompluta qabel ma tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 17

Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ aċċess għad-dokumentazzjoni jew għall-informazzjoni riċevuta

1.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jipprovdi mezzi siguri li permezz tagħhom ikun jista’ jagħmel disponibbli d-dokumentazzjoni jew l-informazzjoni riċevuta, li l-Kummissjoni tkun talbet wara talba għall-assistenza, lir-relatur rikjedenti tal-bord xjentifiku.

2.   L-aċċess għall-informazzjoni mitluba għandu jkun ristrett għar-relatur u l-kontributuri maħtura u għandu jkun limitat fiż-żmien, bil-possibbiltà ta’ estensjoni fuq talba debitament ġustifikata.

3.   Qabel ma jagħti aċċess għad-dokumentazzjoni jew għall-informazzjoni riċevuta, l-Uffiċċju għall-IA għandu jirrikjedi li r-relatur jissottometti:

(a)

awtodikjarazzjoni biex l-informazzjoni tintuża biss għall-finijiet iddikjarati msemmija fl-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

deskrizzjoni tal-modalitajiet u s-salvagwardji biex jiġi żgurat it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni riċevuta.

4.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jkun jista’ jirrifjuta l-aċċess għad-data mitluba, meta abbażi tal-informazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 3, ikollu raġunijiet biex jassumi li hemm riskji raġonevolment prevedibbli relatati mas-sigurtà jew il-kunfidenzjalità tad-data.

KAPITOLU V

ĦRUĠ TA’ ALLERTI KWALIFIKATI

Artikolu 18

Proċedura għall-ħruġ ta’ allerti kwalifikati

1.   Għandha tkun meħtieġa deċiżjoni minn mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tal-bord xjentifiku biex jinħareġ allert kwalifikat lill-Uffiċċju għall-IA skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689. Il-bord xjentifiku jista’ jintroduċi proċeduri aktar speċifiċi fir-regoli ta’ proċedura tiegħu msemmija fl-Artikolu 8.

2.   Allerti kwalifikati għandhom ikunu debitament motivati u jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 90(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689.

3.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jipprovdi interfaċċa ddedikata għat-trażmissjoni sigura ta’ allerti kwalifikati. Din l-interfaċċa għandu jkun fiha mill-inqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a)

li jintbagħtu allerti kwalifikati skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689;

(b)

l-irtirar ta’ allerti kwalifikati, il-korrezzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’allerti kwalifikati, u l-modifika ta’ allerti kwalifikati;

(c)

l-għeluq ta’ allerti kwalifikati.

Artikolu 19

Trattament ta’ allerti kwalifikati

1.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jevalwa l-allerti kwalifikati maħruġa skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689 u jieħu deċiżjoni dwar jekk għandux iniedi xi miżura kif previst fl-Artikoli 91 sa 93 ta’ dak ir-Regolament. Meta l-Uffiċċju għall-IA jiddeċiedi li ma jniedi l-ebda miżura kif previst fl-Artikoli 91 sa 93, huwa għandu jagħlaq l-allert kwalifikat.

2.   L-Uffiċċju għall-IA għandu jipproċessa l-allert kwalifikat fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi allert kwalifikat komplut. Fi kwalunkwe mument qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jitlob lill-membru rikjedenti tal-bord xjentifiku jipprovdi informazzjoni addizzjonali biex jissostanzja t-talba. F’dan il-każ, l-allert kwalifikat ma għandux jitqies komplut qabel ma tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali.

3.   Qabel ma jniedi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għall-IA għandu jinforma lill-Bord f’konformità mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) 2024/1689.

4.   Meta l-Uffiċċju għall-IA jiddeċiedi li jniedi miżura skont l-Artikoli 91 sa 93 tar-Regolament (UE) 2024/1689, is-Segretarjat, f’konsultazzjoni mal-President tal-bord xjentifiku għandu jaħtar relatur u żewġ kontributuri responsabbli biex jagħtu pariri lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-miżuri.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat- 13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/454/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)